EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE0534

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” COM(2012) 673 final, dwar ir- “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) — Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara” COM(2012) 670 final, dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet” COM(2012) 672 final

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 93–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa”

COM(2012) 673 final,

dwar ir-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) — Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara”

COM(2012) 670 final,

dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet”

COM(2012) 672 final

2013/C 327/16

Relatur: is-Sur CINGAL

Korelatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar il-11 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa

COM(2012) 673 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 vot favur, 101 vot kontra u 17-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal dik li hi, però jqis li d-dokument ma jipproponix biżżejjed azzjonijiet proattivi biex jiġu solvuti d-diversi problemi identifikati.

1.2

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li:

tiġi demokratizzata l-ġestjoni tal-ilma, jiġifieri li l-konsumaturi jingħataw il-post dovut lilhom fil-korpi għall-ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar;

jiġi stabbilit spettorat Ewropew tal-ilma għat-trattament ġust tar-reġjuni kollha;

jiġu kkunsidrati b'mod assolut is-sustanzi ta’ tħassib (kimiki, nanoelementi, eċċ.).

1.3

Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni biex tinkorpora l-objettivi relatati mal-ilma f’politiki ewlenin oħra bħall-PAK, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fondi Strutturali u l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli. Fl-istess ħin, jinnota li għad hemm ħafna aktar xi jsir biex tinkiseb koerenza ġenwina bejn il-politiki u biex jitneħħew l-inċentivi għall-estrazzjoni eċċessiva tal-ilma, għall-ħsara morfoloġika u għat-tniġġis tal-ilma.

1.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kwistjoni tas-sostenibbiltà tar-riżorsi. Filwaqt li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (1) tistabbilixxi l-obbligu li ma ssirx ħsara lir-riżorsi tal-ilma, ġie nnutat li l-UE qed tippermetti l-iżvilupp ta’ proġetti biex tiggarantixxi l-provvista tal-enerġija. Issa hemm ir-riskju li l-problema li qabel kienet marġinali ssir rikorrenti minħabba l-proġetti għall-estrazzjoni tal-gass tax-shale. Il-KESE jqis li r-riżorsi tal-ilma huma ta’ importanza fundamentali.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod rigoruż l-Artikolu 9 (il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma sabiex l-ilma jkun fi stat tajjeb.

1.6

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiċċara xi trid tfisser bi “stress tal-ilma”. Jekk inżommu mad-definizzjoni klassika – li d-domanda għall-ilma tiżboq ir-riżorsi disponibbli – sikwit inkunu qed nirriskjaw li naġixxu tard wisq (mortalità tal-foresti, eċċ.). Għaldaqstant, jeħtieġ li, apparti li jiġu definiti l-flussi ekoloġiċi minimi, jiġu definiti wkoll il-livelli ta’ twissija li jwasslu biex tittieħed azzjoni preventiva qabel ma’ dawn il-limiti minimi jintlaħqu biex tiġi evitata sitwazzjoni kritika.

1.7

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex permezz tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni (FEŻR, FSE, il-Kooperazzjoni territorjali Ewropea, eċċ.) tħeġġeġ:

lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw faċilitajiet ta’ trattament terzjarji fl-impjanti tat-trattament tal-ilma;

lill-atturi ekonomiċi biex jieħdu aktar interess fir-reżiljenza tal-proprjetà tagħhom għat-tibdil fil-klima billi jippromovu mekkaniżmi naturali (ħamrija, veġetazzjoni, eċċ.) għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma pereżempju billi jużaw l-idnikatur tal-kwalità tal-ħamrija C/N (Karbonju/Nitroġenu),

l-aqwa inizjattivi (Pjan ta’ Azzjoni LIFE, eċċ.).

1.8

Il-KESE jisiteden lill-Kummissjoni biex tippubblika l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli. Fid-dawl tal-progress li sar, pereżempju fl-industrija tal-karti, l-għan li jingħalaq iċ-ċiklu tal-ilma m’għadux jidher bħala wieħed mhux realistiku. Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġu stabbiliti standards u regolamentazzjoni għat-tnaqqis tan-nixxijia min-netwerks.

1.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strument leġislattiv li jżid l-enfasi b’mod gradwali fuq l-effikaċja tal-ġestjoni tal-ilma: il-kejl tal-fluss tal-ilma, it-trasport, it-trattament, eċċ. Ma nistgħux nikkonċentraw biss fuq l-użu domestiku u lanqas nistgħu nikkuntentaw b’approċċi volontarji. Il-ġestjoni integrata tikkonċerna l-baċini tax-xmajjar kollha.

1.10

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex twessa’ l-lista ta’ sustanzi li jniġġsu (nanoelementi, molekuli kimiċi karċinoġeniċi, mutaġeni u reprotossiċi) li m’għandhomx jinstabu fl-ilma tal-wiċċ jew fil-water table sabiex tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini (2) u, pereżempju, isiru rakkomandazzjonijiet għall-użu mill-ġdid tal-ilma trattat. Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-Rapport Nru 1/2013 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar “Late lessons from early warnings II” (Tagħlimiet li jinsiltu tard mit-twissijiet bikrija II) (3).

1.11

Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-trasferimenti li jiġu kkumpensati b'mod finanzjarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun kemm jista’ jkun kawta. Kull proġett għandu jiġi ppubblikat b’mod obbligatorju (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) u jkun soġġett għal dibattiti miftuħa. Il-KESE jinnota li sistema ta’ trasferimenti ma tkunx ġusta u tista’ tkun detrimentali għall-aktar popolazzjonijiet żvantaġġati, irrispettivament minn jekk jiġux ikkumpensati b'mod finanzjarju jew le.

2.   Kuntest

2.1

Fl-2000, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma stabbilixxiet bażi legali biex jiġi protett u jitnaddaf l-ilma madwar l-Ewropa, kif ukoll biex tiżgura l-użu sostenibbli u fit-tul tiegħu. L-għan ġenerali tad-Direttiva huwa li l-ilmijiet kollha tal-UE – l-għadajjar, ix-xmajjar, in-nixxigħat u l-water table – ikunu fi stat tajjeb sal-2015.

2.2

Il-Kummissjoni nnotat li ħafna drabi l-awtoritajiet ma rnexxilhomx jagħqdu l-għan tal-effikaċja ma’ dak tal-ekwità (għalhekk ikun loġiku li jiġi applikat il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, bit-tneħħija tas-sussidji kontroproduttivi jew ta' ħsara) sabiex jinstab bilanċ bejn id-dħul u n-nefqa tal-investiment.

2.3

Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-“Pakkett Blueprint” magħmul minn tliet partijiet:

Komunikazzjoni dwar il-Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa;

rapport dwar ir-reviżjoni tal-politika Ewropea dwar l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet;

rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

2.3.1

Minħabba n-natura vitali tar-riżorsa, il-ġestjoni tagħha hija kwistjoni li tolqot liċ-ċittadini tal-UE u għalhekk, anke għall-isfidi fir-rigward tal-għarfien neċessarju. Is-sommarji eżekuttivi tal-valutazzjonijiet tekniċi u l-valutazzjonijiet tal-impatt huma importanti biżżejjed biex jitqassmu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u b'hekk ikunu aċċessibbli fil-ligwi differenti tal-UE.

2.3.2

Il-proposti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq diversi studji, b’mod partikolari dawk tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent:

Towards efficient use of water ressources in Europe, Report n 1/2012, 68 pages

European waters – assessment of status and pressures, Report n 8/2012, 96 pages

European waters – current status and future challenges, synthesis, 51 pages

Water resources in Europe in the context of vulnerability, Report n 11/2012, 92 pages

2.3.3

L-eżami tal-politika Ewropewa dwar l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet għandha tkun milqugħa, fid-dawl tad-domanda li qed tiżdied filwaqt li r-riżorsa mhix qed tiżdied, u kif ġie nnotat f'diversi rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti, it-tendenza tan-nixfiet qed timxi lejn it-tramuntana.

2.4

Il-Blueprint dwar l-ilma jipproponi approċċ maqsum fi tliet partijiet, appoġġjati minn 25 stadju:

it-titjib tal-implimentazzjoni tal-politika tal-ilma attwali tal-UE billi jintużaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mill-liġijiet fis-seħħ;

titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-politika tal-ilma fl-oqsma l-oħra ta’ azzjoni kkonċernati bħall-agrikoltura, is-sajd, l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport kif ukoll il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali;

jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-qafas eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-istrumenti meħtieġa għal użu aktar razzjonali tal-ilma.

2.5

L-iskeda tal-Blueprint dwar l-ilma hija marbuta mill-qrib ma’ dik tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-UE u b’mod partikolari ma’ dik tal-Pjan Direzzjonali dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, li t-taqsima ddedikata għall-ilma hija magħmula mill-Blueprint.

2.6

Fit-22 ta’ Settembru 2010, il-KESE ppubblika rapport ta’ informazzjoni adottat mis-Sezzjoni REX tiegħu dwar "Xogħol deċenti u żvilupp sostenibbli madwar il-Mediterran, b’mod partikolari fis-setturi tal-ilma ħelu, tal-ilma baħar u tas-sanitazzjoni". Dan ir-rapport ġie ppreżentat fis-Summit tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali tar-Reġjun Ewro-Mediterranju f’Novembru 2010 u elenka l-problemi marbutin mal-iskarsezza tal-ilma madwar il-Mediterran, il-konsegwenzi soċjali tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-proġetti relatati. Fil-15 ta’ Ġunju 2011, il-KESE adotta l-Opinjoni esploratorja dwar: "L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politiki Ewropej l-oħra"  (4). b’rispons għat-talba tal-Presidenza Ungeriża. Fit-23 ta’ Mejju 2012, adotta Opinjoni dwar "sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma"  (5). Fit-13 ta’ Diċembru 2012, adotta Opinjoni dwar "Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma"  (6). Ara wkoll l-Opinjonijiet "L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politika Ewropej l-oħra"  (7) et "Is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE"  (8).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma hija l-istrument it-tajjeb għat-titjib tal-istatus ekoloġiku tal-ilmijiet fl-Ewropa. Madankollu, dan il-għan jista’ biss jinkiseb jekk il-bażijiet tad-data jiġu ġestiti minn organizzazzjonijiet indipendenti u l-implimentazzjoni tad-Direttiva tiġi msaħħa b'mod riġoruż. 47 % tal-ilmijiet kollha tal-UE biss ser ikunu kisbu status tajjeb sal-2015 għad li l-Blueprint jevalwa l-progress li sar fil-ġestjoni tal-ilma u jressaq xi proposti li għandhom jiġu implimentati sal-2020.

3.2

Xi Stati Membri damu biex jimplimentaw l-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas mindu ġiet adottata fl-2000, ħaġa li qed ixxekkel l-isforzi biex jintlaħaq stat tajjeb tal-ilma. Il-KESE jqis li dawk involuti fil-ġestjoni tal-ilma għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas f’kull ħin u f’kull post huma u jistabbilixxu l-prezz tal-ilma u t-tariffi tas-servizzi sanitarji u jirrakkomanda li l-Blueprint japplika kemm għar-reġjuni b’nuqqas ta’ ilma kif ukoll għar-reġjuni b’ilma żejjed.

3.2.1

Il-KESE jiddispjaċih li l-Istati Membri qed idumu biex jimplimentaw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u qed iċaħħdu liċ-ċittadini mill-aċċess għal ilma ta’ kwalità aħjar. Barra minn hekk, nappoġġjaw bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex timponi li l-Istati Membri kollha jirrispettaw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

3.3

Madankollu, il-KESE jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni ma tipproponi l-ebda miżura innovattiva għat-titjib tal-effikaċja tal-ġestjoni tal-ilma. Sal-2030, id-domanda hija mistennija tisboq il-provvista b’40 %, li jfisser li n-nuqqasijiet f’termini ta’ riżorsi ser jolqtu lill-maġġoranza tal-Istati Membri. L-approċċ tal-Kummissjoni huwa riskjuż ħafna peress li huwa bbażat biss fuq strumenti eżistenti u ma jipproponi l-ebda politika ta’ ġestjoni lilhinn mid-direttiva dwar l-ekodisinn, skont il-prodott biex jiġu sodisfati d-domandi tad-djar, tal-industriji (inklużi l-karrieri) u tal-bdiewa. F’dawn il-kundizzjonijiet hemm riskju ta’ nixfa jew ta’ tniġġis ta’ numru dejjem akbar ta’ nixxigħat tal-ilma. Il-KESE jinsab imħasseb li ċ-ċittadini qed ikomplu jħallsu biex jiġu sussidjati sistemi ta’ produzzjoni li ma jidħlux fil-perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli. Il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma hija biss referenza ġenerali; jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li fihom għandha tapplika għall-baċini tax-xmajjar kollha.

3.4

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-miżuri intiżi għall-preservazzjoni tal-ekosistemi u jappoġġja l-isforzi għall-preservazzjoni tal-akwiferi naturali. Dawn l-isforzi huma ta’ benefiċċju mil-lat tar-reżiljenza tal-ispeċi u tal-ekosistemi għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari jekk jiġu akkumpanjati minn miżuri adegwati fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni u l-politika ta’ żvilupp rurali. Sfortunatament, il-Kummissjoni ma enfasizzatx biżżejjed ir-rabta bejn l-ilma u l-klima. Għandhom jiġu definiti miżuri biex jiġi żgurat li l-ilmiet meteoriċi jinżammu fil-ħamrija u jipperkolaw fl-ilma ta' taħt l-art.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-kwistjoni tal-ilma hija fundamentali għax l-ilma huwa essenzjali għall-bniedem u għall-ekosistemi naturali, u jagħmel parti wkoll mill-wirt komuni tal-bnedmin kollha.

4.2

Il-politika tal-ilma u tal-faċilitajiet sanitarji għandha tidħol f’approċċ ta’ żvilupp sostenibbli li jippermetti li din ir-riżorsa tindirizza l-bżonnijiet attwali tal-popolazzjoni u tiġi ppreservata biex jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Ħafna individwi m’għandhomx aċċess għal din ir-riżorsa vitali, kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja. L-idea tan-Nazzjonijiet Uniti li tirrikonoxxi li l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb fi kwantità suffiċjenti u għal faċilitajiet sanitarji huwa dritt universali ser tippermetti lil iktar minn miljun persuna fl-Ewropa li m'għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għas-saħħa, nadif u bi prezz affordabbli u għal ħafna miljuni ta' ċittadini li m'għandhom l-ebda faċilità sanitarja biex ikollhom dritt fundamentali (9).

4.3

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi leġislazzjoni li tistabbilixxi l-aċċess għall-ilma u għal faċilitajiet sanitarji bħala dritt tal-bniedem kif stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti u biex tippromovi l-provvista tal-ilma u l-faċilitajiet sanitarji bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd. Il-liġi Ewropea għandha titlob lill-gvernijiet jiggarantixxu u jipprovdu lill-popolazzjoni b’biżżejjed ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet sanitarji. Il-KESE jirrakkomanda li:

l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jkunu mitluba jiżguraw li r-residenti kollha jgawdu mid-dritt għall-ilma u l-faċilitajiet sanitarji;

il-provvista tal-ilma u l-ġestjoni tar-riżorsi idriċi ma jkunux soġġetti għal-limiti tar-“regoli tas-suq intern” u li s-servizzi tal-ilma jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni u mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-konċessjonijiet (10);

l-UE żżid l-isforzi tagħha biex jinkiseb aċċess universali għall-ilma u l-faċilitajiet sanitarji.

4.4

L-aċċess għall-ilma huwa dritt fundamentali li huwa marbut mill-qrib mal-provvediment ta’ servizzi relatati mal-ilma kif ukoll mal-mod kif jiġi pprezzat l-ilma. F’dan ir-rigward, il-KESE jieħu nota tal-investigazzjoni dwar is-suq tal-ilma fi Franza li tnediet mill-Kummissjoni f’Jannar 2012. Tliet gruppi multinazzjonali fis-suq dinji tal-ilma huma gruppi Franċiżi. Il-Kumitat jappoġġja l-importanza ta’ din il-proċedura formali ta’ antitrust u abbuż minn pożizzjoni dominati, li hija segwitu għall-investigazzjonijiet li saru fir-Rebbiegħa 2010 fir-rigward ta’ dawn it-tliet intrapriżi. Din il-proċedura għandha tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk dawn it-tliet intrapriżi “bi ftehim mal-Fédération professionnelle des entreprises de l'eau ((FP2E) – il-federazzjoni professjonali tal-intrapriżi fil-qasam tal-ilma)” ikkoordinawx l-aġir tagħhom fis-swieq Franċiżi tal-ilma u tal-ilma trattat, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust u jekk dawn l-intrapriżi qablux dwar xi elementi tal-prezz iffatturat lill-konsumatur finali. Il-KESE jixtieq ikun jaf kif sejra din l-investigazzjoni u jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tar-riżultati tagħha.

4.5

It-trasferimenti minn korp ta' ilma għal ieħor jinvolvu investiment konsiderevoli u jistgħu joħolqu riskji ambjentali konsiderevoli; huma ma jħeġġux użu għaqli tar-riżorsi; u jżidu l-inugwaljanzi peress li huma l-atturi ekonomiċi l-aktar għonja li jistgħu jħallsu għall-aktar riżorsa skarsa.

4.6

Il-Komunikazzjoni sempliċement tissuġġerixxi li jintużaw l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli biex jitnaqqsu n-nixxija min-netwerks. Din il-problema għandha tiġi trattata billi jiġu stabbiliti standards u tittejjeb ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-baċin idrografiku. L-istabbiliment ta’ standards huwa utli għat-titjib tas-servizzi u l-produttività. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra pjan ta' tnaqqis tan-nixxija.

4.7

Meta promotur ta’ proġett ikun qed jippjana proġett ta’ infrastruttura li jibdel il-kundizzjonijiet f'korp ta' ilma għandu jirrispetta b’mod obbligatorju l-objettivi ta’ preservazzjoni tal-bijodiversità. Il-KESE jfakkar li bosta siti Ramsar ġew issagrifikati għall-irrigazzjoni. Il-KESE jefasizza li l-Blueprint ma jikkunsidrax it-tiswija tal-ħsara li diġà saret u li l-proposti mhumiex adegwati peress jirreferu biss għall-kwistjoni tal-passaġġi għall-ħut u liftijiet għall-ħut. Jiddispjaċina li l-Blueprint ma jispeċifikax li hemm bżonn assolut li jiġu protetti l-punti minn fejn jibdew il-baċini tax-xmajjar u l-korpi żgħar tal-ilma (għadajjar, vaski, turbieri, eċċ.).

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1–73.

(2)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 116-118.

(3)  http://www.eea.europa.eu/pressroom/newsreleases/the-cost-of-ignoring-the

(4)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 43-48.

(5)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 116-118.

(6)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 147-152.

(7)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 29-33.

(8)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77-81.

(9)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 147-152.

(10)  ĠU C 191, 29.6.2012, pp. 84-96.


APPENDIĊ I

għall-Opinjoni tal-Kumitat

Il-kontropinjoni li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti:

Ibdel it-test kollu tal-Opinjoni bit-test ġdid li ġej:

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ilma huwa fundamentali għal ħajjet il-bniedem, in-natura u l-ekonomija. Huwa jiġġedded b'mod permanenti iżda mhuwiex mingħajr limiti u ma jistax isir minn jew jissostitwixxi riżorsi oħra.

1.2

F'dawn l-aħħar deċennji, inkiseb suċċess konsiderevoli f'dak li jirrigwarda t-tnaqqis fl-iskariku ta' sustanzi li jniġġsu fl-ilmijiet tal-Ewropa, li wassal biex il-kwalità tal-ilma tjiebet. Madankollu, l-informazzjoni tindika li iżjed minn nofs l-ilmijiet tas-superfiċje fl-Ewropa ma għandhomx status jew potenzjal ekoloġiku tajjeb, u ser jeħtieġu riżorsi addizzjonali biex jilħqu l-għan tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

1.3

Il-Blueprint jirrikonoxxi li l-ambjenti akkwatiċi tal-UE jvarjaw ħafna bejniethom u, għalhekk, ma jipproponix soluzzjoni waħda għalihom ilkoll, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

1.4

Il-Kumitat japprezza ferm l-ammont u l-kwalità tal-ħidma li twettqet fil-fażi preparatorja tal-Blueprint għall-Ilma. Dan id-dokument huwa bbażat fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-esperjenzi rigward kwistjonijiet tal-ilma mill-Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar, kif ukoll fuq l-informazzjoni minn studji ta' esperti.

1.5

Ġew indirizzati b'mod adegwat l-erba' prinċipji funamentali tal-leġislazzjoni ambjentali sabiex jiġu ttrattati l-bosta problemi u jiġi appoġġjat il-prinċipju umanitarju tal-aċċess għal ilma tax-xorb sigur u għal servizzi bażiċi tas-sanitazzjoni fil-livell dinji.

1.6

Il-KESE japprezza ferm il-kunċett tal-baċini tax-xmajjar bħala s-sisien tal-politika tal-ilma tal-UE, li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jiġu solvuti l-problemi prinċipali bl-iżjed mod effettiv.

1.7

Għalkemm il-KESE huwa tal-fehma li l-Blueprint u d-dokumenti kollha ta' sfond tfasslu b'mod eċċezzjonalment tajjeb, hemm bżonn li tingħata attenzjoni ikbar lill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati.

1.8

Fl-implimentazzjoni tal-miżuri regolatorji eżistenti (Parti 1), għandha tingħata attenzjoni lit-tnaqqis tas-sorsi mxerrda tat-tniġġis. L-implimentazzjoni għandha tiġi inċentivizzata b'mod adatt skont il-kundizzjonijiet speċifiċi ta' kull baċin tax-xmara.

1.9

L-użu tal-prinċipju "min iniġġes iħallas" jitlob miżuri u monitoraġġ adatti biex tiġi stabbilita bażi soda għal kwalunkwe azzjoni oħra. Madankollu, rekwiżiti bħal dawn għandhom ikun adattati għall-ħtiġijiet tal-lokalità u għas-severità tal-problemi li għandhom jiġu solvuti.

1.10

Il-Blueprint bir-raġun jitlob li jiġu żviluppati iżjed il-kontijiet tal-ilma mal-Istati Membri u maż-ŻEE. Dawn il-kontijiet jagħmluha possibbli li l-maniġers tal-baċini tax-xmajjar jikkalkulaw kemm jista' jintuża ilma, u kemm għandu jitwarrab biex jinżammu l-funzjonijiet tal-ekosistema (flussi ekoloġiċi).

1.11

L-astrazzjoni illegali hija problema serja f'ċerti reġjuni li għandhom stress tal-ilma. Permezz ta' studji li janalizzaw data marbuta ma' COPERNICUS/GMES, l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw l-astrazzjoni illegali.

1.12

Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li tinħataf din l-opportunità eċċezzjonali u jsir mod li l-aġenda tal-ilma tiġi koordinata mal-PAK, hekk kif il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jistabbilixxu l-aġenda għas-seba' snin li ġejjin. Ma għandniex nitilfu dan iċ-ċans.

1.13

Il-miżuri għall-protezzjoni kontra l-għargħar (suġġett topikali ħafna bħalissa fl-Ewropa Ċentrali) jitolbu l-koordinazzjoni tal-finanzjament, anke tal-fondi strutturali/ta' koeżjoni. Barra minn hekk, xi wħud mill-miżuri ppjanati (bi tweġiba għall-għargħar preċedenti) ma tlestewx minħabba għadd ta' ostakli amministrattivi.

1.14

Il-Kumitat diġà wera l-apprezzament tiegħu dwar is-Sħubijiet għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma u dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli. Irid jiġi enfasizzat li dawn l-inizjattivi jiġu żviluppati minn isfel għal fuq.

1.15

Interventi ta' politika lil hinn mill-qasam tal-ilma ħelu jistgħu jaqdu rwol ukoll fit-tisħiħ tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma. Pereżempju, il-leġislazzjoni dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, l-emissjonijiet industrijali, il-farmaċewtiċi u r-Regolament REACH għandhom jiġu koordinati mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

1.16

Bil-għan li jimtlew il-lakuni fil-qafas eżistenti, l-enfasi – kif għandu jkun – qed tingħata lit-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma, inkluż l-aspett kruċjali li jiżdied il-potenzjal għall-użu mill-ġdid tal-ilma. L-ewwel nett, għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu mill-ġdid tal-ilma tax-xorb sigur bil-għan li jinkisbu r-riżultati mixtieqa u mistennija.

1.17

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jinnota l-aspetti importanti tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-foresti li huma marbutin mill-qrib ma' kwistjonijiet relatati mal-ilma.

1.18

Il-KESE jwissi li ser ikun hemm ostakli biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Blueprint, ostakli. Il-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-Blueprint għandhom ikunu konxji ta' dawn ir-riskji u, ilkoll skont il-livell ta' responsabbiltà tagħhom, għandhom jagħmlu mill-aħjar biex ineħħu kemm jista' jkun minnhom. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta mill-qrib f'dan il-proċess li tant jitlob attenzjoni permezz tal-ksib ta' informazzjoni adegwata, billi teżerċita s-setgħat tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika u billi tadatta l-imġiba tagħha skont l-isfidi fil-qasam tal-ilma.

2.   Informazzjoni ta' sfond – id-dokumenti tal-Kummissjoni

2.1

L-ilma huwa fundamentali għal ħajjet il-bniedem, in-natura u l-ekonomija. Huwa jiġġedded b'mod permanenti iżda mhuwiex mingħajr limiti u ma jistax isir minn jew jissostitwixxi riżorsi oħra. L-ilma ħelu jikkostitwixxi madwar 2 % biss tal-ilma fuq il-pjaneta u l-kompetizzjoni fid-domanda għalih tista’ twassal għal nuqqas globali stmat għal 40 % fil-provvista tal-ilma sal-2030.

2.2

Id-dokumenti mressqa f'dan il-pakkett jikkonsistu f'żewġ rapporti importanti u pjan tal-azzjonijiet prinċipali meħtieġa:

Rapport dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) – Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar

Rapport tar-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfa

Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa

2.3

Barra minn hekk, jeżistu bosta studji li jagħtu xhieda tan-natura diversifikata tal-problemi relatati mal-ilma. Id-dokumenti mressqa jagħmluha ċara li l-kwistjonijiet prinċipali ġew indirizzati fil-Blueprint dwar l-Ilma.

2.4

Għall-finijiet ta' ċarezza u sabiex jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni, ġew żviluppati 26 dokument ta' gwida dwar aspetti differenti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, fi ħdan l-Istrateġija Komuni ta' Implimentazzjoni (CIS) ta' din id-direttiva qafas, fi proċess miftuħ u parteċipattiv li jinvolvi grupp wiesa' ta' partijiet interessati.

2.5

Il-konsultazzjoni pubblika kkunsidrat li s-CIS indirizzat kompletament jew parzjalment il-kwistjonijiet it-tajbin u li l-linji gwida prodotti kienu utli fl-implimentazzjoni prattika tal-politika tal-ilma tal-UE. Madankollu, dwar ċerti kwistjonijiet (eż. l-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, l-iffissar tal-għanijiet) hemm bżonn ta' iżjed ċarezza, u l-linji gwida kienu jkunu iżjed utli kieku ġew prodotti iżjed kmieni fl-iskeda tal-implimentazzjoni.

2.6

Jista jagħti l-każ li l-progress li sar bis-saħħa ta' approċċ ekosistemiku olistiku biex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-ilma għad mhuwiex biżżejjed. Fil-ġejjieni, jista' jkun hemm il-bżonn li jiġu analizzati mill-ġdid id-definizzjonijiet ta' "status tajjeb" sabiex jiġi żgurat li huwa ambizzjuż biżżejjed biex ma jkunx hemm iżjed deterjorazzjoni. Barra minn hekk, issa l-importanza li jiġu protetti s-servizzi ekosistemiċi qed titqies f'livell ħafna iżjed wiesa'.

2.7

Sar kontroll tal-idoneità (fitness check) biex jiġu identifikati l-iżjed problemi importanti li għandhom jiġu indirizzati:

Il-kwalità tal-ilma: L-informazzjoni fl-ewwel RBMP (2009) tindika li iżjed minn nofs l-ilmijiet tas-superfiċje tal-Ewropa ma jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw status ekoloġiku tajjeb. Apparti l-miżuri stabbiliti f'Direttivi iżjed antiki (Nitrati, Ilma Urban Mormi, Emissjonijiet Industrijali), jeħtieġ li jittieħdu miżuri oħra biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Żoni kbar, b'mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, qed jintlaqtu mill-iskarsezza tal-ilma, filwaqt li d-diversi modi kif qed jintuża l-ilma – u li qed jikkompetu kontra xulxin – qed iżidu d-domanda fil-kontinent. F'għadd ta' reġjuni Ewropej, l-iskarsezza tal-ilma tirrappreżenta theddida immedjata u fit-tul għall-ekosistemi u għall-provvista tal-ilma għall-agrikoltura, l-industrija u l-utenti domestiċi.

Il-frekwenza u l-intensità tal-għargħar u n-nixfa u l-ħsara ambjentali u ekonomika tagħhom jidher li żdiedu tul dawn l-aħħar tletin sena. Dan jista’ jkun attribwit kemm għal tibdil fil-klima kif ukoll għal pressjonijiet antropoġeniċi oħrajn (eż. il-bidliet fl-użu tal-art). Mill-1998 'l hawn, l-għargħar fl-Ewropa kienu l-kaġun ta' madwar 700 fatalità, tilfu djarhom madwar nofs miljun ruħ u kien hemm spiża ekonomika (assigurata) ta' mill-inqas EUR 25 biljun.

Pressjonijiet sinifikanti oħra fuq l-ilmijiet tal-UE irriżultaw mill-iskariku ta’ sustanzi li jniġġsu, l-alterazzjonijiet idromorfoloġiċi u l-astrazzjoni tal-ilma, li jseħħu l-aktar minħabba t-tkabbir demografiku, l-użu tal-art u l-attività ekonomika.

2.8

F'dawn l-aħħar deċennji, inkiseb suċċess konsiderevoli f'dak li jirrigwarda t-tnaqqis fl-iskariku ta' sustanzi li jniġġsu fl-ilmijiet tal-Ewropa, li wassal biex il-kwalità tal-ilma tjiebet. Madankollu, l-informazzjoni indikata fl-ewwel RBMP tindika li iżjed minn nofs l-ilmijiet tas-superfiċje fl-Ewropa ma għandhomx status jew potenzjal ekoloġiku tajjeb, u ser jeħtieġu riżorsi addizzjonali biex jilħqu l-għan tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Il-pressjonijiet li ġew rappurtati li jolqtu lill-biċċa l-kbira tal-ilmijiet tas-superfiċje huma t-tniġġis minn sorsi mxerrda li jikkawżaw nutrijenti iżjed rikki u pressjonijiet idromorfoloġiċi li jibdlu l-ħabitats.

2.9

Il-Blueprint jirrikonoxxi li l-ambjenti akkwatiċi tal-UE jvarjaw ħafna bejniethom u, għalhekk, ma jipproponix soluzzjoni waħda għalihom ilkoll, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Huwa jenfasizza temi prinċipali, li jinkludu: it-titjib fl-użu tal-art, l-indirizzar tat-tniġġis tal-ilma, iż-żieda fl-effiċjenza u r-reżiljenza tal-ilma, u t-titjib tal-governanza minn dawk involuti fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma.

2.10

Bosta miżuri/programmi/azzjonijiet speċifiċi jitressqu fil-Blueprint biex jindirizzaw il-problemi pendenti f'livelli differenti, u jiġu ppreżentati fi tliet partijiet ta' ħidma:

implimentazzjoni

l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-politika tal-ilma f'politiki Ewropej oħra

il-mili tal-lakuni fil-qafas eżistenti.

L-azzjonijiet diġà bdiet ħidma fuqhom, u huwa ppjanat li jitlestew sal-2016, minbarra l-azzjonijiet/programmi fuq perjodu twil ta' żmien li huma ppjanati li jitlestew sal-2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat japprezza ferm l-ammont u l-kwalità tal-ħidma li twettqet fil-fażi preparatorja tal-Blueprint. Id-dokument huwa bbażat fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-esperjenzi dwar kwistjonijiet marbutin mal-ilma mill-RBMPs, kif ukoll fuq informazzjoni minn studji ta' esperti. Barra minn hekk, huwa tajjeb li wieħed jinnota li d-drittijiet tal-ilma minn dejjem kienu parti importanti tal-istruttura legali fil-pajjiżi Ewropej, u b'hekk insibu wkoll esperjenza dewwiema f'dan il-qasam.

3.2

Ġew indirizzati b'mod adegwat l-erba' prinċipji funamentali tal-leġislazzjoni ambjentali kollha sabiex jiġu ttrattati l-bosta problemi u jiġi appoġġjat il-prinċipju tal-aċċess għal ilma tax-xorb sigur u għal servizzi bażiċi tas-sanitazzjoni fil-livell dinji.

3.3

Il-Blueprint mhux biss jaċċetta formalment il-varjabbiltà kbira tal-kundizzjonijiet naturali fir-rigward tal-ilma fl-UE, iżda jressaq ukoll azzjonijiet prattiċi li jiffukaw fuq problemi speċifiċi prinċipali f'reġjuni / baċini tax-xmajjar individwali. Il-KESE japprezza ferm il-kunċett tal-baċini tax-xmajjar bħala s-sisien tal-politika tal-ilma tal-UE, li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jiġu solvuti l-problemi prinċipali bl-iżjed mod effettiv.

3.4

Il-Kumitat jirrikonoxxi wkoll id-dokument tal-kontroll tal-idoneità (1), li huwa wieħed mill-ewwel ta' din ix-xorta, u jipprovdi valutazzjoni siewja tal-politika tal-ilma bħala tali, kif ukoll fil-kuntest tal-korp leġislattiv kollu f'oqsma ta' politika relatati.

3.5

Għalkemm il-KESE huwa tal-fehma li l-Blueprint u d-dokumenti kollha ta' sfond tfasslu b'mod eċċezzjonalment tajjeb, hemm bżonn li tingħata attenzjoni ikbar lill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati. Bħal dejjem, f'dan il-każ l-implimentazzjoni se tkun diffiċli, u issa għandha ssir l-ewwel prijorità. L-isforzi politiċi, l-inċentivi u l-metodi possibbli kollha ta' ġestjoni tas-sistemi/proġetti għandhom jiffukaw biex jiżguraw is-suċċess aħħari ta' dan il-pjan.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fl-implimentazzjoni tal-miżuri regolatorji eżistenti (Parti 1), għandha tingħata attenzjoni lit-tnaqqis tas-sorsi mxerrda tat-tniġġis permezz tat-tisħiħ/ir-rinforzament tal-programmi ta' azzjoni marbutin man-nitrati. Ir-raġunijiet għad-dewmien għandhom jiġu analizzati bir-reqqa u t-titjib meħtieġ għandu jiġi inċentivizzat b'mod adatt abbażi tal-kundizzjonijiet speċifiċi f'baċini partikolari tax-xmajjar.

4.2

Il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" japplika wkoll f'dan il-każ, iżda dan l-obbligu għandu jiġi definit tajjeb u jissejjes fuq suppożizzjonijiet/valutazzjonijiet realistiċi taċ-ċiklu tal-ilma. Min iniġġes għandu jiġi obbligat iħallas għat-tniġġis reali bi prova li huwa responsabbli għalih.

4.3

L-isforzi biex jittaffa iżjed l-iskariku okkażjonali ta' sustanzi ta' tniġġis industrijali huwa bbażat fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu japplika flimkien mal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", li huwa definit tajjeb fil-każ tas-sorsi ta' emissjonijiet okkażjonali.

4.4

L-użu tal-prinċipju "min iniġġes iħallas" jitlob miżuri u monitoraġġ adatti (volumi) u, possibbilment, monitoraġġ (sustanzi li jniġġsu) biex tiġi stabbilita bażi soda għal kwalunkwe azzjoni oħra. Rekwiżiti bħal dawn għandhom ikun adattati għall-ħtiġijiet tal-lokalità u għas-severità tal-problemi li għandhom jiġu solvuti.

4.5

Sfortunatament, f'ħafna nħawi tal-Ewropa, għad ma hemmx stampa ċara tal-flussi tal-ilma. Il-Blueprint bir-raġun jitlob li jiġu żviluppati kontijiet tal-ilma mal-Istati Membri abbażi tal-ħidma mwettqa maż-ŻEE. Dawn il-kontijiet jagħmluha possibbli li l-maniġers tal-baċini tax-xmajjar jikkalkulaw kemm jista' jintuża ilma, u kemm għandu jitwarrab biex jinżammu l-funzjonijiet tal-ekosistema (flussi ekoloġiċi). Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li dan isir mill-iżjed fis possibbli.

4.6

F'ħafna nħawi tal-Ewropa, l-astrazzjoni eċċessiva għat-tisqija tagħmilha impossibbli li jinkiseb status tajjeb tal-ilma. L-astrazzjoni illegali hija problema serja f'ċerti reġjuni bi problemi ta' stress tal-ilma. Permezz ta' studji biex tiġi analizzata data relatata mal-COPERNICUS/GMES, l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw l-astrazzjoni illegali, u kompiti bħal dawn jiġġustifikaw iżjed il- GMES bħala proġett li għandu importanza fil-livell tal-UE.

4.7

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li tiġi żviluppata metodoloġija komuni għall-irkupru tal-ispejjeż, liema ħaġa tagħmel possibbli riżultati li jkunu komparabbli fl-UE kollha. Dan jiżgura li l-utenti tal-ilma kollha jkollhom inċentivi adegwati biex jużaw l-ilma b'mod effiċjenti.

4.8

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal għadd ta' eżempji ta' inizjattivi u approċċi f'żoni bi problemi ta' stress tal-ilma li ġew preżentati f'seduta pubblika dwar is-suġġett fis-sede tal-Kumitat. Barra minn hekk, ġew ippubblikati ftit studji dwar l-użu effiċjenti tal-ilma abbażi tal-kunċett "more crop per drop" (l-idea li jkun hemm iżjed uċuħ tar-raba' għal kull qatra ta' ilma). Is-sejbiet ta' dan l-istudju jistgħu jintużaw biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-ħtiġijiet tal-agrikoltura u r-riżorsi tal-ilma disponibbli f'reġjuni bi problemi ta' stress tal-ilma. Għal darb'oħra, għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità biex jiġu indirizzati kwistjonijiet delikati bħal dawn.

4.9

Il-Parti 2, l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-politika tal-ilma f'politiki oħra tal-UE, ukoll titlob bosta azzjonijiet elenkati fil-pjan ta' azzjoni tal-Blueprint.

4.10

Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li tinħataf din l-opportunità eċċezzjonali u jsir mod li l-aġenda tal-ilma tiġi koordinata mal-PAK, hekk kif il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jistabbilixxu l-aġenda għas-seba' snin li ġejjin. Din l-opportunità ma għandhiex titntilef għall-oqsma li ġejjin:

l-inklużjoni tal-miżuri bażiċi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fil-kundizzjonalità;

approċċ iktar ekoloġiku rigward il-Pilastru 1, b'mod partikolari f'żoni b'fokus ekoloġiku;

it-tfassil ta' programmi ta' żvilupp rurali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-ilma;

finanzjament għall-Pilastru 2 tal-PAK favur sistemi mtejba ta' tisqija effiċjenti (flimkien mal-kundizzjonalità ambjentali, eż. il-metraġġ (metering)),

it-tħeġġiġ ta' miżuri għar-ritenzjoni naturali tal-ilma – pjanuri tal-għargħar, artijiet mistagħdra, jew l-istrippi ta’ lqugħ tul ix-xatt tax-xmajjar – il-miżuri prinċipali meħtieġa biex l-ekosistema tiffunzjona mill-ġdid. Il-finanzjament taż-żoni mmirati fil-Pilastru 2 huwa kritiku. Għandu jimmira wkoll li jħeġġeġ azzjonijiet taħt LIFE+, l-Orizzont 2020, eċċ.

4.11

Il-miżuri għall-protezzjoni kontra l-għargħar (suġġett topikali ħafna bħalissa fl-Ewropa Ċentrali) jitolbu l-koordinazzjoni tal-finanzjament ukoll, forsi anke mill-Fondi Strutturali. Barra minn hekk, xi wħud mill-miżuri ppjanati (bi tweġiba għall-għargħar preċedenti) ma tlestewx minħabba għadd ta' ostakli amministrattivi. Kwistjonijiet ta' emerġenza bħal dawn jitolbu wkoll pproċessar amministrattiv adatt f'każ ta' emerġenza.

4.12

Il-Kumitat japprezza s-Sħubijiet għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma u dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli. Għandu jiġi enfasizzat li dawn l-inizjattivi żviluppaw minn isfel għal fuq fl-Istati Membri, filwaqt li l-Kummissjoni qed taqdi rwol ta' koordinazzjoni. Il-possibbiltà ta' suċċess tissaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni tal-atturi fl-oqsma ta' attività rispettivi tagħhom.

4.13

Interventi ta' politika lil hinn mill-qasam tal-ilma ħelu jistgħu jaqdu rwol ukoll fit-tisħiħ tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma. Pereżempju, il-leġislazzjoni dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, l-emissjonijiet industrijali, il-farmaċewtiċi u r-Regolament REACH għandhom jikkonformaw mal-azzjonijiet ippjanati fil-Blueprint.

4.14

Il-Parti 3, li timla l-lakuni fil-qafas eżistenti, bir-raġun tiffoka fuq it-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma, flimkien mal-aspett kruċjali li jiżdied il-potenzjal għall-użu mill-ġdid tal-ilma. L-ewwel nett, għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu mill-ġdid tal-ilma tax-xorb sigur bil-għan li jinkisbu r-riżultati mixtieqa u mistennija. L-użu mill-ġdid innifsu jista' jkun naturali fl-istess faċilitajiet jew f'faċilitajiet simili, iżda sabiex l-ilma miksub jitmexxa minn utent/faċilità għall-użu mill-ġdid minn utent/faċilità differenti ser ikun hemm bżonn ta' bilanċjar adatt kemm tal-volumi kif ukoll tal-kwalità meħtieġa.

4.15

Pereżempju, l-għeluq totali taċ-ċirkwiti tal-ilma, anke f'operazzjoni waħda, huwa kważi impossibbli minħabba ż-żieda dejjem tikber tal-kontenut ta' mlieħ inorganiċi f'dawk iċ-ċirkwiti. Għalhekk, irid jiġi stabbilit bilanċ sigur biex il-proċessi jaħdmu mingħar xkiel.

4.16

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal aspetti importanti tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-foresti li huma marbutin mill-qrib ma' kwistjonijiet relatati mal-ilma. Minħabba l-ħtiġijiet – xi minn daqqiet konfliġġenti – tal-politiki differenti, ir-riżorsi tal-foresti jkunu taħt pressjoni kbira biex jaqdu r-rwol mhux produttiv tagħhom, bħar-rwol tagħhom bħala riserva primarja ta' ritenzjoni naturali tal-ilma ħelu u, bir tal-karbonju u bħala konservaturi tal-bijodiversità, eċċ. L-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja għandha turi l-aspetti kollha u tindika wkoll miżuri bbilanċjati sabiex jiġu ssodisfati r-rwoli tal-foresti fl-UE.

4.17

Il-kwistjonijiet relatati mal-ilma ma jistgħux jiġu sseparati minn dawk tal-ħamrija. Il-Kumitat jitlob li tingħata attenzjoni adegwata lill-ħamrija, għalkemm nirrikonoxxu li l-aġenda tal-ħamrija fiha dimensjoni ta' sussidjarjetà. Il-karatteristiċi komuni għandhom jiġu indirizzati b'iżjed reqqa f'ħidma futura oħra relatata mal-Blueprint.

4.18

Il-KESE jwissi li biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Blueprint, ser ikun hemm ostakli fl-oqsma li ġejjin:

il-fallimenti tas-suq (telf tad-dħul, distribuzzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji)

nuqqas ta' finanzjament, sussidji dannużi

ostakli regolatorji

nuqqas ta' koordinazzjoni

nuqqas ta' rieda politika

l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-politika tal-ilma f'politiki settorjali oħra tibqa' kliem fieragħ.

Il-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-Blueprint għandhom ikunu konxji tar-riskji involuti u, ilkoll skont il-livell ta' responsabbiltà tagħhom, għandhom jagħmlu mill-aħjar biex ineħħu kemm jista' jkun minnhom. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta mill-qrib f'dan il-proċess li tant jitlob attenzjoni permezz tal-ksib ta' informazzjoni adegwata, billi teżerċita s-setgħat tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika u billi tadatta l-imġiba tagħha skont l-isfidi fil-qasam tal-ilma.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

112

Kontra

129

Astensjonijiet

12


(1)  SWD(2012) 393 final (mhux disponibbli bil-Malti).


Top