EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE1696

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi” COM(2013) 36 final

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 20–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi”

COM(2013) 36 final

2013/C 327/05

Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi

COM(2013) 36 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2013.

Matul l-491sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur, vot 1 kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-approċċ olistiku tal-Pjan ta' Azzjoni u diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar bosta mill-11-il azzjoni proposti li madankollu jeħtieġu żminijiet u appoġġi – anki ekonomiċi – differenti biex jitwettqu.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li wħud mill-azzjonijiet qegħdin fil-periklu li jiġu injorati jew ma jitwettqux kompletament minħabba li ma jitqisux ir-riperkussjonijiet li qed ikollha l-kriżi fuq is-settur, bħal fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-awsterità.

1.3

Jirrakkomanda li fl-implimentazzjoni tal-Pjan titqies u tiġi valorizzata d-diversità, li ta' spiss timmanifesta ruħha fil-għamla ta' SMEs u mikrointrapriżi.

1.4

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf grupp permanenti għall-kompetittività tal-kummerċ bl-imnut u jispera li jkunu jistgħu jagħmlu parti minnu l-imsieħba soċjali Ewropej, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li informazzjoni rilevanti u ta' min joqgħod fuqha ma tkunx biss disponibbli iżda realment magħrufa mill-konsumatur, f'forma ta' spjegazzjoni li tkun fil-qosor u faċilment tinftiehem (mhux teknika jew legali).

1.6

Jirrakkomanda wkoll li jiġu stimolati l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu liema forom ta' kummerċ bl-imnut jistgħu jiġu inklużi fl-interessi ġenerali (soċjali u kulturali), imsemmija fid-Direttiva dwar is-Servizzi.

1.7

Il-KESE jitlob li l-intrapriżi jiġu stimolati biex jintegraw il-kummerċ onlajn u offlajn, li sal-lum f'ħafna każi għadhom għażliet alternattivi, anki fil-prospettiva li jiġu solvuti problemi li għandhom x'jaqsmu mal-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ/għeluq tal-ħwienet.

1.8

Il-konċentrazzjoni eċċessiva tad-distribuzzjoni kummerċjali toħloq diversi problemi, fosthom diffikultà oġġettiva biex tinħoloq kompetizzjoni ġenwina.

1.9

L-istess kif għamel f'Opinjoni preċedenti, il-KESE jipproponi li l-problema tal-abbuż fl-iffissar tal-prezzijiet tat-trasferiment, li jippermetti li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet jiġu stabbiliti fi ħdan l-istess grupp ta' intrapriżi abbażi ta' parametri ta' valutazzjoni li jiddependu mill-esiġenzi fiskali tal-grupp ikkonċernat u mhux mill-kundizzjonijiet normali prevalenti fis-suq, tiġi indirizzata fil-livell Ewropew (1).

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li titkompla s-sostenibbiltà tal-kummerċ u t-tnaqqis tal-ħela anki billi jkun hemm preferenza għat-tixrid tas-sistema ta' bejgħ mingħajr imballaġġ, li tnaqqas l-imballaġġ li jżid fit-tniġġis.

1.11

Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-innovazzjonijiet u l-bidliet b'mod attiv, bl-istrumenti kollha li għandha peress li l-kompetizzjoni hija kundizzjoni tal-bidla u mhux element ta' attivazzjoni.

1.12

Għall-KESE huwa fundamentali li jkun hemm tqabbil bejn il-professjonalità mitluba u l-kompetenzi tal-ħaddiema u jemmen li l-involviment tal-intrapriżi m'għandux ikun limitat għall-kontenut tat-taħriġ iżda jkun anki permezz ta' investimenti mmirati.

1.13

Abbażi tal-esperjenza tal-"European Skills Council for commerce", il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu korpi bilaterali bejn l-imsieħba soċjali għall-iżvilupp tat-taħriġ professjonali (tqabbil tal-kompetenzi, skemi ta' taħriġ, finanzjament, identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ, twettiq u feedback dwar it-taħriġ).

1.14

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi djalogu mal-partijiet interessati kollha sabiex jiġu definiti, fil-livell tal-UE, miżuri effikaċi għall-ġlieda kontra l-ekonomija informali u x-xogħol mhux iddikjarat. Jispera li jkun hemm rieda politika qawwija min-naħa tal-Istati Membri li l-Kummissjoni tkun tista' tikkoordina permezz ta' sħubija msaħħa.

2.   It-twettiq ta' suq intern għad-distribuzzjoni kummerċjali

2.1

Sabiex jitwettaq is-suq intern tad-distribuzzjoni kummerċjali, fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Pjan ta' Azzjoni jipproponi pjan direzzjonali ta' 5 prijoritajiet u 11-il azzjoni li jridu jitwettqu sal-2014. Il-Kummissjoni ser tkun responsabbli mill-monitoraġġ u fl-2015 ser tippreżenta rapport dwar il-progress miksub.

2.2

Fl-UE, id-distribuzzjoni kummerċjali għandha rwol essenzjali sabiex jiġi stimolat it-tkabbir, il-ħolqien ta' impjiegi u mudelli ta' konsum innovattivi u aktar sostenibbli. Is-settur jirrappreżenta 11 % tal-PDG u kważi 15 % tal-impjiegi, ekwivalenti għal madwar 36 miljun ta' impjegati f'iktar minn 6 miljun intrapriża, u għal 29 % tal-intrapriżi kollha, li minnhom persentaġġ għoli huwa SMEs u mikrointrapriżi.

2.3

Il-pjan juri kif id-distribuzzjoni kummerċjali hija dejjem aktar integrata mas-setturi ekonomiċi l-oħra u li d-distinzjoni bejniethom hija dejjem anqas evidenti. Juri kif jeżistu ostakli li jimpedixxu l-ħolqien ta' suq intern tad-distribuzzjoni kummerċjali effiċjenti, kompetittiv u integrat. Għaldaqstant jeħtieġ li jitjiebu l-kompetittività u l-produttività tas-settur u jissaħħu wkoll ir-riżultati ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, filwaqt li titqies id-diversità b'mod ġenerali u s-sitwazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi b'mod partikolari.

2.4

Il-KESE juri kif, minkejja l-proċess ta' modernizzazzjoni tas-settur f'dawn l-aħħar 20 sena, ħafna SMEs kummerċjali f'dan il-perjodu qed imutu, mhux biss minħabba raġunijiet marbuta mal-kompetizzjoni ikbar tal-prezzijiet u mat-tnaqqis tal-marġni ta' profitt, iżda wkoll minħabba l-kriżi ekonomika li ħolqot tnaqqis rilevanti fil-konsum u inklinazzjoni iktar dgħajfa lejn ix-xiri.

2.5

Il-kriżi finanzjarja, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-esiġenza għal sostenibbiltà akbar u l-innovazzjoni teknoloġika (eż. pagamenti elettroniċi, "self scanning") qed ibiddlu ħafna l-proċessi u l-mudelli tan-negozju kemm tad-distribuzzjoni organizzata kbira kif ukoll tal-SMEs.

2.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf grupp permanenti għall-kompetittività tal-kummerċ bl-imnut (Stati Membri, partijiet interessati, SMEs) bil-għan li l-problemi tas-settur jitqiegħdu fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku Ewropew, jiġu individwati l-mezzi għall-iżvilupp, jiġi monitorjat il-progress imwettaq u jiġu formulati rakkomandazzjonijiet. Il-KESE jitlob biex il-partijiet soċjali Ewropej tas-settur (UNI-Europa Commerce u Eurocommerce), li ilhom minn tmiem is-snin 80 li niedu djalogu soċjali kostruttiv, ikunu jagħmlu parti minn dal-grupp, bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs.

2.7

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistimolaw u jiffavorixxu l-forom ekwi u bilanċjati kollha ta' kollaborazzjoni u assoċjazzjoni kummerċjali fost l-attivitajiet kummerċjali indipendenti u fost l-intrapriżi l-kbar tad-distribuzzjoni u dawk indipendenti fuq bażi kuntrattwali b'garanziji ċari u bilanċjati.

3.   Aktar drittijiet għall-konsumaturi (azzjonijiet 1 u 2)

3.1

Id-drittijiet huma drittijiet meta dawn jiġu eżerċitati għax ikunu magħrufa. L-informazzjoni mhijiex ekwivalenti għal konoxxenza, li hija l-ewwel dritt tal-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jixtru liberament għall-benessri u l-konvenjenza individwali jew kollettiva. Illum, ħafna mill-għażliet ta' xiri huma akkumpanjati minn kwantità oġġettivament vasta ta' informazzjoni disponibbli.

3.2

Attwalment waħda mill-akbar problemi tas-settur hija l-kummerċjalizzar tad-distribuzzjoni kbira li jibbaża kważi esklużivament fuq il-prezz tal-bejgħ għall-konsumatur u jittraskura r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. F'ħafna Stati Membri, ir-riżultat huwa tnaqqis fil-kwalità tal-prodotti alimentari, anki minħabba s-sostituzzjoni tal-ingredjenti naturali b'sustanzi ta' sostituzzjoni. Dan il-fenomenu jnaqqas l-għażla tal-konsumaturi, li ta' spiss ikunu lesti li jħallsu iktar għal prodott ta' kwalità iżda ma jsibuhx offrut.

3.3

L-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-prodotti jippermetti liċ-ċittadini jwettqu xiri infurmat, u jistimola l-provvista lejn il-kwalità, id-diversifikazzjoni u s-servizz. Iżda li jkollok iktar informazzjoni ma tfissirx awtomatikament li ser ikollok aktar għarfien; anzi, f'ħafna każijiet huwa proprju l-kuntrarju: meta jiffaċċja tant informazzjoni, ta' spiss il-konsumatur jagħżel li ma jaqrahiex, minħabba nuqqas ta' ħin u lingwaġġ wisq tekniku u ma tantx jinftiehem.

3.4

Apparti milli tħejji linji gwida dwar prattiki tajba u kodiċi ta' kondotta (azzjoni 1) (2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi strumenti effikaċi u vinkolanti sabiex il-produtturi u d-distributuri jagħmluha aktar faċli biex il-konsumaturi jsiru jafu dwar dawk il-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi u l-prezzijiet tagħhom li huma essenzjali għal skopijiet soċjali, ambjentali, territorjali u ekonomiċi oħra. Barra minn hekk, l-informazzjoni kollha meħtieġa għandha tkun disponibbli fil-qosor u b'mod li faċilment tinftiehem. B'hekk ikunu jistgħu jiddeċiedu liberament jekk jagħtux importanza lil waħda jew l-oħra minn dawn il-karatteristiċi u mhux jibbażaw biss fuq l-aspett kummerċjali.

3.5

Is-sistema tal-provvista tiġġenera ħafna għarfien utli għall-konsumatur sabiex iwettaq l-għażliet tiegħu, iżda tikkonċentra l-iktar fuq l-aspetti tal-prodott marbuta max-xiri u l-użu tal-bidu, u b'hekk tiffoka fuq is-sodisfazzjon inizjali u tittraskura l-fażijiet l-oħra tal-prodott (kemm jista' jiġi riċiklat l-imballaġġ, it-tul tal-prestazzjoni tal-prodott, jekk humiex disponibbli assistenza u spare parts, il-valur tiegħu meta eventwalment jerġa' jinbiegħ bħala użat, servizzi ta' wara x-xiri).

3.6

Barra milli tipproponi metodoloġiji għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-impatt kumplessiv tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet (azzjoni 2) (3), tajjeb jekk il-Kummissjoni tieħu f'idejha l-kompitu li tissupplementa l-għarfien li bih il-konsumaturi jiffurmaw l-għażliet tagħhom dwar ix-xiri (4). B'hekk, l-implimentazzjoni tal-azzjoni għandha tipprovdi indikazzjonijiet ċari dwar:

kemm il-prodotti u l-imballaġġ tagħhom jista' jiġi riċiklat;

il-kwantità ta' imballaġġ verament meħtieġ (għal skopijiet ta' trasport, informazzjoni utli, preservazzjoni u iġene, konservazzjoni tul il-perjodu ta' użu) meta mqabbel mal-ammont kbir li jista' jiġi eliminat;

kemm is-setturi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni jikkonformaw mal-istandards tal-produzzjoni u l-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema;

il-faċiltà tal-aċċess għall-assistenza wara x-xiri.

3.7

Għaldaqstant il-KESE jipproponi li din l-azzjoni titwettaq b'mod effikaċi u realistiku għal protezzjoni akbar tal-konsumaturi kif ukoll tal-intrapriżi, partikolarment l-SMEs, sabiex ikun żgurat li jkunu jafu jimplimentawha fil-prattika.

4.   Aċċess għal servizzi tal-bejgħ bl-imnut aktar kompetittivi (azzjonijiet 3, 4 u 5)

4.1

Fil-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta' konformità ta' ċerti rekwiżiti, id-Direttiva dwar is-Servizzi tispeċifika li "il-projbizzjoni ma għandhiex tikkonċerna rekwiżiti ta’ ippjanar li ma jsegwux għanijiet ekonomiċi iżda jservu raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu mal-interess pubbliku", u li "din id-direttiva ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li, fi qbil mar-regoli Komunitarji, jistabbilixxu liema servizzi jqisuhom ta' interess ekonomiku ġenerali". Fost ir-"raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu mal-interess pubbliku", id-Direttiva telenka b'mod ċar "il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali".

4.2

Hemm forom ta' kummerċ ta' bejgħ bl-imnut li huma karatteristiċi tal-kultura u tal-istili ta' ħajja lokali. Dawn il-forom – u dawn biss – għandhom ikunu jistgħu jikkompetu f'sistema ta' negozji simili, li tfittex li tikseb titjib kontinwu fil-kwalità u l-effiċjenza fl-interess tal-konsumaturi. L-esponiment ta' dawn l-attivitajiet kummerċjali għall-imġiba aggressiva min-naħa tal-organizzazzjonijiet kbar tista' twassal biex jitwettqu, fuq medja qasira ta' żmien, il-prinċipji tas-suq ħieles, iżda probabbilment din tirriżulta f'telfien ta' wirt kulturali u ta' stil ta' ħajja li diffiċli jerġgħu jiġu rkuprati, u b'hekk jiddgħajfu l-komunità u l-lokalità anki mil-lat ekonomiku.

4.3

Il-kompetizzjoni wasslet biex l-attivitajiet kummerċjali tal-bejgħ bl-imnut itejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom kif ukoll l-effiċjenza produttiva tagħhom. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn kompetizzjoni kostruttiva bejn intrapriżi simili, li tistimola r-riċerka għal titjib kontinwu tal-kwalità u l-effiċjenza fl-interess tal-konsumaturi, u forom oħra ta' kunflitt ekonomiku u kummerċjali bejn l-intrapriżi.

4.4

Għaldaqstant huwa importanti li żona jkollha kompetizzjoni kostruttiva fost l-intrapriżi tas-settur, indipendentament mid-daqs tagħhom, mhux bħala oppressjoni iżda kapaċità li intrapriża tkun ta' xprun għal oħra f'ċirku virtwuż. Dan ifisser servizzi aħjar, iktar diversifikazzjoni, strutturi aktar komdi, prezzijiet aktar vantaġġjużi, u identità tal-komunità lokali.

4.5

Fejn is-saħħa ekonomika tal-ktajjen il-kbar iddgħajjef il-ħwienet tradizzjonali, tajjeb li nagħrfu li dan huwa ta' ħsara għaliex ikisser wirt kulturali u stil ta' ħajja kif ukoll il-fibra lokali u territorjali ekonomika u soċjali li huma karatteristiċi ta' dak it-territorju u ta' dik il-komunità, li l-valur tagħhom, għaldaqstant, jittraxxendi s-sempliċi konvenjenza ta' għażla u prezzijiet għall-konsumatur.

4.6

Fir-rigward tal-azzjonijiet 3 u 4, il-Kummissjoni, b'konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, għandha tistimola l-Istati Membri biex jivvalutaw jekk u liema forom ta' kummerċ tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jwettqu dawk l-objettivi ta' politika soċjali u kulturali. Għaldaqstant għandha tistimola l-inklużjoni tal-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut lokali, tradizzjonali u indipendenti fl-interessi ġenerali, fejn dan jiġi espress f'forom li huma l-espressjoni tat-territorju u jirnexxilu jinterpreta l-karatteristiċi tiegħu. Madankollu, jeħtieġ bix-xieraq li jiġi evitat li l-interessi lokali jkunu ppreżentati b'mod qarrieqi bħala interessi ġenerali tal-komunità, bħalma huma l-ambjent u l-użu tal-art. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tindika bl-aktar mod ċar liema huma l-interessi ġenerali aċċettabbli ta' territorju, saħansitra għandha tistaqsi kull reġjun/territorju biex huwa stess jistabbilixxi lista ta' tliet interessi prijoritarji f'ordni ta' importanza li għandha tintuża fil-valutazzjoni ta' stabbilimenti kummerċjali ġodda.

4.7

Il-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut onlajn ma jistax jissostitwixxi dak fiżiku, iżda ż-żewġ mudelli għandhom isibu forom ta' integrazzjoni, l-aktar minħabba li l-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut jaqdi funzjoni soċjali essenzjali, li mhuwiex biss il-forniment ta' prodotti u servizzi bl-iktar prezz baxx.

4.8

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri f'kollaborazzjoni mal-organizzizzjonijiet tal-SMEs, tistimola taħriġ tal-SMEs dwar l-integrazzjoni ta' tipi varji ta' bejgħ li jikkomplementaw ix-xiri tradizzjonali.

4.9

Il-potenzjal ta' żvilupp tal-kummerċ onlajn mhuwiex prevedibbli peress li jiddependi fuq kif ser jirregolawh is-swieq u l-istituzzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tniedi u tiffaċilita kull azzjoni li ser tivvalorizza s-servizzi "non-sale", jiġifieri dawk li ma jwasslux direttament għal akkwist speċifiku, ipprovduti mill-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut offlajn.

4.10

Illum il-ħwienet qed joffru servizzi b'xejn lill-klijenti tagħhom (pereżempju l-vetrina tippermetti windowshopping), fejn l-ispiża ta' dawn jitħallas lura mill-marġni fuq il-bejgħ. Huwa għalhekk li l-produtturi ta' spiss jiskoraġġixxu x-xiri onlajn, u jimponu lill-klijent jixtri offlajn. Iktar konsumaturi qed jużaw taħlita taż-żewġ modi ta' xiri: xiri onlajn (iqabblu l-prodotti u l-prezzijiet) u xiri offlajn (imissu l-prodott b'idejhom, jippruvaw). Il-KESE jirrakkomanda li tiġi superata din il-kompetizzjoni bejn l-onlajn u l-offlajn billi jiffavorixx l-integrazzjoni u l-valorizzazzjoni tas-servizzi mwettqa fil-ħanut tradizzjonali, peress li x-xiri fiżiku jiġġenera relazzjonijiet soċjali u reali li ma jistgħux jiġu trasformati f'relazzjonijiet diġitali. Tinħtieġ integrazzjoni mhux sostituzzjoni.

4.11

Il-KESE juri li fil-livell tal-Istati Membri jeżisti leġislazzjonijiet differenti fil-qasam tal-ħinijiet ta' ftuħ/għeluq tan-negozji kummerċjali u tax-xogħol nhar ta' Ħadd u billejl. Barra minn hekk, dawn il-leġislazzjonijiet huma wkoll suġġett ta' diskussjonijiet f'ħafna mill-Istati, b'referenza għall-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi indipendenti, l-SMEs u l-mikrointrapriżi u l-impatt fuq il-persunal. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex tegħleb dan l-ostaklu għall-kisba tas-suq uniku u l-mudell soċjali Ewropew, anki permezz tal-integrazzjoni tal-kummerċ onlajn/offlajn.

5.   Relazzjonijiet kummerċjali aktar korretti tul il-katina kollha ta' provvista bl-imnut (azzjoni 5)  (5).

5.1

Il-KESE jemmen li s-settur tad-distribuzzjoni kummerċjali huwa wieħed mill-aktar konċentrati. Fil-fatt, f'kull Stat Membru s-suq huwa kkontrollat minn tlieta sa ħames intrapriżi, ta' spiss ta' daqs multinazzjonali. Dan joħloq problema kbira fil-livell tal-kompetizzjoni peress li s-settur sar wisq b'saħħtu fir-rigward tal-fornituri li huma ħafna iktar numerużi.

6.   L-Iżvilupp ta’ Katina tal-Provvista Aktar Sostenibbli għall-Konsumaturi (azzjonijiet 6 u 7)

6.1

Il-KESE jappoġġja l-azzjoni 6 maħsuba biex tappoġġja lid-distributuri bl-imnut fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet biex titnaqqas il-ħela fl-ikel (6) u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li fl-2013 tiġi adottata Komunikazzjoni dwar l-Ikel Sostenibbli.

6.2

Il-KESE jappoġġja l-azzjoni 7 tal-Kummissjoni maħsuba "biex jagħmlu katini tal-provvista aktar favur l-ambjent u sostenibbli" permezz ta' kull prattika għat-tnaqqis tal-enerġija użata u tal-produzzjoni ta' materjali li jniġġsu. Fir-rigward tal-materjali li jniġġsu, waħda mill-prattiki li l-KESE jissuġġerixxi li tiġi promossa hija mudell għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' konsum ġenerali bbażat fuq ix-xiri mingħajr imballaġġ, bħala alternattiva għall-prodotti bl-imballaġġ. Sabiex din l-azzjoni – maħsuba sabiex titnaqqas il-produzzjoni tal-imballaġġ li jispiċċa għar-rimi – titwettaq b'mod konkret, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta l-partijiet interessati kollha.

6.3

Din il-prattika tintuża fil-preżent f'kuntesti limitati u għal ftit prodotti, iżda din tista' tiġi estiża sew:

Tnaqqis fl-imballaġġ Jekk jużaw il-prodott minn dispenser, il-konsumaturi jkunu mħeġġa biex ma jixtrux kontenitur ġdid iżda jużaw mill-ġdid dak li diġà għandhom.

Sikurezza iġenika Dan id-dispenser ikun ta' protezzjoni aktar effikaċi għall-prodott peress li ma jkunx espost għall-manipolazzjoni minn dawk kollha li jmissuh imma ma jixtruhx.

Tnaqqis fil-ħela Ix-xiri ta' prodotti mingħajr imballaġġ jippermetti wkoll il-kejl tal-kwantità, u jiġi evitat ix-xiri ta' prodotti f'formati sproporzjonati għall-esiġenzi tal-individwu, li hija kawża prinċipali tal-ħela.

Komunikazzjoni aħjar għad-ditti Id-dispenser ġeneralment huwa kontenitur ikbar minn pakkett individwali, u l-wiċċ tiegħu jista' jintuża biex titqiegħed aktar informazzjoni meta mqabbel ma' tikketta iżgħar.

6.4

Dan il-mudell illum qed jintuża f'sitwazzjonijiet żgħar, pereżempju fil-bejgħ tal-ħalib frisk, filwaqt li pereżempju l-fjuwil għall-vetturi diġà huwa prodott distribwit fuq skala kbira ħafna bil-mudell mingħajr imballaġġ. Il-prodott innifsu mhuwiex proprjament ekoloġiku, iżda d-distribuzzjoni tiegħu ma tipproduċix gramma waħda ta' plastik u lanqas ħela.

6.5

Dan il-mudell ser jikkostitwixxi bidla fl-istruttura tal-postijiet tal-bejgħ li jrid ikollhom pajpijiet ta' riforniment mill-maħżen għall-ixkaffa jew għallinqas sistemi għall-mili tad-dispensers. Fiż-żewġ każijiet, l-ixkaffar mhux ser jibqa' statiku u ċass.

6.6

Sabiex ikollha possibbiltà reali ta' suċċess, din il-bidla fil-mudell għandha tiġi promossa mid-distributuri l-kbar li jiddistribwixxu l-maġġoranza tal-prodotti ta' konsum, peress li dawn għandhom il-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa biex iniedu dan il-proċess ta' trasformazzjoni kbira. F'dan il-kuntest anki l-SMEs għandu jkollhom rwol ewlieni.

6.7

Il-Kummissjoni tista' tgħin fit-tnedija ta' dan il-kambjament, billi tiddikjara l-valuri soċjali u ambjentali tiegħu u tuża l-istrumenti kollha – anki dawk ekonomiċi-finanzjarji – li għandha sabiex tippromovi u tiffaċilita inizjattivi u proġetti konkreti.

7.   Soluzzjonijiet aktar innovattivi (azzjonijiet 8, 9 u 10)

7.1

L-irkupru tal-ekonomija reali jiddependi wkoll fuq l-innovazzjoni (azzjoni 8) li s-settur ikun kapaċi jiżviluppa u huwa fundamentali li l-SMEs ikollhom aktar aċċess, u aktar faċilment, għall-krediti bankarji sabiex iniedu proġetti u attivitajiet innovattivi.

7.2

B'differenza minn kif żvolġew l-affarijiet fl-Istati Uniti, huwa essenzjali li l-investimenti tan-negozju fl-innovazzjoni jiġu kkombinati mal-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kwalità tal-impjieg.

7.3

Il-Kummissjoni donnha qed tistenna dawn il-kambjamenti minn żieda fil-"kompetittività tas-settur tal-konsumaturi", peress li l-promozzjoni ta' din tidher bħala l-uniku għan tal-azzjonijiet proposti mill-Komunikazzjoni. Iżda filwaqt li n-nuqqas ta' kompetizzjoni huwa ostaklu għall-bidla, il-kompetizzjoni fiha nnifisha ma tiżgurax bidla.

7.4

Il-Kummissjoni, filwaqt li tapprezza li n-negozji kummerċjali huma "multiplikaturi tal-innovazzjoni", tagħraf li l-SMEs tal-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut, peress li huma f'kuntatt aktar dirett mal-konsumaturi, jipperċepixxu aħjar l-esiġenzi ġodda u għaldaqstant – anki peress li huma aktar flessibbli mill-intrapriżi l-kbar – jirnexxilhom jadattaw aħjar il-provvista għad-domanda varjata u li tvarja ħafna.

7.5

Madankollu, uħud mill-bidliet fis-sistema jew mudell jeħtieġu kapaċità tal-ippjanar u – fuq kollox – saħħa kuntrattwali li jfisser li l-intrapriżi l-kbar ma jistgħux jitħallew barra. Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz biex fil-proċessi ta' innovazzjoni u tibdil tinkludi lill-intrapriżi kollha, dawk żgħar, medji u kbar.

7.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon bażi tad-data li tiġbor fiha r-regoli Ewropej u nazzjonali fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti tal-ikel (azzjoni 9) (7).

7.7

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni sabiex tkun żgurata integrazzjoni aħjar fis-suq tal-pagamenti bil-kards, bl-internet u bil-mowbajl (azzjoni 10) (8) u jispera li din ma ddumx ma tiġi mifruxa.

8.   Ambjent tax-xogħol aħjar (azzjoni 11)

8.1

It-tqabbil tal-kompetenzi huwa fundamentali għal żieda kwalitattiva tal-impjiegi (9) fis-settur, li ta' spiss jirrappreżenta l-ewwel opportunità ta' dħul jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol u mhux dejjem u kullimkien qed jitqies bħala settur attraenti u interessanti fejn wieħed jista' jinvesti l-ħajja professjonali tiegħu.

8.2

Sabiex tiżdied il-kompetittività u l-produttività tal-kummerċ bl-imnut huwa fundamentali li jkun hemm korelazzjoni aktar mill-qrib bejn il-professjonalità mitluba u l-kompetenzi tal-impjegati (azzjoni 11) li għandhom jitqiegħdu fil-kundizzjoni li jtejbu l-prestazzjoni professjonali tagħhom, anki minħabba ż-żieda fil-livelli ta' awtomazzjoni.

8.3

Il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali sabiex jittejbu l-politiki ta' taħriġ u ksib ta' kwalifiki mill-ġdid, anki permezz tal-Kunsill tal-UE dwar il-Ħiliet Settorjali.

8.4

Minkejja l-interventi ta' innovazzjoni teknoloġika, il-produttività tas-settur għadha pjuttost baxxa u l-SMEs isibu diffikultà biex jinvestu fit-teknoloġiji ġodda, fl-innovazzjoni u fit-taħriġ professjonali tal-impjegati tagħhom.

8.5

Madankollu, il-pjan ta' azzjoni ma jistax ma jqisx li, fl-ambitu tas-suq intern, is-settur huwa milqut minn dumping soċjali u konkorrenza inġusta fost l-intrapriżi kummerċjali, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Dan għaliex is-sistemi ta' relazzjonijiet industrijali u s-sistemi ta' negozjar kollettiv ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor u dan joħloq mudelli diversi ta' żvilupp u politiki differenti ta' investiment.

8.6

Fattur limitanti tal-analiżi huwa li din tirreferi biss għat-tqabbil bejn il-professjonalità mitluba u l-kompetenzi disponibbli u ma tqisx ukoll dawk il-problemi kollha li fil-preżent qed jimpedixxu l-ħolqien effettiv ta' suq intern Ewropew integrat u kompetittiv tas-settur, mil-lat ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol, salarji baxxi, il-flessibbiltà, ix-xogħol mhux sigur u r-rata għolja ta' ħaddiema indipendenti foloz.

8.7

Il-komunikazzjoni tipproponi investiment fit-taħriġ li jkunu responsabbli għalih il-gvernijiet, l-individwi u s-sistema ta' edukazzjoni, filwaqt li tistieden lill-intrapriżi biex ikollhom rwol importanti fil-fażi ta' tħejjija tal-programmi l-ġodda ta' studju u ta' taħriġ, kif ukoll apprendistati. Il-KESE jemmen li l-involġiment tal-intrapriżi m'għandux ikun limitat biss li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tat-taħriġ iżda għandhom jipparteċipaw b'mod attiv permezz ta' investiment immirat lejn il-kisba tal-kompetenzi mitluba (10).

8.8

Dawn l-investimenti pubbliċi u privati, integrati bejniethom, għandhom jgħinu mhux biss liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol iżda wkoll lill-kategoriji li jsibu diffikultajiet kbar biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol (persuni li ilhom bla xogħol, ħaddiema anzjani, l-immigranti u l-persuni b'diżabbiltà). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema nisa li huma esposti ħafna għar-riskju ta' tkeċċija mix-xogħol minħabba proċessi ta' riorganizzazzjoni u li jsibu diffikultà kbira biex jikkonċiljaw ir-ritmi tal-ħajja ma' dawk tax-xogħol.

8.9

It-tqabbil tal-kompetenzi u t-tisħiħ tas-sħubijiet bejn l-iskola u l-intrapriża u t-taħriġ marbut mal-apprendistat mhux ser jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' mobbiltà tal-impjegati u t-tkabbir tal-produttività tas-settur jekk fl-istess ħin mhux ser nipproċedu għar-rikonoxximent fuq livell Ewropew tal-kwalifikazzjonijiet, it-taħriġ, l-apprendistati u l-kompetenzi miksuba.

8.10

Minkejja l-isforzi li jsiru fil-livell nazzjonali, ix-xogħol mhux dikjarat jibqa' problema gravi li tqiegħed lill-intrapriżi f'kompetizzjoni inġusta bejniethom fir-rigward tal-ispejjeż tax-xogħol. Il-ħaddiema li jaqgħu fl-ekonomija informali jibqgħu esklużi mhux biss mill-koperturi tas-saħħa u tal-welfare, iżda wkoll mill-possibbiltà li jaċċedu għat-taħriġ u l-apprendistati li ovvjament ser ikollu impatt ħażin fuq l-opportunitajiet tagħhom li jiksbu kompetenzi u professjonalità.

8.11

Għaldaqstant hija pożittiva l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi djalogu mal-partijiet interessati kollha sabiex jiġi valutat l-impatt tal-ekonomija informali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jiġu definiti fil-livell tal-UE miżuri effikaċi kontra dan. Il-KESE huwa tal-fehma li din l-inizjattiva ser tkun ħafna iktar effikaċi fl-Istati Membri li ser jinvestu rieda politika qawwija f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tkun tista' tikkoordina permezz ta' sħubija msaħħa.

8.12

Il-KESE jemmen li jkun essenzjali li l-miżuri għall-kontra x-xogħol mhux dikjarat u infurmali isiru tema ta' konfront kostanti bejn l-imsieħba soċjali tas-settur fl-ambitu tad-djalogu soċjali Ewropew (11).

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar "Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji", punti 3.25 u 3.26, ĠU C 229, 31.07.2012, p. 7

(2)  Ir-rapport dwar "Comparison Tools" ġie ppreżentat waqt is-Summit Ewropew tal-Konsumaturi fit-18 ta' Marzu 2013.

(3)  "Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi" adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' April 2013.

(4)  Eżempji ta' informazzjoni li saret għarfien: il-post ta' oriġini tal-laħam u l-industrija tal-laħam; il-kopertura reġjonali tas-sinjal tat-telefonija bil-mowbajl; is-settur taż-0 km fl-industrija agroalimentari.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar "Prattiki kummerċjali inġusti / katina tal-provvista" (Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar "Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel", relatur is-Sur Somville, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 46.

(7)  ĠU C 198, 10.07.2013, p. 77 u ĠU C 204, 09.08.2008, p. 47.

(8)  GU C 351, 15.11.2012, p. 52.

(9)  32 % tal-impjegati mhumiex kwalifikati, jew huma kwalifikati parzjalment, meta mqabbla mal-medja ta' 27 %; 15 % tal-impjegati fis-settur għandhom inqas minn 24 sena, meta mqabbla mal-medja ta' 9 %; 60 % tal-impjegati huma nisa.

(10)  F'ċerti pajjiżi, bħal pereżempju l-Italja u Franza, ġew żviluppati esperjenzi sinifikanti permezz tal-fondi interprofessjonali għat-taħriġ fil-kuntest ta' korpi bilaterali jew kummissjonijiet konġunti.

(11)  Opinjoni konġunta bejn l-UNI-Europa Commerce u l-Eurocommerce tal-24 ta' April 2012.


Top