EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE2677

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea” COM(2013) 150 final/2

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea”

COM(2013) 150 final/2

2013/C 327/03

Relatur: is-Sur SMYTH

Nhar il-25 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea

COM(2013) 150 final/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'151 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Wieħed mill-elementi l-iktar importanti ta' strateġija mmirata biex twassal lill-Ewropa lura fit-triq ta' tkabbir sostenibbli huwa li tiġi żgurata provvista adegwata ta' finanzjament fuq terminu twil u bi prezz raġjonevoli. Id-dokument konsultattiv tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni huwa mixtieq u anke f'waqtu.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-Green Paper fuq l-investiment produttiv u l-formazzjoni ta’ kapital b’ħajja twila tanġibbli u intanġibbli, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti iktar attenzjoni lill-ħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-investiment kapitali aktar "utli mil-lat soċjali".

1.3

Jekk il-banek aktarx se jaqdu rwol inqas prominenti fil-ġejjieni bħala provvedituri ta' finanzjament fuq terminu twil, mela jistgħu jinħolqu opportunitajiet għal intermedjarji oħrajn bħall-banek tal-iżvilupp nazzjonali u multilaterali, l-investituri istituzzjonali, il-fondi sovrani u, b'mod kruċjali, is-swieq tal-bonds. Madankollu huwa importanti li nevitaw li jinħoloq xkiel li ma jħallix il-banek jaqdu r-rwol tagħhom bħala provvedituri ewlenin tal-finanzjament fuq terminu twil, u għandu jinħoloq qafas legali li jżomm lura milli jbiegħed il-flussi tal-finanzjament u l-kapital 'l barra mis-settur regolat.

1.4

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid reċenti tal-BEI, peress li din se ssaħħaħ l-kapaċità tiegħu li joħloq effett ta' lieva fuq il-finanzjament addizzjonali tal-investiment privat u li jaqdi rwol kontraċikliku iktar b'saħħtu fil-finanzjament tal-investimenti u fil-provvediment ta' kreditu lill-SMEs. Filwaqt li doża ta' EUR 10 biljun kapital hija sinifikanti, il-KESE jaħseb li hija inqas milli huwa meħtieġ fiċ-ċirkostanzi preżenti.

1.5

B'mod simili, il-wasla tal-Bonds tal-Proġetti tal-UE 2020, anke jekk fi stadju pilota, hija wkoll żvilupp pożittiv. Dawn il-Bonds tal-Proġetti ġew żviluppati b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-BEI. Għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll lil proġetti konġunti simili mal-fondi sovrani.

1.6

Jekk inizjattivi bħal Bonds tal-Proġetti jkollhom suċċess fl-espansjoni tas-suq għall-finanzjament tal-bonds, għandhom jissaħħu malli l-istadju pilota jagħlaq u jiġi evalwat.

1.7

Il-Green Paper jeżamina r-rwol tat-tfaddil fil-provvista ta' finanzjament tal-investimenti fuq terminu twil. Filwaqt li xi Stati Membri taw bidu għal skemi ta' tfaddil speċjali sabiex jimmobilizzaw it-tfaddil fuq terminu itwal ipotekati għal investimenti soċjali usa', jista' jkun tajjeb li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' tfaddil mal-UE jew iż-żona tal-euro kollha, forsi billi jiġi offert primjum tar-rata tal-interess.

1.8

Xi Stati Membri pjuttost irnexxielhom jinċentivaw it-tfaddil relatat mal-pensjonijiet u tfaddil ieħor, permezz tal-użu intelliġenti tas-sistema tat-tassazzjoni. Iċ-ċittadini għandhom it-tendenza li jibżgħu mill-prospett li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul umbagħad iktar taxxa fuq tfaddil fuq terminu twil minn dan id-dħul li jibqa' wara t-taxxa. Fil-kuntest ta' investimenti responsabbli mil-lat soċjali, għandu jkun possibbli li jiġu mfassla u kummerċjalizzati prodotti ta' tfaddil personali adatti b'taxxa baxxa jew l-ebda taxxa, b'limiti annwali adegwati sabiex jitħeġġeġ aktar ippjanar finanzjarju fuq terminu twil.

1.9

In-nuqqas ta' perspettiva fit-tul (short-termism) fis-sistema finanzjarja huwa xkiel ewlieni għall-provvista ta' investiment adegwat fuq terminu twil u huwa marbut mill-qrib mal-governanza korporattiva. It-tibdil tal-inċentivi biex tiġi promossa prestazzjoni fit-tul mhuwiex sfida faċli. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon is-suġġerimenti tal-Kummissjoni dwar drittijiet imsaħħa għall-votanti u dividendi għal investituri fuq terminu twil u dwar bidliet fid-direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat l-użu kkoordinat tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali sabiex tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni azzjonarja fuq medda itwal ta' żmien ta' maniġers ta' fondi.

1.10

F'termini ta' kapital ta' riskju, il-Green Paper jinkludi ċerti suġġerimenti interessanti. Il-KESE diġà ppropona li r-rwol tal-FEI għandu jitwessa' lil hinn mill-għoti ta' self u jinkludi wkoll il-provvista ta' kapital ta' riskju. Dawk li ħolquh lura fl-1994 hekk kellhom f'moħħhom. Li kieku l-FEI, bħall-BEI, kellu jiġi kapitalizzat mill-ġdid b'mod adegwat, kien isir wieħed mill-provvedituri ewlenin tal-finanzjament ta' kapital ta' riskju għall-SMEs.

1.11

Fl-aħħar nett, meta wieħed iqis li l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali diġà huma involuti fil-promozzjoni tas-sopravivenza u tat-tkabbir fit-tul tal-SMEs, permezz tal-entitajiet ta' żvilupp reġjonali tagħhom, wieħed jista' jargumenta li dawn l-entitajiet ikollhom rwol fl-operat ta' dawn il-pjattaformi ta' negozjar tal-SMEs. Dan ir-rwol jista' jibda mill-valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-kreditu tal-SMEs li huma klijenti sal-għoti ta' garanziji limitati lil investituri istituzzjonali.

1.12

Il-KESE jixtieq jara enfasi ikbar tingħata lill-investiment responsabbli mil-lat soċjali u jipproponi t-twaqqif ta' osservatorju li jimmonitorja l-kondizzjonijiet ta' investiment fit-tul.

2.   Introduzzjoni u kuntest tal-Green Paper

2.1

Il-motivazzjoni ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea meta ħejjiet dan il-Green Paper hija l-ħtieġa li l-Ewropa terġa' taqbad it-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-Ewropa qed tiffaċċja rekwiżiti/ħtiġijiet kbar ta' investiment fit-tul u fuq skala kbira bħala l-bażi tat-tkabbir sostenibbli. Il-mod kif jintlaħaq dan huwa kkumplikat ħafna minħabba l-attitudini attwali ta' averżjoni għar-riskju tal-familji u n-negozji u l-ħtieġa għall-konsolidazzjoni fiskali minn ħafna gvernijiet li flimkien qed jirrestrinġu l-provvista ta' finanzjament għal investimenti fuq terminu twil.

2.2

Huma problematiċi l-fallimenti fil-kanali tradizzjonali ta' intermedjazzjoni finanzjarja. Il-banek kienu s-sors ewlieni ta' finanzjament għall-investiment fl-UE iżda ħafna minnhom issa huma involuti primarjament fit-tneħħija tal-effett ta' lieva u għaldaqstant ma jistgħux jaqdu r-rwol normali tagħhom. Il-Green Paper jħares lil hinn mill-kriżi attwali, u jfittex soluzzjonijiet għall-provvediment ta' finanzjament fit-tul neċessarju għall-investiment.

2.3

L-enfasi tal-Kummissjoni hija fuq l-investiment produttiv u l-formazzjoni ta’ kapital b’ħajja twila tanġibbli u intanġibbli li għandu t-tendenza li jkun inqas proċikliku minn dak b'ħajja inqas twila. Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-finanzjament fuq terminu twil bħala l-mod kif is-sistema finanzjarja tħallas għal investimenti li għandhom ħajja ta' proġett twila.

2.4

L-Ewropa bdiet twettaq programm ta' riforma tas-settur finanzjarju sabiex tipprovdi aktar stabbilità u fiduċja fis-swieq finanzjarji. L-istabbilità tas-sistema finanzjarja hija kondizzjoni neċessarja għat-tħeġġiġ ta' investiment fit-tul, iżda dan mhuwiex biżżejjed. Il-Kummissjoni tidentifika għadd ta' oqsma addizzjonali fejn hija meħtieġa azzjoni, bħal:

il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex jikkanalizzaw il-finanzjament fit-tul għal proġetti;

l-effiċjenza u l-effettività tas-swieq finanzjarji biex joffru strumenti ta' finanzjament fuq terminu twil;

politiki li jinkoraġġixxu tfaddil u investiment iktar fit-tul; u

il-kapaċità tal-SMEs biex isibu aċċess iktar faċli u malajr għal finanzjament mill-banek u mhux mill-banek.

3.   Kummenti dwar il-proposti

3.1   Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jimmiraw il-finanzi fuq terminu twil

3.1.1

Il-banek kummerċjali. L-analiżi tal-Kummissjoni tal-isfidi fl-iżgurar ta' finanzjament adegwat fit-tul fl-Ewropa hija korretta b'mod fundamentali. Qed tinbidel il-pożizzjoni preeminenti tradizzjonali tal-banek bħala l-provvedituri ewlenin tal-finanzjament fit-tul u jista' jkun li l-banek se jaqdu rwol inqas prominenti fil-ġejjieni. M'hemm l-ebda diskussjoni dwar l-inkonsistenza potenzjali bejn uħud mir-regoli bankarji l-ġodda u l-għanijiet tal-Green Paper biex jiġi stimolat l-investiment fit-tul. Il-Green Paper jinnota biss li l-effetti ta' riformi finanzjarji riċenti u possibbilment fil-futur jistgħu jnaqqsu l-livell ta' attività tal-banek fil-katina ta' intermedjazzjoni. Għandu jinstab bilanċ aħjar bejn ir-rekwiżiti prudenzjali ta' Basel III u l-inċentivi għal banek biex ikomplu jipprovdu finanzjament għall-investiment fit-tul. Fi kwalunkwe każ, aktarx se jinfetħu opportunitajiet għal tipi oħrajn ta' intermedjarji bħall-banek tal-iżvilupp nazzjonali u multilaterali, l-investituri istituzzjonali, użu aħjar tas-swieq tal-bonds u l-fondi sovrani.

3.1.2

Il-banek nazzjonali u multilaterali tal-iżvilupp. Dawn l-istituzzjonijiet jaqdu rwol importanti fil-qsim tar-riskju mal-investituri u l-operaturi privati biex jiżviluppaw proġetti importanti u b'hekk jevitaw il-fallimenti tas-swieq. Jaqdu wkoll rwol kontraċikliku permezz tal-azzjonijiet strateġiċi iktar fit-tul tagħhom. Il-BEI u l-FEI qed jaqdu rwol dejjem iżjed prominenti fil-qsim tar-riskju u r-rikapitalizzazzjoni riċenti tal-BEI, għalkemm mhux adegwata fil-fehma tal-KESE, bla dubju se ssaħħaħ il-kapaċità tiegħu li joħloq effett ta' lieva fuq finanzjament privat addizzjonali tal-investiment. Il-KESE jħeġġeġ lill-BEI biex jagħmel iżjed biex jippromovi proġetti transkonfinali tal-infrastrattura ewlenin li jiffaċċjaw ostakli ta' finanzjament partikolari.

3.1.3

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Bonds għall-Proġetti tal-UE 2020 u issa qed jitmexxew f'għadd ta' proġetti ta' investimenti tal-infrastruttura PPP fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-infrastrutturi tal-ICT (1). Il-Kummissjoni ssemmi r-rwol potenzjali tal-fondi sovrani fil-finanzjament tal-investimenti fuq medda itwal ta' żmien. Bħal fil-każ tal-Bonds għall-Proġetti li ġew żviluppati b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-BEI, jista' jkun hemm lat pożittiv fl-iżviluppar ta' inizjattivi konġunti simili mal-fondi sovrani fejn jiżdiedu r-riżorsi disponibbli ta' finanzjament għall-investimenti iktar fit-tul.

3.1.4

Rigward il-kwistjoni tal-investituri istituzzjonali, il-Green Paper jinnota n-nuqqas ta' qbil potenzjali bejn il-ħtieġa għal regolazzjoni effettiva tar-riskju tal-assi fost l-impriżi tal-assikurazzjoni u l-ħtieġa biex dawn jiġu inċentivati jiffinanzjaw investimenti iktar fit-tul. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-assikurazzjoni Ewropej dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel proposti dwar fondi ta' investiment fit-tul bil-għan li jiġi stimolat il-ħolqien ta' għadd ta' mekkaniżmi għall-ġbir flimkien tar-riskji ta' tipi differenti ta' investituri istituzzjonali. Din il-proposta għandha ħafna aspetti favuriha. Il-fondi tal-pensjonijiet jistgħu jaqdu rwol iżjed prominenti fl-investiment fit-tul iżda qed jipperċepixxu għadd ta' ostakli istituzzjonali, regolatorji u politiċi 'l quddiem. B'mod partikolari huma mħassba li dawk li jfasslu l-politika jipprovaw jġagħluhom jerfgħu r-responsabbiltà biex jiffinanzjaw ċerti tipi ta' proġetti li mhumiex fl-interess tal-membri tagħhom. Għandhom jiġu kkonsultati l-fondi tal-pensjonijiet dwar kif għandhom jiġu minimizzati u megħluba dawn l-ostakli. Il-ħolqien ta' unjoni bankarja jista' jgħin f'dan il-kuntest.

3.1.4.1

Fil-kuntest tat-tħeġġiġ ta' aktar parteċipazzjoni ta' investituri istituzzjonali fil-għoti ta' finanzjament fit-tul, jistgħu jaqdu rwol ukoll inċentivi fiskali tad-dħul korporattiv. Sistemi ta' indennizzi li dejjem jonqsu fir-rigward ta' investimenti fi proġetti kbar tal-infrastruttura tista' twassal għal iktar parteċipazzjoni ta' investituri istituzzjonali fihom.

3.2   L-effiċjenza u l-effikaċja tas-swieq finanzjarji li joffru strumenti ta’ finanzjament fuq terminu twil

3.2.1

Il-Green Paper jinnota li sabiex jitwessa' u jiġi approfondit il-ġbir flimkien tal-finanzjament fit-tul, xi swieq kapitali fl-Ewropa jridu jiżviluppaw u jimmaturaw. Is-swieq tal-bonds fl-UE huma inqas żviluppati milli fl-Istati Uniti u ħafna mill-mid-caps u l-SMEs m'għandhomx il-kapaċitajiet biex ikunu attivi fihom. Anke l-wasla tal-Bonds tal-Proġetti ġiet milqugħa b'kawtela mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni u dan jenfasizza l-problemi li se jkun hemm biex tikber il-kapaċità tas-suq tal-bonds. Jekk inizjattivi bħal Bonds tal-Proġetti, li jistgħu joħolqu sa EUR 4,6 biljun għal proġetti ġodda tal-infrastruttura, ikollhom suċċess fl-espansjoni tas-suq għall-finanzjament tal-bonds, għandhom jissaħħu malli l-istadju pilota jagħlaq u jiġi evalwat.

3.3   Politiki li jinkoraġġixxu tfaddil u investiment iktar fit-tul

3.3.1

Hemm reviżjoni estensiva tal-fatturi li qed jinfluwenzaw it-tfaddil fit-tul tal-finanzjament. Min-naħa tal-provvista, filwaqt li xi Stati Membri għamlu sforzi biex isaħħu l-provvista tal-flus imfaddla fit-tul, għad irid isir ħafna iżjed. Il-Green Paper jissuġġerixxi l-ħolqien possibbli ta' veikoli ta' tfaddil madwar l-UE kollha maħsuba biex jimmobilizzaw tfaddil iktar fit-tul ipotekat għal objettivi soċjali usa'. Din l-idea jista' jkollha xi vantaġġi fil-kuntest tal-espansjoni ta' infrastrutturi transkonfinali. Tista' tistimola wkoll aktar mobilità tal-forza tax-xogħol u pjanar għall-irtirar madwar is-suq uniku. Jista' jkun neċessarju li jiġu offruti prodotti ta' tfaddil ġodda b'rata ta' interess primjum jew rata ta' interess fuq diversi gradi sabiex jiġi inċentivizzat tfaddil iktar fit-tul.

3.3.2

Tassazzjoni. Ir-relazzjoni bejn it-tassazzjoni, it-tfaddil fit-tul u l-investiment fuq terminu twil hija analizzata fid-dettall. It-trattament tat-tassazzjoni korporattiva fuq l-investiment għandu t-tendenza li jipproduċi preferenza lejn id-dejn minflok il-finanzjament tal-ekwità. Sabiex jinstabu riformi adatti li jinkoraġġixxu iktar użu tal-finanzjament tal-ekwità għal investimenti iktar fit-tul, tista' tkun idea tajba li tintuża sistema ta' għajnuna li dejjem tonqos. Dawn is-sistemi jintużaw ħafna fit-tassazzjoni tad-dħul kapitali u jistgħu jitfasslu b'mod li joħolqu bilanċ ma' wħud mill-vantaġġi fiskali attwali tal-finanzjament tad-dejn.

3.3.3

F'termini ta' tfaddil fit-tul u s-sistema tat-tassazzjoni, il-Kummissjoni tinnota l-importanza li tiġi żgurata provvista stabbli u adegwata ta' tfaddil u tal-inċentivi neċessarji sabiex tinħoloq din il-provvista. Xi Stati Membri kellhom suċċess relattiv fl-inċentivar ta' tfaddil relatat mal-pensjonijiet u tfaddil ieħor, permezz tal-użu intelliġenti tas-sistema tat-tassazzjoni. Iċ-ċittadini għandhom it-tendenza li jibżgħu mill-prospett li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul umbagħad iktar taxxa fuq tfaddil fuq terminu twil minn dan id-dħul li jibqa' wara t-taxxa. Għandu jkun possibbli li jiġu mfassla u kummerċjalizzati prodotti ta' tfaddil personali adatti b'taxxa baxxa jew l-ebda taxxa, b'limiti annwali adegwati sabiex jitħeġġeġ aktar ippjanar finanzjarju fuq terminu twil.

3.3.4

L-użu ta' inċentivi fiskali sabiex jintlaħqu r-rriżultati mixtieqa ta' investiment fit-tul għandu l-iżvantaġġi tiegħu wkoll. Hemm kwistjonijiet serji bħal "deadweight" u arbitraġġ li jridu jiġu indirizzati. Madankollu, l-użu ta' inċentivi fiskali fi ħdan perspettiva ta' ppjanar konsistenti u b'saħħitha u iktar fit-tul huwa neċessarju sabiex jiġu stimilati u jintlaħqu l-livelli mixtieqa ta' investiment.

3.3.5

Governanza korporattiva. Il-kwistjoni tan-nuqqas ta' perspettiva fit-tul hija fil-qalba tal-forniment ta' investiment fit-tul u hija marbuta ħafna mal-governanza korporattiva. S'issa ħafna mill-inċentivi għall-maniġers ta' fondi, il-bankiera tal-investiment u l-uffiċjali eżekuttivi korporattivi kellhom it-tendenza li jkun fuq medda qasira ta' żmien min-natura tagħhom. Il-bdil ta' dawn l-inċentivi sabiex jitħeġġu livelli ogħla ta' prestazzjoni fit-tul mhux se jkun xogħol faċli. Il-Green Paper jinkludi għadd ta' suġġerimenti interessanti, inkluż drittijiet imsaħħa għall-votanti u dividendi għal investituri fuq terminu twil u bidliet fid-direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti. Forsi l-użu iktar proattiv tal-indennizzi fuq it-taxxa fuq il-qligħ kapitali jista' jkun mod wieħed kif titħeġġeġ is-sjieda iktar fit-tul tal-ishma mill-maniġers ta' fondi.

3.4   Il-kapaċità tal-SMEs biex jiksbu aċċess iktar faċli u malajr għal finanzjament mill-banek u mhux mill-banek

3.4.1

Il-Green Paper jinnota d-diffikultajiet dejjem qed jiżdiedu li qed jiffaċċjaw l-SMEs f'ħafna Stati Membri biex ikollhom aċċess għall-finanzjament sabiex jissopravivu u jikbru. Apparti mill-effetti tat-tneħħiha tal-effett ta' lieva mill-banek, l-SMEs jiffaċċjaw sorsi ta' finanzjament alternattivi li huma fframmentati u li jiġu attivati ftit ftit. Il-banek lokali, sa ċertu punt, tilfu jew ħollu r-rabtiet tagħhom mar-reġjuni lokali. Relazzjonijiet bejn il-banek u l-SMEs iddgħajfu u dawn iridu jitrawmu mill-ġdid jew jissaħħu. Twettqu diversi inizjattivi sabiex jiġu pprovduti sorsi mhux bankarji ta' finanzjament għall-SMEs, inkluż l-aċċess għal xi fondi tal-kapital ta' riskju, l-użu tal-finanzjament tal-assi (2), il-finanzjament tal-katina tal-provvista u l-"crowd funding". Madankollu, fadal ħafna xi jsir. L-industrija tal-assikurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet iridu jaqdu rwol iżjed prominenti iżda jesiġu inċentivi adatti, u dawn issa jridu jiġu indirizzati mill-Kummissjoni. Miżuri futuri favur l-SMEs sabiex ikollhom aċċess għal finanzjament iktar fit-tul għandhom jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-miżuri kif kien maħsub oriġinarjament – mingħajr mal-banek iżidu kondizzjonijiet addizzjonali eċċessivi, jekk il-miżuri se jiġu implimentati mill-kanali bankarji.

3.4.2

Kapital ta' riskju. Il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi approċċ ta' "fondi ta' fondi" sabiex tinħoloq massa kritika ta' finanzjament tal-kapital ta' riskju. Barra minn hekk, il-fond propost ta' garanziji għall-investituri istituzzjonali jista' jwessa' s-suq. Il-KESE diġà ppropona li r-rwol tal-FEI għandu jitwessa' lil hinn mill-għoti ta' self u jinkludi wkoll il-provvista ta' kapital ta' riskju. (3). Dawk li ħolquh lura fl-1994 hekk kellhom f'moħħhom. Li kieku l-FEI, bħall-BEI, kellu jiġi kapitalizzat mill-ġdid, kien isir wieħed mill-provvedituri ewlenin tal-finanzjament ta' kapital ta' riskju għall-SMEs.

3.4.2.1

Id f'id mal-espansjoni tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju għall-SMEs hemm l-espanzsjoni ta' pjattaformi li diġà jeżistu jew il-ħolqien ta' pjattaformi ġodda tal-kummerċ għall-finanzjament tal-ekwità tal-SMEs. Il-Green Paper jinkludi għadd ta' proposti utli dwar dan is-suġġett. Meta wieħed iqis li l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali diġà huma involuti fil-promozzjoni tas-sopravivenza u tat-tkabbir fit-tul tal-SMEs, permezz tal-entitajiet ta' żvilupp reġjonali tagħhom, wieħed jista' jargumenta li dawn l-entitajiet ikollhom rwol fl-operat ta' dawn il-pjattaformi ta' kummerċ tal-SMEs. Dan ir-rwol jista' jibda mill-valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-kreditu tal-SMEs li huma klijenti sal-għoti ta' garanziji limitati lil investituri istituzzjonali.

3.4.3

Il-KESE kien jippreferi li l-Green Paper jagħti aktar appoġġ lill-investimenti fil-fondi soċjalment responsabbli permezz tal-ħolqien ta' regolamenti fiskali u finanzjarji adatti kif ukoll permezz tal-akkwist pubbliku nnifsu. F'dan ir-rigward jista' jkun hemm każ favur il-ħolqien ta' Osservatorju Ewropew għal investimenti fit-tul. Dan il-korp, bil-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata, jista' jimmonitorja żviluppi kemm fil-provvista u d-domanda għal investimenti u tfaddil fit-tul, kif ukoll jgħin biex tiġi żgurata provvista adegwata ta' informazzjoni rilevanti għat-teħid ta' deċiżjonijiet tajba dwar investimenti fit-tul minn aġenti ekonomiċi.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara pereżempju COM(2009) 615 final.

(2)  Ara pereżempju il-Funding for Lending Scheme http://www.hm-treasury.gov.uk/ukecon_fundingforlending_index.htm.

(3)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.


Top