EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0002

Kawża T-2/13: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Jannar 2013 — CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il-Kummissjoni

ĠU C 79, 16.3.2013, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/21


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2013 — CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-2/13)

2013/C 79/38

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: CFE-CGC France Télécom-Orange (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A.-L. Lefort des Ylouses u A.-S. Gay, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors tal-union ammissibbli;

tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 9403 finali, tal-20 ta’ Settembru 2011, li tiddikjara bħala kompatibbli mas-suq intern, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mwettqa mir-Repubblika Franċiża favur France Télécom dwar ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom [Għajnuna mill-Istat Nru C 25/2008 (ex NN 23/2008)] (1).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvoka erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv, prinċipalment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat ir-riforma fil-metodu ta’ finanzjament tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat assenjati ma’ France Télécom implementata mil-liġi Nru 96-660 tas-26 ta’ Lulju 1996. Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE:

meta kkunsidrat li l-liġi tal-1996 setgħet tiġi kkwalifikata bħala vantaġġ ekonomiku;

meta kkonkludiet li r-riforma kellha natura selettiva, minkejja li l-assenza ta’ paragun estern teskludi kull selettività;

meta kkunsidrat li l-liġi tal-1996 tista’ toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minkejja li l-ħlas ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali minn France Télécom effettivament innewtralizzat l-effetti żvantaġġużi li l-liġi tal-1990 kellha fuq France Télécom.

(2)

It-tieni motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta ssuġġettat il-kompatibbiltà tal-liġi tal-1996 mas-suq intern għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur ta’ diversi prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt għal smigħ tal-partijiet interessati, il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt għal rispett ta’ terminu raġonevoli.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex intiża sabiex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, iżda sabiex fil-ġejjieni timponi fuq France Télécom spejjeż supplimentari li jkollhom l-effett li jwaqqfu l-iżvilupp tagħha fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet.


(1)  ĠU 2012, L 279, p. 1.


Top