EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0722(02)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Finlandja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Finlandja, 2011-2014

ĠU C 216, 22.7.2011, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/3


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Finlandja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Finlandja, 2011-2014

2011/C 216/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew ta l-approvazzjoni uffiċjali lill-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fis-6 ta’ April 2011, il-Finlandja ppreżentat l-aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà tagħha li tkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

Fl-aktar punt baxx tal-kriżi ekonomika globali, il-Finlandja esperjenzat waqgħa kbira ħafna fil-PDG, peress li, tradizzjonalment, l-ekonomija Finlandiża hija dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industriji prinċipali tagħha. Fl-2009, il-PDG ċkien bi 8,2 % minħabba l-waqgħa kbira fl-esportazzjonijiet (tnaqqis ta’ 20 % fil-volum) u effetti ħżiena relatati ta' fiduċja fuq l-investimenti. Ir-rata tal-qgħad kibret b’madwar 2 punti perċentwali, b’żieda minn 6,4 % tal-forza tax-xogħol fl-2008 għal 8,3 % fl-2010. L-irkupru ekonomiku kien b’saħħtu bil-PDG jespandi bi 3,1 % fl-2010, sostnut kemm mid-domanda domestika kif ukoll minn reazzjoni pożittiva fl-esportazzjonijiet. Wara tnaqqis għal żmien qasir fl-2009, il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u l-volumi tal-kostruzzjoni tar-residenzi rkupraw malajr għal-livelli ogħla mill-perjodu ta' qabel il-kriżi, fattur li qajjem tħassib dwar espansjoni eċċessiva tas-suq immobiljari. Il-Finlandja ħarġet mill-kriżi ekonomika b’defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 2,5 % tal-PDG fl-2010 u b'dejn ta' 48,5 % tal-PDG.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-Programm ta’ Stabbiltà huwa plawsibbli għall-2011-2012, iżda kemxejn favorevoli għall-perjodi ta' wara. Għall-2011-2012, ix-xenarju makroekonomiku huwa konformi mal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni. Għall-2013-2015, il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi tkabbir ta’ madwar 2 % fil-PDG li huwa kemxejn aktar ’il fuq mill-istima tat-tkabbir potenzjali ta’ 1,5 % u għalhekk, dan jista’ jkun suġġett għal xi riskji ta’ ċaqliq ’l isfel. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja huwa li d-defiċit jitnaqqas għal 0,9 % tal-PDG fl-2011 u għal 0,7 % tal-PDG fl-2012 b'riflessjoni ta' titjib ċikliku fl-ekonomija u xi miżuri ta' konsolidazzjoni diġà deċiżi mill-gvern preċedenti. Madankollu, l-aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà ma jippjanax aktar konsolidazzjoni fiskali għall-perjodu 2013-2015. Ir-riskji għall-miri baġitarji jidhru li huma bbilanċjati. L-aktar fattur tar-riskju li jispikka ġej mill-ambjent makroekonomiku globali li, tradizzjonalment, kellu impatt qawwi fuq l-ekonomija Finlandiża dipendenti fuq l-esportazzjoni.

(9)

L-aħħar aġġornament tal-Programm ta’ Stabbiltà ma jipprevedix l-użu tat-titjib previst fil-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-konsolidazzjoni baġitarja fuq terminu medju. Filwaqt li huwa previst li l-objettiv ta' terminu medju (OTM), stipulat mill-awtoritajiet Finlandiżi bħala surplus strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG, jintlaħaq fl-2011, fis-snin ta’ wara, il-bilanċ strutturali se jaqa’ taħt il-mira.

(10)

Skont il-valutazzjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru medji. Filwaqt li azzjonijiet kontra l-effetti tax-xjuħija tal-popolazzjoni kienu waħda mill-prijoritajiet ta' gvernijiet suċċessivi Finlandiżi, il-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' bidla qawwija u immedjata demografika u għadha teżisti diskrepanza notevoli fis-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi. Din l-isfida għandha implikazzjonijiet għal ħafna oqsma ta’ politika. It-tixjiħ tal-popolazzjoni se jwassal għal żieda sinifikanti fid-domanda għal servizzi relatati max-xjuħija li, fil-biċċa l-kbira, huma pprovduti mill-gvernijiet lokali fil-Finlandja. Fi studji varji nstab li t-titjib tal-produttività tas-servizzi pubbliċi kien dgħajjef matul l-aħħar snin. L-awtoritajiet Finlandiżi diġà implimentaw diversi riformi biex jiġu ristrutturati s-servizzi pubbliċi u tingħata spinta lill-produttività kemm fuq il-livell ta’ gvern ċentrali kif ukoll ta’ dak lokali. L-investimenti relattivament kbar fit-teknoloġija tal-informazzjoni fis-settur pubbliku għadhom ma sarrfux f’titjib fil-produttività u dan jimplika li huwa meħtieġ li dawn l-investimenti jkunu akkumpanjati minn bidliet strutturali u amministrattivi. Globalment, għad hemm lok għal miżuri addizzjonali biex jinkisbu żidiet fil-produttività u ffrankar fil-kost tal-għoti tas-servizz pubbliku.

(11)

Iż-żieda attwali tal-qgħad fit-tul jagħti lok għal tħassib. Bejn l-2005 u l-2008, il-qgħad fit-tul naqas b’mod sostanzjali, iżda reġa’ beda jiżdied fl-2009. Sal-aħħar ta’ Marzu 2011 il-qgħad fit-tul kien ta’ 57 400, b’żieda ta’ 12 400 fuq is-sena preċedenti. Ħafna min-nies diżokkupati fit-tul huma attwalment fil-grupp ta’ età bejn il-55 u l-64 sena. Minħabba x-xejriet tal-irtirar, l-akbar żieda fil-qgħad se jkun fil-grupp ta’ età bejn il-45 u l-54 sena. Għalkemm ir-rata tal-qgħad fit-tul fil-Finlandja hija taħt il-medja tal-UE, din il-kwistjoni għandha titqies fil-kuntest tal-iżgurar tal-provvista ta’ ħaddiema fil-futur u tal-inklużjoni soċjali. L-esperjenza turi li l-qgħad fit-tul, b’mod partikolari, iżid ir-riskju tal-povertà u l-esklużjoni soċjali. Għalkemm l-awtoritajiet Finlandiżi jirrikonoxxu ż-żieda fil-qgħad fit-tul bħala kwistjoni urġenti, sa issa ma ġiet imfassla ebda strateġija komprensiva biex tindirizza din il-kwistjoni. Il-Finlandja espandiet miżuri ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol (miżuri ALMP) b'mod effiċjenti waqt il-kriżi fil-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ. Filwaqt li dan għen fit-tnaqqis fil-qgħad taż-żgħażagħ fl-2010-2011, dan xorta baqa’ ogħla mill-medja tal-UE, u jista’ jeħtieġ miżuri ġodda. Bl-istess mod, ir-rinforz u l-indirizzar aħjar tal-miżuri ALMP għandhom jgħinu fit-treġġigħ lura tax-xejra negattiva tal-qgħad fit-tul.

(12)

Meta jitqiesu l-bidliet demografiċi, żieda fir-rata tal-impjieg ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età hija importanti għall-finanzi pubbliċi u kruċjali biex tintlaħaq id-domanda għall-ħaddiema fil-futur. Is-sistema tal-pensjonijiet Finlandiża ġiet irriformata fl-2005 u l-benefiċċji ta’ pensjoni ġew marbuta mal-koeffiċjent tal-istennija tal-għomor fl-2009. Madankollu, attwalment, l-età statutorja tal-pensjoni mhijiex marbuta tal-istennija tal-għomor. Meta titqies iż-żieda kontinwa fl-istennija tal-għomor, rabta bħal din mhux biss tikkontribwixxi għall-provvista ta’ ħaddiema iżda tista’ tgħin ukoll fl-iżgurar tal-adegwatezza tal-pensjonijet. Matul l-aħħar ftit snin tnaqqsu l-iskemi ta’ rtirar kmieni, iżda xorta fadal lok għal aktar miżuri biex jitjiebu l-inċentivi għax-xogħol fost l-anzjani. Pereżempju, il-benefiċċji tal-qgħad estiżi għall-anzjani jaħdmu b’mod ġenerali bl-istess mod bħall-pensjoni tal-qgħad li ġiet imneħħija. Minkejja li kien hemm titjib matul l-aħħar għaxar snin, ir-rati tal-okkupazzjoni ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-età effettiva ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol huma baxxi wisq. Ħafna drabi, id-diżabbiltà hija l-kawża tal-irtirar kmieni. Iż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar teħtieġ miżuri li jqisu wkoll il-kwalità tal-ħajja tax-xogħol, inklużi l-benesseri u s-saħħa tal-impjegati. Dan huwa importanti b’mod partikolari minħabba l-għadd għoli ta’ persuni fuq pensjonijiet ta' diżabbiltà. Mill-2009 ’l hawn, il-Finlandja nefqet madwar EUR 21 miljun fuq proġetti għat-titjib tal-ambjent tax-xogħol. L-impatt ta’ dawn l-inizjattivi jistħoqqlu valutazzjoni. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija, tradizzjonalment, għolja ħafna fil-Finlandja u se tkompli tkun importanti hekk kif ikun hemm ħtiġijiet ta' ħiliet ġodda u bidliet demografiċi.

(13)

Kompetizzjoni akbar, partikolarment fis-settur tas-servizzi, saret dejjem aktar rilevanti biex tingħata spinta lill-produttività u jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali ekonomiku. Il-pożizzjoni ġeografika remota tal-Finlandja kif ukoll id-densità baxxa tal-popolazzjoni jdgħajfu l-kompetizzjoni fin-negozju u dan jirriżulta fi tkabbir relattivament baxx tal-produttività fis-setturi mhux kummerċjali. L-istrutturi eżistenti ta' negozju huma okkażjonalment konċentrati ħafna, partikolarment fl-industrija tal-ikel jew fil-kummerċ fil-livell tal-operaturi u tal-konsumaturi. Dan jista’ jikkontribwixxi għal-livell relattivament għoli tal-prezz tal-konsumatur, għalkemm jista' jkun hemm ukoll il-fattur tad-distanzi twal tat-trasport. Il-prezzijiet tal-konsumaturi huma fost l-ogħla fl-UE. Il-kompetizzjoni fil-kummerċ fil-livell tal-konsumaturi għada parzjalment imfixkla mir-regolamenti, minkejja li dawn saru inqas stretti riċentement, u minn ostakli għad-dħul fis-suq u l-ħruġ minnu minn impriżi barranin u domestiċi.

(14)

L-impenji speċifiċi skont il-Patt Euro Plus mhumiex stipulati b’mod espliċitu fil-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Finlandja imma hu mistenni li jiġu ppreżentati hekk kif jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid.

(15)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma filwaqt li qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika stabbli fil-Finlandja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-UE. Tqis li l-miżuri ta' konsolidazzjoni għandhom jiġu speċifikati għat-terminu medju u li hemm bżonn ta' aktar azzjoni biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi tingħata spinta lill-produttività tas-settur pubbliku. Hemm bżonn ukoll ta’ aktar azzjoni biex jiżdiedu l-inċentivi għax-xogħol u biex tiżdied l-età effettiva tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jissaħħu l-produttività u l-kompetizzjoni fis-swieq tas-settur tas-servizzi.

(16)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-Finlandja u l-opinjoni tiegħu (3) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) u (2) tiegħu ta' hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Finlandja.

JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

1.

Tkompli l-konsolidazzjoni fiskali billi jintuża kwalunkwe dħul imprevist biex jitnaqqas id-defiċit, filwaqt li jittieħdu miżuri addizzjonali biex il-pożizzjoni fiskali tinżamm ogħla mill-objettiv ta' terminu medju, b'mod partikolari permezz ta' konformità mal-punt ta' riferiment dwar in-nefqa għall-perjodu medju.

2.

Tieħu aktar azzjonijiet biex jinkisbu żidiet fil-produttività u ffrankar fil-kost tal-forniment tas-servizz pubbliku, inklużi bidliet strutturali, bħala reazzjoni għall-isfidi li jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni.

3.

Timmira aħjar lejn miżuri tas-suq tax-xogħol għad-diżokkupati fit-tul u ż-żgħażagħ.

4.

Tieħu miżuri biex ittejjeb l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja. Tieħu aktar passi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità ma' prattiki nazzjonali, sabiex jiġu mħeġġa l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol, permezz ta' miżuri li jnaqqsu t-tluq bikri mix-xogħol u jżidu l-età effettiva tal-irtirar. Fid-dawl tas-sistema diġà eżistenti li torbot il-benefiċċji tal-pensjoni mal-istennija tal-għomor, tikkunsidra rabta bejn l-età statutorja tal-irtirar u al-istennija tal-għomor.

5.

Tieħu aktar miżuri biex tiftaħ aktar is-settur tas-servizzi, billi tfassal mill-ġdid il-qafas regolatorju u tneħħi r-restrizzjonijiet biex tiffaċilita d-dħul ġdid fis-swieq tas-settur tas-servizzi, speċjalment fis-settur tal-konsumaturi.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top