EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0003

Kawża T-3/11: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Jannar 2011 — Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

ĠU C 139, 7.5.2011, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/18


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2011 — Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-3/11)

2011/C 139/36

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u J. Saraiva de Almeida, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2010 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea spejjeż speċifiċi magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), fil-parti li ssostni li minħabba “Nuqqasijiet fis-sistema LPIS-GIS, il-prestazzjoni ta’ verifiki fuq il-post u l-kalkulazzjoni tas-sanzjonijiet”, applikat korrezzjonijiet finanzjarji f’diversi miżuri, fejn eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ammont ta’ EUR 40 690 655,11 fir-rigward tal-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti, għas-snin 2005, 2006 u 2007;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

(1)

L-ewwel motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward tal-verifiki magħmula fil-qasam tal-LPIS-GIS, abbażi tal-analiżi ta’ riskju, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004.

(2)

It-tieni motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward tal-intensifikazzjoni tal-verifiki magħmula fil-qasam tal-LPIS-GIS, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004.

(3)

It-tielet motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward tal-verifiki magħmula fil-qasam tal-LPIS-GIS skont ir-regola 75 %/90% li għaliha jirreferi l-Artikolu 24(1)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004.

(4)

Ir-raba’ motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-eżistenza ta’ verifiki li ma wasslu għal ebda konklużjoni u/jew li kellhom ċerti nuqqasijiet, fejn ibbażat ruħha fuq każ wieħed partikolari biss ta’ inklużjoni ta’ awtostrada fiż-żona tal-art ammissibbli.

(5)

Il-ħames motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-“Linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji meta ssir il-preparazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ ħlas tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” li jinsabu fid-Dokument VI/5330/1997-PT, bil-konsegwenti ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri.

(6)

Is-sitt motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji minbarra l-ispejjeż relatati mas-Sistema ta’ Ħlas Uniku, għas-sena 2006, li jinkludi, b’hekk, il-miżuri kollha tal-ewwel u tat-tieni pilastru.

(7)

Is-seba’ motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett li jirrigwarda l-“Kalkolu tas-sanzjonijiet” fid-dawl tal-elementi prodotti mill-awtoritajiet Portugiżi, li minnhom tirriżulta l-osservanza ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ riskju għall-Fond, fejn f’dan il-każ partikolari, minbarra l-kumplament, id-deċiżjoni kkontestata tirrappreżenta ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(8)

It-tmien motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ ksur intenzjonat talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Portugiżi li juru osservanza sħiħa ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004.

(9)

Id-disa’ motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Portugizi, li juru l-osservanza ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2237/2003, għas-sena 2004, u tal-Artikolu 13(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 796/2004, għas-sena 2005, fir-rigward tal-verifiki tad-densità minima ta’ siġar ta’ frott b’qoxra iebsa.

(10)

L-għaxar motiv jikkonċerna żball manifest tal-Kummissjoni fir-rigward tal-korrezzjonijiet li kellhom inċidenza fuq ammonti mħallsa fil-kuntest tal-miżura “Ammonti addizzjonali ta’ għajnuna” — premji għal annimali u fondi RPU mħallsa għal drittijiet speċjali.


Top