EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0037

Kawża C-37/09: Rikors ippreżentat fit- 28 ta' Jannar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża

ĠU C 82, 4.4.2009, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/17


Rikors ippreżentat fit-28 ta' Jannar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-37/09)

(2009/C 82/31)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J.-B. Laignelot, S. Pardo Quintillán u P. Guerra e Andrade, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji, minn naħa, sabiex tiżgura l-eliminazzjoni jew l-irkupru tal-iskart mormi fil-barrieri dos Limas, dis Linos u dos Barreiras, li jinsabu fil-parroċċa ta' Lourosa, mingħajr ma tipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr ma tikkawża ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari mingħajr ma toħloq riskji għall-ilma u għall-ħamrija u sabiex dan l-iskart jingħata lil servizz ta' ġbir privat jew pubbliku jew lil impriża inkarigati mill-eliminazzjoni jew mill-irkupru, u billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji, min-naħa l-oħra, biex tillimita l-introduzzjoni fl-ilma ta' taħt l-art ta' sustanzi li jaqgħu taħt il-Lista II tad-Direttiva 80/68/KEE, b'mod li jiġi evitat it-tniġġis ta' dan l-ilma mis-sustanzi inkwistjoni, ir-Repubblika Portugiża ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12/KE, dwar l-iskart, li kkodifikat id-Direttiva 75/442/KEE, dwar l-iskart, kif ukoll taħt l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 80/68/KEE, dwar il-ħarsien tal-ilma ta' taħt l-art kontra tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mis-snin tmenin, bdew jiġu ddepożitati, fil-barrieri li ma kienux qed jintużaw iżjed, ħmieġ u skart ta' natura differenti mingħajr ebda kontroll mill-awtoritajiet. Ir-rimi ta' skart baqa' għaddej sa Frar tal-2004. Kien biss f'Ġunju tal-2004 li s-sit tbattal.

Analiżi tal-ilma minn partijiet differenti taż-żona tal-barrieri l-qodma wriet livelli preokkupanti ta' kontaminazzjoni kimika. Is-saff tal-ilma taż-żona huwa kkontaminat.

Il-Gvern Portugiż ma ħax, għal ħafna snin, id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jipprojbixxi lil min kellu skart mhux identifikat milli jarmi u jabbanduna skart fil-barrieri li ma kinux qed jintużaw iżjed. Huwa ma ppenalizzax ir-rimi u l-abbandun ta' skart fil-barrieri u ma kkontrollax l-eliminazzjoni tiegħu.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Portugiż ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxi l-introduzzjoni ta' sustanzi tossiċi u perikolużi fl-ilma ta' taħt l-art. Huwa ma ssuġġettax għal investigazzjoni preliminari r-rimi ta' skart li setgħet twassal għat-tneħħija indiretta, fl-ilma ta' taħt l-art, tas-sustanzi perikolużi. Barra minn hekk, huwa ma kkontrollax l-iskart fuq il-wiċċ tal-miżbla.


Top