EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0197

Kawża T-197/08: Rikors ippreżentat fit- 23 ta' Mejju 2008 — Polson et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/55


Rikors ippreżentat fit-23 ta' Mejju 2008 — Polson et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-197/08)

(2008/C 209/100)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Magnus Polson (Lerwick, ir-Renju Unit), Garry Sandison (Lerwick, ir-Renju Unit), Andrew Anderson (Whalsay, ir-Renju Unit), Ian Johnston (Lerwick, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: R. Murray, Solicitor, R. Thompson, QC)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1(2), 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru 39/2006 (ex NN 94/2005) tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-Iskema ta' Azzjonisti għall-Ewwel Darba implimentata mir-Renju Unit;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/166/KE, Għajnuna mill-Istat Nru 39/2006 (ex NN 94/2005) tat-13 ta' Novembru 2007, dwar l-Iskema ta' Azzjonisti għall-Ewwel Darba implimentata mir-Renju Unit (1). Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni sakemm kienet tikkonċerna għajnuna mogħtija għall-akkwist għall-ewwel darba ta' sehem f'bastiment tas-sajd użat u talbet lir-Renju Unit jirkupra l-għajnuna mogħtija. Ir-rikorrenti huma l-benefiċjarji ta' l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-motivi li ġejjin:

Il-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-pagamenti kollha magħmula għall-akkwist għall-ewwel darba ta' sehem f'bastiment tas-sajd użat kienu inkompatibbli mas-suq komuni u kellhom jitħallsu lura; ir-rikorrenti jsostnu li l-ammonti mogħtija jaqgħu taħt il-portata tar-Regolament tal-Kunsill 875/2007 (2) u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet de minimis li huma kompatibbli mas-suq komuni; huma jsostnu li l-Artikolu 1(2) u l-Artikoli 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata jestendu illegalment għal benefiċjarji ta' għajnuna li aġixxew b'mod konformi fil-mertu mal-linjigwida Komunitarji relevanti;

Il-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-irkupru ta' dawn il-pagamenti huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (3) kif ukoll mal-prinċipji ġenerali ta' ċertezza legali u l-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' trattament ugwali.


(1)  ĠU 2008 L 55, p. 27.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007, ta' l-24 ta' Lulju 2007, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004, ĠU 2007 L 193, p. 6.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU 1999 L 83, p. 1).


Top