EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0259

Kawża C-259/08: Rikors ippreżentat fis- 17 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubbkika Ellenika

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/32


Rikors ippreżentat fis-17 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubbkika Ellenika

(Kawża C-259/08)

(2008/C 209/48)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakia u D. Recchia )

Konvenuta: Ir-Repubbkika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

Tikkonstata li billi li ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex titrasponi b'mod komplet u/jew korrett l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) u (2), mill-Artikolu 4(1), mill-Artikolu 5 u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE (1), tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet;

tikkundanna lir-Repubbkika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika sabiex titrasponi d-Direttiva 79/409/KEE. Dan l-eżami wera li ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva ma kinux ġew totalment u/jew korrettament trasposti.

2.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika ma trasponitx l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/409/KEE, peress li hija ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tippreserva, tmantni jew tirripristina diversita' suffiċenti u żoni ta' habitats għall-ispeċi kollha ta' l-għasafar li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1.

3.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 79/409/KEE ma ġiex traspost b'mod komplet u korrett, in kwantu l-att ta' traspożizzjoni ma jippermettix li tiġi mistħarġa l-legalità tal-klassifikazzjoni ta' żona bħala żona speċjali ta' protezzjoni (ŻSP), l-att ta' traspożizzjoni ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni fuq il-protezzjoni tal-bijotipi li jinsabu barra miż-ŻPS iżda fil-viċinat tagħhom u, fl-aħħar nett, l-att ta' traspożizzjoni ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar ir-ripristinar tal-bijotipi meqruda u l-kreazzjoni ta' bijotipi ġodda, għalkemm dawn huma għanijiet importanti tad-direttiva.

4.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409/KEE ma ġiex traspost korrettament in kwantu ma ġietx prevista ebda proċedura formali ta' klassifikazzjoni taż-żoni bħal ŻSP, mhemm l-ebda referenza espressa jew rabta bejn l-ispeċi ta' l-Anness I u l-obbligu ta' klassifikazzjoni bħal ŻSP u mhemm l-ebda referenza għall-obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni ta' l-ispeċi protetti.

5.

Wara, il-Kummissjoni tikkonstata li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/409/KEE ma ġiex traspost b'mod komplet u korrettament, in kwantu il-leġiżlazzjoni Griega ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni ġenereli li tipprotegi l-ispeċi, kif teżiġi d-direttiva, iżda hija orjentata lejn il-kaċċa. Ma' dan, il-projbizzjonijiet ta' qtil deliberatament ta' l-ispeċi protetti u tal-ġbir deliberament tal-bajd ma ġewx trasposti.

6.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 79/409/KEE ma ġiex traspost korrettament, in kwantu l-leġiżlazzjoni Griega ma tinkludix il-projbizzjoni ġenerali ta' l-użu tal-meżżi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil ta' l-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta' speċi.

7.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika ma ttrasponietx b'mod komplet u/jew korrett l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) u (2), mill-Artikolu 4(1), mill-Artikolu 5 u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi.


(1)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.


Top