EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0208

Kawża C-208/08 P: Appell ippreżentat fl- 20 ta' Mejju 2008 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim' Istanza (Il-Ħames Awla) fit- 28 ta' Frar 2008 fil-kawża T-215/06, American Clothing Associates vs UASI

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/22


Appell ippreżentat fl-20 ta' Mejju 2008 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim' Istanza (Il-Ħames Awla) fit-28 ta' Frar 2008 fil-kawża T-215/06, American Clothing Associates vs UASI

(Kawża C-208/08 P)

(2008/C 209/32)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: M. A. Folliard-Monguiral, aġent)

Appellata: American Clothing Associates SA

Talbiet ta' l-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-28 ta' Frar 2008 fil-kawża T-215/06, fejn iddeċidiet li l-Artikolu 7(10(h) tar-regolament dwar it-trade mark (1) ma japplikax għat-trade marks li jidentifikaw servizzi;

tikkundanna lill-American Clothing Associates SA għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iressaq aggravju wieħed in sostenn ta' l-appell tiegħu, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, moqri flimkien ma' l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni ta' Proprjetà Industrijali ta' l-20 ta' Marzu 1883 (2). Kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim'Istanza, dan l-aħħar artikolu, li jirreferi għall-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, japplika bl-istess mod għat-trade marks li jidentifikaw prodotti u għat-trade marks li jidentifikaw servizzi.

F'dan ir-rigward, l-appellant jirrileva, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi meta interpretat l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta' Pariġi b'mod litterali u barra mill-kuntest tiegħu, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-ispirtu ta' din id-dispożizzjoni u tal-Konvenzjoni in ġenerali, li, wara r-reviżjoni, li saret bl-Att ta' Liżbona tal-31 ta' Ottubru 1958, jimponi li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet dwar it-trade marks ta' ditti jew ta' negozju jew ta' trade marks fir-rigward ta' servizzi, bl-eċċezzjoni ta' xi dispożizzjonijiet mhux applikabbli għal dan il-każ.

L-appellant isostni li, fit-tieni lok, li l-leġiżlatur Komunitarju stess jikkontesta li għandha ssir distinzjoni bejn trade marks għal prodotti u trade marks għal servizzi peress li l-Artikolu 29 tar-Regolament dwar it-trade mark, li jittrasponi l-Artikolu 4 A tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, dwar id-dritt ta' prijorità, isemmi espressament is-servizzi koperti minn applikazzjoni għal trade mark.

Huwa josserva, fit-tielet lok li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza appellata, l-Artikolu 16 Trattat fuq il-liġi tat-trade marks, adottat f'Ġinevra fis-27 ta' Ottubru 1994, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkjarifika l-qasam ta' applikazzjoni għal sitwazzjonijiet li din l-aħħar konvenzjoni teskludi fil-verżjoni attwali tagħha.

Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li, f'sentenza reċenti, l-istess Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, għall-inqas impliċitament, li l-Konvenzjoni ta' Pariġi timponi trattament ugwali bejn it-trade marks ta' prodotti u t-trade marks ta' servizzi.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).

(2)  Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108.


Top