EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CB0201

Kawża C-201/05: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat- 23 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) — Ir-Renju Unit) — The Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue (L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Libertà ta' stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni diretta — Taxxa fuq il-kumpanniji — Dividendi ta' ishma mħallsa lil kumpannija residenti minn kumpannija non-residenti — Sistema tal-kumpanniji barranin ikkontrollati (KBK) — Sitwazzjoni li tikkonċerna pajjiż terz — Klassifikazzjoni ta' l-azzjonijiet miftuħa kontra l-awtorità fiskali — Responsabbiltà ta' Stat Membru għal ksur tad-dritt Komunitarju)

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/13


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-23 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) — Ir-Renju Unit) — The Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue

(Kawża C-201/05) (1)

(L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Libertà ta' stabbiliment - Moviment liberu tal-kapital - Tassazzjoni diretta - Taxxa fuq il-kumpanniji - Dividendi ta' ishma mħallsa lil kumpannija residenti minn kumpannija non-residenti - Sistema tal-kumpanniji barranin ikkontrollati (KBK) - Sitwazzjoni li tikkonċerna pajjiż terz - Klassifikazzjoni ta' l-azzjonijiet miftuħa kontra l-awtorità fiskali - Responsabbiltà ta' Stat Membru għal ksur tad-dritt Komunitarju)

(2008/C 209/18)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation

Konvenuti: Commissioners of Inland Revenue

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Justice (Chancery Division) — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43, 49 u 56 KE — Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Eżenzjoni — Dividendi mħallsa minn kumpanniji oħrajn lil kumpannija stabbilita fit-territorju nazzjonali — Sitwazzjoni differenti skond l-Istat fejn huma stabbiliti l-kumpanniji l-oħrajn

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, filwaqt li hija tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija non-residenti u li fiha l-kumpannija residenti żżomm holding li jippermettilha li teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta' din il-kumpannija u li tiddetermina l-attivitajiet tagħha, filwaqt li tagħti kreditu ta' tassazzjoni skond it-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat Membru ta' residenza tagħha, safejn ir-rata ta' tassazzjoni fuq id-dividendi ta' oriġini barranija mhijiex ogħla mir-rata ta' tassazzjoni applikata għad-dividendi ta' oriġini nazzjonali u li l-kreditu ta' tassazzjoni huwa għall-anqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sa mhux aktar mill-ammont ta' tassazzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, filwaqt li hija tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija non-residenti u li fiha l-kumpannija residenti żżomm mill-inqas 10 % tad-drittijiet tal-vot, filwaqt li tagħti kreditu ta' tassazzjoni skond it-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat Membru ta' residenza tagħha, safejn ir-rata ta' tassazzjoni fuq id-dividendi ta' oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta' tassazzjoni applikata għad-dividendi ta' oriġini nazzjonali u li l-kreditu ta' tassazzjoni jkun għall-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sa mhux aktar mill-ammont ta' tassazzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

L-Artikolu 56 KE għandu, minbarra dan, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, filwaqt li hija tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija non-residenti li fiha hija żżomm inqas minn 10 % tad-drittijiet tal-vot, mingħajr ma tagħtiha kreditu ta' tassazzjoni skond it-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat ta' residenza tagħha.

2)

L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tippermetti eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal ċerti dividendi miġbura minn kumpanniji residenti mingħand kumpanniji ta' assigurazzjoni residenti, iżda li teskludi din l-eżenzjoni għad-dividendi analogi miġbura minn kumpanniji non-residenti, safejn din timplika trattament inqas favorevoli ta' dawn l-aħħar dividendi.

3)

L-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-inkorporazzjoni, fil-bażi ta' stima taxxabbli ta' kumpannija residenti stabbilita fi Stat Membru, tal-profitti magħmula minn kumpannija barranija kkontrollata fi Stat Membru ieħor meta dawn il-profitti huma suġġetti fih għal livell ta' tassazzjoni inqas minn dak applikabbli fl-ewwel Stat, sakemm tali inkorporazzjoni tikkonċerna biss l-iskemi purament artifiċjali intiżi sabiex jevadu t-taxxa nazzjonali normalment dovuta.

Għaldaqstant, tali miżura ta' tassazzjoni m'għandhiex tiġi applikata meta jirriżulta, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi, li, minkejja l-eżistenza ta' motivazzjonijiet ta' natura fiskali, din il-kumpannija barranija kkontrollata hija realment stabbilita fl-Istat Membru ospitanti u teżerċita fih attivitajiet ekonomiċi effettivi.

Madankollu, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li timponi ċerti rekwiżiti ta' konformità meta l-kumpannija residenti tixtieq tiġi eżentata mit-taxxi diġà mħallsa fuq il-profitti ta' din il-kumpannija taħt kontroll fl-Istat ta' residenza tagħha safejn dawn ir-rekwiżiti għandhom bħala għan li jivverifikaw ir-realtà ta' l-istabbiliment tal-kumpannija barranija kkontrollata u n-natura effettiva ta' l-attivitajiet ekonomiċi tagħha mingħajr ma dan jimplika obbligi amministrattivi eċċessivi.

4)

L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tagħti vantaġġ fiskali skond it-taxxa fuq il-kumpanniji għal ċerti dividendi li kumpannji residenti jirċievu minn kumpanniji residenti, iżda li teskludi dan il-vantaġġ għad-dividendi miġbura minn kumpannji stabbiliti f'pajjiż terz b'mod partikolari meta l-għoti ta' dan il-vantaġġ huwa suġġett għal kundizzjonijiet li l-ħarsien tagħhom ma jistax jiġi vverifikat mill-awtoritajiet kompetenti ħlief billi jiksbu informazzjoni minn pajjiżi terzi fejn tkun stabbilita l-kumpannija li tqassam.

5)

Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali nazzjonali ta' kull wieħed mill-Istati Membri li għandha l-kompitu tistabbilixxi l-qrati kompetenti u tirregola r-regoli proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jieħdu mid-dritt Komunitarju, inkluż il-klassifikazzjoni ta' azzjonijiet mibdija mill-persuni li sofrew dannu quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu dawn il-qrati għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li l-individwi għandhom rimedju legali effettiv li jagħtihom l-opportunità li jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura u ta' l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat Membru jew miżmuma minnu f'relazzjoni diretta ma' din it-taxxa. Fir-rigward ta' danni oħrajn li tkun issubixxiet persuna minħabba ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru, dan ta' l-aħħar għandu l-obbligu li jagħti kumpens għad-danni kkawżati lil individwi fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 tas-sentenza tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93), mingħajr ma dan jeskludi li, fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali, ir-responsabbiltà ta' l-Istat tista' tiġi stabbilita f'kundizzjonijiet inqas restrittivi.

Meta jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment ipprojbita mill-Artikolu 43 KE jew restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 56 KE, il-qorti tar-rinviju tista', sabiex tiddetermina d-dannu li għalih għandu jingħata kumpens, tivverifika jekk il-persuni li sofrew dannu ressqux prova ta' diliġenza raġonevoli sabiex jevitaw dawn id-danni jew jillimitaw il-portata tagħhom u jekk, b'mod partikolari, huma użawx fil-ħin ir-rimedji legali kollha li kienu għad-dispożizzjoni tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-Artikoli 43 KE u 56 KE jagħtu lill-individwi jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-qorti tar-rinviju tista' tiddetermina jekk l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, flimkien, skond il-każ, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim preventivi tat-tassazzjoni doppja, kinitx f'kull każ twassal għaċ-ċaħda tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem l-awtorità fiskali ta' l-Istat Membru kkonċernat.


(1)  ĠU C 182, 23.7.2005.


Top