EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CA0188

Kawża C-188/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l- 24 ta' Ġunju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation — Franza) — Commune de Mesquer vs Total France SA, Total International Ltd (Direttiva 75/442/KEE — Ġestjoni ta' l-iskart — Kunċett ta' skart — Prinċipju li min iniġġes iħallas — Detentur — Detenturi ta' qabel — Produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart — Idrokarburi u żejt karburant tqil (heavy fuel oil) — Nawfraġju — Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt — Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt)

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-24 ta' Ġunju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation — Franza) — Commune de Mesquer vs Total France SA, Total International Ltd

(Kawża C-188/07) (1)

(Direttiva 75/442/KEE - Ġestjoni ta' l-iskart - Kunċett ta' skart - Prinċipju li min iniġġes iħallas - Detentur - Detenturi ta' qabel - Produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart - Idrokarburi u żejt karburant tqil (heavy fuel oil) - Nawfraġju - Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt - Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt)

(2008/C 209/14)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commune de Mesquer

Konvenuta: Total France SA, Total International Ltd

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour de cassation (Franza) — Interpretazzjoni ta' l- Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata bid-Direttiva 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32), u tal-kategorija Q4 ta' l-Anness I kif ukoll ta' l-Artikolu 1(b) u (ċ) u ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9) — Kunċett ta' skart — Inklużjoni ta' l-idrokarburi u taż-żejt karburant tqil (heavy fuel oil), waħdu jew imħallat bl-ilma u bir-ramel? — Responsabbiltà tal-produttur u/jew tad-detentur ta' l-iskart f'każ ta' trasport effettwat minn terza persuna

Dispożittiv

1)

Sustanza bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri taż-żejt karburant tqil mibjugħ bħala kombustibbli, ma tikkostitwixxix skart fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, ta' l-24 ta' Mejju 1996, peress li tintuża jew tinbiegħ f'kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi u tista' effettivament tintuża bħala kombustibbli mingħajr operazzjoni ta' trasformazzjoni minn qabel.

2)

Idrokarburi mxerrda inċidentalment fil-baħar wara nawfraġju, li jitħalltu ma' l-ilma kif ukoll mas-sedimenti u li jinfirxu ma' tul il-kosti ta' Stat Membru sakemm jaslu sax-xtut, jikkostitwixxu skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, peress li dawn ma jistgħux iktar jintużaw jew jinbiegħu mingħajr operazzjoni ta' trasformazzjoni minn qabel.

3)

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, għat-tixrid inċidentali ta' idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosti ta' Stat Membru:

il-qorti nazzjonali tista' tikkunsidra l-bejjiegħ ta' dawn l-idrokarburi u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasportahom bħala prodottur ta' l-imsemmi skart, fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, u billi jagħmel dan, bħala “detentur ta' qabel” għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-ewwel parti tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 15 ta' din id-direttiva, jekk din il-qorti, fid-dawl ta' l-elementi li hija biss tista' tevalwa, tasal għall-konklużjoni li dan il-bejjiegħ-noleġġatur ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat minn dan in-nawfraġju, b'mod partikolari jekk naqas milli jieħu l-miżuri sabiex jiġi evitat avveniment bħal dan, bħal per eżempju dawk li jikkonċernaw l-għażla tat-tanker;

jekk jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija ta' l-iskart iġġenerat minn tixrid inċidentali ta' idrokarburi fil-baħar ma jkunux koperti mill-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt jew ma jistgħux ikunu koperti minħabba li jkun eżawrit il-limitu ta' kumpens previst għal dan l-inċident, u li skond dawn il-limiti u/jew eżoneri mir-responsabbiltà previsti, id-dritt nazzjonali ta' Stat Membru inkluż dak li joħroġ minn konvenzjonijiet internazzjonali, ma jippermettix li dawn l-ispejjeż ikunu sostnuti minn sid it-tanker u/jew in-noleġġatur ta' dan ta' l-aħħar, minkejja li dawn għandhom jitqiesu bħala “detenturi” fis-sens ta' l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, tali dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti, sabiex tiġi assigurata traspożizzjoni konformi ma' l-Artikolu 15 ta' din id-direttiva, li l-imsemmija spejjeż jiġu sostnuti mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart imxerred. Madankollu, skond il-prinċipju li min iniġġes iħallas, tali produttur jista' jkun meħtieġ isostni dawn l-ispejjeż fil-każ biss li, bl-attività tiegħu, huwa jkun ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat min-nawfraġju tat-tanker.


(1)  ĠU C 129, 9.6.2007.


Top