EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CA0284

Kawża C-284/06: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas- 26 ta' Ġunju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof, il-Ġermanja) — Finanzamt Hamburg-Am Tierpark vs Burda Gmbh, preċedentament Burda Verlagsbeteiligungen GmbH (Leġiżlazzjoni fiskali — Libertà ta' stabbiliment — Direttiva 90/435/KEE — Taxxa fuq il-kumpanniji — Sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta' Stati Membri differenti — Kumpannija kapitali — Tqassim tad-dħul u taż-żidiet fl-assi — Taxxa f'ras il-għajn — Kreditu ta' taxxa — Trattament ta' l-azzjonisti residenti u ta' l-azzjonisti mhux residenti)

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta' Ġunju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof, il-Ġermanja) — Finanzamt Hamburg-Am Tierpark vs Burda Gmbh, preċedentament Burda Verlagsbeteiligungen GmbH

(Kawża C-284/06) (1)

(Leġiżlazzjoni fiskali - Libertà ta' stabbiliment - Direttiva 90/435/KEE - Taxxa fuq il-kumpanniji - Sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta' Stati Membri differenti - Kumpannija kapitali - Tqassim tad-dħul u taż-żidiet fl-assi - Taxxa f'ras il-għajn - Kreditu ta' taxxa - Trattament ta' l-azzjonisti residenti u ta' l-azzjonisti mhux residenti)

(2008/C 209/05)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt Hamburg-Am Tierpark

Konvenuta: Burda Gmbh, preċedentament Burda Verlagsbeteiligungen GmbH

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6), li sar l-Artikolu 5 fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva 90/435/KEE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri differenti (ĠU L 7, p. 41) — Kunċett ta' taxxa f'ras il-għajn — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tassazzjoni tad-dħul u taż-żidiet fil-kapital ta' kumpannija sussidjarja fil-każ ta' tqassim ta' profitti lill-kumpannija parent tagħha, filwaqt li dawn ma kinux ikunu taxxabbli li kieku baqgħu fi ħdan il-kumpannija sussidjarja — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43, 56 u 58 tat-Trattat KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tpaċija tat-tqassim ta' profitti ta' kumpannija kapitali mal-kapital tagħha stess, li twassal għal tassazzjoni anki fil-każ ta' tqassim ta' dividendi lil azzjonisti mhux residenti li ma jistgħux inaqqsu t-taxxa fuq il-kumpanniji mit-taxxi tagħhom stess

Dispożittiv

1)

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistipula li, fil-każ ta' tqassim ta' profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, it-tassazzjoni tad-dħul u taż-żidiet fl-assi tal-kumpannija sussidjarja li ma kinux ikunu ntaxxati li kieku din ta' l-aħħar żammithom minflok ma qassmithom lill-kumpannija parent, ma tikkostitwixxix taxxa f'ras il-għajn skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta' Stati Membri differenti.

2)

L-Artikolu 52 tat-trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik ta' l-Artikolu 28(4) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji ta' l-1996, (Körperschaftsteuergesetz 1996), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-tassazzjoni tal-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja residenti fi Stat Membru lill-kumpannija parent tagħha hija suġġetta għall-istess mekkaniżmu korrettorju, kemm jekk il-kumpannija parent tkun residenti fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor, minkejja li, kuntrarjament għal kumpannija parent residenti, kumpannija parent mhux residenti ma tingħatax kreditu ta' taxxa mill-Istat Membru fejn hi residenti l-kumpannija sussidjarja tagħha.


(1)  ĠU C 237, 30.9.2006.


Top