EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0162

Kawża C-162/08: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Monomeles Protodikeio Rethymnis (Il-Greċja) fis- 17 ta' April 2008 — Geórgios K. Lagoudakis vs Kéntro Anoiktis Prostasias Hlikiomenon Dimou Rethymnis

ĠU C 171, 5.7.2008, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 171/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Monomeles Protodikeio Rethymnis (Il-Greċja) fis-17 ta' April 2008 — Geórgios K. Lagoudakis vs Kéntro Anoiktis Prostasias Hlikiomenon Dimou Rethymnis

(Kawża C-162/08)

(2008/C 171/32)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Monomeles Protodikeio Rethymnis (Il-Greċja).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Geórgios K. Lagoudakis.

Konvenut: Kéntro Anoiktis Prostasias Hlikiomenon Dimou Rethymnis.

Domandi preliminari

1.

Il-klawżola 5 u l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, li jifforma parti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70 (ĠU L 175 ta' l-10 ta' Lulju 1999, p. 43) għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprekludi (għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tal-ftehim qafas imsemmi) l-adozzjoni ta' miżuri mill-Istat Membru meta: a) qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, tkun diġà teżisti, fis-sistema legali interna, miżura legali ekwivalenti, skond il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas? b) il-miżuri adottati sabiex jiġi implimentat il-ftehim qafas iġibu magħhom tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss?

2.

Fil-każ ta' risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, fil-każ fejn m'hemmx diversi kuntratti suċċessivi iżda kuntratt ta' xogħol wieħed għal żmien fiss li għandu l-iskop reali li jimpjega lill-ħaddiem sabiex ikopri, mhux bżonnijiet provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti ta' min iħaddem, iżda fir-realtà bżonnijiet “permanenti u dewwiema”, it-tnaqqis tal-protezzjoni ggarantita huwa marbut ma' l-implementazzjoni tal-ftehim qafas u tad-direttiva msemmija? Għaldaqstant, tali tnaqqis huwa pprojbit jew awtorizzat fid-dawl tad-dritt Komunitarju?

3.

Fil-każ ta' risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE kienet teżisti miżura ekwivalenti skond il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f'dan il-każ ta' l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, l-adozzjoni ta' miżura leġiżlattiva minħabba l-implementazzjoni tal-ftehim qafas — bħad-dispożizzjoni rilevanti f'dan il-każ ta' l-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 — tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli fis-sistema legali interna tal-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss, skond il-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas:

a)

meta l-miżura leġiżlattiva msemmija li timplementa l-ftehim qafas tapplika biss għall-każijiet ta' diversi kuntratti jew relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien fiss suċċessivi, bl-esklużjoni tal-każijiet ta' impjegati kuntrattwali li kkonkludew kuntratt wieħed biss (u mhux diversi kuntratti suċċessivi) għal żmien fiss sabiex ikopru bżonnijiet “permanenti u dewwiema” ta' min iħaddem, filwaqt li l-miżura legali li kienet teżisti qabel kienet tkopri l-każijiet kollha ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien fiss, inklużi dawk fejn il-ħaddiema kienu kkonkludew kuntratt wieħed biss għal żmien fiss, iżda li fil-fatt kellhom l-iskop li jkopru, permezz tas-servizzi tal-ħaddiem, mhux bżonnijiet provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fir-realtà “permanenti u dewwiema”?

b)

meta l-miżura leġiżlattiva msemmija li timplementa l-ftehim qafas tistabbilixxi, bħala effett legali intiż sabiex jipproteġi lill-ħaddiema impjegati għal żmien fiss u sabiex jipprevjeni l-abbużi, skond il-ftehim qafas, ir-rikwalifikazzjoni ex nunc tal-kuntratti ta' xogħol għal żmien fiss f'kuntratti ta' xogħol għal żmien mhux determinat, filwaqt li l-miżura legali li kienet teżisti qabel kienet tipprevedi r-rikwalifikazzjoni tal-kuntratti ta' xogħol għal żmien fiss f'kuntratti ta' xogħol għal żmien mhux determinat mid-data inizjali tal-konklużjoni tagħhom (ex tunc)?

4.

Fil-każ ta' risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, peress li qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE kienet teżisti miżura ekwivalenti skond il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f'dan il-każ ta' l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, min-naħa waħda, l-għażla tal-leġiżlatur Grieg li jeskludi mill-protezzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 imsemmi iktar 'il fuq lil dawk il-każijiet ta' abbuż li fihom il-ħaddiem ikun ikkonkluda kuntratt ta' xogħol għal żmien fiss wieħed biss, li madankollu fir-realtà jkun intiż sabiex ikopri bżonnijiet mhux provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fir-realtà “permanenti u dewwiema” u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-leġiżlatur Grieg naqas milli jadotta miżura identika, speċifika għal tali każ, u effettiva — li tipproduċi effetti legali li jipproteġu lill-ħaddiema f'tali każ ta' abbuż u li tmur lil hinn mill-protezzjoni prevista b'mod ġenerali, fil-każ ta' impjieg fil-kuntest ta' kuntratt null, mil-liġi komuni tax-xogħol tas-sistema legali Griega (mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni l-abbuż skond il-ftehim qafas) li bis-saħħa tiegħu l-ħaddiem Grieg jista' jitlob il-ħlas tal-pagi tiegħu kif ukoll kumpens għat-tkeċċija, kemm jekk il-kuntratt kien validu jew le — jikkostitwixxu tnaqqis inaċċettabbli fis-sistema legali interna tal-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss, skond il-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas, fid-dawl tal-fatt:

a)

li l-obbligu li titħallas il-paga u l-kumpens, stabbilit mil-liġi nazzjonali għal kull tip ta' relazzjoni tax-xogħol, mhiex speċjalment intiża sabiex tipprevjeni l-abbuż skond il-ftehim qafas, u

b)

li l-implementazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet teżisti qabel għandha bħala effett legali r-rikonoxximent ta' l-uniku kuntratt ta' xogħol għal żmien fiss bħala kuntratt għal żmien mhux determinat?

5.

Fil-każ ta' risposta fil-pożittiv għad-domandi preċedenti, meta tinterpreta l-liġi nazzjonali tagħha fid-dawl tad-Direttiva 1999/70/KE, il-qorti nazzjonali għandha tinjora d-dispożizzjonijiet li mhumiex kompatibbli magħha li ġew adottati minħabba l-implementazzjoni tal-ftehim qafas, iżda li jwasslu għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni fil-liġi interna tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss — bħad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, li b'mod taċitu iżda ċar jeskludu mill-protezzjoni tagħhom il-każijiet ta' abbuż li fihom il-ħaddiema jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien fiss wieħed biss, iżda li fil-fatt kellu l-għan li jkopri permezz tas-servizzi tal-ħaddiem bżonnijiet mhux provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fir-realtà “permanenti u dewwiema” — u għandu japplika minflokhom id-dispożizzjonijiet tal-miżura legali nazzjonali ekwivalenti li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, bħad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 ?

6.

Meta l-qorti nazzjonali — bħala prinċipju — tqis li tkun applikabbli, għal kwistjoni dwar xogħol għal żmien fiss, dispożizzjoni (f'dan il-każ, l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920) li tikkostitwixxi miżura legali ekwivalenti skond il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas u li bis-saħħa tagħha l-konstatazzjoni li kuntratt ta' xogħol, anki uniku, ikun ġie konkluż għal żmien fiss mingħajr ma huwa ġġustifikat minn raġuni oġġettiva relatata man-natura jew mal-karatteristiċi tal-kuntratt jew ma' l-attività, jimplika r-rikwalifikazzjoni ta' dan il-kuntratt f'kuntratt għal żmien mhux iddeterminat:

a)

interpretazzjoni u implementazzjoni tal-liġi nazzjonali mill-qorti nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu l-fatt li l-konklużjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien fiss fis-settur pubbliku kienet legalment ibbażata fuq liġi dwar l-impjieg għal żmien fiss sabiex tkopri bżonnijiet soċjali speċjali, komplementari, urġenti jew provviżorji (f'dan il-każ, fuq il-liġi Nru 3250/2004), anki meta fir-realtà dawn il-bżonnijiet huma permanenti u dewwiema, tikkostitwixxi f'kull każ raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni ta' kuntratti għal żmien fiss, hija kompatibbli mal-liġi Komunitarja?

b)

id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni u implementazzjoni tal-liġi nazzjonali mill-qorti nazzjonali, li bis-saħħa tagħha dispożizzjoni li tipprojbixxi t-trasformazzjoni ta' kuntratti ta' xogħol, għal żmien fiss konklużi fis-settur pubbliku, f'kuntratti ta' xogħol għal żmien mhux determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta' kuntratt għal żmien fiss f'kuntratt għal żmien mhux determinat hija totalment ipprojbita, anki meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż b'mod abbużiv għal żmien fiss (jiġifieri meta l-bżonnijiet sodisfatti kienu fir-realtà permanenti u dewwiema), u li f'tali każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tevalwa iktar in-natura reali tar-relazzjoni tax-xogħol in kwistjoni sabiex tikkwalifikah korrettament bħala kuntratt għal żmien mhux iddeterminat? Jew il-projbizzjoni msemmija għandha tillimita ruħha biss għall-kuntratti għal żmien fiss li ġew realment konklużi sabiex ikopru bżonnijiet provviżorji, mhux previsti, urġenti, eċċezzjonali jew simili, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti konklużi sabiex ikopru bżonnijiet li fil-fatt huma permanenti u dewwiema?


Top