EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02001D0497-20161217

Consolidated text: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2001 dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skond id-Direttiva 95/46/KE (innotifikata taħt id-dokument numru K(2001) 1539) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2001/497/KE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/497/2016-12-17

02001D0497 — MT — 17.12.2016 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Ġunju 2001

dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skond id-Direttiva 95/46/KE

(innotifikata taħt id-dokument numru K(2001) 1539)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/497/KE)

(ĠU L 181 4.7.2001, p. 19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI 2004/915/KE tas-27 ta’ Diċembru 2004

  L 385

74

29.12.2004

►M2

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2297 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-16 ta' Diċembru 2016

  L 344

100

17.12.2016




▼B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Ġunju 2001

dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skond id-Direttiva 95/46/KE

(innotifikata taħt id-dokument numru K(2001) 1539)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/497/KE)



Artikolu 1

Il-klawżoli kontrattwali standard stabbiliti fl-Anness huma kkunsidrati bħala li joffru salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali ta' individwi u fir-rigward ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti kif meħtieġ bl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 9/46/KE.

▼M1

Il-kontrolluri tad-data jistgħu jagħżlu wieħed mis-settijiet I jew II fl-Anness. Madankollu, ma jistgħux jemendaw il-klawżoli jew igħaqqdu klawżoli individwali jew is-settijiet.

▼B

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza ta' protezzjoni provduta mill-klawżoli kontrattwali standard għat-trasferiment ta' data personali stabbilita fl-Anness. Ma taffettwax l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali oħra li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE li jappartjenu għall-ipproċessar ta' data personali fl-Istati Membri.

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għat-trasferiment ta' data personali minn kontrolluri stabbiliti fil-Komunità lil reċipjenti stabbiliti barra t-territorju tal-Komunità li jaġixxu biss bħala proċessuri.

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a) id-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE għandhom japplikaw;

(b) “kategoriji speċjali ta' data” tfisser id-data msemmija fl-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva;

(ċ) “awtorità ta' sorveljanza” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva;

(d) “esportatur tad-data” tfisser il-kontrollur li jittrasferixxi d-data personali;

(e) “importatur tad-data” tfisser il-kontrollur li jiftiehem li jirċievi mill-esportatur tad-data, data personali għall-ipproċessar ulterjuri skond il-kondizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

▼M2

Artikolu 4

Kull meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE li jwassal għas-sospensjoni jew il-projbizzjoni definittiva ta' flussi ta' dejta lejn pajjiżi terzi sabiex jipproteġu individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

▼B

Artikolu 5

►M1  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod kif taħdem din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli tlett snin wara n-notifika tagħha u n-notifika ta’ kwalunkwe emenda għaliha lill-Istati Membri. ◄ Għandha tissottometti rapport dwar il-konklużjonijiet lill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE. Għandha tinkludi kwalunkwe prova li tista’ teffettwa l-valutazzjoni li tikkonċerna l-adegwatezza tal-klawżoli kontrattwali standard fl-Anness u kwalunkwe prova li din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi applikata b'mod diskriminatorju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-3 ta' Settembru 2001.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

▼M1

SETT I

▼B

image

image

image

image




Appendiċi 1

Għall-klawżoli kuntrattwali standard

image

image




Appendiċi 2

Għall-klawżoli kontrattwali standard

Prinċipji obbligatorji ta' protezzjoni tad-data msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Klawżola 5(b)

Dawn il-prinċipji ta' protezzjoni tad-data għandhom jinqraw u jiġu interpretati fid-dawl tad-disposizzjonijiet (prinċipji u eċċezzjonijiet rilevanti) tad-Direttiva 95/46/KE.

Għandhom japplikaw suġġetti għall-ħtiġiet obbligatorji tal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli għall-importatur tad-data li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju f'soċjetà demokratika abbażi ta' wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE, jiġifieri, jekk jikkostitwixxu miżura neċessarja għas-salvagwardja tas-sigurtà, d-difiża, s-sigurtà pubblika, l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-intraċċar u l-prosekuzzjoni nazzjonali ta' offiżi kriminali jew ta' ksur ta' l-etika għall-professjonijiet regolati, interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta' l-Istat jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

1.  Limitazzjoni ta' l-iskop: id-data għandha tiġi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata biss b'mod ulterjuri għall-għanijiet speċifiċi fl-Appendiċi I għall-Klawżoli. Id-Data m'għandhiex tinżamm għal iktar milli neċessarju għall-għanijiet li għalihom hija trasferita.

2.  Il-Kwalità u l-proporzjonalità tad-data: Id-Data għandha tkun eżatta u, meta neċessarju, aġġornata. Id-data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward ta' l-għanijiet li għalihom hija trasferita u pproċessata b'mod ulterjuri.

3.  Trasparenza: is-suġġetti tad-data għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni dwar l-għanijiet ta' l-ipproċessar u l-identità tal-kontrollur tad-data fil-pajjiż terz, u informazzjoni oħra sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi assigurat l-ipproċessar ġust, sakemm din l-informazzjoni tkun diġà ingħatat mill-esportatur tad-data.

4.  Is-Sigurtà u l-kunfidenzjalità: għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzazzjonali ta' sigurtà mill-kontrollur tad-data li huma approprjati għar-riskji, bħal aċċess mhux awtorizzat, ippreżentat mill-ipproċessar. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur tad-data, inkluż dak li jipproċessa, m'għandux jipproċessa d-data ħlief taħt struzzjonijiet mill-kontrollur.

5.  Id-drittijiet ta' aċċess, rettifika, tħassir u mblukkar ta' data: kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-suġġett tad-data għandu jkollu dritt ta' aċċess għad-data kollha li tirrelata għalih li hija pproċessata u, kif approprjat, id-dritt għar-rettifika, tħassir jew imblukkar ta' data li l-ipproċessar tagħha ma tikkonformax mal-prinċipji stabbiliti f'din l-Appendiċi, b'mod partikolari minħabba li d-data hija inkompleta jew ineżatta. Għandu jkun jista' joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data li tirrelata għalih fuq bażijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

6.  Restrizzjonijiet dwar trasferimenti onwards: trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-importatur tad-data lil kontrollur ieħor stabbilit f'pajjiż terz li ma jipprovdix protezzjoni adegwata jew mhux koperti b'deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (trasferiment onward) jistgħu iseħħu biss jekk:

(a) suġġetti tad-data , fil-każ ta' kategoriji speċjali tad-data, jkunu taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom għat-trasferiment onward jew, f'każijiet oħra, jkunu ngħataw l-opportunità li joġġezzjonaw.

L-informazzjoni minima li għandha tiġi provduta lil suġġetti tad-data għandu jkun fiha, f'lingwa li tinftiehem minnhom:

 l-għanijiet tat-trasferiment onward,

 l-identifikazzjoni ta' l-esportatur tad-data stabbilit fil-Komunità,

 il-kategoriji ta' riċevitur ulterjuri tad-data u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, u

 spjegazzjoni li, wara t-trasferiment onward, id-data tista' tiġi pproċessata minn kontrollur stabbilit f'pajjiż fejn ma hemmx livell adegwat ta' protezzjoni tal-privatezza ta' individwi; jew

(b) l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data jiftiehmu li jaderixxu għall-Klawżoli ta' kontrollur ieħor li mbagħad isir parti għall-Klawżoli u jassumi l-istess obbligi bħall-importatur tad-data.

7.  Kategoriji speċjali ta' data: meta data li tikxef oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku jew sħubija ma' trade unions u data li tikkonċerna l-ħajja tas-saħħa jew sesswali u data li tirrelata għal offiżi, arresti kriminali jew miżuri ta' sigurtà hija pproċessata, salvagwardji addizzjonali għandhom jitqiegħdu fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari, miżuri approprjati ta' sigurtà bħal encryption bis-saħħa għat-trasmissjoni jew bħal reġistrazzjoni ta' aċċess għal data sensittiva.

8.  Marketing: meta data hija pproċessata għall-għanijiet ta' marketing, proċeduri effettivi għandhom ikunu eżistenti sabiex jippermettu lis-suġġett tad-data fi kwalunkwe ħin li jagħżel li jibqa' barra milli d-data tiegħu tintuża' għal dawn l-iskopijiet.

9.  Deċiżjonijiet individwali awtomati: suġġetti tad-data huma intitolati li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni li hija bbażata biss fuq ipproċessar awtomat tad-data, sakemm ma jittieħdux miżuri oħra għal salvagwardja ta' l-interessi leġittimi ta' l-individwu kif previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 95/46/KE. Meta l-għan tat-trasferiment huwa li tittieħed deċiżjoni awtomata kif imsemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 95/46/KE, li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw l-individwu jew li teffettwah b'mod sinifikanti u li hija bbażata biss fuq l-ipproċessar awtomat ta' data maħsuba għall-valutazzjoni ta' ċerti aspetti personali li jirrelataw għalih, bħall-atteġġament tiegħu fuq ix-xogħol, il-kreditu, id-dipendibiltà, il-kondotta eċċ., l-individwu għandu jkollu dritt li jkun jaf ir-raġuni għal din id-deċiżjoni.




Appendiċi 3

Għall-klawżoli standard kontrattwali

Prinċipji obbligatorji ta' protezzjoni tad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Klawżola 5(b)

1.  Limitazzjoni ta' l-għan: id-data għandha tigi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata b'mod ulterjuri biss għall-għanijiet speċifiċi fl-Appendiċi I mal-Klawżoli. Id-Data m'għandhiex tinżamm għal iktar milli meħtieġ għall-għanijiet li għalihom hija trasferita.

2.  Drittijiet ta' aċċess, rettifika, tħassir u mblukkar ta' data: kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-suġġett tad-data għandu jkollu dritt ta' aċċess għad-data kollha li tirrelata għalih li hija pproċessata u, kif approprjat, id-dritt għar-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar ta' data li l-ipproċessar tagħha ma tikkonformax mal-prinċipji stabbiliti f'din l-Appendiċi, b’mod partikolari minħabba li d-data hija inkompleta jew ineżatta. Għandu wkoll ikun jista’ joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data li tirrelata għalih fuq bażijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

3.  Restrizzjonijiet dwar trasferimenti onward: trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-importatur tad-data lil kontrollur ieħor stabbilit f'pajjiż terz li ma jipprovdix protezzjoni adegwata jew mhux kopert minn deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (trasferiment onward) jistgħu iseħħu biss jekk jew:

(a) suġġetti tad-data, fil-każ ta' kategoriji speċjali ta' data, taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom għat-trasferiment onward, jew, f'każijiet oħra, ingħataw l-opportunità li joġġezzjonaw.

L-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lil suġġetti tad-data għandu jkun fiha, f'lingwa li tinftiehem minnhom:

 l-għanijiet tat-trasferiment onward

 l-identifikazzjoni ta' l-esportatur tad-data stabbilit fil-Komunità,

 il-kategoriji ta' reċipjenti ulterjuri tad-data u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, u

 spjegazzjoni li, wara t-trasferiment onward, id-data tista’ tiġi pproċessata minn kontrollur stabbilit f'pajjiż fejn ma hemmx livell adegwat ta' protezzjoni tal-privatezza ta' individwi; jew

(b) l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data jiftiehmu li jaderixxu għall-Klawżoli ta' kontrollur ieħor li mbagħad isir parti għall-Klawżoli u jassumi l-istess obbligi bħall-importatur tad-data.

▼M1




SETT II

Klawżoli Standard Kontrattwali għat-Trasferiment tad-Data Personali mill-Komunità lill-Pajjiżi Terzi (trasferimenti minn kontrollur għal kontrollur)

Il-Ftehim tat-Trasferiment tad-Data

Bejn

_ (l-isem)

_ (l-indiriżż u l-pajjiż ta’ stabbiliment)

Minn hawn ‘il quddiem “L-Esportatur tad-Data”

u

_ (l-isem)

_ (l-indiriżż u l-pajjiż ta’ stabbiliment)

Minn hawn ‘il quddiem “L-Importatur tad-Data”

kull wieħed “Parti”, flimkien “il-Partijiet”

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet tal-Klawżoli:

(a) “id-data personali”, “il-kategoriji speċjali ta’ data/data sensittiva”, “il-proċess/l-ipproċessar”, “il-kontrollur”, “il-proċessur”, “is-Suġġett tad-Data”, u “l-Awtorità ta’ Sorveljanza/l-Awtorità” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 (fejn “l-Awtorità” għandha tfisser l-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data fit-territorju fejn huwa stabbilit l-esportatur tad-data);

(b) “l-Esportatur tad-Data” għandu jfisser il-kontrollur li jittrasferixxi d-Data Personali;

(c) “l-Importatur tad-Data” għandu jfisser il-Kontrollur li jaqbel li jirċievi, mill-Esportatur tad-Data, data personali li hija maħsuba għal aktar ipproċessar skond it-termini ta’ dawn il-Klawżoli u li m'huwiex soġġett għal sistema ta' pajjiż terz li tiżgura protezzjoni adegwata;

(d) “Klawżoli” għandhom ifissru dawn il-Klawżoli Kontrattwali, li huma dokument indipendenti li ma jinkorporax termini ta’ negozju kummerċjali stabbiliti mill-Partijiet taħt arranġamenti kummerċjali separati.

Id-dettalji tat-trasferiment (kif ukoll id-data personali koperta) huma speċifikati fl-Anness B, li jifforma parti integrali tal-Klawżoli.

I.   L-obbligi ta’ l-Esportatur tad-Data

L-Esportatur tad-Data jiggarantixxi u jobbliga ruħu li:

a) Id-Data Personali tkun inġabret, ġiet ipproċessata, u trasferita skond il-liġijiet applikabbli għall-Esportatur tad-Data.

b) Uża sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-Importatur tad-Data jkun jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt dawn il-Klawżoli.

c) Se jipprovdi lill-Importatur tad-Data, meta dan jitlobhom, bil-kopji ta’ liġijiet rilevanti tal-protezzjoni tad-data jew referenzi għalihom (fejn rilevanti, u mingħajr ma jiġi inkuż il-parir legali) tal-pajjiż li fih l-Esportatur tad-Data jiġi stabbilit.

d) Iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Suġġetti tad-Data u l-Awtorità dwar l-ipproċessar tad-Data Personali mill-Importatur tad-Data, sakemm il-Partijiet ikunu ftehmu li l-Importatur tad-Data se jwieġeb b’dan il-mod, f’liema każ l-Esportatur tad-Data xorta jwieġeb safejn raġonevolment possibbli u bl-informazzjoni raġonevolment disponibbli lilu jekk l-Importatur tad-Data ma jkunx lest jew ma jkunx jista’ jwieġeb. It-tweġibiet isiru fi żmien raġonevoli.

e) Jagħmel disponibbli, fuq talba, kopja tal-Klawżoli lis-Suġġetti tad-Data li huma parti terza benefiċjarji taħt il-Klawżola III, sakemm il-Klawżoli jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, f’liema każ jista’ jneħħi din l-informazzjoni. Fejn titneħħa l-informazzjoni, l-Esportatur tad-Data għandu jgħarraf lis-Suġġetti tad-Data bil-miktub ir-raġuni għat-tneħħija ta’ din l-informazzjoni u tad-dritt tagħhom li jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-Awtorità dwar dan. Madankollu, l-Esportatur tad-Data għandu josserva d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità fir-rigward ta’ aċċess għat-test sħiħ tal-Klawżoli mis-Suġġetti tad-Data, sakemm is-Suġġetti tad-Data jkunu ftehmu li jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali li tkun tneħħiet. L-Esportatur tad-Data għandu jipprovdi wkoll kopja tal-Klawżoli lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ.

II.   L-obbligi ta’ l-Importatur tad-Data

L-Importatur tad-Data jiggarantixxi u jobbliga ruħu li:

a) Ikollu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-Data Personali kontra il-qerda aċċidentali jew kontra l-liġi jew it-telfien, it-tibdil, l-iżvelar mhux awtorizzat jew l-aċċess aċċidentali, u li jipprovdu livell xieraq ta’ sigurtà għar-riskju rappreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data li trid tiġi protetta.

b) Ikollu fis-seħħ proċeduri sabiex kwalunkwe parti terza li huwa jawtorizza sabiex ikollha aċċess għad-Data Personali, inkluż proċessuri, jirrispettaw u jżommu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-Data Personali. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità ta’ l-Importatur tad-Data, inkluż proċessur tad-data, għandha tkun obbligata li tipproċessa d-Data Personali fuq struzzjonijiet mill-Importatur tad-Data biss. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal persuni awtorizzati jew meħtieġa bil-liġi jew b’xi regolament li jkollhom aċċess għad-Data Personali.

c) M’għandu l-ebda raġuni li jemmen, fil-mument li daħlu fis-seħħ dawn il-Klawżoli, fl-eżistenza ta’ kwalunkwe liġi lokali li jista’ jkollha effett sostanzjalment ħażin fuq il-garanziji provduti skond dawn il-Klawżoli, u li se jgħarraf lill-Esportatur tad-Data (li imbagħad jgħaddi din in-notifika lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ) jekk isir konxju ta’ xi liġijiet bħal dawn.

d) Se jipproċessa d-Data Personali għall-finijiet deskritti fl-Anness B, u għandu l-Awtorità legali li jagħti l-garanziji u jissodisfa l-impenji stipulati f’dawn il-Klawżoli.

e) Se jidentifika lill-Esportatur tad-Data punt ta’ kuntatt fi ħdan l-organizzazzjoni tiegħu awtorizzat biex iwieġeb għal mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-Data Personali, u se jikkoopera f’bona fede ma’ l-Esportatur tad-Data, is-Suġġett tad-Data u l-Awtorità dwar dawn il-mistoqsijiet kollha fi żmien raġonevoli. Fil-każ tax-xoljiment legali ta’ l-Esportatur tad-Data, jew jekk il-Partijiet jaqblu fuq dan, l-Importatur tad-Data jassumi r-responsabbiltà għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola I (e).

f) Fuq it-talba ta’ l-Esportatur tad-Data, se jipprovdi lill-Esportatur tad-Data bix-xhieda ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-Klawżola III. (li jistgħu jinkludu l-kopertura ta’ l-assigurazzjoni).

g) Mat-talba raġonevoli ta’ l-Esportatur tad-Data, se jissottometti l-faċilitajiet ta’ l-ipproċessar tad-data tiegħu, il-fajls tad-data u d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar biex jiġu riveduti, ivverifikati u/jew iċċertifikati mill-Esportatur tad-Data (jew kwalunkwe aġenti ta’ spezzjoni jew awdituri indipendenti jew imparzjali, li jintgħażlu mill-Esportatur tad-Data u li ma kienx hemm oġġezzjoni għalihom mill-Importatur tad-Data) biex tiġi żgurata konformità mal-garanziji u l-impenji f’dawn il-Klawżoli, b’avviż raġonevoli u matul ħinijiet regolari tan-negozju. It-talba se tkun suġġetta għal kull kunsens jew approvazzjoni neċessarja minn awtorità regolatorja jew ta’ sorveljanza fil-pajjiż ta’ l-Importatur tad-Data, fejn l-Importatur tad-Data se jipprova jikseb dan il-kunsens jew din l-approvazzjoni f’ħin f’waqtu.

h) Se jipproċessa d-Data Personali, fuq l-għażla tiegħu, skond:

(i) il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data tal-pajjiż li fih huwa stabbilit l-Esportatur tad-Data; jew

(ii) id-Dispożizzjonijiet Rilevanti ( 1 ) ta’ kwalunkwe Deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, fejn l-Importatur tad-Data jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din l-awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni u huwa bbażat f’pajjiż li għalih tappartjeni din l-awtorizzazzjoni jew id-Deċiżjoni, imma mhuwiex kopert minn din l-awtorizzazzjoni jew din id-Deċiżjoni għall-finijiet tat-trasferiment (i) tad-Data Personali ( 2 ); jew

(iii) il-prinċipji ta’ l-ipproċessar tad-data kif ġie stabbilit fl-Anness A.

L-Importatur tad-Data jindika l-għażla tiegħu:_

L-inizjali ta’ l-Importatur tad-Data:_

i) Mhuwiex se jiżvela jew jittrasferixxi d-Data Personali lil Kontrollur tad-Data ta’ parti terza li jinsab barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ħlief jekk ikun innotifika lill-Esportatur tad-Data dwar it-trasferiment u

i) il-Kontrollur tad-Data tal-parti terza jipproċessa d-Data Personali skond deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina illi pajjiż terz jipprovdi protezzjoni adegwata, jew

ii) il-Kontrollur tad-Data tal-parti terza jsir firmatarju għal dawn il-Klawżoli jew ftehim ieħor dwar it-trasferiment tad-data approvat minn awtorità kompetenti fl-UE, jew

iii) is-Suġġetti tad-Data jkunu ngħataw l-opportunità li joġġezzjonaw, wara li jkunu ġew infurmati dwar il-finijiet tat-trasferiment, il-kategoriji tar-reċipjenti u l-fatt li l-pajjiżi lejn liema hija esportata d-Data jista’ jkollu standards differenti tal-protezzjoni tad-data, jew

iv) fir-rigward tat-trasferimenti ulterjuri ta’ data sensittiva, is-Suġġetti tad-Data taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom lit-trasferiment ulterjuri.

III.   Ir-responsabbiltà u d-Drittijiet tal-Pajjiżi Terzi

a) Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn il-Parti l-oħra għad-danni li tikkaġuna permezz ta’ kwalunkwe ksur ta’ dawn il-Klawżoli. Ir-responsabbiltà bejn il-Partijiet hija llimitata għad-danni attwali soffruti. Danni punittivi (jiġifieri danni maħsuba sabiex parti tiġi kkastigata għall-kondotta offensiva tagħha) huma esklużi speċifikament. Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn is-Suġġetti tad-Data għad-danni li tikkaġuna permezz ta’ kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-partijiet terzi taħt dawn il-Klawżoli. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà ta’ l-Esportatur tad-Data taħt il-liġi tal-protezzjoni tad-data tiegħu.

b) Il-Partijiet jaqblu li s-Suġġett tad-Data għandu jkollu d-dritt li jinforza bħala parti terza benefiċjarja din il-Klawżola u l-Klawżoli I.(b), I.(d), I.(e), II.(a), II.(c), II.(d), II.(e), II.(h), II.(i), III.(a), V., VI.(d), u VII. kontra l-Importatur tad-Data jew l-Esportatur tad-Data, għall-ksur rispettiv tagħhom ta’ l-obbligi kontrattwali, fir-rigward tad-Data Personali tiegħu, u jaċċetta l-ġuriżdizzjoni għal dan il-għan fil-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data. F’każijiet li jinvolvu allegazzjonijiet ta’ ksur mill-Importatur tad-Data, is-Suġġett tad-Data jrid l-ewwel jitlob lill-Esportatur tad-Data sabiex jieħu azzjoni xierqa sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu kontra l-Importatur tad-Data; jekk l-Esportatur tad-Data ma jieħux din l-azzjoni fi żmien raġonevoli (li taħt ċirkostanzi normali jkun xahar), is-Suġġett tad-Data jista’ imbagħad jinforza d-drittijiet tiegħu direttament kontra l-Importatur tad-Data. Suġġett tad-Data huwa intitolat li jipproċedi direttament kontra Esportatur tad-Data li jkun naqas milli juża’ sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-Importatur tad-Data jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt dawn il-klawżoli (l-Esportatur tad-Data għandu jkollu l-piż li jipprova li jkun għamel sforzi raġonevoli).

IV.   Il-Liġi Applikabbli għall-Klawżoli

Dawn il-Klawżoli għandhom jiġu rregolati mill-liġi tal-pajjiż li fih huwa stabbilit l-Esportatur tad-Data, bl-eċċezzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ipproċessar tad-Data Personali mill-Importatur tad-Data taħt il-Klawżola II.(h), li għandha tapplika biss jekk tintgħażel mill-Importatur tad-Data taħt dik il-Klawżola.

V.   Ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim mas-Suġġetti tad-Data jew ma’ l-Awtorità

a) Fil-każ ta’ tilwima jew talba mresssqa minn Suġġett tad-Data jew l-Awtorità dwar l-ipproċessar tad-Data Personali kontra Parti waħda jew iż-żewġ Partijiet, il-Partijiet se jinfurmaw lil xulxin dwar xi tilwim jew talbiet bħal dawn, u se jikkooperaw bil-ħsieb li isolvuhom amikevolment f’ħin f’waqtu.

b) Il-Partijiet jaqblu li jwieġbu għal kwalunkwe proċedura ta’ medjazzjoni ġeneralment disponibbli li ma torbotx mibdija minn Suġġett tad-Data jew mill-Awtorità. Jekk fil-fatt jipparteċipaw fil-proċeduri, il-Partijiet jistgħu jagħżlu li jagħmlu dan b’mod remot (bħal permezz tat-telefon jew mezzi oħra elettroniċi). Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkunsidraw li jipparteċipaw fi kwalunkwe arbitraġġ, medjazzjoni, jew proċeduri oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim żviluppati għal tilwim dwar il-protezzjoni tad-data.

c) Kull Parti għandha tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ qorti kompetenti tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data jew ta’ l-Awtorità li hija finali u inappellabbli.

VI.   It-Terminazzjoni

a) Fil-każ li l-Importatur tad-Data jikser l-obbligi tiegħu taħt dawn il-Klawżoli, l-Esportatur tad-Data jista’ jissospendi temporanjament it-trasferiment tad-Data Personali lill-Importatur tad-Data sakemm il-ksur ikun ġie rimedjat jew il-kuntratt ikun intemm.

b) Fil-każ li:

i) it-trasferiment tad-Data Personali lill-Importatur tad-Data jkun ġie sospiż termporanjament mill-Esportatur tad-Data għal aktar minn xahar skond il-paragrafu a);

ii) jekk l-Importatur tad-Data jikkonforma ma’ dawn il-Klawżoli ikun qiegħed jikser l-obbligi legali jew regolatorji tiegħu fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni;

iii) l-Importatur tad-Data ikun qiegħed jikser b’mod sostanzjali jew persistenti kwalunkwe garanzija jew impenn mogħti lilu taħt dawn il-Klawżoli;

iv) deċiżjoni finali u inappellabbli ta’ qorti kompetenti tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data jew ta’ l-Awtorità tiddeċiedi li kien hemm ksur tal-Klawżoli mill-Importatur tad-Data jew l-Esportatur tad-Data; jew

v) tiġi ppreżentata petizzjoni għall-amministrazzjoni jew ix-xoljiment ta’ l-Importatur tad-Data, kemm fil-kapaċità personali kif ukoll fil-kapaċità kummerċjali tiegħu, fejn din il-petizzjoni ma tiġix imwarrba fil-perjodu applikabbli għal din iċ-ċaħda skond il-liġi applikabbli; issir ordni ta’ xoljiment; jinħatar riċevitur fuq kwalukwe wieħed mill-assi tiegħu; jinħatar trustee f’falliment, jekk l-Imporatur tad-Data jkun individwu; jibda arranġament soċjetarju volontarju; jew iseħħ kwalunkwe każ ekwivalenti fi kwalunkwe ġuriżdizzjoni

imbagħad l-Esportatur tad-Data, bla preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor li jista’ jkollu kontra l-Importatur tad-Data, għandu jiġi ntitolat li jtemm dawn il-Klawżoli, f’liema każ l-Awtorità għandha tiġi infurmata fejn ikun meħtieġ. F’każijiet koperti minn i), ii) jew iv) hawn fuq l-Importatur tad-Data jista’ wkoll itemm dawn il-Klawżoli.

c) Kull waħda minn dawn il-Partijiet tista’ ttemm dawn il-Klawżoli jekk (i) kwalunkwe deċiżjoni pożittiva ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (jew kwalunkwe test li jista’ jissostitwixxiha) tinħareġ fir-rigward tal-pajjiż (jew settur tiegħu) li lilu se tiġi ttrasferita u pproċessata d-data mill-Importatur tad-Data, jew (ii) id-Direttiva 95/46/KE (jew kwalunkwe test li jista’ jissostitwixxiha) issir applikabbli direttament f’dan il-pajjiż.

d) Il-Partijiet jaqblu li t-terminazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli fi kwalunkwe ħin, fi kwalunkwe ċirkostanza u għal kwalunkwe raġuni (minbarra għat-terminazzjoni taħt il-Klawżola VI.(c)) ma teżentahomx mill-obbligi u/jew il-kundizzjonijiet taħt il-Klawżoli fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-Data Personali ttrasferita.

VII.   Il-Varjazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli

Il-Partijiet ma jistgħux jimmodifikaw dawn il-Klawżoli ħlief biex jaġġornaw kwalunkwe informazzjoni fl-Anness B, f’liema każ jinfurmaw lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ. Dan ma jwaqqafx lill-partijiet milli jżidu klawżoli kummerċjali addizzjonali fejn ikun meħtieġ.

VIII.   Id-Deskrizzjoni tat-Trasferiment

Id-dettalji tat-trasferiment u tad-Data Personali huma speċifikati fl-Anness B. Il-Partijiet jaqblu li l-Anness B jista’ jinkludi informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li mhumiex se jiżvelaw lil partijiet terzi, minbarra kif meħtieġ bil-liġi jew bi tweġiba għal aġenzija kompetenti regolatorja jew tal-gvern, jew kif meħtieġ taħt il-Klawżola I (e). Il-Partijiet jistgħu jesegwixxu Annessi addizzjonali biex ikopru trasferimenti addizzjonali, li se jiġu sottomessi lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ. L-Anness B jista’, alternattivament, jiġi mfassal sabiex ikopri trasferimenti moltipliċi.

Data: _

_

_

għall-IMPORTATUR TAD-DATA

għall-ESPORTATUR TAD-DATA




ANNESS A

IL-PRINĊIPJI TA’ L-IPPROĊESSAR TAD-DATA

1. Il-limitazzjoni ta’ l-iskop — Id-Data Personali għandha tiġi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata biss b'mod ulterjuri għal skopijiet deskritti fl-Anness B jew sussegwentement awtorizzata mis-Suġġett tad-Data.

2. Il-Kwalità u l-proporzjonalità tad-data — Id-Data Personali għandha tkun eżatta u, meta neċessarju, tinżamm aġġornata. Id-Data Personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward ta' l-iskopijiet li għalihom hija trasferita u pproċessata b'mod ulterjuri.

3. It-trasparenza — Is-suġġetti tad-Data għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar ġust (bħall-informazzjoni dwar l-iskopijiet ta’ l-ipproċessar u dwar it-trasferiment), sakemm din l-informazzjoni tkun diġà ingħatat mill-Esportatur tad-Data.

4. Is-Sigurtà u l-kunfidenzjalità — Għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà mill-Kontrollur tad-Data li huma xierqa għar-riskji, bħal kontra l-qerda aċċidentali jew kontra l-liġi jew it-telfien, it-tibdil, l-iżvelar mhux awtorizzat jew l-aċċess aċċidentali, ippreżentat mill-Ipproċessar. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-Kontrollur tad-Data, inkluż dak li jipproċessa, m'għandhiex tipproċessa d-data ħlief taħt struzzjonijiet mill-Kontrollur tad-Data.

5. Id-drittijiedt ta' aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-oġġezzjoni — Kif provdut fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-Suġġetti tad-Data għandhom, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, jiġu provduti b-informazzjoni personali dwarhom li jkollha organizzazzjoni, ħlief għal talbiet abużivi ferm ibbażati fuq intervalli mhux raġonevoli jew in-numru tagħhom jew in-natura ripetittiva jew sistematika tagħhom, jew għal liema ma jinħtieġx li jingħata aċċess skond il-liġi tal-pajjiż ta’ l-Esportatur tad-Data. Sakemm l-Awtorità tkun tat l-approvazzjoni minn qabel tagħha, l-aċċess jista’ ma jingħatax ukoll meta dan x’aktarx jikkaġuna ħsara serja lill-interessi ta’ l-Importatur tad-Data jew ta’ organizzazzjonijiet oħra li qed jittrattaw ma’ l-Importatur tad-Data u dawn l-interessi mhumiex megħluba mill-interessi għad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali tas-Suġġett tad-Data. Ma jinħtieġx li s-sorsi tad-data personali jiġu identifikati meta dan ma jkunx possibbli permezz ta’ sforzi raġonevoli, jew fejn ikun hemm xi vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ persuni oħra għajr l-individwu. Għandu jkun possibbli li s-Suġġetti tad-Data ikollhom l-informazzjoni personali li tirrelata għalihom rettifikata, emendata, jew imħassra fejn ma tkunx eżatta jew ipproċessata kontra dawn il-Prinċipji. Jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex ikun hemm dubju dwar il-leġittimità tat-talba, l-organizzazzjoni tista’ teħtieġ aktar ġustifikazzjonijiet qabel ma tipproċedi għar-rettifika, l-emenda jew it-tħassir. In-notifika ta’ kwalunkwe rettifika, emenda jew tħassir lill-partijiet terzi li lilhom ġiet żvelata d-data mhijiex meħtieġa meta din tinvolvi sforz sproporzjonat. Is-Suġġetti tad-Data għandhom ikunu jistgħu joġġezzjonaw għall-Ipproċessar tad-Data Personali relatata għalihom jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Il-piż tal-prova għal kwalunkwe rifjut tistrieħ fuq l-Importatur tad-Data, u s-Suġġett tad-Data dejjem jista’ jisfida rifjut quddiem l-Awtorità.

6. Id-Data Sensittiva — L-Importatur tad-Data għandu jieħu dawk il-miżuri addizzjonali (per eżempju, dawk relatati mas-sigurtà) li huma meħtieġa sabiex tiġi protetta din id-Data Sensittiva skond l-obbligi tiegħu taħt il-Klawżola II.

7. Id-Data użata għall-Iskopijiet ta’ Marketing — Fejn id-data hija pproċessata għall-iskopijiet ta’ marketing dirett, proċeduri effettivi għandhom ikunu eżistenti sabiex jippermettu lis-suġġett tad-data fi kwalunkwe ħin li jagħżel li jibqa' barra milli d-data tiegħu tintuża’ għal dawn l-iskopijiet.

8. Deċiżjonijiet Awtomati — Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni “Deċiżjoni Awtomata” għandha tfisser deċiżjoni mill-Esportatur tad-Data jew l-Importatur tad-Data li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw Suġġett tad-Data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti u li hija bbażata biss fuq l-Ipproċessar awtomat ta’ Data Personali maħsuba għall-valutazzjoni ta' ċerti aspetti personali li jirrelataw għalih, bħall-atteġġament tiegħu fuq ix-xogħol, il-kreditu, id-dipendibbiltà, il-kondotta eċċ. L-Importatur tad-Data m’għandu jieħu l-ebda Deċiżjoni Awtomata li tikkonċerna s-Suġġetti tad-Data, ħlief meta:

(a)

 

i) dawn id-deċiżjonijiet isiru mill-Importatur tad-Data meta jidħol f’kuntratt jew jwettaq kuntratt mas-Suġġett tad-Data, u

ii) is-Suġġett tad-Data jingħata l-opportunità sabiex jiddiskuti r-riżultati ta’ Deċiżjoni Awtomata rilevanti ma’ rappreżentant tal-parti li qed tieħu din id-deċiżjoni jew inkella li jagħmel rappreżentazzjonijiet lil dik il-parti.

jew

(b) Fejn provdut mod ieħor mill-liġi ta’ l-Esportatur tad-Data.




ANNESS B

ID-DESKRIZZJONI TAT-TRASFERIMENT

[Trid timtela mill-Partijiet]

image

KLAWŻOLI KUMMERĊJALI ILLUSTRATTIVI (VOLONTARJA)

Indennità bejn l-Esportatur tad-Data u l-Importatur tad-Data:

“Il-Partijiet se jindennifikaw lil xulxin u iżommu lil xulxin mingħajr ħsara minn kwalunkwe spiża, imposta, danni, nefqa jew telf li jistgħu jikkaġunaw lil xulxin bħala riżultat tal-ksur tagħhom ta’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Klawżoli. L-Indennità imsemmija hawn isfel hija kontinġenti fuq (a) il-Parti(jiet) li se jiġu indennifikati (il-‘Parti(jiet) Indennifikati’) li jinnotifikaw fil-pront lill-Parti(jiet) l-oħra (il- ‘Parti(jiet) Indennifikati’) b talba, (b) il-Parti(jiet) Indennifikati li għandhom il-kontroll waħdieni tad-difiża u r-riżoluzzjoni ta’ din it-talba, u (c) il-Parti(jiet) Indennifikati li jipprovdu kooperazzjoni raġonevoli u assistenza lill-Parti(jiet) Indennifikati fid-difiża ta’ din it-talba.”

Ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim bejn l-Esportatur tad-Data u l-Importatur tad-Data (il-Partijiet jistgħu jissostitwixxu kwalunkwe riżoluzzjoni alternattiva oħra ta’ tilwim jew klawżola ġuriżdizzjonali):

“Fil-każ ta’ tilwim bejn l-Importatur tad-Data u l-Esportatur tad-Data li jikkonċerna kwalunkwe ksur allegat ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dawn il-Klawżoli, dan it-tilwim se jiġi finalment solvut skond ir-Regoli ta’ l-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali minn arbitru wieħed jew aktar maħtur(a) skond ir-regoli imsemmija. Il-post ta’ l-arbitraġġ għandu jkun [ ]. In-numru ta’ l-arbitri għandu jkun [ ].”

L-Allokazzjoni ta’ l-Ispejjeż:

“Kull Parti għandha twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn il-Klawżoli bl-ispejjeż għaliha.”

Il-Klawżola tat-Terminazzjoni Żejda

“Fil-każ tat-terminazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli, l-Importatur tad-Data għandu jirritorna minnufih id-Data Personali kollha u l-kopji kollha tad-Data Personali suġġetta għal dawn il-Klawżoli lill-Esportatur tad-Data jew, fuq l-għażla ta’ l-Esportatur tad-Data, jeqred il-kopji kollha ta’ dawn u jiċċertifika lill-Esportatur tad-Data li jkun għamel dan, minbarra jekk l-Importatur tad-Data jiġi mwaqqaf mill-liġi nazzjonali jew ir-regolatur lokali tiegħu milli jeqred jew jirritorna d-data kollha jew parti minna, f’liema każ id-data tinżamm kunfidenzjali u ma tiġix ipproċessata b’mod attiv għall-ebda skop. L-Importatur tad-Data jaqbel li, jekk dan jintalab mill-Esportatur tad-Data, jagħti lill-Esporatur tad-Data jew lill-aġent ta’ spezzjoni magħżul mill-Esportatur tad-Data u li l-Importatur tad-Data ma joġġezzjonax b’mod raġonevoli għalih, aċċess għall-istabbiliment tiegħu biex jivverifika li dan ikun sar, b’avviż raġonevoli u matul il-ħinijiet tan-negozju.”



( 1 ) “Id-Dispożizzjonijiet Rilevanti” ifissru dawk id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni (li għandha tiġi rregolata minn dawn il-Klawżoli).

( 2 ) Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness A.5 dwar id-drittijiet ta’ l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-oġġezzjoni jridu jiġu applikati meta tintgħażel din l-għażla u jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni komparabbli tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ingħażlet.

Top