Brussell, 19.2.2020

COM(2020) 66 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea għad-data


Strateġija Ewropea għad-data

1.Introduzzjoni

Tul l-aħħar ftit snin, it-teknoloġiji diġitali biddlu l-ekonomija u s-soċjetà tagħna, u affettwaw lis-setturi kollha tal-attività u l-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej kollha. Id-data tinsab fil-qalba nett ta’ din it-trasformazzjoni, u dan għadu biss il-bidu. L-innovazzjoni mmexxija mid-data se toħloq benefiċċji kbar għaċ-ċittadini, fosthom b’mediċina personalizzata aħjar, b’mobbiltà ġdida u bil-kontribut tagħha għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Issa li n-nies qed kulma jmur jiġġeneraw ammonti dejjem akbar ta’ data, il-mod kif tinġabar u tintuża d-data fis-soċjetà tagħna għandu jpoġġi l-interessi tal-individwu qabel kollox, u dan b’rispett lejn il-valuri, id-drittijiet fundamentali, u r-regoli Ewropej. Iċ-ċittadini lesti jafdaw u jilqgħu l-innovazzjonijiet immexxija mid-data biss jekk dawn ikollhom rashom mistrieħa li kull kondiviżjoni tad-data personali fl-UE tkun konformi bis-sħiħ mar-regoli stretti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Fl-istess ħin, il-volum dejjem akbar ta’ data industrijali mhux personali u tad-data pubblika fl-Ewropa, flimkien mal-bidla teknoloġika fil-mod kif tinħażen u tiġi pproċessata d-data, se jkun sors potenzjali ta’ tkabbir u innovazzjoni li jenħtieġ jiġi sfruttat.

Iċ-ċittadini jenħtieġ jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet aħjar ibbażati fuq għarfien miksub minn data mhux personali. U d-data jenħtieġ tkun disponibbli għal kulħadd – sew min hu pubbliku jew privat, kbir jew żgħir, ġdid jew ġgant. Dan jgħin lis-soċjetà tisfrutta l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni bl-aħjar mod u jiżgura li kulħadd igawdi minn xi dividend diġitali. Din l-Ewropa diġitali jenħtieġ tkun tixhed l-aqwa karatteristiċi tal-Ewropa – miftuħa, ġusta, demokratika u fiduċjuża.

L-UE tista’ ssir mudell ewlieni għal soċjetà mmexxija mid-data li tieħu deċiżjonijiet aħjar – fis-settur tan-negozji u fis-settur pubbliku. Biex tilħaq din l-ambizzjoni, l-UE tista’ tibni qafas legali sod – mil-lat ta’ protezzjoni tad-data, drittijiet fundamentali, sikurezza u ċibersigurtà – u s-suq intern tagħha b’kumpaniji kompetittivi ta’ kull daqs u b’bażi industrijali varjata. Jekk l-UE trid tikseb rwol ewlieni fl-ekonomija tad-data, trid taġixxi issa u tindirizza ċerti kwistjonijiet, b’mod miftiehem, li jvarjaw mill-konnettività għall-ipproċessar u l-ħżin tad-data, il-qawwa tal-computing u ċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, l-UE trid ittejjeb l-istrutturi tal-governanza tagħha għall-immaniġġar tad-data u biex iżżid il-ġabriet tad-data ta’ kwalità tagħha li huma disponibbli għall-użu u għall-użu mill-ġdid.

Fl-aħħar nett, l-Ewropa trid tisfrutta l-benefiċċji minn użu aħjar tad-data, fosthom aktar produttività u swieq kompetittivi, iżda anki t-titjib fis-saħħa u l-benesseri, fl-ambjent, fil-governanza t-tajba u fis-servizzi pubbliċi konvenjenti. Il-miżuri stabbiliti f’dan id-dokument jgħinu biex jinkiseb approċċ komprensiv għall-ekonomija tad-data ħalli jiżdied l-użu tal-prodotti u s-servizzi tad-data u ffaċilitati mid-data fis-Suq Uniku kollu, u tiżdied ukoll id-domanda għalihom.

Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi strateġija għal miżuri ta’ politika u investimenti għall-ekonomija tad-data għall-ħames snin li ġejjin. Din l-istrateġija tad-data hi ppreżentata fl-istess waqt mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” u mal-White Paper dwar l-intelliġenza artifiċjali li tispjega kif il-Kummissjoni se tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-UE kollha.

Abbażi ta’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni komprensiva dwar il-miżuri speċifiċi li jistgħu jittieħdu biex l-UE tibqa’ fuq quddiem nett fl-ekonomija aġli mil-lat ta’ data, filwaqt li tirrispetta u tippromwovi l-valuri fundamentali li huma l-pedament tas-soċjetajiet Ewropej.

2.Dan x’jinvolvi?

Volumi tad-data dejjem akbar u bidla teknoloġika

Il-volum tad-data ġġenerata fid-dinja qed kulma jmur jikber, minn 33 zettabyte fl-2018 għall-175 zettabyte mistennija fl-2025 1 . Kull mewġa ġdida tad-data tfisser opportunitajiet kbar għall-UE biex issir mexxejja dinjija f’dan il-qasam. Barra minn hekk, fil-ħames (5) snin li ġejjin se jinbidel mill-qiegħ il-mod kif tinħażen u tiġi pproċessata d-data. Daż-żmien, 80 % tal-ipproċessar u l-analiżi tad-data jseħħu fiċ-ċentri tad-data u f’faċilitajiet ċentralizzati tal-computing, u 20 % jseħħu f’oġġetti konnessi intelliġenti, bħal karozzi, tagħmir tad-dar jew robots tal-manifattura, u f’faċilitajiet tal-computing qrib l-utent (“l-edge computing”). Sal-2025, dawn il-proporzjonijiet aktarx ikunu bil-maqlub 2 . Minbarra l-vantaġġi ekonomiċi u tas-sostenibbiltà li għandu dan l-iżvilupp, dan jiftaħ bibien ġodda ta’ opportunitajiet għan-negozji biex jiżviluppaw għodod għall-produtturi tad-data ħalli jżidu l-kontroll fuq id-data tagħhom.

L-importanza tad-data għall-ekonomija u għas-soċjetà

Id-data se ssawwar mill-ġdid il-mod kif nipproduċu, nikkonsmaw u ngħixu. Il-benefiċċji se jinħassu f’kull aspett ta’ ħajjitna, minn konsum aktar konxju tal-enerġija, u traċċabbiltà tal-prodotti, tal-materjali u tal-ikel, għal ħajjiet aktar sani u kura tas-saħħa aħjar.

Il-mediċina personalizzata tista’ tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tal-pazjenti għax it-tobba se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet permezz tad-data. B’hekk tkun tista’ titfassal l-istrateġija terapewtika t-tajba skont il-ħtiġijiet it-tajba tal-persuna fil-mument it-tajjeb, u/jew tinstab predispożizzjoni għal xi mard u/jew tingħata kura preventiva fil-ħin u mmirata.

Id-data hi n-nifs tal-iżvilupp ekonomiku: hi l-bażi ta’ ħafna prodotti u servizzi ġodda, li tixpruna gwadanji mill-produttività u mill-effiċjenza tar-riżorsi fis-setturi kollha tal-ekonomija, u b’hekk il-prodotti u s-servizzi jistgħu jkunu aktar personalizzati, it-tfassil tal-politika jsir aħjar u jitjiebu s-servizzi governattivi. Hi riżorsa essenzjali għan-negozji ġodda u għall-intrapriżi żgħar u medji (l-SMEs) meta jiġu biex jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi. Id-disponibbiltà tad-data hi meħtieġa għat-taħriġ tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, fejn il-prodotti u s-servizzi jimxu malajr minn rikonoxximent tal-patterns u ġenerazzjoni ta’ informazzjoni intwittiva għal tekniki aktar sofistikati tat-tbassir, u għalhekk għal deċiżjonijiet aħjar.

Id-data se twassal għal implimentazzjoni wiesgħa ta’ prattiki trasformattivi bħall-użu tat-tewmin diġitali fil-manifattura.

It-tewmin diġitali joħolqu replika virtwali ta’ prodott fiżiku, proċess jew sistema. Ngħidu aħna, ir-repliki jistgħu jużaw l-analiżi tad-data biex ibassru meta magna tkun se tieqaf taħdem sew, u b’hekk tkun tista’ tiżdied il-produttività permezz tal-manutenzjoni preventiva.

Minbarra dan, hu essenzjali li aktar data ssir disponibbli u li jitjieb il-mod kif tintuża d-data ħalli jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà relatati mal-klima u mal-ambjent, u dan jgħin biex ikollna soċjetajiet aktar sani, aktar prosperi u aktar sostenibbli. Pereżempju, dan iwassal għal politiki aħjar biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fl-istess ħin, hu stmat li l-impronta ambjentali attwali tas-settur tal-ICT tikkostitwixxi bejn il-5 u d-9 % tal-użu totali tal-elettriku madwar id-dinja, u aktar minn 2 % tal-emissjonijiet kollha, li ħafna minnhom huma dovuti għaċ-ċentri tad-data, is-servizzi tal-cloud u l-konnettività. L-istrateġija diġitali tal-UE “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” tipproponi miżuri ta’ trasformazzjoni ekoloġika għas-settur tal-ICT.

L-UE għandha sehem kbir fl-ekonomija tad-data tal-ġejjieni

Bħalissa, il-biċċa l-kbira tad-data fid-dinja tinsab f’idejn għadd żgħir ta’ kumpaniji tal-Big Tech. Għalkemm dan jaf inaqqas l-inċentivi biex jiftħu negozji ġodda mmexxija mid-data, biex jikbru u biex jinnovaw fl-UE, xorta għandna opportunitajiet kbar. Il-biċċa l-kbira tad-data tal-ġejjieni se tinkiseb b’applikazzjonijiet industrijali u professjonali, oqsma ta’ interess pubbliku jew b’applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti tal-ħajja ta’ kuljum, oqsma li l-UE hi b’saħħitha fihom. L-opportunitajiet se jinħolqu wkoll mill-bidla teknoloġika, b’perspettivi ġodda għan-negozji Ewropej f’oqsma bħall-cloud fl-edge computing, minn soluzzjonijiet diġitali għal applikazzjonijiet kritiċi tas-sikurezza, u anki mill-computing kwantistiku. Dawn it-tendenzi juri li r-rebbieħa tal-lum mhux bilfors ikunu r-rebbieħa tal-ġejjieni. Iżda s-sorsi tal-kompetittività għad-deċennji li ġejjin fl-ekonomija tad-data huma ddeterminati llum. U għalhekk l-UE jenħtieġ taġixxi issa.

L-UE għandha l-potenzjal li tirnexxi fl-ekonomija aġli mil-lat ta’ data. Għandha t-teknoloġija, l-għarfien u forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli. Iżda l-kompetituri bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti diġà qed jinnovaw malajr u jipprojettaw il-kunċetti tagħhom tal-aċċess u l-użu tad-data madwar id-dinja. Fl-Istati Uniti, l-organizzazzjoni tal-ispazju tad-data tħalla f’idejn is-settur privat, b’effetti ta’ konċentrazzjoni konsiderevoli. Iċ-Ċina twettaq taħlita ta’ sorveljanza mill-gvern b’kontroll qawwi tal-kumpaniji tal-Big Tech fuq ammonti emorni ta’ data mingħajr salvagwardji biżżejjed għan-nies.

Biex nisfruttaw il-potenzjal tal-Ewropa, irridu nsibu l-mod Ewropew tagħna, billi niksbu bilanċ fejn jidħlu l-fluss u l-użu wiesa’ tad-data, iżda mingħajr ma ndgħajfu l-istandards għoljin tal-privatezza, tas-sigurtà, tas-sikurezza u tal-etika.

X’sar s’issa

Mill-2014 sal-lum, il-Kummissjoni diġà għamlet bosta passi ’l quddiem. Bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (il-GDPR) 3 , l-UE ħolqot qafas sod għall-fiduċja diġitali. Ir-rieżami li jmiss tal-GDPR jaf jipprovdi aktar elementi utli f’dan ir-rigward. Inizjattivi oħrajn li rawmu l-iżvilupp tal-ekonomija tad-data huma r-Regolament dwar il-moviment liberu tad-data mhux personali (l-FFD) 4 , l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà (is-CSA) 5 ,, u d-Direttiva dwar id-Data Miftuħa 6 . Il-Kummissjoni kienet involuta wkoll fid-diplomazija diġitali u rrikonoxxiet li 13-il pajjiż jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali.

F’xi oqsma ġiet adottata wkoll leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi dwar l-aċċess għad-data ħalli jiġu identifikati l-fallimenti tas-suq, fosthom fis-settur awtomobilistiku 7 , il-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti 8 , l-informazzjoni tal-kejl intelliġenti 9 , id-data tan-netwerk tal-elettriku 10 , jew is-sistemi tat-trasport intelliġenti 11 . Id-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali 12 għenet fl-għoti tas-setgħat lin-nies għax tathom drittijiet kuntrattwali ġodda fejn jidħlu s-servizzi diġitali mogħtija lill-konsumaturi li jagħtu aċċess għad-data tagħhom.

3.Il-viżjoni

Il-viżjoni tal-Kummissjoni hi mnebbħa mill-valuri u d-drittijiet fundamentali Ewropej u mill-konvinzjoni li l-bniedem jinsab u jenħtieġ jibqa’ fiċ-ċentru. Il-Kummissjoni hi konvinta li n-negozji u s-settur pubbliku fl-UE jistgħu jingħataw is-setgħat permezz tad-data biex jieħdu deċiżjonijiet aħjar. Hu aktar u aktar diffiċli li tinħataf l-opportunità li tagħtina d-data għall-ġid soċjali u ekonomiku, għax id-data – għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tar-riżorsi ekonomiċi – tista’ tiġi replikata kważi mingħajr spejjeż u tista’ tintuża minn persuna jew organizzazzjoni waħda daqskemm minn bosta persuni u organizzazzjonijiet fl-istess ħin. Dan il-potenzjal jenħtieġ nisfruttawh biex inwieġbu l-ħtiġijiet tan-nies u b’hekk noħolqu ċertu valur għall-ekonomija u għas-soċjetà. Madankollu, biex nisfruttawh, jeħtieġ niżguraw aċċess aħjar għad-data u li din tintuża b’mod responsabbli.

L-UE jenħtieġ toħloq ambjent ta’ politika attraenti biex sal-2030, is-sehem tal-UE fl-ekonomija tad-data – id-data maħżuna, ipproċessata u użata b’mod siewi fl-Ewropa – tal-inqas jibbilanċja l-piż ekonomiku tagħha, mhux b’fiat iżda b’għażla. L-għan hu li jinħoloq spazju Ewropew uniku tad-data – suq uniku ġenwin tad-data, miftuħ għad-data minn madwar id-dinja – fejn id-data personali kif ukoll dik mhux personali, inkluż id-data kummerċjali sensittiva, ikunu siguri u n-negozji jkollhom aċċess faċli għal ammont kważi infinit ta’ data industrijali ta’ kwalità għolja, li jagħti spinta lit-tkabbir u joħloq valur, filwaqt li jimminimizza l-impronta tal-karbonju uman u ambjentali. Jenħtieġ ikun spazju fejn il-liġi tal-UE tkun tista’ tiġi infurzata b’mod effettiv, u fejn il-prodotti u s-servizzi kollha mmexxija mid-data jimxu man-normi rilevanti tas-suq uniku tal-UE. Għal dan il-għan, l-Ewropa jenħtieġ tgħaqqad il-leġiżlazzjoni u l-governanza li huma adattati għal dan il-għan biex tiżgura d-disponibbiltà tad-data, ma’ investimenti fl-istandards, fl-għodod u fl-infrastrutturi u kompetenzi għat-trattament tad-data. Dan il-kuntest favorevoli li jippromwovi l-inċentivi u l-għażla, se jwassal biex fl-UE tinħażen u tiġi pproċessata aktar data.

Bl-ispazju Ewropew tad-data, in-negozji tal-UE se jkunu jistgħu jibnu fuq l-iskala tas-Suq Uniku. Jenħtieġ li b’regoli Ewropej komuni u b’mekkaniżmi tal-infurzar effiċjenti niżguraw li:

-id-data tista’ tiċċirkola fl-UE u minn settur għall-ieħor;

-ir-regoli u l-valuri Ewropej, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-liġi tal-kompetizzjoni, huma rispettati bis-sħiħ;

-ir-regoli dwar l-aċċess għad-data u l-użu tagħha huma ġusti, prattiċi u ċari, u li hemm fis-seħħ mekkaniżmi ċari u affidabbli għall-governanza tad-data; jitħaddem approċċ miftuħ iżda assertiv għall-flussi tad-data internazzjonali, imsejjes fuq il-valuri Ewropej.

Il-passi elenkati hawnhekk li jippermettu aċċess għad-data jeħtieġ nikkumplimentawhom bi strateġija industrijali għall-ekonomija aġli mil-lat ta’ data. L-ispazji tad-data jenħtieġ irawmu ekosistema (ta’ kumpaniji, soċjetà ċivili u individwi) li toħloq prodotti u servizzi ġodda bbażati fuq data aktar aċċessibbli. Il-politika pubblika tista’ żżid id-domanda għal offerti b’kapaċità tad-data, kemm billi żżid il-kapaċità tas-settur pubbliku stess li juża data għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għas-servizzi pubbliċi u anki billi taġġorna r-regolamenti u l-politiki settorjali biex ikunu jirriflettu l-opportunitajiet li tagħti d-data u jiżguraw li dawn ixejnu d-diżinċentivi għall-użu produttiv tad-data.

Il-funzjonament tal-ispazju Ewropew tad-data jiddependi fuq kemm l-UE hi kapaċi tinvesti f’teknoloġiji u infrastrutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u fil-kompetenzi diġitali bħal-litteriżmu fid-data. Dan min-naħa l-oħra jżid is-sovranità teknoloġika tal-Ewropa f’teknoloġiji u infrastrutturi abilitanti essenzjali għall-ekonomija tad-data. L-infrastrutturi jenħtieġ jappoġġaw il-ħolqien ta’ ġabriet tad-data Ewropej li bihom ikunu jistgħu jsiru analitika tal-Big Data u apprendiment awtomatiku, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mal-liġi tal-kompetizzjoni, biex b’hekk ikunu jistgħu jinħolqu ekosistemi mmexxija mid-data. Dawn il-ġabriet jistgħu jiġu organizzati b’mod ċentralizzat jew distribwit 13 . L-organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu għad-data jiggwadanjaw għax ikollhom aċċess għad-data tal-kontributuri l-oħra, għar-riżultati analitiċi mill-ġabra tad-data, servizzi bħal dawk tal-manutenzjoni preventiva, jew tariffi tal-liċenzji.

Filwaqt li d-data hi essenzjali għas-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, kull dominju għandu l-ispeċifiċitajiet tiegħu u mhux is-setturi kollha qed jimxu bl-istess ritmu. Għalhekk, flimkien ma’ azzjonijiet transsettorjali għal spazju Ewropew tad-data, jeħtieġ jinħolqu spazji tad-data settorjali f’oqsma strateġiċi bħall-manifattura, is-saħħa, u l-mobbiltà.

4.Il-problemi

Hemm diversi kwistjonijiet li qed iżommu lill-UE lura milli tilħaq il-potenzjal tagħha fl-ekonomija tad-data.

Il-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri hi riskju kbir għall-viżjoni ta’ spazju komuni Ewropew tad-data u għal aktar żvilupp ta’ suq uniku ġenwin tad-data. Bosta Stati Membri bdew jadattaw il-qafas ġuridiku tagħhom, ngħidu aħna fejn jidħlu l-użu tad-data miżmuma privatament mill-awtoritajiet governattivi 14 , l-ipproċessar tad-data għal finijiet ta’ riċerka xjentifika 15 , jew l-adattamenti għal-liġi tal-kompetizzjoni 16 . Oħrajn sempliċiment għadhom kemm bdew jistħarrġu kif se jindirizzaw il-kwistjonijiet konċernati. Id-differenzi emerġenti joħorġu fid-dieher l-importanza ta’ azzjoni komuni ħalli tiġi ingranata l-iskala tas-suq intern. Fuq il-kwistjonijiet li ġejjin, il-progress jeħtieġ isir b’mod konġunt:

Id-disponibbiltà tad-data: Il-valur tad-data jinsab fl-użu u fl-użu mill-ġdid tagħha. Bħalissa ma teżistix biżżejjed data disponibbli għal użu mill-ġdid innovattiv, jiġifieri fost l-oħrajn għall-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali. Il-kwistjonijiet jistgħu jiġu raggruppati skont min hu d-detentur tad-data u skont min hu l-utent tad-data, iżda dan jiddependi anki min-natura tad-data involuta (jiġifieri jekk hix data personali, data mhux personali, jew settijiet tad-data mħallta li jikkombinaw it-tnejn 17 ). Hemm bosta kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-disponibbiltà tad-data għall-ġid komuni.

Id-data għall-ġid komuni: Id-data toħloqha s-soċjetà u tista’ tgħin fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, bħall-għargħar u n-nirien fil-foresti, biex ikun żgurat li n-nies ikunu jistgħu jgħixu ħajja itwal u aktar f’saħħithom, jitjiebu s-servizzi pubbliċi, u jiġu indirizzati d-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, u, meta meħtieġ u proporzjonat, tkun żgurata ġlieda aktar effiċjenti kontra l-kriminalità. Jenħtieġ li d-data li jiġġenera s-settur pubbliku u l-valur maħluq ikunu disponibbli għall-ġid komuni billi jkun żgurat, fost l-oħrajn b’aċċess preferenzjali, li din id-data jużawha r-riċerkaturi, istituzzjonijiet pubbliċi oħra, l-SMEs jew in-negozji ġodda. Anki d-data tas-settur privat tista’ tagħti kontribut sinifikanti daqs il-beni pubbliċi. Pereżempju, l-użu tad-data aggregata u anonimizzata tal-midja soċjali jista’ jkun mod effettiv li jikkumplimenta r-rapporti tat-tobba ġenerali f’każ ta’ epidemija.

-L-użu tal-informazzjoni tas-settur pubbliku min-negozji (kondiviżjoni tad-data mill-gvern għan-negozji – G2B). Il-ftuħ tal-informazzjoni miżmuma mill-gvernijiet hi politika tal-UE li ilha teżisti 18 . Din id-data tkun inħolqot bi flus pubbliċi u għalhekk jenħtieġ tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà. Id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa 19 riveduta dan l-aħħar u leġiżlazzjoni oħra speċifika għas-setturi jiżguraw li d-data li jiġġenera s-settur pubbliku tkun disponibbli aktar faċilment għall-użu 20 , b’mod partikolari mill-SMEs iżda anki għas-soċjetà ċivili u għall-komunità xjentifika fil-qafas ta’ evalwazzjonijiet ta’ politika pubblika indipendenti. Iżda l-gvernijiet jistgħu jagħmlu aktar. Ħafna drabi, is-settijiet tad-data ta’ valur kbir ma jkunux disponibbli bl-istess kundizzjonijiet madwar l-UE u dan għad-detriment tal-użu tad-data mill-SMEs li ma jifilħux iħallsu għal din il-frammentazzjoni. Fl-istess ħin, ħafna drabi d-data sensittiva (bħad-data dwar is-saħħa) fil-bażijiet tad-data pubbliċi ma tkunx disponibbli għall-finijiet ta’ riċerka, għax ikun hemm nuqqas ta’ kapaċità jew mekkaniżmi li jippermettu li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi ta’ riċerka b’mod konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

-Il-kondiviżjoni u l-użu tad-data miżmuma mill-privat minn kumpaniji oħra (kondiviżjoni tad-data min-negozji għan-negozji – B2B). Minkejja l-potenzjal ekonomiku, il-kondiviżjoni tad-data bejn il-kumpaniji ma rnexxilhiex tilħaq skala biżżejjed. Dan ġara minħabba nuqqas ta’ inċentivi ekonomiċi (inkluż il-biża’ li jintilef xi vantaġġ kompetittiv), in-nuqqas ta’ fiduċja bejn l-operaturi ekonomiċi li d-data se tintuża skont il-ftehimiet kuntrattwali, l-iżbilanċi fil-poter tan-negozjar, il-biża’ ta’ miżapproprjazzjoni tad-data minn partijiet terzi, u nuqqas ta’ ċarezza legali dwar min jista’ jagħmel xiex fejn tidħol id-data (pereżempju għad-data maħluqa b’mod konġunt, b’mod partikolari d-data tal-Internet tal-Oġġetti).

-L-użu tad-data miżmuma mill-privat minn awtoritajiet governattivi (kondiviżjoni tad-data min-negozji għall-gvern – B2G). Bħalissa ma teżistix biżżejjed data tas-settur privat disponibbli għall-użu mis-settur pubbliku biex jitjiebu t-tfassil ta’ politika mmexxi mill-evidenza 21 , u ċertu servizzi pubbliċi bħall-immaniġġar tal-mobbiltà jew it-titjib tal-ambitu u l-puntwalità tal-istatistika uffiċjali 22 , u b’hekk titjieb ir-rilevanza tagħhom fil-kuntest tal-iżviluppi ġodda fis-soċjetà. Fost ir-rakkomandazzjonijiet li ta Grupp ta’ Esperti 23 maħluq mill-Kummissjoni hemm il-ħolqien ta’ strutturi nazzjonali għall-kondiviżjoni tad-data B2G, l-iżvilupp ta’ inċentivi xierqa li joħolqu kultura ta’ kondiviżjoni tad-data, u s-suġġeriment li jiġi esplorat qafas regolatorju tal-UE li jirregola l-użu mill-ġdid mis-settur pubbliku għall-interess pubbliku ta’ data miżmuma mill-privat.

-Il-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi hi daqstant ieħor importanti. Din tista’ tagħti kontribut ġmielu biex jissaħħu t-tfassil tal-politika u s-servizzi pubbliċi, iżda anki biex jonqos il-piż amministrattiv minn fuq il-kumpaniji li joperaw fis-Suq Uniku (il-prinċipju ta’ “darba biss”).

Żbilanċi fis-setgħat tas-suq: Minbarra l-konċentrazzjoni qawwija fil-forniment ta’ servizzi tal-cloud u infrastrutturi tad-data, hemm ukoll żbilanċi tas-suq fejn jidħlu l-aċċess għad-data u l-użu tagħha, ngħidu aħna fir-rigward tal-aċċess għad-data mill-SMEs. Każ partikolari ġej mill-pjattaformi online kbar, fejn ftit parteċipanti jistgħu jakkumulaw ammonti kbar ta’ data, u b’hekk ikollhom ċertu għarfien importanti u vantaġġi kompetittivi mid-data rikka u varjata li għandhom. Min-naħa l-oħra, dan jista’ jaffettwa l-kontestabbiltà tas-swieq f’każijiet speċifiċi – mhux biss is-suq għal dawn is-servizzi tal-pjattaforma, iżda anki d-diversi swieq speċifiċi għal prodotti u servizzi servuti mill-pjattaforma, b’mod partikolari jekk il-pjattaforma tkun hi stess attiva f’dawn is-swieq relatati. Bil-livell għoli ta’ setgħat tas-suq li jinkiseb permezz tal-“vantaġġ tad-data”, l-atturi l-kbar ikunu jistgħu jistabbilixxu r-regoli dwar il-pjattaforma u b’mod unilaterali jimponu kundizzjonijiet għall-aċċess u għall-użu tad-data jew saħansitra jippermettu ingranaġġ ta’ dan “il-vantaġġ tas-setgħat” meta jkunu qed jiżviluppaw xi servizzi ġodda u jkabbru lejn swieq ġodda. L-iżbilanċi jistgħu jinħolqu wkoll f’sitwazzjonijiet oħra, fosthom fejn jidħol l-aċċess għal data koġenerata tal-Internet tal-Oġġetti minn apparat industrijali u tal-konsumatur.

L-interoperabbiltà u l-kwalità tad-data: L-interoperabbiltà u l-kwalità tad-data, kif ukoll l-istruttura, l-awtentiċità u l-integrità tad-data huma kruċjali għall-isfruttament tal-valur tad-data, speċjalment fil-kuntest tal-varar tal-Intelliġenza Artifiċjali. Il-produtturi u l-utenti tad-data identifikaw kwistjonijiet sinifikanti ta’ interoperabbiltà li jxekklu l-kombinament tad-data minn sorsi differenti fi ħdan is-setturi, u aktar minn hekk bejn is-setturi. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ formati u protokolli kompatibbli standard u kondiviżi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data minn sorsi differenti b’mod koerenti u interoperabbli fost is-setturi kollha u fis-swieq vertikali tiġi mħeġġa bil-pjan kontinwu għall-istandardizzazzjoni tal-ICT 24 u (fir-rigward tas-servizzi pubbliċi) b’Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà aktar b’saħħtu 25 .

Il-governanza tad-data: Kien hemm appelli biex tkompli tissaħħaħ il-governanza tal-użu tad-data fis-soċjetà u l-ekonomija 26 . Biex dawn l-ispazji tad-data jsiru operattivi, hemm bżonn approċċi u strutturi organizzattivi (kemm pubbliċi u privati) li jipprovdu opportunitajiet ta’ innovazzjoni mmexxija mid-data abbażi tal-qafas ġuridiku eżistenti.

L-infrastrutturi u t-teknoloġiji tad-data: It-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tal-UE tistrieħ fuq id-disponibbiltà u l-użu ta’ kapaċitajiet tal-ipproċessar tad-data li jkunu siguri, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, affordabbli u ta’ kwalità għolja, bħalma huma dawk offruti mill-infrastrutturi u s-servizzi tal-cloud, kemm fiċ-ċentri tad-data u anki fl-edge computing. F’din il-perspettiva, l-UE jeħtieġ tnaqqas id-dipendenzi teknoloġiċi tagħha f’dawn l-infrastrutturi strateġiċi, fiċ-ċentru tal-ekonomija tad-data.

Iżda xorta għad hemm problemi fuq in-naħa tal-provvista u fuq in-naħa tad-domanda tal-cloud.

Fuq in-naħa tal-provvista:

-Il-fornituri tal-cloud ibbażati fl-UE għandhom biss sehem żgħir tas-suq tal-cloud, u għalhekk l-UE hi dipendenti ħafna fuq il-fornituri esterni, hi vulnerabbli għat-theddid estern tad-data u hi soġġetta għal telf ta’ potenzjal tal-investiment għall-industrija diġitali Ewropea fis-suq tal-ipproċessar tad-data;

-Anki l-fornituri tas-servizzi li joperaw fl-UE jistgħu jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi terzi, u dan joħloq ir-riskju li d-data taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE jaċċessawha ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jikkontradixxu l-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE. B’mod partikolari, kien hemm bosta tħassib dwar diversi liġijiet Ċiniżi relatati maċ-ċibersigurtà u mal-intelligence nazzjonali.

-Filwaqt li leġiżlazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi bħall-Cloud Act tal-Istati Uniti huma bbażati fuq raġunijiet ta’ politika pubblika, bħall-aċċess l-aċċess tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi għad-data minħabba investigazzjonijiet kriminali, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ ġurisdizzjonijiet barranin toħloq ċertu tħassib leġittimu għan-negozji, għaċ-ċittadini u għall-awtoritajiet pubbliċi Ewropej dwar l-inċertezza legali u l-konformità mal-liġi applikabbli tal-UE, bħar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. L-UE qed taħdem biex tnaqqas dan it-tħassib permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali ta’ benefiċċju reċiproku, bħall-Ftehim propost bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jeħfief l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika, jittaffa r-riskju ta’ kunflitt tal-liġijiet u jiġu stabbiliti salvagwardji ċari għad-data taċ-ċittadini u tal-kumpaniji tal-UE. L-UE qed taħdem ukoll fil-livell multilaterali, inkluż fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, biex tiżviluppa regoli komuni dwar l-aċċess għall-evidenza elettronika li jkunu bbażati fuq livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u proċedurali.

-Hemm inċertezza dwar il-konformità tal-fornituri tas-servizzi tal-cloud ma’ regoli u standards importanti tal-UE, bħala pereżempju dwar il-protezzjoni tad-data.

-Il-mikrointrapriżi u l-SMEs iġarrbu detriment ekonomiku minħabba problemi relatati mal-kuntratti, bħal ngħidu aħna minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt jew termini kuntrattwali inġusti 27 .

Fuq in-naħa tad-domanda:

-Fl-Ewropa l-livell ta’ adozzjoni tal-cloud hu baxx (kumpanija waħda (1) minn kull erbgħa (4), u SME waħda (1) minn kull ħamsa (5) 28 ). Bejn l-Istati Membri jeżistu bosta diverġenzi fl-adozzjoni tal-cloud (il-cloud jużawha bejn inqas minn 10 % sa 65 % tan-negozji);

-B’mod speċifiku, l-adozzjoni tal-cloud fis-settur pubbliku Ewropew hi baxxa. Dan jista’ jwassal biex is-servizzi pubbliċi diġitali jkunu inqas effiċjenti, mhux biss minħabba l-potenzjal ċar li jonqsu l-ispejjeż tal-IT bl-adozzjoni tal-cloud iżda anki għax il-gvernijiet jeħtieġu l-iskalabbiltà tal-cloud computing biex jintroduċu teknoloġiji bħall-Intelliġenza Artifiċjali.

-Is-suq tal-fornituri iżgħar, li ħafna drabi jkunu Ewropej, tas-servizzi innovattivi tal-cloud ta’ spiss ibati minn nuqqas ta’ viżibbiltà.

-In-negozji Ewropej ta’ spiss ikollhom problemi bl-interoperabbiltà tal-multicloud, b’mod partikolari l-portabbiltà tad-data.

Setgħa lill-individwi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom: L-individwi japprezzaw il-livell għoli ta’ protezzjoni li jipprovdu l-GDPR u l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza elettronika. Iżda dawn iġarrbu nuqqas ta’ għodod u standards tekniċi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom jagħmluh sempliċi u mhux peżanti żżejjed. Il-potenzjal tal-Artikolu 20 tal-GDPR li jiftaħ il-bibien għal flussi tad-data ġodda u jrawwem il-kompetizzjoni hu rikonoxxut f’rapporti miktuba għall-Kummissjoni u għall-gvernijiet tal-Istati Membri 29 li mhuwiex wieħed limitat għall-UE 30 . Iżda billi dan tfassal b’mod li jippermetti l-qlib tal-fornituri tas-servizzi minflok ma jippermetti l-użu mill-ġdid tad-data fl-ekosistemi diġitali, id-dritt għandu limitazzjonijiet prattiċi.

Kulma jmur il-konsumaturi qed jiġġeneraw ammonti dejjem akbar ta’ data meta jużaw l-apparati tal-Internet tal-Oġġetti u s-servizzi diġitali, u għalhekk il-konsumaturi qed jiffaċċjaw riskji ta’ diskriminazzjoni, prattiki inġusti u effetti ta’ intrappolament. Il-konsiderazzjonijiet ta’ setgħa lill-konsumaturi u lill-innovazzjoni jirfdu d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data u l-użu mill-ġdid tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagamenti.

B’reazzjoni għal dan, hemm appelli (mill-moviment MyData u oħrajn) 31 biex l-individwi jingħataw l-għodod u l-mezzi biex jiddeċiedu f’livell granulari dwar xi jsir bid-data tagħhom. Dan mistenni jikseb benefiċċji sinifikanti għall-individwi, fosthom għas-saħħa u l-benessri tagħhom, finanzi personali aħjar, impronta ambjentali iżgħar, aċċess mingħajr xkiel għas-servizzi pubbliċi u privati, u aktar sorveljanza u trasparenza fejn tidħol id-data personali tagħhom. Dawk l-għodod u l-mezzi jinkludu għodod ta’ ġestjoni tal-kunsens, apps għall-ġestjoni tal-informazzjoni personali, fosthom soluzzjonijiet deċentralizzati għalkollox imsejsa fuq il-blockchain, kif ukoll kooperattivi tad-data personali jew trusts li jaġixxu bħala intermedjarji newtrali ġodda fl-ekonomija tad-data personali 32 . Bħalissa dawn l-għodod għadhom fi stadju bikri, għalkemm għandhom potenzjal sinifikanti u jeħtieġu ambjent li jappoġġahom.

Il-ħiliet u l-litteriżmu fid-data: Bħalissa, il-Big Data u l-analitika jinsabu fuq nett fil-lista tal-iskarsezzi kritiċi tal-ħiliet. Fl-2017, kien hemm madwar 496 000 post battal fil-qasam tal-Big Data u l-analitika fl-EU27 33 . Barra minn hekk, il-litteriżmu ġenerali fid-data fil-forza tax-xogħol u fost il-popolazzjoni hu relattivament baxx u jeżistu lakuni fejn tidħol il-parteċipazzjoni (pereżempju mill-anzjani). Jekk dan ma jiġix indirizzat, in-nuqqas ta’ esperti tad-data u n-nuqqas ta’ litteriżmu fid-data se jaffettwaw il-kapaċità tal-UE li tegħleb l-isfidi tal-ekonomija u s-soċjetà tad-data.

Iċ-ċibersigurtà: Fil-qasam taċ-ċibersigurtà, l-Ewropa żviluppat qafas diġà komprensiv biex tappoġġa lill-Istati Membri, lin-negozji u liċ-ċittadini ħalli jindirizzaw it-theddid u l-attakki taċ-ċibersigurtà, u l-Ewropa se tibqa’ tiżviluppa u ttejjeb il-mekkaniżmi tagħha li jipproteġu d-data tagħha u s-servizzi mibnija fuqha. L-użu sikur u mifrux ta’ prodotti u servizzi mmexxija mid-data jiddependi wkoll fuq l-aqwa standards taċ-ċibersigurtà. Il-qafas taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà tal-UE u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) 34 mistennija jaqdu rwol importanti għal dak il-għan.

Iżda bil-mudell il-ġdid tad-data, minħabba l-fatt li fiċ-ċentri tad-data se tinħażen inqas data, u aktar data se tinfirex b’mod pervażiv eqreb lejn l-utent “fit-tarf”, se jinħolqu sfidi ġodda għaċ-ċibersigurtà. Meta d-data tkun qed tiġi skambjata, se jkun essenzjali li tiġi ppriżervata s-sigurtà tad-data. Hu prerekwiżit eżiġenti iżda essenzjali li niżguraw il-kontinwità tal-kontrolli tal-aċċess (jiġifieri kif jiġu mmaniġġati u rispettati l-attributi tas-sigurtà tad-data) fost il-ktajjen tal-valur tad-data, ħalli titrawwem il-kondiviżjoni tad-data u tkun żgurata l-fiduċja fost l-atturi differenti tal-ekosistemi tad-data Ewropej.

Hemm teknoloġiji diġitali deċentralizzati ġodda bħall-blockchain li joffru possibbiltà oħra għall-individwi u għall-kumpaniji biex jimmaniġġaw il-flussi u l-użu tad-data, abbażi ta’ għażla libera individwali u awtodeterminazzjoni. Dawn it-teknoloġiji jippermettu l-portabbiltà dinamika tad-data f’ħin reali għall-individwi u għall-kumpaniji, flimkien ma’ diversi mudelli ta’ kumpens.

5.L-Istrateġija

Din l-Istrateġija Ewropea għad-Data għandha l-għan li twettaq il-viżjoni għal suq uniku ġenwin tad-data u tindirizza l-problemi identifikati permezz ta’ miżuri ta’ politika u finanzjament, imsejsa fuq dak li diġà nkiseb fl-aħħar ftit snin.

Kull waħda mill-miżuri leġiżlattivi se titħejja u tiġi vvalutata b’konformità sħiħa mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar.

L-azzjonijiet huma bbażati fuq erba’ pilastri:

A.Qafas ta’ governanza transsettorjali għall-aċċess u l-użu tad-data

Jenħtieġ li l-miżuri transsettorjali (jew orizzontali) għall-aċċess u l-użu tad-data joħolqu l-qafas ġenerali meħtieġ għall-ekonomija aġli mil-lat ta’ data, u b’hekk tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern minħabba azzjonijiet inkonsistenti bejn is-setturi u bejn l-Istati Membri. Iżda jenħtieġ li dawn il-miżuri jqisu l-ispeċifiċitajiet ta’ setturi individwali u tal-Istati Membri.

L-approċċ tal-Kummissjoni għar-regolamentazzjoni hu li jinħolqu oqfsa li jsawru l-kuntest, li jippermettu l-iżvilupp ta’ ekosistemi ħajjin, dinamiċi u vivaċi. Hu diffiċli li wieħed jifhem għalkollox l-elementi kollha ta’ din it-trasformazzjoni lejn ekonomija aġli mil-lat ta’ data u għaldaqstant il-Kummissjoni deliberatament se żżomm lura minn regolamentazzjoni ex ante tqila u dettaljata wisq, u tippreferi approċċ aġli għal governanza li tiffavorixxi l-esperimentazzjoni (bħal sandboxes regolatorji), l-iterazzjoni u d-differenzazzjoni.

Bi qbil ma’ dan il-prinċipju, l-ewwel prijorità għall-operazzjonalizzazzjoni tal-viżjoni hi li jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv abilitanti għall-governanza tal-ispazji komuni Ewropej tad-data (Q4 2020). Dawn l-istrutturi ta’ governanza jenħtieġ jappoġġaw deċiżjonijiet dwar liema data tista’ tintuża u f’liema sitwazzjonijiet, jiffaċilitaw l-użu transfruntier tad-data, u jagħtu prijorità lir-rekwiżiti u l-istandards tal-interoperabbiltà fi ħdan is-setturi u bejniethom, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-awtoritajiet settorjali jispeċifikaw ir-rekwiżiti settorjali. Il-qafas se jirrinforza l-istrutturi meħtieġa fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE biex jeħfief l-użu tad-data għal ideat tan-negozju innovattivi, kemm fil-livell speċifiku għas-setturi u f’dak speċifiku għad-dominji u minn perspettiva transettorjali. Dan se jibni fuq inizjattivi riċenti fl-Istati Membri 35 u f’setturi individwali biex jindirizza xi waħda jew aktar minn dawn il-kwistjonijiet:

-jissaħħu l-mekkaniżmi tal-governanza fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri rilevanti għall-użu tad-data transsettorjali u għall-użu tad-data fl-ispazji komuni tad-data settorjali, li jinvolvu atturi privati u anki pubbliċi. Dan jista’ jinkludi mekkaniżmu li jipprijoritizza l-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni 36 u li jaħdem għal deskrizzjoni u ħarsa ġenerali aktar armonizzati tas-settijiet tad-data, tal-oġġetti tad-data u tal-identifikaturi biex titrawwem l-interoperabbiltà tad-data (jiġifieri l-użabbiltà tagħhom fil-livell tekniku 37 ) bejn is-setturi u, meta rilevanti, fi ħdanhom 38 . Dan jista’ jsir bi qbil mal-prinċipji dwar it-Traċċabbiltà, l-Aċċessibbiltà, l-Interoperabbiltà u r-Riużabbiltà (il-FAIR) tad-data filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet speċifiċi għas-setturi.

-ikunu ffaċilitati d-deċiżjonijiet li għalihom tista’ tintuża d-data, kif u minn min għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika b’mod konformi mal-GDPR. Dan hu rilevanti partikolarment għall-bażijiet tad-data miżmuma pubblikament b’data sensittiva mhux koperta mid-Direttiva dwar id-Data Miftuħa.

-ikun aktar faċli għall-individwi biex jippermettu l-użu tad-data li jiġġeneraw għall-ġid pubbliku, jekk ikunu jixtiequ li jagħmlu dan (“altruwiżmu tad-data”), f’konformità mal-GDPR.

It-tieni, il-Kummissjoni se taħdem biex aktar data tas-settur pubbliku ta’ kwalità għolja tkun disponibbli biex tintuża mill-ġdid, b’mod partikolari fid-dawl tal-potenzjal tagħha għall-SMEs. Biex ċerti settijiet ewlenin tad-data ta’ referenza tas-settur pubbliku jinfetħu għall-innovazzjoni, għandha tinbeda l-proċedura għall-adozzjoni ta’ Att ta’ Implimentazzjoni dwar is-settijiet tad-data ta’ valur kbir (Q1 2021) skont id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa biex dawn is-settijiet tad-data jkunu disponibbli madwar l-UE mingħajr ħlas, f’format li jinqara mill-magni u b’Interfaċċi ta’ Programmazzjoni tal-Applikazzjonijiet (APIs) standardizzati. Il-Kummissjoni se teżamina mekkaniżmi biex tqis il-ħtiġijiet partikolari tal-SMEs. Se tassisti wkoll lill-Istati Membri biex sal-17 ta’ Lulju 2021 tkun żgurata traspożizzjoni fil-ħin u preċiża tar-regoli l-ġodda tad-Direttiva dwar id-Data Miftuħa.

It-tielet, il-Kummissjoni se tesplora l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva dwar kwistjonijiet li jaffettwaw ir-relazzjonijiet bejn l-atturi fl-ekonomija aġli mil-lat ta’ data biex tipprovdi inċentivi għal kondiviżjoni orizzontali tad-data bejn is-setturi (li tkun tikkumplimenta l-kondiviżjoni tad-data fi ħdan is-setturi kif deskritt fl-Appendiċi). Kwistjoni jew aktar minn dawn li ġejjin jistgħu jitmexxew ’il quddiem permezz ta’ Att dwar id-Data (2021):

-titrawwem il-kondiviżjoni tad-data min-negozji għall-gvern għall-interess pubbliku wkoll fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kondiviżjoni tad-Data min-Negozji għall-Gvern).

-tiġi appoġġata l-kondiviżjoni tad-data min-negozji għan-negozji, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-użu għal data koġenerata (bħad-data tal-Internet tal-Oġġetti f’kuntesti industrijali), li tipikament ikunu stabbiliti fil-kuntratti privati. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tidentifika u tindirizza l-ostakli eżistenti li jxekklu l-kondiviżjoni tad-data u biex tiċċara r-regoli għall-użu responsabbli tad-data (bħar-responsabbiltà legali). Il-prinċipju ġenerali għandu jkun li titħeġġeġ il-kondiviżjoni volontarja tad-data.

-Jenħtieġ li l-aċċess għad-data jkun obbligatorju biss meta ċ-ċirkostanzi speċifiċi jiddettaw hekk 39 , u kif xieraq dan isir b’kundizzjonijiet ġusti, trasparenti, raġonevoli, proporzjonati u/jew mhux diskriminatorji 40 .

-jiġi evalwat il-qafas IPR bil-ħsieb li jitjieb aktar l-aċċess u l-użu tad-data (inkluż reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar il-Bażi ta’ Data 41 u kjarifika possibbli tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tas-Sigrieti Kummerċjali 42 bħala qafas tal-abilitazzjoni).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tivvaluta liema miżuri huma meħtieġa biex jiġu stabbiliti ġabriet tad-data għall-analiżi tad-data u l-apprendiment awtomatiku.

Il-Kummissjoni se tipprovdi aktar gwida lill-partijiet konċernati dwar il-konformità tal-arranġamenti tal-kondiviżjoni u l-akkomunament tad-data mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE permezz ta’ aġġornament tal-Linji Gwida dwar il-Kooperazzjoni Orizzontali 43 . Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni hi ppreparata wkoll biex tipprovdi gwida individwali addizzjonali relatata mal-proġetti dwar il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Meta tkun qed teżerċita s-setgħat tagħha tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet, il-Kummissjoni se tanalizza mill-qrib l-effetti fuq il-kompetizzjoni li jaf tħalli akkumulazzjoni tad-data fuq skala kbira permezz ta’ akkwiżizzjonijiet, u se tanalizza wkoll is-siwi ta’ rimedji relatati mal-aċċess għad-data jew mal-kondiviżjoni tad-data biex jissolva kwalunkwe tħassib.

Fir-rieżami li qed tagħmel ta’ bosta linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni se teżamina r-relazzjoni bejn l-appoġġ pubbliku għall-impriżi (eż. għat-trasformazzjoni diġitali) u t-tnaqqis possibbli fid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni permezz ta’ rekwiżiti relatati mal-kondiviżjoni tad-data għall-benefiċjarji.

Ir-rieżami tal-approċċ awtoregolatorju attwali għall-qlib tal-fornitur tal-cloud 44 jista’ jwassal għal aktar azzjoni, skont il-progress li jagħmlu l-parteċipanti fis-suq.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll kwistjonijiet ġurisdizzjonali relatati mad-data. Dawn il-kwistjonijiet joħolqu inċertezza għan-negozji li jistgħu jiffaċċjaw regoli kunfliġġenti. Fejn jidħlu l-prinċipji tagħha, l-UE jenħtieġ ma tagħmilx kompromessi: il-kumpaniji kollha li jbigħu xi prodotti jew jipprovdu xi servizzi relatati mal-ekonomija aġli mil-lat ta’ data fl-UE jridu jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u dan jenħtieġ ma jiġix kompromess b’talbiet ġurisdizzjonali minn barra l-UE.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri li jiffaċilitaw l-użu tad-data fi prodotti u servizzi u jżidu d-domanda għal servizzi li jippermettu d-data. Ir-rieżamijiet settorjali jenħtieġ jidentifikaw ostakli regolatorji u mhux regolatorji għall-użu tad-data u għal offerti li jinvolvu d-data. Jenħtieġ li anki b’aktar disponibbiltà u standardizzazzjoni tad-data teħfief il-konformità f’ħin reali u transfruntiera, u dan iwassal biex jonqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ostakli għas-Suq Uniku. Barra minn hekk, il-gvernijiet jistgħu wkoll irawmu d-domanda billi jżidu l-użu tal-analitika tad-data u tas-servizzi awtomatizzati fis-servizzi pubbliċi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

L-Osservatorju tal-Ekonomija tal-Pjattaformi Online qed janalizza l-akkumulazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ data min-naħa tal-kumpaniji tal-Big Tech, ir-rwol tad-data fil-ħolqien jew fir-rinfurzar tal-iżbilanċi fis-saħħa tan-negozjar u l-mod kif dawn il-kumpaniji jużaw u jaqsmu d-data bejn is-setturi. Il-kwistjoni mhux se tiġi indirizzata bħala parti mill-Att dwar id-Data, iżda bl-istħarriġ usa’ tal-fatti fuq il-livell għoli ta’ setgħat tas-suq li għandhom ċerti pjattaformi u anki fil-kuntest tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Abbażi ta’ dan l-istħarriġ tal-fatti, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif l-aħjar tindirizza kwistjonijiet aktar sistemiċi relatati mal-pjattaformi u mad-data, fosthom b’regolamentazzjoni ex ante, jekk ikun xieraq, li tiżgura li s-swieq jibqgħu miftuħa u ġusti.

Tmexxija bl-eżempju

Il-Kummissjoni se tistinka għal eċċellenza fil-mod kif torganizza d-data tagħha stess, kif tuża d-data għal tfassil tal-politika aħjar, u kif id-data li tiġġenera u tiffinanzja tkun disponibbli għall-oħrajn, inkluż fuq il-Portal tad-Data Miftuħa tal-UE 45 .

Id-data li toħroġ mill-programmi tar-riċerka u l-varar tal-UE, l-UE se tibqa’ tagħmilha disponibbli bil-prinċipju ta’ “niftħu kemm jista’ jkun, nagħlqu kemm hemm bżonn”, u se tibqa’ tiffaċilita l-iskoperta, il-kondiviżjoni, l-aċċess u l-użu mill-ġdid tad-data u s-servizzi mir-riċerkaturi permezz tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (l-EOSC) 46 .

L-UE se tikkontribwixxi wkoll bid-data u bl-infrastruttura tal-programm ta’ osservazzjoni tad-dinja Copernicus biex meta jkun rilevanti tirfed l-ispazji Ewropej tad-data. Fl-istess ħin, jekk tissaħħaħ l-ekosistema ta’ Copernicus bl-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi diġitali Ewropej, jinfetħu opportunitajiet ġodda ta’ innovazzjoni għall-kostitwenza tal-ispazji tad-data, kemm pubblika kif ukoll privata.

L-UE se taħdem biex tuża aktar id-data u l-analitika tad-data fil-proċessi interni tagħha u bħala kontribut lill-Kummissjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rieżamijiet tal-politika eżistenti.

L-azzjonijiet ewlenin

- Nipproponu qafas leġiżlattiv għall-governanza tal-ispazji komuni Ewropej tad-data, Q4 2020

- Nadottaw att ta’ implimentazzjoni dwar is-settijiet tad-data ta’ valur kbir, Q1 2021

- Nipproponu kif xieraq, Att dwar id-Data, fl-2021

- Nanalizzaw l-importanza tad-data fl-ekonomija diġitali (eż. bl-Osservatorju tal-Ekonomija tal-Pjattaformi Online), u nwettqu rieżami tal-qafas ta’ politika eżistenti fil-kuntest tal-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (Q4 2020).

B.L-ixprunaturi: Investimenti fid-data u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Ewropa għall-ospitar, l-ipproċessar u l-użu tad-data, l-interoperabbiltà

Biex mid-data jinħoloq valur ekonomiku u soċjali, l-Istrateġija Ewropea għad-Data tiddependi fuq ekosistema prosperuża ta’ atturi privati. In-negozji l-ġodda u n-negozji li qed ikabbru se jkunu qed jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp u fit-tkattir ta’ mudelli ġodda u innovattivi tan-negozju li jieħdu vantaġġ sħiħ mir-rivoluzzjoni tad-data. L-Ewropa jenħtieġ toffri ambjent li jappoġġa l-innovazzjoni mmexxija mid-data u li jistimula d-domanda għal prodotti u servizzi li jiddependu fuq id-data bħala fattur importanti tal-produzzjoni.

Biex isir progress malajr fl-innovazzjoni mmexxija mid-data f’oqsma strateġiċi hemm bżonn isiru investimenti mis-settur privat u mis-settur pubbliku. Il-Kummissjoni se tuża s-setgħa tagħha li tlaqqa’ flimkien, u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE biex issaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-Ewropa għall-ekonomija aġli mil-lat ta’ data. Dan isir bil-ħolqien ta’ standards, bl-iżvilupp ta’ għodod, bil-ġbir tal-aqwa prattiki għat-trattament tad-data personali (l-aktar fejn tidħol il-psewdonimizzazzjoni) u bit-tkattir tal-infrastrutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-ipproċessar tad-data. Meta rilevanti, l-investimenti jiġu kkoordinati mal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri u jitwettqu bi sħab, bi qbil mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’finanzjament nazzjonali u reġjonali u b’investimenti permezz tal-fondi strutturali u ta’ investiment.

Tul il-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni se tinvesti fi Proġett ta’ Impatt Kbir ta’ spazji Ewropej tad-data u infrastrutturi federati tal-cloud.

Il-proġett se jiffinanzja infrastrutturi, għodod tal-kondiviżjoni tad-data, strutturi u mekkaniżmi tal-governanza għal ekosistemi sodi tal-kondiviżjoni tad-data u tal-Intelliġenza Artifiċjali. Dan ikun ibbażat fuq il-federazzjoni Ewropea (jiġifieri l-interkonnessjoni) ta’ infrastrutturi effiċjenti fl-enerġija u affidabbli tal-edge u tal-cloud computing (is-servizzi tal-Infrastruttura bħala Servizz, tal-Pjattaforma bħala Servizz, u tas-Software bħala Servizz). Dan jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-industriji fl-UE, fosthom il-mudelli ibridi tal-implimentazzjoni tal-cloud li jippermettu l-ipproċessar tad-data fit-tarf mingħajr latenza (l-hekk imsejħa cloud-to-edge). Dan il-proġett jinvolvi l-ekosistema Ewropea tal-kumpaniji intensivi fid-data u hu ta’ benefiċċju għalihom; u se jappoġġa lill-kumpaniji Ewropej u lis-settur pubbliku fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom.

Biex dan il-proġett ikun kredibbli bħala inizjattiva pan-Ewropea, dan jeħtieġ livell adegwat ta’ investiment. L-Istati Membri u l-industrija huma mistennija jikkoinvestu mal-Kummissjoni fil-proġett, li b’kollox jaf jammonta għal investiment ta’ madwar EUR 4-6 biljun, u li minnhom il-Kummissjoni tista’ timmira li tiffinanzja EUR 2 biljun permezz ta’ bosta programmi ta’ finanzjament, diment li dan ikun miftiehem fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Dan il-Proġett jeħtieġ jitqies fil-kuntest ta’ sett usa’ ta’ investimenti strateġiċi tal-UE f’teknoloġiji ġodda li l-Kummissjoni se tippreżenta f’Marzu 2020 bħala parti mill-istrateġija industrijali tagħha. Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari l-finanzjament għall-edge computing, il-computing ta’ prestazzjoni għolja/il-computing kwantistiku, iċ-ċibersigurtà, il-proċessuri b’konsum baxx tal-enerġija u n-netwerks 6G. Dawn l-investimenti huma essenzjali għall-infrastruttura tad-data tal-UE tal-futur, biex l-Ewropa tkun mgħammra b’infrastrutturi, qawwa komputazzjonali, kapaċità tal-kriptaġġ u għodod taċ-ċibersigurtà li jkunu adegwati għall-ipproċessar tad-data.

Proġett ta’ Impatt Kbir: niżviluppaw spazji komuni Ewropej tad-data u nagħmlu interkonnessjonijiet ta’ infrastrutturi cloud

B’mod konkret, il-Kummissjoni beħsiebha tiffinanzja l-istabbiliment ta’ spazji komuni u interoperabbli tad-data madwar l-UE kollha f’setturi strateġiċi. Dawn l-ispazji għandhom l-għan li jegħlbu l-ostakli legali u tekniċi għall-kondiviżjoni tad-data bejn l-organizzazzjonijiet, billi jżewġu l-għodod u l-infrastrutturi meħtieġa u jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ fiduċja, ngħidu aħna b’regoli komuni żviluppati għall-ispazju. L-ispazji se jinvolvu: (i) l-implimentazzjoni ta’ għodod u pjattaformi għall-kondiviżjoni tad-data; (ii) it-twaqqif ta’ oqfsa ta’ governanza tad-data; (iii) it-titjib tad-disponibbiltà, tal-kwalità u tal-interoperabbiltà tad-data – kemm f’kuntesti speċifiċi għad-dominji u anki fost is-setturi. Il-finanzjament se jappoġġa wkoll lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex is-settijiet tad-data ta’ valur kbir isiru disponibbli biex jintużaw mill-ġdid fl-ispazji komuni tad-data differenti.

L-appoġġ għall-ispazji tad-data se jkopri wkoll l-ipproċessar tad-data u l-kapaċitajiet tal-computing li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali mil-lat ta’ prestazzjoni ambjentali, sigurtà, protezzjoni tad-data, interoperabbiltà u skalabbiltà.

B’enfasi fuq l-oqsma fejn l-appoġġ fil-livell tal-UE għandu valur miżjud ċar, l-investimenti jistgħu jkopru wkoll l-interkonnessjoni ta’ kapaċitajiet tal-computing eżistenti fil-livell nazzjonali 47 u Ewropew, fosthom il-kapaċitajiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja 48 , u – meta meħtieġ – se jġibu flimkien il-kapaċità tar-riżorsi tal-ipproċessar tad-data. L-għan hu li tingħata għajnuna biex jitwaqqfu infrastrutturi komuni tad-data u tal-cloud ta’ klassi dinjija għall-ġid pubbliku, li jkunu jippermettu ħażna u pproċessar siguri tad-data għas-settur pubbliku u għall-istituzzjonijiet tar-riċerka. Huma mistennija effetti pożittivi simili mill-interkonnessjoni mal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (l-EOSC) u l-pjattaforma bbażata fuq il-cloud tas-Servizzi tal-Aċċess għad-Data u għall-Informazzjoni (id-DIAS) li tipprovdi aċċess għal servizzi bbażati fuq id-data tal-osservazzjoni tad-dinja ta’ Copernicus.

Anki s-settur privat, inkluż b’mod partikolari l-SMEs, jeħtieġ infrastrutturi u servizzi tad-data u tal-cloud li jipprovdu l-karatteristiċi essenzjali tas-sigurtà, is-sostenibbiltà, l-interoperabbiltà u l-iskalabbiltà. Dan hu essenzjali biex in-negozji Ewropej jibbenefikaw minn katina tal-valur sħiħa tal-iġġenerar, tal-ipproċessar, tal-aċċess u tal-użu mill-ġdid tad-data 49 . L-investiment ilaqqa’ flimkien lill-atturi privati bl-appoġġ pubbliku biex jiżviluppaw pjattaformi komuni li jagħtu aċċess għal diversità kbira ta’ servizzi tal-cloud għal ħżin u kondiviżjoni siguri tad-data kif ukoll applikazzjonijiet li jvarjaw mill-intelliġenza artifiċjali, is-simulazzjoni, l-immudellar, sat-tewmin diġitali u r-riżorsi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC). Il-pjattaforma se tkopri s-saffi kollha tal-infrastruttura u s-servizzi tad-data u tal-computing, u se taħtaf l-opportunitajiet tal-aħħar żviluppi fosthom tal-edge computing, il-varar tal-5G u l-użu tal-Internet tal-Oġġetti fost is-setturi industrijali. Din tgħin ukoll biex fl-Ewropa tinħoloq ekosistema dinamika għal industrija tal-provvista bbażata fuq id-data u fuq il-cloud tul il-katina tal-valur.

Il-komponent tal-federazzjoni tal-cloud tal-Proġett ta’ Impatt Kbir se jrawwem l-ibbilanċjar mill-ġdid gradwali bejn infrastruttura ċentralizzata tad-data fil-cloud u ipproċessar distribwit u intelliġenti ħafna tad-data fit-tarf. Għalhekk proġett bħal dan jenħtieġ li sa mill-bidu nett ikun jgħaqqad il-kapaċitajiet emerġenti fl-edge computing. Minbarra dan, tul iż-żmien, il-proġett jenħtieġ jippermetti aċċess għall-aqwa kompjuters ta’ prestazzjoni għolja u l-integrazzjoni tiegħu ma’ servizzi ewlenin tal-ipproċessar tad-data. Dan se jipprovdi kontinwità bla xkiel tal-computing biex jinkiseb l-akbar tkabbir u sfruttament tal-ispazji komuni Ewropej tad-data għall-applikazzjonijiet pubbliċi, industrijali u xjentifiċi.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se trawwem sinerġiji bejn il-ħidma fuq il-federazzjoni Ewropea tal-cloud u l-inizjattivi tal-Istati Membri bħal Gaia-X 50 . Dan hu meħtieġ biex tkun evitata multiplikazzjoni ta’ inizjattivi frammentati tal-federazzjoni tal-cloud u tal-kondiviżjoni tad-data, għax is-suċċess ta’ inizjattiva bħal din jiddependi fuq parteċipazzjoni pan-Ewropea u l-kapaċità ta’ skalar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tiffaċilita Memoranda ta’ Ftehim mal-Istati Membri sal-Q3 2020 u tibda minn dawk li diġà għandhom inizjattivi tal-federazzjoni tal-cloud u tal-kondiviżjoni tad-data.

Nippermettu l-aċċess għal servizzi kompetittivi, siguri u ġusti tal-cloud Ewropej

Biex jitħarsu d-drittijiet u l-interessi tal-kumpaniji u taċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni bl-appoġġ tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri se tagħti attenzjoni partikolari għall-aderenza tal-fornituri tas-servizzi tal-cloud li joperaw fis-suq tal-UE mar-regoli tal-UE (eż. ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, ir-Regolament dwar il-Fluss Liberu tad-Data mhux personali, u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) u, meta rilevanti, l-implimentazzjoni prevista tagħhom b’mekkaniżmi awtoregolatorji u koregolatorji u b’mezzi teknoloġiċi biex tiżdied il-fiduċja, fosthom is-sigurtà sa mit-tfassil u l-konformità awtomatizzata. Sal-lum il-fornituri u l-utenti tal-cloud ma għandhomx tagħrif komprensiv dwar dawn ir-regoli tal-UE u l-iskemi awtoregolatorji u koregolatorji. F’dan il-kuntest, sal-Q2 2022, il-Kummissjoni se tistabbilixxi qafas koerenti madwar ir-regoli applikabbli differenti (inkluż l-awtoregolamentazzjoni) għas-servizzi tal-cloud, fil-forma ta’ “ġabra ta’ regoli għall-cloud”. Qabelxejn, il-ġabra ta’ regoli għall-cloud tkun kompendju ta’ kodiċijiet tal-kondotta eżistenti għall-cloud u ċertifikazzjoni dwar is-sigurtà, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità tas-servizz, il-protezzjoni tad-data u l-portabbiltà tad-data. Se jiġi kkunsidrat li fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija tittieħed azzjoni aktar bikrija.

B’koerenza mal-ġabra tar-regoli għall-cloud, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iżvilupp ta’ standards u rekwiżiti Ewropej komuni għall-akkwist pubbliku ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data. B’hekk, is-settur pubbliku tal-UE fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali jkun jista’ jsir ukoll mutur għal kapaċitajiet ġodda tal-UE fl-ipproċessar tad-data, minflok sempliċiment benefiċjarju ta’ dawn l-infrastrutturi Ewropej 51 .

Jenħtieġ li biex dan il-potenzjal jiġi sfruttat għalkollox, issir ħidma addizzjonali biex jiġu konnessi organizzazzjonijiet min-naħa tad-domanda fis-settur privat u pubbliku għal offerti ġodda u innovattivi ta’ servizzi mfassla apposta tal-ipproċessar tad-data, speċifikament fil-livell tal-Pjattaforma bħala Servizz u fil-livell tas-Software bħala Servizz. Il-Kummissjoni se tiffaċilita t-twaqqif ta’ suq tas-servizzi tal-cloud għall-utenti tal-UE mis-settur privat u pubbliku sal-Q4 2022. Is-suq iqiegħed lill-utenti potenzjali (b’mod partikolari lis-settur pubbliku u lill-SMEs) f’pożizzjoni li jagħżlu offerti ta’ servizzi tal-ipproċessar tal-cloud, tas-software u tal-pjattaforma li jkunu jaqblu ma’ bosta rekwiżiti f’oqsma bħall-protezzjoni tad-data, is-sigurtà, il-portabbiltà tad-data, l-effiċjenza enerġetika u l-prassi tas-suq. Il-fornituri tas-servizzi jitħallew jipparteċipaw fis-suq diment li jkollhom kundizzjonijiet kuntrattwali trasparenti u ġusti, għax is-suq attwali mhux dejjem jipprovdi dan, speċjalment lill-utenti tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs 52 . Is-suq jista’ jiffaċilita l-akkwist mis-settur pubbliku ta’ soluzzjonijiet alternattivi, filwaqt li l-użu min-naħa tas-settur pubbliku jista’ jappoġġa s-suq minħabba d-domanda aggregata ġmielha tiegħu.

Filwaqt li għadd ta’ Stati Membri diġà qed jiżviluppaw inizjattivi ta’ suq bħal dawn fil-livell nazzjonali, il-vantaġġ ta’ suq tas-servizzi tal-cloud fil-livell tal-UE hu doppju: l-ewwel nett dan jista’ jsolvi l-problema attwali ta’ asimetrija tas-suq bejn l-atturi dinjin tal-iperskala li ħafna drabi joffru soluzzjonijiet integrati li jkun fihom applikazzjonijiet provduti wkoll minn atturi iżgħar (tal-UE). It-tieni, dan jista’ joħloq ċerta ċarezza fejn tidħol il-konformità tas-servizzi tal-cloud mar-regoli rilevanti. Dan jiżgura tqabbil aħjar bejn l-offerti u d-domanda tal-UE li ssir b’mod partikolari min-naħa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-servizzi ta’ interess pubbliku ġenerali u l-SMEs.

Nappoġġaw il-progress fit-teknoloġiji tad-data 

Il-programm Orizzont Ewropa se jibqa’ jappoġġa lil teknoloġiji kruċjali għall-istadji li jmiss tal-ekonomija tad-data, fosthom it-teknoloġiji li jibżgħu għall-privatezza u t-teknoloġiji li jirfdu l-ispazji tad-data industrijali u personali. Diversi sħubiji kandidati ta’ Orizzont Ewropa li qed jitħejjew, bħas-sħubija għall-Intelliġenza Artifiċjali, id-data u r-robotika, u s-sħubija tal-Cloud Ewropea tax-Xjenza Miftuħa, jistgħu jgħinu biex jidderieġu l-investimenti f’dan il-qasam.

L-azzjonijiet ewlenin

- Ninvestu fi Proġett ta’ Impatt Kbir dwar l-ispazji Ewropej tad-data, li jinkludi strutturi għall-kondiviżjoni tad-data (inkluż standards għall-kondiviżjoni tad-data, l-aqwa prattiki, għodod) u mekkaniżmi tal-governanza, kif ukoll il-federazzjoni Ewropea ta’ infrastrutturi effiċjenti fl-enerġija u affidabbli tal-cloud, u s-servizzi relatati, ħalli jiġu ffaċilitati investimenti kombinati ta’ EUR 4-6 biljun, li minnhom il-Kummissjoni tista’ timmira li tinvesti EUR 2 biljun. L-ewwel fażi tal-implimentazzjoni hi prevista għall-2022;

- Niffirmaw Memoranda ta’ Ftehim mal-Istati Membri dwar il-federazzjoni tal-cloud, Q3 2020;

- Inniedu suq Ewropew tas-servizzi tal-cloud li jintegra ġabra sħiħa ta’ offerti ta’ servizzi tal-cloud, Q4 2022;

- Noħolqu ġabra (awto)regolatorja ta’ regoli għall-cloud tal-UE, Q2 2022.

C.Il-kompetenzi: Nagħtu s-setgħa lill-individwi, ninvestu fil-ħiliet u fl-SMEs

Nagħtu s-setgħa lill-individwi fir-rigward tad-data tagħhom

L-individwi jenħtieġ jingħataw aktar appoġġ fl-infurzar tad-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-użu tad-data li dawn jiġġeneraw. Dawn jista’ jkollhom is-setgħa li jikkontrollaw id-data tagħhom b’għodod u mezzi biex jiddeċiedu f’livell granulari dwar xi jsir bid-data tagħhom (“spazji tad-data personali”). Dan jista’ jiġi appoġġat jekk jissaħħaħ id-dritt tal-portabbiltà għall-individwi skont l-Artikolu 20 tal-GDPR, jekk jingħataw aktar kontroll fuq min jista’ jaċċessa u juża d-data ġġenerata mill-magni, pereżempju b’rekwiżiti aktar stretti dwar l-interfaċċi tal-aċċess għad-data f’ħin reali, u jekk il-formati li jinqraw mill-magni jsiru obbligatorji għad-data minn ċerti prodotti u servizzi, bħad-data ġġenerata minn apparati intelliġenti tad-dar jew minn oġġetti elettroniċi li jintlibsu. Minbarra dan, jistgħu jiġu kkunsidrati regoli għal fornituri tal-apps tad-data personali jew għal intermedjarji ġodda tad-data bħall-fornituri tal-ispazji tad-data personali, li jiżguraw ir-rwol tagħhom bħala sensar newtrali 53 . Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu esplorati aktar fil-kuntest tal-Att dwar id-Data msemmi hawn fuq. Il-programm Ewropa Diġitali se jappoġġa wkoll l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ “spazji tad-data personali”.

Investimenti fil-ħiliet u fil-litteriżmu ġenerali fid-data

Il-finanzjament maħsub għall-ħiliet mill-programm Ewropa Diġitali se jikkontribwixxi biex jonqos id-distakk mil-lat ta’ Big Data u kapaċitajiet analitiċi. Il-programm se jalloka fondi biex tikber il-massa tat-talent diġitali b’madwar 250 000 persuna li se jkunu jistgħu jużaw l-aktar teknoloġiji riċenti fin-negozji tal-UE kollha. Minħabba l-importanza tad-data fl-ekonomija diġitali, ħafna minnhom aktarx ikunu relatati mad-data.

B’mod ġenerali, sal-2025, l-UE u l-Istati Membri jenħtieġ ikunu naqqsu d-distakk attwali ta’ miljun speċjalist diġitali bin-nofs, fost l-oħrajn billi jiffokaw fuq iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa.

Se tibqa’ tiġi mistħarrġa l-idea ta’ netwerk ta’ amministraturi tad-data minn fost organizzazzjonijiet intensivi fid-data (kemm negozji kif ukoll is-settur pubbliku) li ppreżenta grupp ta’ esperti dwar il-kondiviżjoni tad-data min-negozji għall-gvern (B2G).

B’rabta mal-litteriżmu ġenerali fid-data, l-aġenda tal-Ħiliet Imsaħħa se tistabbilixxi perkors li juri kif l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tista’ żżid il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE bil-ħiliet diġitali bażiċi minn 57 % kif inhuma bħalissa għal 65 % sal-2025.

Il-Big Data u l-analitika tal-apprendiment jiftħu opportunitajiet ġodda għal ġbir, analiżi u użu tad-data biex jitjiebu l-edukazzjoni u t-taħriġ. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni aġġornat għall-Edukazzjoni Diġitali hi li jissaħħaħ l-aċċess għad-data u l-użu tagħha, ħalli l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu lesti għall-era diġitali u mgħammra bil-kapaċitajiet meħtieġa għal deċiżjonijiet aħjar u biex jitjiebu l-ħiliet u l-kompetenzi.

Insawru l-kapaċitajiet li jeħtieġu l-SMEs

L-istrateġija Ewropea tal-SMEs li jmiss se tfassal miżuri li jsawru l-kapaċità tal-SMEs u tan-negozji ġodda. Id-data hi assi importanti f’dan il-kuntest għax il-bidu jew l-iskalar ta’ kumpanija bbażata fuq id-data mhumiex intensivi ħafna fil-kapital. Ħafna drabi, l-SMEs u n-negozji ġodda ikunu jeħtieġu pariri legali u regolatorji biex jaħtfu bis-sħiħ id-diversi opportunitajiet li joffru l-mudelli tan-negozju bbażati fuq id-data.

Il-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali kif ukoll il-fondi strutturali u ta’ investiment se joħolqu opportunitajiet għall-SMEs fl-ekonomija tad-data, biex ikollhom aċċess aħjar għad-data u biex jiżviluppaw servizzi u applikazzjonijiet ġodda bbażati fuq id-data, bħal pereżempju bi skemi ta’ inkubazzjoni.

L-azzjoni ewlenija

-Nesploraw it-tisħiħ tad-dritt tal-portabbiltà għall-individwi skont l-Artikolu 20 tal-GDPR li jagħtihom aktar kontroll fuq min jista’ jaċċessa u juża d-data ġġenerata mill-magni (possibbilment bħala parti mill-Att dwar id-Data tal-2021).

D.Spazji komuni Ewropej tad-data f’setturi strateġiċi u dominji ta’ interess pubbliku

Bi qbil mal-qafas orizzontali, u mal-finanzjament u l-azzjonijiet dwar il-ħiliet u l-għoti tas-setgħat lill-individwi skont A, B u C 54 , il-Kummissjoni se tippromwovi l-iżvilupp ta’ spazji komuni Ewropej tad-data f’setturi ekonomiċi strateġiċi u dominji ta’ interess pubbliku. Dawn is-setturi jew id-dominji huma dawk fejn l-użu tad-data jħalli impatt sistemiku fuq l-ekosistema kollha, iżda anki fuq iċ-ċittadini.

Dan jenħtieġ iwassal għad-disponibbiltà ta’ ġabriet kbar tad-data f’dawn is-setturi u d-dominji, flimkien mal-għodod u l-infrastrutturi tekniċi meħtieġa għall-użu u l-iskambjar tad-data, kif ukoll mekkaniżmi xierqa tal-governanza. Filwaqt li ma jħaddmux approċċ ta’ universalità, il-kunċetti u l-mudelli komuni tal-governanza jistgħu jiġu replikati fis-setturi differenti.

Il-qafas orizzontali għandu, meta xieraq, jiġi kumplimentat b’leġiżlazzjoni settorjali għall-aċċess u l-użu tad-data, u b’mekkaniżmi li jiżguraw l-interoperabbiltà. Id-differenzi bejn is-setturi jiddependu fuq il-maturità tad-diskussjonijiet dwar id-disponibbiltà tad-data fis-settur u l-problemi identifikati f’dan ir-rigward. Fattur rilevanti ieħor hu l-livell ta’ interess pubbliku u l-involviment f’settur partikolari, li jaf ikun iżjed f’ċerti oqsma bħas-saħħa u inqas f’oqsma bħall-manifattura. Anki l-użu transsettorjali potenzjali tad-data bejn is-setturi jeħtieġ jiġi kkunsidrat. L-ispazji tad-data se jiġu żviluppati bi qbil sħiħ mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u skont l-aqwa standards taċ-ċibersigurtà disponibbli.

L-ispazji tad-data jeħtieġ jiġu kumplimentati b’politiki li jistimulaw l-użu tad-data u d-domanda għal servizzi arrikkiti bid-data. Il-ħidma fuq l-ispazji tad-data settorjali se tiġi kumplimentata b’miżuri settorjali tul il-katina tal-valur tad-data.

Wara l-esperjenza kontinwa tal-komunità tar-riċerka mal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-ħolqien tad-disa’ spazji komuni Ewropej tad-data li ġejjin:

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-industrija (il-manifattura) li jappoġġa l-kompetittività u l-prestazzjoni tal-industrija tal-UE, u li bih jista’ jinkiseb il-valur potenzjali tal-użu tad-data mhux personali fil-manifattura (stmata għal EUR 1,5 triljun sal-2027).

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-Patt Ekoloġiku li jaħtaf il-potenzjal kbir tad-data b’appoġġ għall-azzjonijiet ta’ prijorità tal-Patt Ekoloġiku b’rabta mat-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero, il-bijodiversità, id-deforestazzjoni u l-assigurazzjoni tal-konformità. L-inizjattivi “GreenData4All” u “Destinazzjoni d-Dinja” (tewmi diġitali tad-Dinja) se jkopru azzjonijiet konkreti.

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà biex l-Ewropa tkun fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport intelliġenti li tinkludi karozzi konnessi u mezzi oħra tat-trasport. Dan l-ispazju tad-data jiffaċilita l-aċċess, l-akkomunament u l-kondiviżjoni tad-data minn bażijiet tad-data eżistenti u futuri dwar it-trasport u l-mobbiltà.

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar is-saħħa li hu essenzjali għal avvanzi fil-prevenzjoni, fl-iskoperta u fil-kura tal-mard kif ukoll għal deċiżjonijiet infurmati u bbażati fuq l-evidenza li jtejbu l-aċċessibbiltà, l-effettività u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa.

·Spazju komuni Ewropew tad-data finanzjarja li b’kondiviżjoni aħjar tad-data jistimula l-innovazzjoni, it-trasparenza tas-suq, il-finanzi sostenibbli, kif ukoll l-aċċess għal fondi għan-negozji Ewropej u suq aktar integrat.

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-enerġija li jippromwovi disponibbiltà u kondiviżjoni transsettorjali tad-data aktar b’saħħithom, b’mod iċċentrat fuq il-konsumaturi, sigur u affidabbli, għax b’hekk jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet innovattivi u jingħata appoġġ lid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-agrikoltura li jtejjeb il-prestazzjoni mil-lat ta’ sostenibbiltà u kompetittività tas-settur agrikolu bl-ipproċessar u bl-analiżi tad-data tal-produzzjoni u ta’ data oħra ħalli tkun tista’ ssir applikazzjoni preċiża u mfassla apposta tal-approċċi tal-produzzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli.

·Spazji komuni Ewropej tad-data għall-amministrazzjoni pubblika biex jitjiebu t-trasparenza u l-kontabbiltà tal-infiq pubbliku u l-kwalità tal-infiq, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-infurzar tal-liġi u tiġi appoġġata l-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE u jinfetħu l-bibien għal applikazzjonijiet innovattivi tat-teknoloġija governattiva, tat-teknoloġija regolatorja u tat-teknoloġija legali li jappoġġaw lill-prattikanti kif ukoll għal servizzi oħra ta’ interess pubbliku.

·Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-ħiliet biex jonqsu l-ispariġġi fil-ħiliet bejn is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ fuq naħa u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fuq in-naħa l-oħra.

L-Anness jagħti aktar dettalji fuq kull wieħed mill-ispazji komuni Ewropej tad-data speċifiċi għas-setturi u speċifiċi għad-dominji, b’kuntest dwar il-politiki u l-leġiżlazzjoni speċifiċi għas-setturi li jirfdu l-ħolqien ta’ dawn l-ispazji fis-setturi u fid-dominji differenti, u jipproponi azzjonijiet speċifiċi għas-setturi li huma tanġibbli, imdaqqsa, iffukati fuq id-data, u akkumpanjati bi skeda taż-żmien ċara u realistika.

Il-Kummissjoni tista’ tqis li b’mod sekwenzjali tniedi spazji komuni Ewropej tad-data addizzjonali f’setturi oħra.

6.Approċċ internazzjonali miftuħ, iżda proattiv

Il-viżjoni ta’ spazju komuni Ewropew tad-data timplika approċċ miftuħ, iżda assertiv, għall-flussi tad-data internazzjonali, imsejjes fuq il-valuri Ewropej. Fi żmienna, il-kumpaniji Ewropej joperaw f’ambjent konness u mifrux lil hinn mill-fruntieri tal-UE, u għaldaqstant il-flussi internazzjonali tad-data jiswew mitqlu deheb għall-kompetittività tagħhom. Filwaqt li tibni fuq is-saħħa tal-ambjent regolatorju tas-Suq Uniku, l-UE għandha interess kbir li tmexxi u tappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tad-data, it-tfassil ta’ standards dinjin u l-ħolqien ta’ ambjent ta’ suċċess għall-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku, bi qbil sħiħ mal-liġi tal-UE.

Fl-istess waqt, il-kumpaniji Ewropej li joperaw f’xi pajjiżi terzi qed kulma jmur isibu aktar ostakli u restrizzjonijiet diġitali mhux ġustifikati. L-UE se tibqa’ tindirizza dawn l-ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data waqt id-diskussjonijiet bilaterali u fil-fora internazzjonali – inkluż mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – filwaqt li se tippromwovi u tipproteġi r-regoli u l-istandards Ewropej tal-ipproċessar tad-data, bi qbil sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni se tkun viġilanti b’mod partikolari biex tħares u tasserixxi d-drittijiet, l-obbligi u l-interessi taċ-ċittadini Ewropej u tal-kumpaniji, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, is-sigurtà, u prattiki tas-suq ġusti u affidabbli . Il-Kummissjoni hi konvinta li l-kooperazzjoni internazzjonali trid tkun ibbażata fuq approċċ li jippromwovi l-valuri fundamentali tal-UE, fosthom il-protezzjoni tal-privatezza. Għaldaqstant, l-UE trid tiżgura li kull aċċess għad-data personali taċ-ċittadini tal-UE u għal data Ewropea sensittiva kummerċjalment ikun bi qbil mal-valuri u l-qafas leġiżlattiv tagħha. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li bejn il-pajjiżi fdati jiġu promossi trasferimenti u kondiviżjoni tad-data. Fir-rigward tad-data personali, it-trasferimenti internazzjonali jsiru b’deċiżjonijiet ta’ adegwatezza u b’għodod eżistenti oħra tat-trasferiment li jiżguraw li l-protezzjoni timxi mad-data, tkun fejn tkun. Barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għall-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ ikun żgurat il-fluss liberu u sikur tad-data mal-pajjiżi terzi, soġġett għal eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet għas-sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku u objettivi leġittimi oħra tal-politika pubblika tal-Unjoni Ewropea, bi qbil mal-obbligi internazzjonali. B’hekk, l-UE tkun tista’ tħaddem approċċ internazzjonali għad-data li jkun miftuħ iżda assertiv, u msejjes fuq il-valuri u l-interessi strateġiċi tagħha.

Il-Kummissjoni se tibqa’ ttejjeb il-kapaċità tagħha li tanalizza l-interess strateġiku tal-UE fir-rigward tal-faċilitazzjoni ulterjuri tal-flussi internazzjonali tad-data. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se toħloq qafas analitiku Ewropew għall-kejl tal-flussi tad-data (Q4 2021). Dan jenħtieġ ikun qafas dejjiemi li jipprovdi l-għodod biex issir analiżi kontinwa tal-flussi tad-data u l-iżvilupp ekonomiku tas-settur tal-ipproċessar tad-data tal-UE, li jkollu metodoloġija robusta, valwazzjoni ekonomika u mekkaniżmi tal-ġbir tal-flussi tad-data. Dan iservi biex jinftiehmu aħjar ix-xejriet tal-flussi tad-data u ċ-ċentri tal-gravità, kemm fl-UE kif ukoll bejn l-UE u l-bqija tad-dinja, u jista’ jkun il-bażi għal risponsi politiċi xierqa min-naħa tal-Kummissjoni, jekk ikun meħtieġ. Jenħtieġ jgħin ukoll biex jiġu xprunati investimenti adegwati li jxejnu l-lakuni possibbli fl-infrastruttura li jxekklu l-flussi tad-data. Għalhekk fiż-żmien li ġej, il-Kummissjoni se tipprova tibni kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji u internazzjonali rilevanti dwar il-qafas tal-kejl tal-fluss tad-data (eż. il-BEI, il-BERŻ, l-OECD, l-FMI).

L-UE jenħtieġ tieħu vantaġġ mill-qafas effettiv tagħha tal-politika u regolatorju tad-data biex tattira l-ħżin u l-ipproċessar tad-data minn pajjiżi u reġjuni oħra, u biex iżżid l-innovazzjoni ta’ valur miżjud għoli li joħolqu dawn l-ispazji tad-data. Il-kumpaniji minn madwar id-dinja jkunu mħeġġa jużaw l-ispazju Ewropew tad-data, diment li jkunu konformi mal-istandards applikabbli, fosthom dawk żviluppati b’mod relattiv għall-kondiviżjoni tad-data. Il-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF 2) u l-istrumenti esterni l-ġodda, l-Istrument tal-Viċinat, tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u tal-Kooperazzjoni Internazzjonali, u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, se jappoġġaw il-konnettività ta’ pajjiżi terzi mal-Ewropa, li min-naħa tagħhom iżidu l-attrattività tal-interskambju tad-data bejn l-UE u l-pajjiżi sħab rilevanti.

B’mod parallel, l-UE se tippromwovi wkoll b’mod attiv l-istandards u l-valuri tagħha ma’ sħabha madwar id-dinja 55 . Se taħdem fil-fora multilaterali biex tiġġieled abbużi bħall-aċċess sproporzjonat tal-gvernijiet għad-data, ngħidu aħna l-aċċess għal data personali li mhux konformi mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Biex tippromwovi l-mudell Ewropew madwar id-dinja, l-UE se taħdem ma’ sħab fdati li għandhom l-istess standards u valuri, biex tappoġġa lil oħrajn li jixtiequ jagħtu aktar kontroll liċ-ċittadini tagħhom fuq id-data tagħhom, bi qbil mal-valuri Ewropej li dawn iħaddnu. Pereżempju, l-UE se tappoġġa lill-Afrika biex toħloq ekonomija tad-data Afrikana għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji tagħha.

L-azzjoni ewlenija

Noħolqu qafas biex jitkejlu l-flussi tad-data u jiġi stmat il-valur ekonomiku tagħhom fl-Ewropa, kif ukoll bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, Q4 2021.

7.Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta Strateġija Ewropea għad-Data bl-ambizzjoni li l-UE ssir l-aktar ekonomija aġli mil-lat ta’ data li tkun attraenti, sikura u dinamika fid-dinja – li bid-data tagħti s-setgħa lill-Ewropa biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar u titjieb il-ħajja taċ-ċittadini kollha tagħha. Din issemmi għadd ta’ miżuri ta’ politika u investimenti li huma meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan.

L-isfida hi kbira għax il-futur teknoloġiku tal-UE jiddependi minn jekk din jirnexxilhiex tisfrutta l-vantaġġi tagħha u taħtaf l-opportunitajiet li joffru l-produzzjoni u l-użu dejjem akbar tad-data. Li nistabbilixxu mod Ewropew kif tiġi trattata d-data, jiżgura aktar disponibbiltà tad-data biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u biex tintuża fl-ekonomija, u dan b’mod li jirrispetta u jippromwovi l-valuri Ewropej komuni tagħna.

Biex tiżgura l-futur diġitali tagħna, l-UE trid taħtaf l-opportunità tagħha fl-ekonomija tad-data.

APPENDIĊI għall-Komunikazzjoni “Strateġija Ewropea għad-Data

Spazji komuni Ewropej tad-data f’setturi strateġiċi u dominji ta’ interess pubbliku

Il-Komunikazzjoni “Strateġija Ewropea għad-Data” tħabbar il-ħolqien ta’ spazji tad-data speċifiċi għas-setturi u speċifiċi għad-dominji.

Dan id-dokument jagħti sfond addizzjonali dwar il-politiki u l-leġiżlazzjoni speċifiċi għas-setturi li jirfdu l-ħolqien ta’ dawn l-ispazji fis-setturi u d-dominji differenti.

1.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-industrija (il-manifattura)

L-Ewropa għandha bażi industrijali soda, u l-iġġenerar u l-użu tad-data, b’mod partikolari fil-qasam tal-manifattura, jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti fil-prestazzjoni u fil-kompetittività tal-industrija Ewropea. Studju tal-2018 jistma li l-valur potenzjali tal-użu tad-data mhux personali fil-manifattura se jkun EUR 1,5 triljun sal-2027 56 .

Biex tisfrutta dan il-potenzjal, il-Kummissjoni se:

·Tindirizza kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-użu tad-data industrijali koġenerata (data tal-Internet tal-Oġġetti maħluqa f’kuntesti industrijali), bħala parti minn Att usa’ dwar id-Data (Q4 2021).

·Tiġbor atturi ewlenin mis-settur tal-manifattura biex – bi qbil mar-regoli tal-kompetizzjoni u mal-prinċipji ta’ kuntratti ġusti – tiftiehem fuq il-kundizzjonijiet li skonthom ikunu lesti jaqsmu d-data tagħhom u kif tista’ jibqa’ jissaħħaħ l-iġġenerar tad-data, b’mod partikolari bi prodotti intelliġenti konnessi (mill-Q2 2020 ’il quddiem). Fejn tidħol id-data ġġenerata minn individwi, jenħtieġ li l-interessi tagħhom jitqiesu bis-sħiħ f’dan il-proċess u tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

2.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-Patt Ekoloġiku

Il-Patt Ekoloġiku tal-Ewropa stabbilixxa l-mira ambizzjuża li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza b’mod ċar l-importanza tad-data biex tintlaħaq din il-mira. Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-Patt Ekoloġiku jista’ jaħtaf il-potenzjal kbir tad-data b’appoġġ għall-azzjonijiet ta’ prijorità tal-Patt Ekoloġiku b’rabta mat-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero, il-bijodiversità, id-deforestazzjoni u l-assigurazzjoni tal-konformità.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se:

·Tniedi l-inizjattiva “GreenData4All”. Matulha jsiru evalwazzjoni u possibbilment rieżami tad-Direttiva li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-UE (INSPIRE), flimkien mad-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali (Q4 2021 jew Q1 2022). Se timmodernizza r-reġim skont l-opportunitajiet teknoloġiċi u tal-innovazzjoni, u b’hekk tagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini tal-UE li jagħmlu l-parti tagħhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika u newtrali għall-karbonju, u fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

·Tintroduċi servizzi tad-data riużabbli fuq skala kbira biex tgħin fil-ġbir, fil-kondiviżjoni, fl-ipproċessar u fl-analiżi ta’ volumi kbar ta’ data rilevanti biex tiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u mar-regoli relatati mal-azzjonijiet ta’ prijorità stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku (Q4 2021).

·Toħloq spazju komuni Ewropew tad-data għall-applikazzjonijiet ċirkolari intelliġenti li jagħmel l-aktar data rilevanti disponibbli biex ikun jista’ jinħoloq valur ċirkolari tul il-ktajjen tal-provvista. Sa mill-bidu se jkun hemm enfasi partikolari fuq is-setturi mmirati tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, fosthom l-ambjent mibni, l-imballaġġ, it-tessuti, l-elettronika, l-ICT u l-plastik. Se jinħolqu “passaporti tal-prodotti” diġitali biex jagħtu informazzjoni dwar l-oriġini, id-durabbiltà, il-kompożizzjoni, il-possibbiltajiet ta’ użu mill-ġdid, tiswija u żarmar ta’ prodott, u t-trattament ta’ tmiem il-ħajja ta’ prodott. L-iżvilupp ta’ struttura u governanza (fl-2020), strateġiji tad-data settorjali (fl-2021), l-adozzjoni ta’ politika dwar il-prodotti sostenibbli b’passaport tal-prodott (fl-2021) u l-immappjar tar-riżorsi u t-traċċar tal-vjeġġi tal-iskart (fl-2021).

·Tibda proġett pilota għal implimentazzjoni bikrija tal-Istrateġija għad-Data fil-kuntest tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero, ħalli jinħataf il-potenzjal ta’ dominju ta’ politika rikk bid-data dwar is-sustanzi kimiċi, l-arja, l-ilma u l-ħamrija, is-sustanzi perikolużi fil-prodotti għall-konsumaturi, u l-bqija, u fejn ir-riżultati bikrin ikunu ta’ benefiċċju dirett għall-konsumaturi u għall-pjaneta (Q4 2021).

·Tniedi l-inizjattiva “Destinazzjoni d-Dinja”

L-inizjattiva “Destinazzjoni d-Dinja” tgħaqqad l-eċċellenza xjentifika u industrijali Ewropea biex tiżviluppa mudell diġitali ta’ preċiżjoni kbira ħafna tad-Dinja. Din l-inizjattiva rivoluzzjonarja toffri pjattaforma ta’ mmudellar diġitali biex tivviżwalizza, timmonitorja u tbassar l-attività naturali u umana fuq il-pjaneta b’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli; biex b’hekk twieżen l-isforzi tal-Ewropa għal ambjent aħjar kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku. It-tewmi diġitali tad-Dinja se jibda jinbena bil-mod il-mod mill-2021.

3.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà

It-trasport u l-mobbiltà jinsabu fuq quddiem nett tad-dibattitu dwar il-kondiviżjoni tad-data, qasam fejn l-UE għandha ħafna assi. Dan jikkonċerna s-settur awtomobilistiku, fejn il-karozzi konnessi u mezzi oħra tat-trasport jiddependu b’mod kritiku fuq id-data. Id-diġitalizzazzjoni u d-data fil-modi kollha tat-trasport u fil-loġistika se jkunu komponent essenzjali ta’ ħidma ulterjuri dwar is-“Sistema Ewropea tat-Trasport” u b’mod partikolari fl-Istrateġija għal Trasport Intelliġenti u Sostenibbli” li jmiss (Q4 2020). Din se tkun tinkludi azzjonijiet fis-setturi kollha tat-trasport kif ukoll għal-loġistika tal-kondiviżjoni tad-data transmodali u għall-ekosistemi tal-passiġġieri.

Is-settur awtomobilistiku

Illum, il-vetturi moderni jiġġeneraw madwar 25 gigabyte ta’ data kull siegħa, u l-karozzi awtonomi se jiġġeneraw terabytes ta’ data li jistgħu jintużaw għal servizzi innovattivi relatati mal-mobbiltà u għas-servizzi tat-tiswija u l-manutenzjoni. L-innovazzjoni f’dan il-qasam teħtieġ li l-kondiviżjoni tad-data awtomobilistika tkun sigura u mfassla tajjeb, bi qbil mar-regoli tal-kompetizzjoni fost ħafna atturi ekonomiċi differenti. Mill-2007 ’l hawn, l-aċċess għad-data ta’ ġol-vettura tirregolah il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tal-vetturi 57 biex ikun żgurat aċċess ġust għal ċerta data tal-karozzi minn sewwejja indipendenti. Din il-leġiżlazzjoni issa qed tiġi aġġornata biex titqies iż-żieda fl-użu tal-konnettività (it-3G-4G, l-hekk imsejħa dijanjostika remota) 58 , ikunu rispettati d-drittijiet u l-interessi tas-sidien tal-karozzi li jiġġeneraw id-data, u tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Is-sistema sħiħa tat-trasport

Bejn l-2015 u l-2050, l-attività tat-trasport tal-passiġġieri mistennija tiżdied b’35 %. It-traffiku tal-merkanzija bil-modi interni mistenni jiżdied bi 53 % sal-2050 59 , jiġifieri b’ritmu aktar mgħaġġel mit-trasport tal-passiġġieri. Id-diġitalizzazzjoni u d-data jaqdu rwol dejjem akbar fl-appoġġ lis-sostenibbiltà tat-trasport. Hemm diversi oqfsa leġiżlattivi li diġà jinkludu obbligi tal-kondiviżjoni tad-data, li jistabbilixxu lista ta’ settijiet tad-data (inkluż settijiet tad-data dwar it-trasport pubbliku). Minbarra dan, il-Forum dwar it-Trasport u l-Loġistika Diġitali qed jaħdem fuq kunċett ta’ “pjattaformi federati” biex jiddefinixxi x’jeħtieġ isir fil-livell tal-UE biex jeħfiefu l-kondiviżjoni u l-użu tal-ġdid tad-data billi jiġu konnessi pjattaformi pubbliċi u privati differenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri li għandhom id-data, iħaddmu netwerks ta’ punti tal-aċċess nazzjonali li jagħmlu din id-data disponibbli, biex is-servizzi tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar multimodali jkollhom data ġġenerata mis-settur pubbliku u privat. Id-disponibbiltà u l-użu wiesgħa tad-data fis-sistemi tat-trasport pubbliku għandhom il-potenzjal li jagħmlu dawn is-sistemi aktar effiċjenti, ekoloġiċi u faċli biex jintużaw. L-użu tad-data biex jitjiebu s-sistemi tat-trasport hu karatteristika ewlenija wkoll tal-bliet intelliġenti.

Il-Kummissjoni se:

·Tagħmel rieżami tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur (li bħalissa hi ffukata fuq il-kondiviżjoni tad-data mingħajr fili għat-tiswija u l-manutenzjoni), biex din tinfetaħ għal aktar servizzi bbażati fuq id-data awtomobilistika (Q1 2021). Fost l-oħrajn, ir-rieżami jistħarreġ kif id-data ssir aċċessibbli min-naħa tal-manifattur tal-karozza, liema proċeduri huma meħtieġa għal konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, u r-rwol u d-drittijiet ta’ sid il-karozza.

·Twettaq rieżami tad-Direttiva dwar is-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar 60 u tad-Direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti 61 , inkluż tar-Regolamenti Delegati tagħha biex tkompli tikkontribwixxi għad-disponibbiltà, l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tad-data (ilkoll fl-2021) u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni aktar sod għal federazzjoni tal-Punti tal-Aċċess Nazzjonali stabbiliti skont id-Direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) permezz ta’ Azzjoni ta’ Appoġġ ta’ Programm CEF għall-UE kollha (fl-2020).

·Temenda l-proposta għal Regolament dwar l-Ajru Uniku Ewropew 62 biex tinkludi dispożizzjonijiet ġodda dwar id-disponibbiltà tad-data u l-aċċess għas-suq tal-fornituri tas-servizzi tad-data biex jiġu promossi d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (fl-2020). Dan itejjeb is-sikurezza, l-effiċjenza u l-kapaċità fit-traffiku tal-ajru.

·Tirrevedi l-qafas regolatorju għall-kondiviżjoni tad-data interoperabbli fit-trasport ferrovjarju fl-2022.

·Tistabbilixxi settijiet tad-data komuni kif previst fir-Regolament dwar is-Single Window Marittima 63 u, abbażi tal-adozzjoni finali tiegħu, fir-Regolament dwar ir-regolamentazzjoni tal-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija 64 (l-ewwel att bħal dan irid jiġi adottat sal-Q3 2021 u sal-Q4 2022 rispettivament) biex tiffaċilita l-iskambju diġitali u l-użu mill-ġdid tad-data bejn in-negozji u l-amministrazzjoni.

4.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar is-saħħa

Il-mudelli regolatorji u tar-riċerka attwali jiddependu fuq l-aċċess għal data dwar is-saħħa, inkluż fuq data individwali min-naħa tal-pazjenti. It-tisħiħ u l-estensjoni tal-użu u tal-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa huma kruċjali għall-innovazzjoni fis-settur tal-kura tas-saħħa. Tgħin ukoll lill-awtoritajiet tal-kura tas-saħħa biex jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza ħalli jtejbu l-aċċessibbiltà, l-effettività u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Tikkontribwixxi wkoll għall-kompetittività tal-industrija tal-UE. Aċċess aħjar għad-data dwar is-saħħa jista’ jappoġġa ferm il-ħidma tal-korpi regolatorji fis-sistema tal-kura tas-saħħa, il-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali u t-turija tas-sikurezza u l-effikaċja tagħhom.

Iċ-ċittadini għandhom id-dritt b’mod partikolari li jaċċessaw u jikkontrollaw id-data personali tagħhom dwar is-saħħa u jitolbu l-portabbiltà tagħha, iżda l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt hi frammentata. Il-ħidma biex ikun żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess sigur għar-Rekord tas-Saħħa Elettronika (EHR) tiegħu u biex tkun żgurata l-portabbiltà tad-data tiegħu – fil-fruntieri u lil hinn minnhom – se ttejjeb l-aċċess u l-kwalità tal-kura, il-kosteffettività tal-provvista tal-kura u tgħin biex jiġu modernizzati s-sistemi tas-saħħa.

Anki ċ-ċittadini jeħtieġ ikunu rassigurati li, ladarba jkunu taw il-kunsens biex id-data tagħhom tiġi kondiviża, is-sistemi tal-kura tas-saħħa jużaw din id-data b’mod etiku u jiżguraw li l-kunsens mogħti jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin.

Is-saħħa hi qasam fejn l-UE tista’ tibbenefika mir-rivoluzzjoni tad-data, iżżid il-kwalità tal-kura tas-saħħa, u tnaqqas l-ispejjeż. Ħafna drabi l-progress ikun jiddependi mir-rieda tal-Istati Membri u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa li jingħaqdu u jsibu modi kif jużaw u jikkombinaw id-data, bi qbil mal-GDPR, li skontu d-data dwar is-saħħa jixirqilha protezzjoni speċifika. Filwaqt li l-GDPR ħoloq kundizzjonijiet ekwi għall-użu tad-data personali dwar is-saħħa, għadha tippersisti l-frammentazzjoni fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, u l-mudelli tal-governanza dwar l-aċċess għad-data huma diversi. L-ambjent tas-servizzi tas-saħħa diġitali għadu frammentat, l-aktar meta jingħataw b’mod transfruntier.

Il-Kummissjoni se:

·Tiżviluppa miżuri leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi speċifiċi għas-setturi b’rabta mal-ispazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa, li jikkumplimentaw il-qafas orizzontali tal-ispazju komuni tad-data. Tieħu miżuri biex jissaħħu l-aċċess taċ-ċittadini għad-data tas-saħħa u l-portabbiltà ta’ din id-data, u tindirizza l-ostakli għall-forniment transfruntier tas-servizzi u l-prodotti diġitali tas-saħħa. Tiffaċilita l-istabbiliment ta’ Kodiċi tal-Kondotta, skont l-Artikolu 40 tal-GDPR, għall-ipproċessar tad-data personali fis-settur tas-saħħa. Dawn l-azzjonijiet se jibnu fuq immappjar kontinwu tal-użu tad-data dwar is-saħħa personali fl-Istati Membri u r-riżultati tal-Azzjoni Konġunta fil-kuntest tal-programm tas-Saħħa (2020-2023) 65 .

·Tuża l-infrastrutturi tad-data, l-għodod u l-kapaċitajiet tal-computing għall-ispazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa, b’mod aktar speċifiku tappoġġa l-iżvilupp ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa nazzjonali (EHRs ) u l-interoperabbiltà tad-data dwar is-saħħa bl-applikazzjoni tal-format tal-iskambju tar-Rekords Elettroniċi tas-Saħħa Ewropej. Iżżid l-iskambju transfruntier tad-data dwar is-saħħa; tagħmel konnessjonijiet u użu, b’repożitorji federati siguri, ta’ tipi speċifiċi ta’ informazzjoni dwar is-saħħa, bħall-EHRs, informazzjoni ġenomika (għal mill-inqas 10 miljun persuna sal-2025), u immaġnijiet diġitali tas-saħħa, f’konformità mal-GDPR. Tippermetti l-iskambju ta’ sommarji elettroniċi dwar il-pazjenti u preskrizzjonijiet elettroniċi bejn it-22 Stat Membru li qed jieħdu sehem fl-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi Diġitali tas-Saħħa Elettronika (l-eHDSI) sal-2022; permezz tal-eHDSI, tibda skambji elettroniċi transfruntieri tal-immaġnijiet mediċi, tar-riżultati tal-laboratorju u tar-rapporti tal-ħruġ, u ttejjeb il-mudell tal-konsultazzjoni virtwali u r-reġistri tan-Netwerks Ewropej ta’ Referenza; tappoġġa l-proġetti kbar tad-data li jippromwovi n-netwerk tar-regolaturi. Dawn l-azzjonijiet se jappoġġaw il-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament (b’mod partikolari għall-kanċer, il-mard rari u l-mard komuni u kumpless), ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika u l-attivitajiet regolatorji tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika.

5.Spazju komuni Ewropew tad-data finanzjarja

Fis-settur finanzjarju, il-leġiżlazzjoni tal-UE teżiġi li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiżvelaw ammont sinifikanti ta’ prodotti tad-data, tranżazzjonijiet u riżultati finanzjarji. Barra minn hekk, id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Pagament hi pass importanti għal servizzi bankarji miftuħa, biex il-konsumaturi u n-negozji jiġu offruti servizzi innovattivi tal-pagament ibbażati fuq l-aċċess għad-data tal-kontijiet bankarji tagħhom. Il-ħidma li ttejjeb il-kondiviżjoni tad-data tikkontribwixxi biex tiġi stimulata l-innovazzjoni u biex jintlaħqu objettivi ta’ politika importanti oħra fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi inizjattivi konkreti dwar dan fl-Istrateġija tagħha li jmiss dwar il-Finanzi Diġitali tul il-Q3 2020, skont il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

·Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-aċċess għall-iżvelar pubbliku tad-data finanzjarja jew tad-data tar-rapportar superviżorju, li bħalissa hu awtorizzat bil-liġi, pereżempju billi tippromwovi l-użu ta’ standards tekniċi prokompetittivi komuni. Dan jgħin għal ipproċessar aktar effiċjenti ta’ din id-data aċċessibbli għall-pubbliku, għall-benefiċċju ta’ bosta politiki oħra ta’ interess pubbliku, fosthom it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għan-negozji Ewropej bi swieq tal-kapital aktar integrati, it-tisħiħ tat-trasparenza tas-suq u l-appoġġ għal finanzi sostenibbli fl-UE.

·Skont l-aħħar żviluppi tas-suq b’rabta mal-finanzi miftuħa, il-Kummissjoni se tibqa’ tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Pagament u se tesplora passi u inizjattivi oħra li jibnu fuq dan l-approċċ.

6.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-enerġija

Fis-settur tal-enerġija, hemm diversi Direttivi li jistabbilixxu l-aċċess u l-portabbiltà lill-klijenti għad-data tal-miters u tal-konsum tal-enerġija tagħhom, b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju u f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. L-oqfsa ta’ governanza speċifiċi jridu jiġu definiti fil-livell nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni introduċiet ukoll obbligi tal-kondiviżjoni tad-data għall-operaturi tan-netwerks tal-elettriku. Fir-rigward taċ-ċibersigurtà, għaddejja ħidma biex jingħelbu l-isfidi speċifiċi għall-enerġija, b’mod partikolari: ir-rekwiżiti tal-ħin reali, l-effetti kaskata u t-taħlita ta’ teknoloġiji preeżistenti ma’ teknoloġiji intelliġenti/avvanzati.

Id-disponibbiltà tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data, b’mod sigur u affidabbli, jistgħu jiffaċilitaw soluzzjonijiet innovattivi u jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tindirizza dawn il-kwistjonijiet bħala parti mill-istrateġija ta’ integrazzjoni tas-settur intelliġenti li trid tiġi adottata fit-tieni kwart ta’ din is-sena kif ħabbret il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kummissjoni se:

·Tadotta att(i) ta’ implimentazzjoni 66 li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà u proċeduri mhux diskriminatorji u trasparenti għall-aċċess għad-data, li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti abbażi tad-Direttiva dwar l-Elettriku 2019/944 (fl-2021/2022).

·Tqis azzjonijiet li jtejbu l-interoperabbiltà f’binjiet u prodotti intelliġenti, biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tagħhom, jottimizzaw il-konsum lokali u jwessgħu l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli (Q4 2020).

7.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-agrikoltura

Id-data hi element ewlieni biex tissaħħaħ il-prestazzjoni mil-lat ta’ sostenibbiltà u kompetittività tas-settur agrikolu. L-ipproċessar u l-analiżi tad-data dwar il-produzzjoni, speċjalment b’mod ikkombinat ma’ data oħra dwar il-katina tal-provvista u tipi oħra ta’ data, bħad-data tal-osservazzjoni tad-dinja jew meteoroloġika, jippermettu applikazzjoni preċiża u mfassla apposta tal-approċċi tal-produzzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli. Fl-2018 sar ftehim kuntrattwali u ġie żviluppat kodiċi tal-kondotta għall-kondiviżjoni tad-data agrikola mill-partijiet konċernati tal-UE, li fost l-oħrajn jinvolvi lis-settur tal-biedja u lis-settur tal-makkinarju.

Jekk l-ispazju komuni tad-data dwar l-agrikoltura jkun ibbażat fuq l-approċċi eżistenti għall-kondiviżjoni tad-data, dan jista’ jipprovdi pjattaforma newtrali għall-kondiviżjoni u l-akkomunament tad-data agrikola, li tkun tinkludi data privata u pubblika. Dan jista’ jappoġġa l-emerġenza ta’ ekosistema innovattiva mmexxija mid-data li tkun ibbażata fuq relazzjonijiet kuntrattwali ġusti, isaħħaħ il-kapaċitajiet għall-monitoraġġ u għall-implimentazzjoni ta’ politiki komuni, u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-gvern u l-benefiċjarji. Fl-2019, l-Istati Membri ngħaqdu u ffirmaw dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni msejħa “Futur diġitali intelliġenti u sostenibbli għall-agrikoltura u ż-żoni rurali Ewropej” 67 li tagħraf il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għas-settur agrikolu u għaż-żoni rurali u tappoġġa l-ħolqien ta’ spazji tad-data.

Il-Kummissjoni:

·Flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet konċernati, se tistħarreġ l-esperjenzi miksuba bil-kodiċi tal-kondotta tal-partijiet konċernati għall-kondiviżjoni tad-data agrikola bi ftehim kuntrattwali, anke abbażi tas-suq attwali għas-soluzzjonijiet diġitali tal-azjendi agrikoli u r-rekwiżiti tagħhom fejn jidħlu d-disponibbiltà u l-użu tad-data (Q3/Q4 2020).

·Se tistħarreġ l-ispazji tad-data agrikola fl-użu attwali, inkluż il-finanzjament mill-programm Orizzont 2020, u flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet konċernati tieħu deċiżjoni dwar approċċ tal-UE (Q4 2020/Q1 2021).

8.Spazji komuni Ewropej tad-data għall-amministrazzjonijiet pubbliċi

L-amministrazzjonijiet pubbliċi huma produtturi u utenti kbar tad-data f’diversi oqsma. Dan se jiġi rifless fl-ispazji tad-data għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-azzjonijiet f’dan il-qasam se jiffokaw fuq id-data dwar il-liġi u l-akkwist pubbliku u fuq oqsma oħra ta’ interess pubbliku bħall-użu tad-data biex jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi fl-UE bi qbil mal-liġi tal-UE, inkluż il-prinċipju tal-proporzjonalità u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Id-data dwar l-akkwist pubbliku hi essenzjali biex jitjiebu t-trasparenza u l-kontabbiltà tal-infiq pubbliku, għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u biex titjieb il-kwalità tal-infiq. Id-data dwar l-akkwist pubbliku hi mifruxa fuq diversi sistemi fl-Istati Membri, tkun disponibbli f’formati differenti u ma tkunx tista’ tintuża faċilment għal skopijiet ta’ politika f’ħin reali. Ħafna drabi jkun hemm bżonn titjieb il-kwalità tad-data.

Bl-istess mod, l-aċċess bla xkiel u l-użu mill-ġdid faċli tal-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza u l-informazzjoni dwar is-servizzi elettroniċi tal-ġustizzja tal-UE u tal-Istati Membri, huma kruċjali mhux biss għall-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE iżda anki biex jinfetħu l-bibien għal applikazzjonijiet innovattivi tat-teknoloġija legali li jappoġġaw lill-prattikanti (lill-imħallfin, lill-uffiċjali pubbliċi, lill-konsulenti korporattivi u lill-avukati bi prattika privata).

Il-Kummissjoni se:

·Tfassal inizjattiva dwar id-data tal-akkwist pubbliku li tkun tkopri d-dimensjoni tal-UE (is-settijiet tad-data tal-UE, bħat-TED 68 ) u d-dimensjonijiet nazzjonali (Q4 2020). Lil din se tikkumplimentaha b’qafas ta’ governanza għad-data dwar l-akkwist pubbliku (Q2 2021);

·Toħroġ gwida dwar standards komuni u oqfsa interoperabbli għall-informazzjoni legali 69 miżmuma fil-livell Ewropew u nazzjonali, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri (Q1 2021);

·taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li s-sorsi tad-data relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE jkunu Traċċabbli, Aċċessibbli, Interoperabbli u Riużabbli (FAIR).

9.Spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-ħiliet

Il-ħiliet tan-nies huma l-aktar assi sod tal-Ewropa. Fit-tiġrija dinjija għat-talent, is-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-swieq tax-xogħol jeħtieġ jadattaw malajr għall-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tal-ħiliet. Għal dan hemm bżonn data ta’ kwalità għolja dwar il-kwalifiki, l-opportunitajiet tat-tagħlim, l-impjiegi u s-settijiet tal-ħiliet tan-nies. Tul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ firxa ta’ standards miftuħa, oqfsa ta’ referenza u assi semantiċi biex jiżdiedu l-kwalità u l-interoperabbiltà tad-data 70 . Kif ħabbar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 71 , il-Kummissjoni żviluppat ukoll il-qafas tal-Kredenzjali Diġitali tal-Europass biex toħroġ kredenzjali għall-istudenti b’format diġitali sigur u interoperabbli.

Il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ pjanijiet li jittrasformaw il-kredenzjali diġitali u fit-tħejjija ta’ settijiet tad-data riużabbli dwar il-kwalifiki u l-opportunitajiet tat-tagħlim (2020-2022);

·Tistabbilixxi mudell ta’ governanza għall-ġestjoni kontinwa tal-qafas tal-Kredenzjali Diġitali tal-Europass b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet konċernati ewlenin (sal-2022).

10.Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa

Minbarra biex jinħolqu disa’ spazji komuni Ewropej tad-data, il-ħidma se tissokta fuq il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa li tipprovdi aċċess bla xkiel u użu mill-ġdid affidabbli ta’ data tar-riċerka lil riċerkaturi, innovaturi, kumpaniji u ċ-ċittadini Ewropej f’ambjent fdat u miftuħ tad-data distribwita u servizzi relatati. Għaldaqstant, il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa hi l-bażi għal spazju tad-data għax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni li se jlaqqa’ flimkien id-data li tinħoloq mill-programmi tar-riċerka u tal-implimentazzjoni, u se tingħaqad u tkun artikolata bis-sħiħ mal-ispazji tad-data settorjali.

Il-Kummissjoni se:

·Sal-2025, twettaq operazzjonijiet tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa biex taqdi lir-riċerkaturi tal-UE; Sa tmiem l-2020, tmexxi l-iżvilupp fundamentali tal-istrutturi ta’ governanza tal-EOSC immexxija mill-partijiet konċernati, possibbilment b’rabta mat-tnedija tas-sħubija Ewropea korrispondenti tal-EOSC;

·Fi żmien medju, mill-2024 ’il quddiem, tiftaħ, tgħaqqad u tartikola l-EOSC lil hinn mill-komunitajiet tar-riċerka, mas-settur pubbliku usa’ u mas-settur privat.

(1)

IDC, 2018.

(2)

Gartner, 2017.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/679.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2018/1807.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2019/881.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2019/1024.

(7)

Ir-Regolament 715/2007 kif emendat bir-Regolament 595/2009.

(8)

Id-Direttiva 2015/2366 dwar is-Servizzi tal-Pagamenti.

(9)

Id-Direttiva 2019/944 għall-elettriku, id-Direttiva 2009/73/KE għall-miters tal-gass.

(10)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703.

(11)

Id-Direttiva 2010/40/UE.

(12)

Id-Direttiva (UE) 2019/770.

(13)

Fil-każ tal-aħħar, id-data ma titqigħedx f’xi post ċentrali biex tkun tista’ tiġi analizzata flimkien ma’ assi oħra tad-data. L-għodod analitiċi javviċinaw lid-data u mhux bil-kontra. B’hekk ikun aktar faċli li d-data tinżamm sigura u jkun żgurat ċertu kontroll fuq min jaċċessa d-data, liema data tiġi aċċessata, u għal liema skopijiet.

(14)

Pereżempju, il-“LOI n° 2016-1321 du 7 octobre 2016 pour une République numérique” ta’ Franza li permezz tagħha s-settur pubbliku jkollu aċċess għal ċerta data (tas-settur privat) ta’ interess ġenerali, jew l-Att Finlandiż dwar il-Foresti jobbliga lis-sidien tal-foresti biex jaqsmu informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-foresti mas-settur pubbliku.

(15)

 Pereżempju l-liġi Finlandiża dwar l-użu sekondarju tad-data tas-saħħa u soċjali, li toħloq awtorità tal-permessi tad-data.

(16)

Bħalissa fil-Ġermanja għaddejjin diskussjonijiet dwar l-adattament tar-regoli tal-kompetizzjoni biex ikunu aktar adegwati għall-ekonomija tad-data. Ara wkoll ir-rapport għall-Kummissjoni dwar “Il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-Era Diġitali”.

(17)

Biex tiżdied iċ-ċertezza legali, f’Mejju 2019 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet gwida prattika għan-negozji dwar kif jipproċessaw is-settijiet tad-data mħallta; ara COM(2019)250 https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/practical-guidance-businesses-how-process-mixed-datasets

(18)

Minn mindu ġiet adottata d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku.

(19)

Id-Direttiva (UE) 2019/1024, li tħassar id-Direttiva 2003/98/KE kif riveduta mid-Direttiva 2013/37/UE.

(20)

Il-portal Ewropew tad-data miftuħa fih eżempji ta’ firxa ta’ kumpaniji minn madwar l-UE li bbenefikaw mid-data miftuħa, u wħud minnhom ma kinux jeżistu mingħajr id-disponibbiltà tad-data. https://www.europeandataportal.eu/en/using-data/use-cases .

(21)

Pereżempju f’oqsma ġodda bħall-ħidma fuq il-pjattaforma.

(22)

L-ambitu tal-ħidma fuq il-B2G ma jinkludix l-użu tad-data għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Kull azzjoni f’dan il-qasam jenħtieġ tkun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

(23)

żur: https://ec.europa.eu/digital-single-market/news-redirect/666643 .

(24)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/rolling-plan-ict-standardisation .

(25)

  https://ec.europa.eu/isa2/eif_en ; ara: COM(2017)134 final. 

(26)

Eż. f’sensiela riċenti ta’ gruppi ta’ ħidma li għamlet il-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “spazju komuni Ewropew tad-data https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/report-european-commissions-workshops-common-european-data-spaces .

(27)

Studju dwar id-detriment ekonomiku minħabba termini kuntrattwali inġusti u żbilanċjati tal-cloud computing.

(28)

  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Cloud_computing_-_statistics_on_the_use_by_enterprises .

(29)

Ara pereżempju Cremer/deMontjoye/Schweitzer, Competition policy for the digital era (Politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali); Furman, Unlocking digital competition (Niftħu l-kompetizzjoni diġitali), rapport għall-gvern tar-Renju Unit; German Datenethikkommission.

(30)

Ara l-introduzzjoni ta’ Dritt ġdid tad-Data tal-Konsumatur fl-Awstralja, https://www.accc.gov.au/focus-areas/consumer-data-right-cdr-0 u l-konsultazzjoni dwar il-portabbiltà tad-data f’Singapore.

(31)

  https://mydata.org/ ;   https://www.decodeproject.eu/ ; https://solid.mit.edu/ , https://radicalxchange.org/  

(32)

Ara r-rapport tad-Datenethikkommission Ġermaniża, p. 133 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal p. 8.

(33)

IDC 2019.

(34)

Ir-Regolament (UE) 2019/881 – l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà Ewropew.

(35)

L-Awtorità Finlandiża għall-Permessi tad-Data Soċjali u tas-Saħħa (https://www.findata.fi/en/), iċ-Ċentru Franċiż tad-Data tas-Saħħa ( https://www.health-data-hub.fr/ ), il-Forschungsdatenzentrum Ġermaniż ( https://www.forschungsdatenzentrum.de/en ).

(36)

L-idea mhix li jinħoloq korp li jiżviluppa standards ġodda, iżda minflok li tkun tista’ ssir prijoritizzazzjoni bejn l-istandards eżistenti u dawk futuri li jiġu żviluppati.

(37)

Ara wkoll il-prinċipji FAIR tad-data: https://www.force11.org/group/fairgroup/fairprinciples .

(38)

Pereżempju, id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Tallinn tal-2017 dwar il-Gvern Elettroniku tappella lill-gvernijiet biex “iżidu t-traċċabbiltà, il-kwalità u l-aċċessibbiltà teknika tad-data f’reġistri bażiċi ewlenin.”

(39)

Jenħtieġ li d-dritt tal-aċċess għad-data jkun speċifiku għas-setturi biss u jingħata biss jekk ikun ġie identifikat/imbassar xi falliment tas-suq f’dan is-settur, u l-liġi tal-kompetizzjoni ma tkunx tista’ ssolvih. L-ambitu tad-dritt tal-aċċess għad-data jenħtieġ iqis l-interessi leġittimi tad-detentur tad-data u jeħtieġ jirrispetta l-qafas ġuridiku.

(40)

Hemm varjazzjonijiet ta’ dan il-prinċipju li japplikaw b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur li trid tkun aċċessibbli skont ir-Regolament 715/2007 kif ukoll għal informazzjoni li toħroġ mill-ittestjar ta’ sustanzi kimiċi fuq annimali vertebrati skont ir-Regolament 1907/2006 (REACH).

(41)

Id-Direttiva 96/9/KE.

(42)

Id-Direttiva (UE) 2016/943.

(43)

2011/C 11/01.

(44)

  https://swipo.eu/ L-approċċ hu bbażat fuq ir-Regolament dwar il-Fluss Liberu tad-Data, ir-Regolament (UE) Nru 2018/1807.

(45)

  https://data.europa.eu/euodp/en/data/ .

(46)

  https://ec.europa.eu/research/openscience/index.cfm?pg=open-science-cloud . Ara wkoll COM (2016) 178 final u SWD(2018)83.

(47)

Bħall-inizjattiva Franċiża msejħa “Cloud de Confiance” jew il-Programm Pollakk tal-Infrastruttura Komuni tal-IT tal-Istat (id-WIIP)

(48)

B’mod partikolari l-kapaċitajiet appoġġati bl-inizjattiva EuroHPC.

(49)

Pereżempju kif intwera bl-appoġġ tal-industrija għall-proġett Ġermaniż Gaia-X.

(50)

Inizjattiva li tistimula l-federazzjoni tal-cloud mill-perspettiva Ġermaniża, ippreżentata mill-gvern Ġermaniż fid-29 ta’ Ottubru 2019. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi standards Ewropej u strutturi ta’ referenza biex jinħolqu “fornituri tal-iperskala virtwali” ibbażati fl-UE.

(51)

Eżempji ta’ programmi simili tal-akkwist pubbliku f’dan il-qasam jistgħu jittieħdu mill-pajjiżi terzi, bħall-programm tal-akkwist pubbliku Amerikan imsejjaħ “FedRAMP”. Dan jipprovdi approċċ standardizzat għall-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni, u l-monitoraġġ kontinwu tas-sigurtà għall-prodotti u s-servizzi tal-cloud fl-aġenziji federali.

(52)

Ara dan l-istudju: “Study on the economic detriment to SMEs arising from unfair and unbalanced cloud computing contracts”, (Studju dwar id-detriment ekonomiku għall-SMEs minħabba termini kuntrattwali inġusti u żbilanċjati tal-cloud computing) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/dg_just_cloud_computing_final_report_web_final.pdf .

(53)

Anki identitajiet diġitali siguri u użabbli universalment huma kruċjali biex l-individwi jkun jista’ jkollhom aċċess u kontroll fuq id-data tagħhom.

(54)

Il-lista tal-ispazji tad-data settorjali mhix eżawrjenti u tista’ tiġi estiża.

(55)

Bħal meta pereżempju, il-Brażil u l-Kenja adottaw regoli mmudellati fuq il-GDPR.

(56)

Deloitte 2018.

(57)

Ir-Regolament (KE) 715/2007.

(58)

Kif jeżiġi l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2018/858.

(59)

Analiżi fil-fond b’appoġġ għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2018) 773 “Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”.

(60)

Id-Direttiva 2005/44/KE.

(61)

Id-Direttiva 2010/40/UE.

(62)

 COM(2013) 410 final.

(63)

Ir-Regolament (UE) 2019/1239.

(64)

In-negozjati mal-koleġiżlaturi ġew konklużi, u l-adozzjoni hi prevista għal nofs l-2020.

(65)

  https://ec.europa.eu/health/funding/programme_mt .

(66)

L-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

(67)

Id-dikjarazzjoni ffirmawha 25 Stat Membru. Għal aktar tagħrif dwar id-dikjarazzjoni żur https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-member-states-join-forces-digitalisation-european-agriculture-and-rural-areas.

(68)

Tenders Electronic Daily (TED).

(69)

Pereżempju dwar l-użu tal-identifikaturi ELI u ECLI u dwar il-pubblikazzjoni online tal-liġi bi traduzzjoni uffiċjali biex jiġi appoġġat l-użu ulterjuri tat-traduzzjoni awtomatika.

(70)

Eżempju, il-Mudell tat-Tagħlim tal-Europass; il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (il-QEK); il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Impjiegi (l-ESCO), il-Qafas tal-Kompetenzi Diġitali (id-DigComp).

(71)

COM(2018)22 final.