Brussell, 29.11.2017

COM(2017) 708 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

{SWD(2017) 431 final}
{SWD(2017) 432 final}


I.INTRODUZZJONI

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“IPR”) jipproteġu l-assi intanġibbli, u jippermettu li l-kreaturi, l-inventuri u l-artisti jagħmlu profitt mill-attivitajiet kreattivi u innovattivi tagħhom. L-assi intanġibbli jirrappreżentaw aktar minn nofs il-valur tal-kumpaniji, u l-importanza tagħhom qed tiżdied. F’dinja fejn il-kumpaniji tal-UE qed jikkompetu dejjem aktar fl-innovazzjoni, fil-kreattività u fil-kwalità, il-proprjetà intellettwali (“PI”) hija għodda b’saħħitha għat-tkabbir tal-kompetittività tal-kumpaniji kollha, inklużi tal-intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”).

Id-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Direttiva” jew “IPRED”) tipprevedi sett minimu iżda standard ta’ miżuri, proċeduri u rimedji li jippermetti l-infurzar ċivili effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-objettiv tal-IPRED huwa li ġġib is-sistemi leġiżlattivi nazzjonali eqreb lejn xulxin biex ikun żgurat livell għoli, ekwivalenti u omoġenju ta’ protezzjoni fis-suq intern 2 .

L-evalwazzjoni tad-Direttiva wriet li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati fl-IPRED għenu b’mod effettiv biex jiġu protetti aħjar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar l-UE u jiġi indirizzat aħjar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qrati ċivili. Id-Direttiva wasslet għall-ħolqien ta’ qafas legali komuni li fih għandu jiġi applikat l-istess sett ta’ għodod madwar l-Unjoni. F’dan ir-rigward, din laħqet l-objettiv ta’ approssimazzjoni tas-sistemi leġiżlattivi tal-Istati Membri għall-infurzar ċivili tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 3 .

Madankollu, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati fid-Direttiva mhumiex implimentati u applikati b’mod uniformi bejn l-Istati Membri. Dan għaliex, peress li d-Direttiva tipprevedi armonizzazzjoni minima (jiġifieri l-Artikolu 2 jippermetti b’mod espliċitu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi mezzi li jkunu aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet), ma hemmx interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u hemm differenzi fil-proċedimenti tal-liġi ċivili nazzjonali u fit-tradizzjonijiet ġudizzjarji 4 . B’hekk, il-qafas legali tal-UE għall-infurzar ċivili tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jista’ jibbenefika mill-kjarifika ta’ ċerti aspetti tad-Direttiva biex ikunu hemm interpretazzjoni u applikazzjoni aktar konsistenti u effettivi.

Minkejja dan, huwa ċar ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-IPRED, anki jekk jiġi applikat kif xieraq, huwa limitat għar-regolamentazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji disponibbli għall-infurzar ċivili tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għalhekk, l-IPRED ma tistax tindirizza l-isfidi kollha rrapportati mill-partijiet ikkonċernati matul l-evalwazzjoni tad-Direttiva 5 , b’mod partikolari dawk li huma relatati b’mod aktar ġenerali mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali barra mill-kuntest ta’ litigazzjoni, jew qabel din. Pereżempju, ċerti partijiet ikkonċernati jixtiequ kjarifika jew reviżjoni tar-regoli dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, li hija primarjament indirizzata fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 6 . Il-Kummissjoni qieset il-feedback riċevut mingħand il-partijiet ikkonċernati dwar din il-kwistjoni, u filwaqt li ħadet impenn li żżomm ir-reġim attwali ta’ responsabbiltà 7 , f’inizjattiva riċenti, din ipprovdiet ukoll aktar ċarezza dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji fid-detezzjoni u fit-tneħħija ta’ kontenut online illegali (inkluż kontenut li jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) 8 .

F’dan il-kuntest, u b’mod partikolari fuq il-bażi tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati matul l-evalwazzjoni tal-IPRED, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ din il-gwida biex tiċċara l-fehmiet tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li dwarhom kien hemm interpretazzjonijiet li jvarjaw 9 .

Din il-Komunikazzjoni ta’ Gwida tagħmel parti minn pakkett komprensiv tal-PI. L-isfidi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ma jikkonċernawx l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u l-mezzi possibbli biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi huma ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Propjetà Intelletwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum” li wkoll tagħmel parti minn dak il-pakkett 10 .

Il-fokus ta’ din il-gwida huwa fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-IPRED:

·il-kamp ta’ applikazzjoni (Artikoli 1 u 2)

·l-obbligu ġenerali (Artikolu 3)

·l-intitolament għall-applikazzjoni ta’ miżuri, proċeduri u rimedji (Artikolu 4)

·il-preżunzjoni li persuna hija l-awtur jew is-sid (Artikolu 5)

·ir-regoli dwar il-kisba u l-preservazzjoni tal-evidenza (Artikoli 6 u 7)

·id-dritt għall-informazzjoni (Artikolu 8)

·il-mandati (Artikoli 9 u 11)

·il-miżuri korrettivi (Artikolu 10)

·il-kalkolu tad-danni (Artikolu 13) u

·l-ispejjeż legali (Artikolu 14)

L-objettiv ta’ din il-gwida huwa li tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti u minn partijiet oħra involuti fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi proċedimenti quddiem dawk l-awtoritajiet. B’mod aktar speċifiku, dan id-dokument ta’ gwida għandu l-għan li:

- isaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja tal-qafas ta’ infurzar ċivili tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Taqsima II),

- jiżgura approċċ ibbilanċjat għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji stipulati fid-Direttiva (Taqsima III),

- jiżgura l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż f’kuntest diġitali (Taqsima IV), u

- jiżgura d-dimensjoni tas-Suq Uniku tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Taqsima V).

Filwaqt li l-gwida tqis il-fatt li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati fid-Direttiva huma disponibbli għall-utenti kollha tas-sistemi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, din tagħti attenzjoni partikolari lejn il-mezzi li huma partikolarment importanti għall-SMEs. Pereżempju, din tqis ir-regoli dwar il-kalkolu tad-danni u r-rimborż tal-ispejjeż legali u l-mezzi għall-prevenzjoni tal-abbużi.

Il-fehmiet ippreżentati fil-gwida huma bbażati fuq deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QtĠ”) mindu ġiet adottata d-Direttiva, u fuq il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-IPRED, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll fuq l-aħjar prattiki identifikati fil-livell nazzjonali. Għalhekk, din il-gwida tgħaqqad l-interpretazzjoni legali awtorevoli mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni li jistgħu jservu bħala ispirazzjoni għal dawk li jużaw il-gwida.

Dan id-dokument mhuwiex legalment vinkolanti, u l-gwida pprovduta ma taffettwax il-ġurisprudenza tal-QtĠ. Jenħtieġ li l-gwida tagħmilha eħfef biex tiġi interpretata u applikata l-IPRED u, b’dan il-mod, se tkun qed tinforma u tikkontribwixxi wkoll għall-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-TFUE.

II.QAFAS TA’ INFURZAR ĊIVILI TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI LI JKUN AKTAR EFFIĊJENTI U EFFETTIV

1.L-iżgurar ta’ kumpens xieraq għall-preġudizzju mġarrab

L-ammont imprevedibbli tal-kumpens li għandu jingħata u l-probabbiltà baxxa li jinkiseb kumpens xieraq għad-danni mġarrba kienu wħud mir-raġunijiet ewlenin mogħtija biex jiġi spjegat għaliex id-detenturi tad-drittijiet ma jfittxux rimedju ċivili f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 11 . Dan l-aspett huwa partikolarment importanti għall-SMEs 12 .

Il-prattika turi li l-valutazzjoni tad-danni għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tista’ tkun ikkumplikata. B’riżultat ta’ dan, id-detenturi tad-drittijiet, il-ġudikatura, il-professjoni legali, u l-pubbliku talbu aktar ċarezza tad-dritt dwar il-kalkolu tad-danni, kif ukoll allokazzjoni aktar ġusta.

Kalkolu tad-danni

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri huma mitluba li jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw lill-kontraventur li b’mod konsapevoli, jew b’raġunijiet raġonevoli biex ikun konsapevoli, kien involut f’attività ta’ ksur sabiex iħallas lid-detentur tad-drittijiet id-danni xierqa għall-preġudizzju li huwa effettivament ġarrab b’riżultat tal-ksur. Meta l-kontraventur ikun aġixxa bla ma jkun konsapevoli, jew mingħajr raġunijiet raġonevoli biex ikun konsapevoli, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jordnaw l-irkupru tal-profitti jew il-ħlas tad-danni, li jistgħu jiġu stabbiliti minn qabel (Artikolu 13(2)).

F’konformità mal-Artikolu 13(1), jenħtieġ li d-danni jkunu xierqa għall-preġudizzju effettivament imġarrab b’riżultat tal-ksur. L-għan hu li dak il-preġudizzju jiġi kkumpensat bis-sħiħ 13 .

Id-Direttiva tipprevedi żewġ possibiltajiet biex jiġu stabbiliti dawn id-danni. L-ammont tagħhom jista’ jiġi ddeterminat mill-awtoritajiet ġudizzjarji:

·billi jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi, inklużi l-profitti mitlufa li l-parti li sofriet id-danni ġarrbet, kwalunkwe profitt inġust li sar mill-kontraventur u, f’każijiet xierqa, l-elementi li mhumiex fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali li d-detentur tad-drittijiet ġarrab minħabba l-ksur (Artikolu 13(1)(a)), jew, bħala alternattiva,

·f’każijiet xierqa, billi jistabbilixxu bħala somma waħda abbażi ta’ elementi bħal mill-inqas l-ammont ta’ royalties jew ta’ tariffi li kien ikollhom jitħallsu kieku l-kontraventur talab l-awtorizzazzjoni biex juża d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni (“royalty/tariffa ipotetika”) (Artikolu 13(1)(b)).

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni mhuwiex li jiġi introdott obbligu li jipprevedi danni punittivi, iżda biex tippermetti kumpens ibbażat fuq kriterju oġġettiv filwaqt li tqis l-ispejjeż imġarrba mid-detentur tad-drittijiet, bħall-ispejjeż għall-identifikazzjoni u r-riċerka 14 .

It-test tal-Artikolu 13(1) tal-IPRED jindika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żewġ metodi għall-istabbiliment tad-danni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu riflessi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Għall-kuntrarju ta’ pereżempju l-Artikolu 13(2), dawn mhumiex żewġ għażliet għall-Istati Membri; pjuttost huwa f’idejn l-applikant u, finalment, f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jiddeċiedu liema minn dawn iż-żewġ metodi alternattivi għandu jiġi applikat biex jiġu stabbiliti d-danni f’każ partikolari.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla bejn iż-żewġ metodi alternattivi f’każ partikolari, it-test tal-Artikolu 13(1) jindika li jenħtieġ li jkun “xieraq” li jiġi applikat il-metodu ta’ somma waħda msemmi fil-punt (b) ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-Premessa 26 tal-IPRED tagħti eżempju, jiġifieri sitwazzjonijiet li fihom ikun diffiċli li jiġi ddeterminat l-ammont tal-preġudizzju effettivament imġarrab. Ġie rrapportat 15 li f’ċerti każijiet skont ir-regoli nazzjonali applikabbli l-applikanti jistgħu jitolbu biss kalkolu tad-danni f’konformità ma’ dak il-metodu jekk l-użu tal-metodu msemmi fil-punt (a) ikun impossibbli. Fil-fehma tal-Kummissjoni, interpretazzjoni bħal din mhix konformi mad-Direttiva, meta jitqies li l-Premessa 26 issemmi dan biss bħala eżempju u, barra minn hekk, tirreferi għall-użu tal-metodu l-ieħor bħala diffiċli u mhux impossibbli. Minflok, fid-dawl tal-Premessa 17, ir-rekwiżiti ġenerali tal-Artikolu 3, inklużi l-effikaċja u l-proporzjonalità, kif ukoll fid-dawl tal-għan li tingħata l-possibbiltà ta’ kumpens ibbażat fuq kriterju oġġettiv, jenħtieġ li jiġi ddeterminat fil-funzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali jekk ikunx xieraq li jiġi applikat il-metodu tas-somma waħda.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-possibbiltà li jiġu stabbiliti d-danni fuq il-bażi ta’ somma waħda f’konformità mal-Artikolu 13(1)(b) hija alternattiva għall-metodu stipulat fl-Artikolu 13(1)(a) li jeħtieġ l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-aspetti xierqa kollha, u jenħtieġ li fil-prinċipju ż-żewġ metodi jkunu disponibbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jagħtu kumpens għad-danni stabbilit abbażi ta’ somma waħda skont il-punt (b) meta dawn iqisu li dan ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku quddiemhom, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li d-danni jiġu stabbiliti abbażi tal-metodu tal-punt (a).

Danni morali

Ġiet irrapportata diffikultà fil-kalkolu tad-danni meta jkun hemm il-possibbiltà li jinkiseb kumpens għall-preġudizzju morali mġarrab 16 . Eżempji li fihom intalbu d-danni morali jinkludu każijiet li fihom seħħ dannu għar-reputazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, stress emozzjonali, tbatija kkawżata minn ksur, eċċ 17 ..

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1)(a) tal-IPRED huwa ċar, peress li jsemmi b’mod espliċitu li elementi oħra li mhumiex fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet mill-ksur, jistgħu jkunu wħud mill-“aspetti xierqa” li għandhom jitqiesu meta jiġu stabbiliti d-danni f’konformità mal-metodu previst f’din id-dispożizzjoni.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 13(1)(b) tal-IPRED ma jsemmix b’mod espliċitu l-possibbiltà ta’ kumpens għal preġudizzju morali meta jiġu stabbiliti d-danni f’konformità mal-metodu tas-somma waħda. Madankollu, il-QtĠ indikat 18 li d-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi l-għoti ta’ kumpens bħal dan u li fil-fatt hemm bżonn li l-preġudizzju morali mġarrab jiġi kkunsidrat meta tiġi stabbilita somma waħda sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ għoti ta’ kumpens sħiħ għall-preġiduzzju effettivament imġarrab.

Parti li ġġarrab ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li tippreżenta talba għad-danni bħala kumpens għall-preġudizzju li ġarrbet, stabbiliti f’konformità mal-metodu tas-somma waħda tal-Artikolu 13(1)(b) tal-IPRED, tista’ titlob u, jekk it-talba tkun issostanzjata, tingħata mhux biss kumpens għad-dannu materjali iżda anki għall-preġudizzju morali kkawżat minn dak il-ksur.

L-istabbiliment tad-danni bħala somma waħda

Fl-evalwazzjoni tal-IPRED, ġew irrapportati diffikultajiet fl-istabbiliment tad-danni fuq il-bażi tal-metodu msemmi fl-Artikolu 13(1)(b) 19 . B’mod partikolari, ġie ddikjarat li l-kumpens tad-danni li jikkorrispondi għall-ammont uniku tar-royalty/tat-tariffa ipotetika biss mhuwiex biżżejjed biex jikkumpensa għall-preġudizzju effettivament imġarrab u mhuwiex biżżejjed bħala effett ta’ deterrent. F’dak il-kuntest, ġie diskuss jekk id-Direttiva tippermettix għall-possibbiltà li jingħata kumpens għad-danni li jkun jikkonsisti minn aktar minn valur wieħed tar-royalty/tat-tariffa ipotetika.

F’kawża riċenti 20 , il-QtĠ indikat li detentur tad-drittijiet ekonomiċi tad-dritt tal-awtur li jkunu nkisru jista’ jitlob lill-persuna li kisret dawk id-drittijiet sabiex tikkumpensa għat-telf ikkawżat billi tħallas somma li tikkorrispondi għad-doppju tal-ammont tar-royalty/tat-tariffa ipotetika, fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jipprevedi possibbiltà bħal din. Il-QtĠ spjegat ukoll li, meta jinkiser dritt tal-proprjetà intellettwali, is-sempliċi ħlas ta’ royalty/tariffa ipotetika mhuwiex xieraq sabiex jiggarantixxi kumpens fir-rigward tat-telf kollu effettivament imġarrab. Il-QtĠ osservat li dan huwa dovut għall-fatt li l-ħlas ta’ dik ir-royalty minnu nnifsu ma jiżgurax ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża marbuta mar-riċerka u mal-identifikazzjoni ta’ atti possibbli ta’ ksur, lanqas il-kumpens għall-preġudizzju morali possibbli jew il-ħlas tal-imgħax fuq is-somom dovuti 21 . F’dak il-każ, huwa osservat ukoll li l-użu tal-metodu tas-somma waħda minnu nnifsu jfisser li d-danni stabbiliti b’dan il-metodu ma jistgħux ikunu proporzjonati b’mod preċiż għat-telf effettivament imġarrab u li r-rekwiżit tal-kawżalità ma jridx jiġi interpretat u applikat b’mod strett wisq f’dan ir-rigward 22 .

Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-danni stabbiliti bl-użu tal-metodu tas-somma waħda bl-ebda mod ma għandhom ikunu ristretti għal darba biss l-ammont ta’ royalty/tariffa ipotetika u jistgħu, skont il-każ, ikun hemm bżonn li jikkostitwixxu ammont ogħla. Jidher ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni meta jistabbilixxu d-danni billi japplikaw dan il-metodu. Konsegwentement, il-metodu deskritt fl-Artikolu 13(1)(b) jista’ jitqies li jixbah l-għoti ta’ setgħa lil dawk l-awtoritajiet biex jistmaw l-ammont tal-preġudizzju mġarrab fuq il-bażi tal-elementi disponibbli 23 .

L-Artikolu 13(1)(b) tal-IPRED ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali miksur jista’ jitlob mingħand il-kontraventur il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju tar-royalty/tat-tariffa ipotetika. Filwaqt li l-Artikolu 13(1)(b) tal-IPRED mhux bilfors jirrikjedi dan l-irdoppjar ta’ dik ir-royalty/it-tariffa ipotetika, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta din id-dispożizzjoni jenħtieġ li tippermetti lid-detentur tad-drittijiet jitlob li d-danni stabbiliti bħala somma waħda ma jiġux ikkalkolati biss fuq il-bażi tal-ammont uniku ta’ dik ir-royalty/it-tariffa ipotetika, iżda anki fuq il-bażi ta’ aspetti xierqa oħra. Dan jista’ jinkludi l-kumpens għal kwalunkwe spiża li hi marbuta mar-riċerka u mal-identifikazzjoni ta’ atti possibbli ta’ ksur u l-kumpens għal preġudizzju morali possibbli jew imgħax fuq is-somom dovuti.

2.Il-provvediment ta’ regoli ċari u effettivi dwar ir-rimborż tal-ispejjeż legali

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika 24 juru li r-raġunijiet ewlenin għalfejn id-detenturi tad-drittijiet ma jfittxux rimedju ċivili għall-ksur allegat tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma minħabba t-tariffi tal-avukati u l-ispejjeż l-oħra relatati mal-litigazzjoni u minħabba l-improbabbiltà perċepita li se jiksbu kumpens xieraq għall-ispejjeż legali u għall-ispejjeż l-oħra. L-evalwazzjoni tal-IPRED indikat 25 li r-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż legali jvarjaw madwar l-UE u f’ċerti sitwazzjonijiet mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż kollha mġarrba mill-parti rebbieħa.

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva, l-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati u l-ispejjeż l-oħra mġarrba mill-parti rebbieħa għandhom jitħallsu mill-parti telliefa, dment li l-prinċipju tal-ekwità ma jippermettix dan. Il-prinċipju dwar ir-rimborż tal-ispejjeż legali espress fl-Artikolu 14 japplika għat-tipi kollha ta’ proċedimenti legali koperti mid-Direttiva, jiġifieri proċedimenti dwar ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Kif iċċarat mill-QtĠ, dan jinkludi wkoll pereżempju proċedimenti għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil partijiet li ġew soġġetti b’mod skorrett għal ċerti miżuri ta' infurzar f’konformità mal-Artikoli 7(4) u 9(7) tad-Direttiva 26 , kif ukoll proċedura ta' exequatur għar-rikonoxximent u għall-infurzar ta’ ġudizzju li jkollu l-għan li jinforza dritt tal-proprjetà intellettwali 27 . Il-proċedimenti ta’ invalidazzjoni mhumiex koperti 28 .

Filwaqt li dan il-prinċipju ġenerali jipprovdi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali b’bażi għar-rimborż tal-ispejjeż, dawn l-awtoritajiet, meta jikkalkolaw l-ammont proprju li jenħtieġ li jingħata, tipikament ikunu marbuta b’reġimi nazzjonali aktar dettaljati dwar dan is-suġġett. Uħud minn dawn ir-reġimi nazzjonali mhumiex speċifiċi għall-proprjetà intellettwali, huma bbażati fuq skema ta’ rata fissa (limiti massimi), u/jew jirreferu għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-ispejjeż minimi ta’ assistenza tal-avukati jew tal-avukati tal-privattivi. B’riżultat ta’ dan, ir-reġimi tal-Istati Membri jvarjaw b’mod konsiderevoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu u mar-rimborż tal-ispejjeż legali u fil-proċeduri li jirregolaw din il-kwistjoni 29 .

Skema b'rata fissa

F’dak il-kuntest, ġie mistoqsi jekk ir-reġimi nazzjonali bbażati fuq skema b’rata fissa, li jindikaw l-ammont massimu ta’ spejjeż li jista’ jiġi rrimborżat, humiex konformi mal-Artikolu 14 tal-IPRED.

Il-QtĠ spjegat 30 li l-leġiżlazzjoni li tipprevedi rata fissa ta’ rimborż tat-tariffi ta’ avukat, fil-prinċipju, tista’ tiġi ġġustifikata, dment li l-leġiżlazzjoni tkun maħsuba biex tiżgura li l-ispejjeż li għandhom jiġu rimborżati jkunu raġonevoli. Ikollha tieħu f’kunsiderazzjoni fatturi bħas-suġġett tal-proċedimenti, is-somma involuta, jew il-ħidma li trid titwettaq biex jiġi rrappreżentat il-klijent ikkonċernat. Dan jista’ jkun il-każ jekk dik il-leġiżlazzjoni tkun maħsuba biex teskludi r-rimborż ta’ spejjeż eċċessivi. Dawn huma spejjeż dovuti għal tariffi li jkunu aktar għoljin mis-soltu miftiehma bejn il-parti rebbieħa u l-avukat tagħha jew dovuti għall-fatt li l-avukat jipprovdi servizzi mhux meqjusa neċessarji biex jiġu infurzati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kkonċernati.

Il-QtĠ stabbiliet ukoll li 31 r-rekwiżit tal-Artikolu 14 tal-IPRED li skontu l-parti telliefa trid iġġarrab spejjeż legali “raġonevoli” ma jistax jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta din id-dispożizzjoni li timponi rata fissa ferm inqas mir-rata medja effettivament imġarrba għas-servizzi ta’ avukat f’dak l-Istat Membru. Leġiżlazzjoni bħal din ma tkunx kompatibbli mal-Artikolu 3(2) tal-IPRED, li jiddikjara li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti jridu jkunu dissważivi.

Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tal-IPRED jipprevedi li l-ispejjeż legali li għandhom jitħallsu mill-parti telliefa jridu jkunu “proporzjonati”. F’dan ir-rigward, il-QtĠ sabet li, filwaqt li r-rekwiżit tal-proporzjonalità ma jimplikax li l-parti telliefa trid bilfors tirrimborża l-ispejjeż kollha mġarrba mill-parti l-oħra, dan ifisser li l-parti rebbieħa jenħtieġ li jkollha d-dritt ta’ rimborż ta’, mill-inqas, sehem sinifikanti u xieraq tal-ispejjeż raġonevoli effettivament imġarrba minn dik il-parti. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu assolut fuq l-ispejjeż għall-assistenza ta’ avukat trid tiżgura, minn naħa, li dak il-limitu jirrifletti r-realtà tar-rati mitluba għas-servizzi ta’ avukat fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Iżda leġiżlazzjoni bħal din trid tiżgura wkoll li, mill-inqas, sehem sinifikanti u xieraq tal-ispejjeż raġonevoli effettivament imġarrba mill-parti rebbieħa għandu jitħallas mill-parti telliefa 32 .

L-Artikolu 14 tal-IPRED ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi skema b’rata fissa għar-rimborż tal-ispejjeż għall-assistenza ta’ avukat, dment li dawk ir-rati jiżguraw li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti telliefa jkunu raġonevoli, b’kunsiderazzjoni ta’ karatteristiċi li jkunu speċifiċi għall-każ. Madankollu, l-Artikolu 14 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rati fissi li jkunu baxxi wisq biex ikun żgurat li, mill-inqas, sehem sinifikanti u xieraq tal-ispejjeż raġonevoli effettivament imġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti telliefa.

It-tipi ta’ spejjeż li għandhom jiġu rimborżati

Differenzi oħra bejn l-Istati Membri u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jirreferu għat-tipi ta’ spejjeż koperti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 14 tal-IPRED. Fil-prattika, filwaqt li t-tariffi tal-qorti għall-ftuħ ta’ proċedimenti u l-ispejjeż proċedurali l-oħra spiss ikunu koperti bis-sħiħ, l-ispejjeż għal esperti esterni, il-miżati tal-avukati u t-tariffi addizzjonali tal-avukati, mill-inqas f’ċerti każijiet, huma koperti parzjalment biss 33 .

Skont l-Artikolu 14, ġeneralment il-kontraventur irid iġarrab il-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-imġiba tiegħu 34 ; min-naħa l-oħra, il-parti rebbieħa hija intitolata għal rimborż ta’ mill-inqas sehem sinifikanti u xieraq tal-ispejjeż legali raġonevoli li effettivament tkun ġarrbet 35 .

B’mod aktar speċifiku, filwaqt li l-Artikolu 14 tal-IPRED jirreferi għall-“ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa”, id-Direttiva ma tagħtix definizzjoni ta' x’jinvolvu eżattament dawn il-kunċetti. Il-QtĠ stabbiliet li l-kunċett ta’ “spejjeż legali” jinkludi, fost l-oħrajn, it-tariffi tal-avukati 36 . Iddikjarat ukoll li l-kunċett ta’ “spejjeż oħra” jinkludi, fil-prinċipju, spejjeż imġarrba għas-servizzi ta’ konsulent tekniku 37 . Madankollu, il-QtĠ indikat ukoll li dan l-aħħar kunċett għandu jiġi interpretat b’mod ristrett u li, għaldaqstant, huma dawk l-ispejjeż li huma marbuta b’mod dirett u relatati mill-qrib mal-proċedimenti ġudizzjarji kkonċerati biss li jikkwalifikaw bħala “spejjeż oħra” skont it-tifsira tal-Artikolu 14 38 .

39 F'dan il-kuntest, il-QtĠ sabet li l-ispejjeż ta’ riċerka u ta’ identifikazzjoni mġarrba fost l-oħrajn meta konsulent tekniku jagħmel osservazzjoni ġenerali tas-suq u jidentifika ksur possibbli tal-liġi tal-proprjetà intellettwali, attribwibbli għal kontraventuri mhux magħrufa f’dak l-istadju, ma jidhrux li juru rabta diretta mill-qrib bħal din. Min-naħa l-oħra, stabbiliet li, is-servizzi ta’ konsulent tekniku, irrispettivament min-natura tat-tali servizzi, huma essenzjali biex f’każ speċifiku tittieħed azzjoni legali siewja bil-għan li jkun żgurat ir-rispett ta' tali dritt, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza ta’ dak il-konsulent jaqgħu taħt “spejjeż oħra”. Skont l-Artikolu 14 tal-IPRED, dawn huma “spejjeż oħra” li jridu jitħallsu mill-parti telliefa.

40 Il-QtĠ iċċarat ukoll li l-Artikolu 14 tal-IPRED jipprekludi regoli nazzjonali li jipprevedu li l-ispejjeż ta’ konsulent tekniku jistgħu jiġu rimborżati biss jekk il-parti telliefa tkun wettqet xi nuqqas, peress li dawk l-ispejjeż huma marbuta b’mod dirett u mill-qrib ma’ azzjoni ġudizzjarja li tfittex li tiżgura r-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

41 Finalment, huwa importanti li jiġi indikat li dak imsemmi hawn fuq mhux bilfors ifisser li l-ispejjeż mhux koperti mill-Artikolu 14 ma jistgħux jiġu kkumpensati. Dan aktar ifisser li, fejn xieraq, it-talbiet għal kumpens għal tali spejjeż, pereżempju spejjeż għall-identifikazzjoni u għar-riċerka, għandhom jiġu mressqa permezz ta’ kawża għad-danni skont l-Artikolu 13 minflok.

L-Artikolu 14 tal-IPRED japplika għal spejjeż legali, li jinkludu tariffi tal-avukati, kif ukoll għal spejjeż oħra relatati b’mod dirett u mill-qrib mal-proċedimenti ġudizzjarji kkonċernati. Dawn tal-aħħar jinkludu spejjeż imġarrba għas-servizzi ta’ konsulent tekniku, meta dawk is-servizzi jkunu essenzjali biex tinfetaħ azzjoni legali bil-għan li, f’każ speċifiku, jkun żgurat ir-rispett ta’ xi dritt.

3.Fokus fuq il-ksur fuq skala kummerċjali

Uħud mill-mezzi previsti fl-IPRED iridu jiġu applikati biss għal ksur fuq skala kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 9(2)) jew jikkonċernaw persuni li mhumiex kontraventuri (l-Artikolu 8(1)(a)-(c)) li nstabu li kienu fil-pussess ta’ oġġetti kontraventorji, jew jużaw servizzi kontraventorji fuq skala kummerċjali, jew jipprovdu servizzi fuq skala kummerċjali użati f’attivitajiet kontraventorji 42 .

Fil-kuntest tal-qafas legali għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kunċett ta’ “skala kummerċjali” jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri li jħallu impatt akbar jew li huma aktar intrużivi f’każijiet ta’ ksur ta’ gravità partikolari, u b’hekk jiġi żgurat li ħafna mill-ksur dannuż jiġi indirizzat b’mod effettiv filwaqt li jiġu żgurati wkoll proporzjonalità u approċċ ibbilanċjat. Madankollu, jidher li dan il-kunċett huwa mifhum u applikat b’mod differenti bejn l-Istati Membri.

Il-kunċett ta’ skala kummerċjali ma ġiex iddefinit fid-Direttiva. Id-Direttiva lanqas ma tagħmel xi referenza espliċita għal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex tiġi determinata t-tifsira tiegħu. Skont il-ġurisprudenza stabbilita fid-dawl tal-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jenħtieġ li f’każijiet bħal dawn dan il-kunċett jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-UE 43 .

Barra minn hekk, il-Premessa 14 tal-IPRED tipprovdi xi kjarifika, billi tiddikjara li dan jikkonċerna atti “li jsiru għall-vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett; dawn normalment jeskludi azzjonijiet mill-aħħar konsumaturi li jaġixxu b'intenzjoni tajba”.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ skala kummerċjali, skont it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, ġie diskuss fid-dettal f’rapport tal-panil għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) 44 . Il-panil li eżaminah qies it-tifsira ordinarja tat-termini “skala” u “kummerċjali” u sab li l-kunċett għandu jinftiehem b'riferiment għall-elementi kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, u li dan jirreferi għad-daqs jew għall-firxa ta’ attività kummerċjali tipika jew normali fir-rigward ta’ prodott partikolari f’suq partikolari 45 . Għalkemm fil-Ftehim TRIPS dan il-kunċett jintuża f’kuntest kemxejn differenti minn tal-IPRED 46 u li fl-ordni legali tal-UE tali rapporti tal-panil minnhom infushom mhumiex vinkolanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-interpretazzjoni ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-UE bħall-IPRED, il-Kummissjoni tqis li dan ir-rapport xorta waħda huwa punt ta’ riferiment siewi 47 .

Minn dan li ntqal hawn fuq isegwi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ skala kummerċjali, kif jintuża f'diversi dispożizzjonijiet tal-IPRED, jenħtieġ li ma jinftiehemx f’termini purament kwantitattivi; minflok, ċerti elementi kwalitattivi, bħal jekk l-attività inkwistjoni normalment titwettaqx għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll.

Il-kunċett ta’ “skala kummerċjali” kif previst fl-Artikoli 6(2), 8(1) u 9(2) tal-IPRED jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat b’kunsiderazzjoni tal-elementi kwalitattivi, bħall-vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali li jista’ jinkiseb bil-ksur inkwistjoni, kif ukoll l-elementi kwantitattivi, bħall-għadd u l-firxa tal-ksur, li jkunu rilevanti fil-każ inkwistjoni.

III.L-IŻGURAR TA’ APPROĊĊ IBBILANĊJAT GĦALL-INFURZAR TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI U GĦALL-PREVENZJONI TAL-ABBUŻ

1.Obbligu ġenerali u drittijiet fundamentali

L-obbligu ġenerali fid-Direttiva huwa li jiġu previsti miżuri, proċeduri u rimedji neċessarji għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn għandhom ikunu “ġusti” u “m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta' ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat”; dawn iridu jkunu wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi, ma jridux jaġixxu bħala ostakli għall-kummerċ u jridu jipprovdu salvagwardji kontra l-abbuż (Artikolu 3(1) u (2)). Barra minn hekk, tali miżuri, proċeduri u rimedji jenħtieġ li jiġu determinati f’kull każ b’mod li jippermetti lijitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, inklużi l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt tal-proprjetà intellettwali u, fejn xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur 48 . Bħala riżultat ta’ dan, biex jiġi żgurat l-użu bbilanċjat tas-sistema ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, b’mod ġenerali, jagħmlu valutazzjoni każ b’każ meta jqisu l-użu tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fl-IPRED.

L-IPRED tirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“Karta”); b’mod partikolari, din tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, f’konformità mal-Artikolu 17(2) tal-Karta 49 . Bħala konsegwenza, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva jridu jiġu interpretati u applikati b’mod li mhux biss jiġi ssalvagwardjat dan id-dritt fundamentali speċifiku, iżda wkoll li d-drittijiet fundamentali l-oħra inkwistjoni jiġu kkunsidrati u rrispettati bis-sħiħ. Dawn tal-aħħar jistgħu jinkludu, skont il-każ, id-drittijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta’ intrapriża 50 . Firxa ta’ sentenzi tal-QtĠ maħruġa wara l-adozzjoni tad-Direttiva jindirizzaw din il-kwistjoni.

B’mod partikolari, fis-sentenza Promusicae 51 l-QtĠ indirizzat il-kwistjoni tal-ibbilanċjar ta’ drittijiet fundamentali differenti meta interpretat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, tad-Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni 52 , tal-IPRED u tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 53 , fid-dawl tal-Karta. Il-QtĠ spjegat li fl-interpretazzjoni ta' dawn id-Direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kkonċernati jridu jiżguraw li jinstab bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti involuti u li ma jkun hemm ebda kunflitt mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-UE, bħall-prinċipju tal-proporzjonalità. F'dan il-każ partikolari, il-QtĠ ikkonkludiet li l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jistabbilixxu obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dejta personali biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur fi proċeduri ta' qorti ċivili. Madankollu, il-QtĠ ikkonkludiet ukoll li, meta jittrasponu d-Direttivi msemmija hawn fuq, jenħtieġ li dawn jiġu interpretati b’mod li jinstab bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-dejta personali u tal-ħajja privata u d-drittijiet fundamentali għall-proprjetà u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Dan l-approċċ ġie rifless aktar fid-deċiżjonijiet sussegwenti tal-QtĠ 54 , li jipprovdu aktar gwida dwar kif jinstab bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti kunfliġġenti, fost l-oħrajn meta jiġi deċiż dwar id-dritt relatat mat-talbiet għall-informazzjoni u dwar il-ħruġ ta’ mandati 55 .

Għalkemm dawn id-deċiżjonijiet inħarġu fil-kuntest speċifiku ta’ litigazzjoni relatata mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, l-analiżi tal-QtĠ tindirizza b’mod ġenerali l-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li r-rekwiżit ta’ żgurar ta’ bilanċ ġust bejn it-tali drittijiet, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità, japplika mhux biss f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, iżda fil-każijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-IPRED.

Fil-każijiet kollha li fihom jiġu interpretati u applikati d-dispożizzjonijiet tal-IPRED u fejn diversi drittijiet fundamentali kunfliġġenti protetti fl-ordni legali tal-UE ikunu f’riskju, jenħtieġ li jiġi żgurat li jinstab bilanċ ġust bejniethom, fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

2.Is-sejbien ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali applikabbli fil-każ tad-dritt għall-informazzjoni

Is-sejbien ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti hu ta’ importanza partikolari meta jiġi applikat id-dritt għall-informazzjoni stipulat fl-Artikolu 8 tal-IPRED. L-Artikolu 8 jobbliga lill-Istati Membri jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw li l-kontraventur jew ċerti persuni oħra jipprovdu informazzjoni preċiża dwar l-oriġini tal-oġġetti jew tas-servizzi kontraventorji, il-kanali ta’ distribuzzjoni u l-identità ta’ kwalunkwe parti terza involuta fil-ksur 56 .

F’każ ta’ talbiet relatati mad-dritt għall-informazzjoni skont l-Artikolu 8, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom diversi drittijiet fundamentali li jkollhom bżonn jiġu bbilanċjati ma’ xulxin. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari dwar id-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ proprjetà (inkluża l-proprjetà intellettwali) u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn naħa, u d-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali, kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża, min-naħa l-oħra.

Kwalunkwe ordni mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti biex tiġi pprovduta informazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 8 jenħtieġ li tikkonċerna biss informazzjoni li effettivament tkun meħtieġa biex jiġu identifikati s-sors u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan isegwi mir-rekwiżit ta’ talba ġustifikata u proporzjonali stabbilita fl-Artikolu 8(1) u l-obbligi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 (b’mod partikolari r-rekwiżiti li kwalunkwe miżura adottata trid tkun ġusta u ekwa u ma tistax tkun ikkumplikata jew għalja wisq mingħajr bżonn, u li jrid jiġu previsti salvagwardji kontra l-abbuż).

Il-QtĠ iċċarat 57 li d-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tal-IPRED flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ dejta personali relatata mat-traffiku tal-internet lil ċerti partijiet terzi privati biex it-tali partijiet terzi jkunu jistgħu jiftħu proċeduri ta' qorti ċivili għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, instab ukoll li r-regoli tad-dritt tal-UE inkwistjoni f’dak il-każ lanqas ma jeżiġu li l-Istati Membri jimponu obbligu bħal dan.

Il-QtĠ indikat ukoll li dawk ir-regoli ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-IPRED li, biex jiġi identifikat abbonat jew utent tal-internet, jippermetti lil fornitur tas-servizz tal-Internet fi proċedimenti ta' qorti ċivili jagħti lil detentur tad-drittijiet tal-awtur jew lir-rappreżentant tiegħu informazzjoni dwar l-abbonat li lilu l-fornitur tas-servizz tal-Internet ipprovda indirizz tal-IP li allegatament intuża fi ksur. Madankollu, jenħtieġ li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-qorti nazzjonali inkarigata tqis l-interessi kunfliġġenti involuti, abbażi tal-fatti ta’ kull każ filwaqt li tieħu kont kif xieraq tar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-proporzjonalità 58 .

F’kawża oħra, il-QtĠ iċċarat li l-Artikolu 8(3)(e) tal-IPRED jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu, b’mod mhux limitat u mhux kondizzjonat, li istituzzjoni bankarja tinvoka s-segretezza bankarja sabiex tirrifjuta li tipprovdi, f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c) tal-IPRED, informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz ta’ detentur ta’ kont 59 . Tali awtorizzazzjoni mhux limitata u mhux kondizzjonata ta’ invokazzjoni tas-segretezza bankarja tista’ xxekkel serjament l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali għall-benefiċċju tad-dritt tal-persuni koperti mill-Artikolu 8(1) tal-IPRED għall-protezzjoni tad-dejta personali li tikkonċernahom 60 .

Skont l-Artikolu 8 tal-IPRED, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jitolbu lil kontraventur jew lil ċerti persuni oħra jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali. Din l-informazzjoni tista’ tinkludi dejta personali, meta t-tali divulgazzjoni sseħħ f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u dment li jkunu jeżistu salvagwardji li jiżguraw bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali inkwistjoni.

3.Il-preżentazzjoni ta’ evidenza speċifika li tinsab taħt il-kontroll tal-parti opposta

F’konformità mal-Artikolu 6(1) tal-IPRED, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw li tiġi ppreżentata l-evidenza li tinsab taħt il-kontroll ta’ parti opposta, meta l-applikant ikun ippreżenta evidenza disponibbli b’mod raġonevoli li tkun biżżejjed biex issostni t-talbiet tiegħu u, meta ssostanzja dawk it-talbiet, ikun speċifika l-evidenza.

Matul l-evalwazzjoni ġie rrapportat li f’ċerti Stati Membri l-proċess ta’ speċifikazzjoni tal-evidenza li tinsab taħt il-kontroll tal-parti opposta jista’ jimponi piż kbir fuq l-applikant u, b’hekk, fil-prattika jillimita b’mod sinifikanti l-possibbiltà li tinkiseb it-tali evidenza. Ġie rrapportat li l-applikanti f’ċerti każijiet talbu li jiġu speċifikati n-natura, il-post, in-numri ta’ referenza jew il-kontenuti eżatti tad-dokumenti mitluba, anki jekk it-tali informazzjoni tkun ovvjament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tinkiseb għal persuna esterna li mhux bilfors tkun rat id-dokumenti mitluba 61 .

Filwaqt li bla dubju huwa meħtieġ ċertu grad ta’ speċifikazzjoni, il-ħtieġa ta’ livell eċċessiv ta’ dettall tista’ tixħet dubju fuq l-effikaċja tal-miżuri ta’ divulgazzjoni previsti mill-Artikolu 6(1) u tqajjem tħassib rigward il-proporzjonalità tar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell nazzjonali. Din tqajjem ukoll il-kwistjoni tan-natura “ġusta” tat-tali rekwiżiti u tista’ tagħmilha wisq ikkumplikata li jintużaw il-miżuri tad-Direttiva. B’hekk, rekwiżiti nazzjonali dettaljati ta’ din ix-xorta jistgħu jmorru kontra l-Artikolu 6(1), flimkien mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

Id-Direttiva dwar azzjoni għad-danni għall-Kompetizzjoni 62 hija aktar elaborata f’dan ir-rigward. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar id-divulgazzjoni tal-evidenza jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta’ oġġetti speċifikati ta’ evidenza jew il-kategoriji rilevanti ta’ evidenza ċirkoskritti bl-aktar mod preċiż u ristrett possibbli fuq il-bażi ta’ fatti raġonevolment disponibbli fil-ġustifikazzjoni motivata.

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li jaf ikun hemm raġunijiet validi għall-adozzjoni ta’ approċċ simili meta jiġi interpretat u applikat l-Artikolu 6(1) tal-IPRED. Filwaqt li jenħtieġ li l-applikant jispeċifika l-informazzjoni li jkun qed jitlob bl-aktar mod speċifiku possibbli, l-obbligu li jagħmel dan jenħtieġ li jiġi interpretat fi ħdan il-limiti raġonevoli, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni. Dan ifisser li, fil-fehma tal-Kummissjoni, filwaqt li fil-prinċipju jenħtieġ li l-applikant jispeċifika fit-talba tiegħu l-oġġetti individwali tal-evidenza, l-Artikolu 6(1) ma jipprekludix li f’ċerti każijiet applikant jispeċifika kategorija konkreta ta’ oġġetti tal-evidenza, dment li l-grad ta’ speċifikazzjoni jippermetti lill-parti opposta tidentifika evidenza konkreta li tinsab taħt il-kontroll tagħha u lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tiddeċiedi dwar it-talba ta’ divulgazzjoni.

Barra minn hekk, hemm diffikultajiet fil-fehim ta’ xi tfisser “evidenza speċifika li qegħda fil-kontroll tal-parti opposta”. B’mod aktar speċifiku, tqajmu inċertezzi dwar jekk it-terminu “kontroll” għandux jirreferi biss għall-pussess tal-evidenza, jew jekk għandux jinftiehem b’mod aktar ġeneriku, u jiġi estiż biex saħansitra l-parti opposta tiġi mitluba twettaq tiftix raġonevoli 63 .

Filwaqt li, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 6(1) jidher li ma joffri ebda bażi ċara biex parti tkun meħtieġa tfittex b’mod attiv l-evidenza fil-pussess ta’ partijiet terzi barra mill-kontroll tagħha bl-għan li tippreżenta t-tali evidenza, din tinnota li l-użu tal-kelma “kontroll” tissuġġerixxi li mhux bilfors li l-parti hija mitluba tkun effettivament fil-pussess tal-evidenza. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, fejn iġġustifikat, l-Artikolu 6(1) jista’ jipprovdi bażi għal obbligu fuq parti li twettaq tiftix diliġenti għall-evidenza fi ħdan l-organizzazzjoni tagħha (inklużi l-entitajiet ġuridiċi separati li tikkontrolla), dment li l-applikant ikun issostanzja u speċifika b’mod adegwat it-talba għall-evidenza kkonċernata, li l-obbligu ma jmurx lil hinn minn dak li huwa proporzjonat u ma jkunx għali mingħajr bżonn, u li jkunu jeżistu salvagwardji kontra l-abbuż fejn ikun hemm bżonn 64 .

Kwalunkwe talba għall-preżentazzjoni ta' evidenza skont l-Artikolu 6(1) tal-IPRED jenħtieġ li tkun issostanzjata u speċifikata b’mod adegwat u tibqa’ limitata għal dak li hu proporzjonat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Madankollu, dan ir-rekwiżit m’għandux bżonn jeskludi l-possibbiltà li l-parti soġġetta għal din il-miżura tkun meħtieġa f’ċerti każijiet tippreżenta kategoriji konkreti ta’ evidenza jew li twettaq tiftix diliġenti għall-evidenza fi ħdan l-organizzazzjoni tagħha.

4.L-iżgurar tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali

Il-possibbiltà li jinkisbu l-miżuri speċifikati fl-Artikoli 6(1), 6(2), 7(1), 8(1) u 8(2) tal-IPRED hi soġġetta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Din ir-restrizzjoni hija partikolarment importanti meta d-dokumenti indikati bħala evidenza jew informazzjoni li potenzjalment għandhom jiġu ppreżentati jkun fihom sigrieti tal-mestier jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva oħra tal-parti soġġetta għal dawk il-miżuri.

Għal talbiet relatati mad-dritt għall-informazzjoni skont l-Artikolu 8, ġie rrapportat 65 li l-fatt li ċerti tipi ta’ informazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal reġimi differenti ta’ kunfidenzjalità fi Stati Membri differenti jista’ joħloq problemi addizzjonali għad-detenturi tad-drittijiet. Dan għaliex mhuwiex ċar jekk dawn ikunux jistgħu jużaw f’pajjiż ieħor l-informazzjoni miksuba legalment f’pajjiż ieħor, fejn il-kunfidenzjalità tat-tali informazzjoni tkun taqa’ taħt regoli tal-kunfidenzjalità aktar stretti.

Għall-fini ta’ proporzjonalità, it-talbiet għall-preżentazzjoni ta’ evidenza mressqa skont l-Artikolu 6, għal miżuri kawtelatorji skont l-Artikolu 7 u għall-forniment tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 jenħtieġ li jkunu rilevanti għall-prova tat-talba/talbiet inkwistjoni fil-proċedimenti legali kkonċernati. Madankollu, anki jekk parti mill-informazzjoni li tinsab fil-pussess tal-parti opposta se tkun kruċjali biex jintwera l-ksur allegat jew il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-konsegwenzi tiegħu, in-natura speċifika ta’ din l-informazzjoni f’ċerti każijiet tista’, pereżempju, xorta waħda tkun ta’ valur kummerċjali importanti tant kbir li jenħtieġ li ma tiġix iddivulgata lill-applikant. Skont il-feedback mill-evalwazzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jsibuha diffiċli li jindirizzaw dawn l-interessi kunfliġġenti, speċjalment meta l-partijiet ikunu kompetituri.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li t-tali Artikoli ma jipprevedux li t-tali informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tintuża fil-proċedimenti inkwistjoni. Minflok, dawn jipprevedu li l-informazzjoni trid tiġi protetta. F’ċerti Stati Membri 66 ġew introdotti miżuri biex id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali tkun tista’ ssir biss lill-qorti jew lil parti terza marbuta b'regoli speċifiċi dwar il-kunfidenzjalità. Barra minn hekk, l-Artikolu 60(3) tal-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi 67 jipprevedi l-possibbiltà li l-Qorti Unifikata tal-Privattivi (“QUP”) tordna spezzjoni tal-bini minn persuna maħtura mill-QUP. Filwaqt li l-applikant ma jistax ikun preżenti matul it-tali spezzjoni, dan jista’ jkun rappreżentat minn prattikant professjonist indipendenti li ismu jrid ikun speċifikat fl-ordni.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu, f’konformità mar-regoli dettaljati tad-dritt nazzjonali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq it-talba ta’ parti fil-proċedimenti, dwar mezzi xierqa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali meta t-tali informazzjoni tista’ tkun affettwata mill-miżuri previsti fl-Artikoli 6, 7 u 8. Filwaqt li dan mhuwiex meħtieġ b’mod espliċitu skont dawn id-dispożizzjonijiet, hi tqis li tali mezzi jistgħu jinkludu, meta jkunu ġġustifikati, il-possibbiltà li t-tali informazzjoni tiġi ppreżentata biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jew lil parti terza indipendenti u imparzjali li hi maħtura biex tassisti fil-proċedimenti jew fl-ispezzjonijiet bl-għan li tiddeskrivi u tissekwestra u li tkun soġġetta għal obbligi xierqa relatati mal-kunfidenzjalità. Kwalunkwe mezz bħal dan jenħtieġ li jiżgura li l-informazzjoni ma tiġix iddivulgata lill-applikant, lil parti oħra fil-proċedimenti jew lill-pubbliku ġenerali, filwaqt li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għad-drittijiet ta’ difiża tal-applikant jew ta’ partijiet oħra bħal dawn 68 .

Jenħtieġ li jingħata effett għall-obbligu li jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali stabbilit fl-Artikoli 6, 7 u 8 tal-IPRED permezz ta’ mezzi xierqa li jipprovdu s-salvagwardji neċessarji. Mezzi xierqa bħal dawn jistgħu jinkludu l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jew l-ispezzjoni ta’ bini bl-għan li tiġi deskritta jew issekwestrata biss minn ċerti partijiet terzi indipendenti u imparzjali.

5.L-importanza tal-garanziji

L-IPRED tippreskrivi li l-miżuri għall-preservazzjoni tal-evidenza (l-Artikolu 7(2)) u l-miżuri proviżorji (l-Artikolu 9(6)) jistgħu jkunu soġġetti għall-preżentazzjoni min-naħa tal-applikant ta’ garanzija adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti biex jiġi żgurat kumpens għal kwalunkwe preġudizzju mġarrab mill-konvenut. Tali garanziji jew assigurazzjonijiet huma strument importanti mhux biss biex jiġi kkumpensat it-tali dannu ex post fejn ikun hemm bżonn, iżda anki biex jiġi evitat l-abbuż potenzjali tal-miżuri previsti mill-IPRED. F'dak ir-rigward, l-obbligi speċifiċi previsti fl-Artikoli 7(2) u 9(6) jimplimentaw l-obbligu ġenerali fl-Artikolu 3(2), b’mod partikolari li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti mid-Direttiva jridu jiġu applikati b’tali mod li jipprovdu salvagwardji kontra l-abbuż tagħhom.

Madankollu, l-Artikolu 3(2) jistipula wkoll li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, skont l-Artikolu 3(1), ġusti u ekwi u ma jridux ikunu għaljin mingħajr bżonn. Dan jisħaq li filwaqt li l-abbuż irid jiġi evitat, il-mezzi biex isir hekk ma jistgħux ikunu tali li jidħlu f’kunflitt ma’ dawn l-aħħar rekwiżiti. Dan ifisser, pereżempju, li jenħtieġ li l-garanziji li jridu jiġu ppreżentati biex jingħataw il-miżuri proviżorji ma jiġux stabbiliti f’livelli tali li fil-prattika l-applikanti ma jibqgħux japplikaw għall-miżuri proviżorji inkwistjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-SMEs, peress li l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' qorti ċivili, flimkien mar-riskju li jitilfu l-kawża u li jkollhom iħallsu t-tariffi taż-żewġ partijiet, huma deterrent importanti għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi proċedimenti ta' qorti ċivili 69 .

Il-ħtieġa li r-rikorrent jippreżenta garanzija adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti bħala prekundizzjoni għall-ħruġ ta’ miżuri proviżorji u kawtelatorji f’konformità mal-Artikoli 7 u 9 tal-IPRED tista’ tkun mezz xieraq biex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ dawn il-miżuri. Meta jiġi ddeterminat x’garanzija jew x’assigurazzjoni ekwivalenti għandha titqies adegwata f’każ partikolari, jenħtieġ li jiġu meqjusa, fost l-oħrajn, il-kapaċità ekonomika tal-applikant u l-effetti potenzjali fuq l-effikaċja tal-miżuri li ssir applikazzjoni għalihom, b’mod partikolari għall-SMEs.

6.Il-possibbiltajiet u l-merti ta’ nota kawtelatorja

L-Artikolu 7(1) tal-IPRED jipprevedi l-possibbiltà, f’każijiet xierqa, li jinħarġu miżuri għall-preservazzjoni tal-evidenza mingħajr ma tkun instemgħet il-parti l-oħra (jiġifieri ex parte), b’mod partikolari meta xi dewmien x'aktarx jikkawża dannu irreparabbli għad-detentur tad-drittijiet jew meta jkun hemm riskju dimostrabbli li qed tinqered l-evidenza. B’mod simili, kif previst fl-Artikolu 9(4) tal-IPRED, miżuri proviżorji u kawtelatorji jistgħu jinħarġu ex parte b’mod partikolari meta kwalunkwe dewmien ikun jikkawża dannu irreparabbli għad-detentur tad-drittijiet. F’każijiet bħal dawn, minħabba n-natura urġenti u/jew il-ħtieġa li l-konvenut ma jiġix informat minn qabel, id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-miżuri tittieħed fuq bażi unilaterali mingħajr notifika minn qabel u smigħ. B’hekk, il-konvenut ma jingħata ebda opportunità li jippreżenta argumenti għad-difiża tiegħu, anki jekk il-konvenut jista’ jġarrab dannu minħabba s-severità possibbli tal-impatt tal-miżura mogħtija.

L-Artikoli 7 u 9 jipprevedu għadd ta’ salvagwardji, b’mod partikolari l-fatt li tali mandati ex parte jistgħu jingħataw biss għal raġunijiet speċifiċi, iridu jiġu kkomunikati minnufih lill-konvenut wara l-eżekuzzjoni tagħhom u jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju ex post, li fih il-konvenut ikun jista’ jinstema’. Minkejja dan, il-fatt jibqa’ li tali miżuri ex parte jaffettwaw b’mod sinifikanti d-dritt fundamentali tal-konvenut li jinstema’ u jiddefendi lilu nnifsu fil-qorti, li huwa parti mid-dritt fundamentali għal proċess ġust 70 . Għaldaqstant, fil-prinċipju, il-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ smigħ jenħtieġ li jiġu imposti biss skont dawn l-Artikoli filwaqt li jiġu pprovduti s-salvagwardji neċessarji u sa fejn it-tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji biex jiżguraw id-drittijiet għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-applikant, li wkoll huma drittijiet fundamentali ggarantiti skont il-Karta.

Biex jinkiseb bilanċ ġust bejn dawn l-interessi u d-drittijiet fundamentali kunfliġġenti, ċerti Stati Membri (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u Spanja) u r-Regola 207 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi 71 jipprevedu l-istrument ta’ nota kawtelatorja (magħrufa bħala “protective brief”, “protective letter” jew “protective writ”). Permezz ta’ nota kawtelatorja, konvenut li jibża’ li se jiġi mħarrek minħabba ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (pereżempju, minħabba li rċieva ittra ta’ twissija mingħand id-detentur tad-drittijiet) jinforma lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti minn qabel, (jiġifieri saħansitra qabel ma ssir l-applikazzjoni) bir-raġuni għaliex it-talba potenzjali dwar ksur mhix iġġustifikata, skont il-konvenut. L-iskop ewlieni tan-nota kawtelatorja huwa li tipprovdi lill-awtoritajiet ġudizzjarji bl-aktar ammont ta’ informazzjoni rilevanti possibbli, bla ma jinstemgħu l-konvenuti ladarba ssir l-applikazzjoni għal mandat preliminari, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni.

Għalkemm mhuwiex previst b’mod espliċitu fl-IPRED, l-istrument ta’ nota kawtelatorja jista’ jitqies bħala strument tajjeb li jgħin biex jinstab bilanċ, b’mod ġust u proporzjonat, bejn id-diversi interessi u d-drittijiet fundamentali kunfliġġenti inkwistjoni b’rabta mal-possibbiltà ta’ teħid ta’ miżuri ex parte stipulati fl-Artikoli 7(1) u 9(4) tal-IPRED.

IV.L-IŻGURAR TA’ INFURZAR EFFETTIV TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI, INKLUŻ F’KUNTEST DIĠITALI

Il-fokus ta’ dan il-kapitolu huwa fuq il-kwistjoni ta’ mandati u ta’ intermedjarji. Il-fehmiet espressi fil-konsultazzjoni pubblika juru li d-detenturi tad-drittijiet jikkunsidraw il-mandati preliminari bħala strument essenzjali biex jipproteġu drittijiethom. Barra minn hekk, kif spjegat fid-Direttiva dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (“Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni”) 72 , fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari s-servizzi tal-intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet ta’ ksur; f’ħafna każijiet, tali intermedjarji jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet ta’ ksur.

1.Mandati u responsabbiltà

L-IPRED tistabbilixxi żewġ tipi ta’ mandati. L-ewwel, skont l-Artikolu 9(1)(a), l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni li japplikaw għal mandat interlokutorju kontra kontraventur jew intermedjarju. L-għan ta’ tali mandati huwa li jipprevjenu ksur imminenti jew li jipprojbixxu l-kontinwazzjoni ta’ ksur. It-tieni, l-Artikolu 11 jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li, fi proċedimenti dwar il-merti tal-każ, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu joħorġu mandat kontra l-kontraventur biex jipprojbixxu l-kontinwazzjoni tal-ksur, jew kontra intermedjarju li mhux biss ikollu l-għan li jtemm il-ksur iżda anki li jipprevjeni ksur ulterjuri 73 .

F’dan il-kuntest, importanti li jiġi enfasizzat li d-dritt tal-UE jagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ responsabbiltà u l-possibbiltà li jinħarġu mandati kontra intermedjarju kif stabbilit fl-Artikoli 9(1)(a) u 11 tal-IPRED 74 . Il-QtĠ ikkonfermat li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 11 tal-IPRED japplika “indipendentement mir-responsabbiltà eventwali tiegħu [jiġifieri tal-intermedjarju] fil-fatti kkontestati 75 . 

Il-possibbiltà li jinħareġ mandat kontra intermedjarju abbażi tal-Artikoli 9(1)(a) u 11 tal-IPRED ma tiddependix mir-responsabbiltà tal-intermedjarju għall-ksur (allegat) inkwistjoni. Konsegwentement, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ma jistgħux jeħtieġu lill-applikanti juru li l-intermedjarju huwa responsabbli, anki b’mod indirett, għal ksur (allegat), bħala kundizzjoni biex jinħareġ il-mandat.

2.Kjarifika tal-kunċett ta’ intermedjarju

Fl-Artikoli 9(1)(a) u 11 tagħha, l-IPRED tirreferi għall-possibbiltà li jinħarġu mandati kontra kwalunkwe “intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”. Id-Direttiva ma tispeċifikax liema operaturi ekonomiċi għandhom jitqiesu bħala intermedjarji għall-fini tad-Direttiva.

Il-QtĠ iċċarat li operatur ekonomiku jista’ jikkwalifika bħala intermedjarju fi ħdan it-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta jipprovdi servizz li jista' jintuża minn persuna oħra waħda jew aktar biex jiksru wieħed jew aktar mid-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jew biex jaċċessaw kontenut jew oġġetti kontraventorji 76 . Biex ikun ikkwalifikat bħala tali, l-operatur ekonomiku m’għandux bżonn ikollu relazzjoni speċifika, pereżempju permezz ta’ rabta kuntrattwali, ma’ dawk il-persuni l-oħra 77 .

Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Artikoli 9(1)(a) u 11 tad-Direttiva mhix limitata għal grupp speċifiku ta’ intermedjarji iżda hija mifruxa fuq setturi differenti, u tinkludi kemm servizzi offline kif ukoll online 78 .

Il-QtĠ iddikjarat b’mod speċifiku li l-fornituri tas-servizzi tal-internet 79 , il-pjattaformi ta’ networking soċjali 80 , is-swieq online 81 u l-kerrejja ta’ swali tas-suq 82 jenħtieġ li jitqiesu bħala intermedjarji fiċ-ċirkostanzi tal-fatti inkwistjoni fil-proċedimenti legali inkwistjoni.

Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-QtĠ disponibbli sal-lum, il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li din hija lista eżawrjenti u li, għalhekk, firxa ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jipprovdu servizzi li jistgħu jintużaw minn persuni oħra biex jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali wkoll tista’ taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ intermedjarju tad-Direttiva, li għandu jiġi ddeterminat fuq bażi ta’ każ b’każ. Fil-fehma tal-Kummissjoni, operaturi ekonomiċi bħal dawn jistgħu, skont il-każ, potenzjalment jinkludu pereżempju fornituri ta’ ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fornituri ta' servizzi tal-posta u tal-pakketti postali, kumpaniji tat-trasport u tal-loġistika u bejjiegħa bl-imnut.

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-Artikoli 9(1)(a) u 11 jenħtieġ li jiġu interpretati u applikati fid-dawl tar-rekwiżiti ġenerali tal-Artikolu 3 u d-drittijiet fundamentali applikabbli protetti fl-ordni legali tal-UE. Għalhekk, minn naħa, l-involviment ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi, li huma nfushom ma kinux involuti f’attivitajiet ta’ ksur, fil-proċess ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skont l-IPRED jistgħu jkunu meħtieġa jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni li jinfurzaw drittijiethom b’mod effettiv. Min-naħa l-oħra, f’każ partikolari jista’ ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għal tali involviment meta s-servizzi pprovduti jkunu daqstant imbiegħda jew immaterjali mill-ksur (allegat) li l-operatur ekonomiku inkwistjoni b’mod raġonevoli ma jistax ikun mistenni li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal tali infurzar effettiv, li jfisser li l-involviment tiegħu jkun sproporzjonat u impenjattiv iżżejjed 83 .

L-operaturi ekonomiċi li jipprovdu servizz li jista’ jintuża minn persuni oħra biex jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu, skont il-fatti tal-każ inkwistjoni, jikkwalifikaw bħala intermedjarji skont it-tifsira tal-Artikoli 9(1)(a) u 11 tal-IPRED, anki fin-nuqqas ta’ relazzjoni speċifika, bħal rabta kuntrattwali, bejn dawk iż-żewġ partijiet.

3.L-iżgurar ta’ reġim ibbilanċjat għall-mandati u għall-intermedjarji

Fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi li tipikament ikun meħtieġ b’rabta mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tar-reġim tal-IPRED dwar il-mandati u l-intermedjarji, minbarra dawn li ssemmew s’issa, tipikament hemm żewġ kwistjonijiet oħra li huma ta’ importanza partikolari, jiġifieri l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe mandat maħruġ u l-filtrazzjoni.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati

Filwaqt li inizjalment huwa l-applikant li għandu jispeċifika fl-applikazzjoni tiegħu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mandat li huwa jqis li huwa xieraq għall-prevenzjoni ta’ ksur imminenti jew biex jitwaqqaf ksur li jinsab għaddej, hija l-awtorità ġudizzjarja kompetenti li għandha tiddeċiedi dwar dik l-applikazzjoni. Għaldaqstant, hija wkoll l-awtorità ġudizzjarja kompetenti li tiddetermina liema miżuri għandhom jittieħdu (jekk ikun hemm) mill-konvenut. Jenħtieġ li dik l-awtorità ġudizzjarja tivvaluta l-applikazzjoni billi billi jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tal-każ (ara l-Premessa 17 tal-IPRED) u kwalunkwe mandat maħruġ irid ikun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mar-rekwiżiti ġenerali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 3 kif ukoll id-drittijiet fundamentali applikabbli.

Għaldaqstant l-awtorità ġudizzjarja kompetenti jenħtieġ li ma toħroġx mandati li jeħtieġu t-teħid ta’ miżuri li jmorru lil hinn minn dak li hu xieraq u neċessarju fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni biex jiġi evitat ksur imminenti jew tiġi pprojbita l-kontinwazzjoni ta’ ksur. Għalhekk, kwalunkwe mandat maħruġ jenħtieġ li jkun kapaċi jkun effettiv, iżda jenħtieġ li jkollu l-kamp ta’ applikazzjoni minimu neċessarju biex jintlaħaq dan l-objettiv. Ma hemmx bżonn li l-miżuri meħtieġa mill-mandat iwasslu għal waqfien totali tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; f’ċerti ċirkostanzi jista’ jkun biżżejjed li dawn jagħmlu l-atti ta’ ksur diffiċli jew jiskoraġġuhom serjament 84 . Fl-istess ħin, id-destinatarju tal-mandat jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ jagħmel sagrifiċċji insopportabbli 85 .

F’litigazzjoni relatata mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-QtĠ indikat 86 li l-miżuri adottati minn fornitur tas-servizz tal-Internet, bħala intermedjarju li lilu kien indirizzat il-mandat, iridu jkunu strettament immirati. B’mod aktar speċifiku, tali miżuri jridu jservu biex itemmu l-ksur minn parti terza tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat iżda mingħajr ma jaffettwaw bla bżonn lill-utenti tal-internet li jkunu qed jużaw is-servizzi tal-fornitur biex jaċċessaw informazzjoni b'mod legali. Fiċ-ċirkostanzi ta’ dak il-każ il-QtĠ sabet li, fin-nuqqas ta’ dan, l-interferenza tal-fornitur fil-libertà tal-informazzjoni ta’ dawk l-utenti ma tkunx iġġustifikata fid-dawl tal-objettiv imfittex. Kif ġie osservat hawn fuq 87 , fir-rigward tal-intermedjarji, il-QtĠ iċċarat ukoll li l-mandati jistgħu jservu mhux biss biex itemmu l-ksur, iżda wkoll biex jipprevjenu ksur ulterjuri.

Għalhekk, f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ ċertu kontenut online, jista’ jkun xieraq li mandat indirizzat lil intermedjarju ikun jeżiġi li dan l-intermedjarju jneħħi dak il-kontenut jew iwaqqaf l-aċċess għalih. B’mod ġenerali, it-talba li jiġi mblokkat l-aċċess għas-sit web kollu tista’ tkun eċċessiva, għalkemm jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tqis li dan huwa neċessarju u proporzjonat (eż. f’każijiet ta’ ksur fuq skala kbira jew ksur li jseħħ b’mod strutturat). Fil-fehma tal-Kummissjoni, kwalunkwe deċiżjoni bħal din dejjem jenħtieġ li tittieħed f’funzjoni tal-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni.

Il-QtĠ iċċarat ukoll 88 li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jiddeskrivux b’mod espliċitu l-miżuri speċifiċi li l-fornitur irid jieħu biex jikseb ir-riżultat fil-mira. Madankollu, il-QtĠ għamlitha ċara wkoll li f’każijiet bħal dawn, iridu jiġu rrispettati għadd ta’ kundizzjonijiet, b’mod partikolari li l-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li hu raġonevoli, jiġi rispettat il-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt, ikun hemm konformità mad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati inkluża l-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet, il-miżuri jiġu strettament immirati u li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkollhom il-possibbiltà jivverifikaw li dawn il-kundizzjonijiet ġew irrispettati, b’mod partikolari billi l-utenti tal-internet ikkonċernati jkollhom il-possibbiltà jasserixxu d-drittijiet tagħhom ladarba jsiru magħrufa dawk il-miżuri.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, filwaqt li l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq hija relatata mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-prinċipji artikolati fiha jenħtieġ li jiġu applikati b’mod analogu wkoll b’rabta mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li mhumiex drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

Mandati maħruġa skont l-Artikoli 9(1)(a) u 11 tal-IPRED jenħtieġ li jkunu effettivi, iżda jenħtieġ li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju u proporzjonat fiċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni biex jiksbu dak l-objettiv. Jista’ jkun biżżejjed li jagħmlu l-atti ta’ ksur inkwistjoni diffiċli jew jiskoraġġuhom serjament, mingħajr ma bilfors iwasslu għall-waqfien assolut tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QtĠ, id-destinatarju tal-mandat ma jistax ikun meħtieġ jagħmel “sagrifiċċji insopportabbli” 89 . Il-miżuri imposti jridu jkunu preċiżi u effettivi biżżejjed, bla ma jkun meħtieġ li miżura bilfors trid tiggarantixxi li ttemm il-ksur 90 . Il-konformità mad-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha involuti jenħtieġ li tiġi żgurata f’dan ir-rigward, inklużi dawk ta’ partijiet terzi li jistgħu jkunu affettwati mill-miżuri meħuda biex tinżamm il-konformità mal-mandat bħall-utenti tal-internet.

Sistemi ta’ filtrazzjoni

Trid issir distinzjoni bejn mandat li jeħtieġ it-tneħħija ta’ kontenut kontraventorju speċifiku wieħed jew aktar minn sit web u mandat li finalment jista’ jirriżulta fl-obbligu għall-intermedjarju biex jissorvelja b’mod attiv il-kontenut kollu mqiegħed għad-dispożizzjoni f’post partikolari biex jiġi żgurat li l-ebda wieħed mill-oġġetti individwali ma jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jimponu obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ fuq intermedjarji online skont it-tifsira tal-Artikoli 12-14 ta’ dik id-Direttiva 91 . Obbligu bħal dan ikun inkompatibbli wkoll mar-rekwiżiti ġenerali ta’ ekwità, ta’ proporzjonalità u ma’ kwalunkwe miżura li ma tkunx għalja wisq stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-IPRED 92 .

Fil-kawżi Scarlet Extended 93 u SABAM 94 , il-QtĠ elaborat dwar il-limiti għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mandat li jirriżulta minn dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll mid-drittijiet fundamentali applikabbli tal-partijiet ikkonċernati. Fis-sustanza tagħha, Scarlet Extended kienet sistema li kellha tiġi installata minn fornitur tas-servizz tal-Internet għall-filtrazzjoni:

·tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jgħaddu mis-servizzi tagħha, b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-użu ta’ softwer “peer-to-peer”,

·li tapplika b’mod indiskriminat għall-klijenti tiegħu,

·bħala miżura preventiva,

·esklużivament bl-ispejjeż imħallsa minnu, u

·għal perjodu bla limitu,

li kapaċi tidentifika fuq in-netwerk tal-fornitur il-moviment ta’ fajls elettroniċi li jkun fihom xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv li fir-rigward tiegħu l-applikant jiddikjara li għandu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bl-għan li jiġi mblokkat it-trasferiment tal-fajls li l-qsim tagħhom jikser id-drittijiet tal-awtur. Il-kawża SABAM kienet tikkonċerna sistema li hija fil-biċċa l-kbira simili, li kellha tiġi installata minn fornitur ta’ servizz ta’ hosting fir-rigward tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu.

Fiż-żewġ każijiet, il-QtĠ sabet li l-ħtieġa li l-fornituri kkonċernati jinstallaw sistemi ta’ filtrazzjoni ġenerali bħal dawn ma tkunx kompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u mal-Artikolu 3 tal-IPRED, flimkien mar-rekwiżiti u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli.

Fl-istess ħin, il-Premessa 47 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tfakkar li l-Artikolu 15(1) jikkonċerna biss l-obbligi ta’ monitoraġġ ta’ natura ġenerali u awtomatikament ma jkoprix l-obbligi ta’ monitoraġġ f’każ speċifiku. B’mod partikolari, ma jaffettwax l-ordnijiet magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Premessa 48 tgħid ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu lill-fornituri tas-servizzi kkonċernati biex japplikaw dmirijiet ta’ diliġenza raġonevoli sabiex jiġu identifikati u evitati ċerti tipi ta’ attivitajiet illegali.

Għalhekk, fejn xieraq u fi ħdan il-limiti tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jistgħu jiġu imposti ċerti obbligi relatati mad-diliġenza dovuta eż. fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting online bl-għan li jiġi evitat it-tlugħ ta’ kontenut kontraventorju identifikat mid-detenturi tad-drittijiet u f’kooperazzjoni magħhom 95 .

Meta l-intermedjarji jiġu ordnati biex jieħdu ċerti miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ ksur ulterjuri f’konformità mal-Artikoli 9(1)(a) jew 11 tal-IPRED, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fejn xieraq, joħorġu mandati li jinvolvu obbligi speċifiċi ta’ monitoraġġ. Madankollu, il-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali għall-monitoraġġ li tirriżulta mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u mill-Artikolu 3 tal-IPRED, flimkien mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali applikabbli, tipprekludi lill-intermedjarji milli jsiru soġġetti, permezz ta’ mandati bħal dawn għal obbligi li jeħtiġuhom jinstallaw u joperaw sistemi ta’ filtrazzjoni li jkunu ġeneriċi wisq, mhux speċifiċi u għaljin tat-tip u fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawżi Scarlet Extended u SABAM.

4.Mandati li jħarsu ’l quddiem, ikopru katalogi sħaħ u dinamiċi

Hemm differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mandat maħruġ minn awtorità ġudizzjarja kompetenti, b’mod partikolari dwar il-mod li bih jista’ jindirizza ksur imminenti jew ripetittiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Filwaqt li huma disponibbli f’ċerti ġurisdizzjonijiet bħall-Irlanda u r-Renju Unit, mandati li jkopru katalogi sħaħ jew repertorji sħaħ 96 mhumiex disponibbli fl-Istati Membri kollha.

Barra minn hekk, f’ċerti każijiet il-mandati jistgħu jitilfu ċerta effikaċja minħabba tibdiliet fis-suġġett li fir-rigward tiegħu ġie ordnat il-mandat. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ ta’ sit web li jimblokka mandati, fejn awtorità ġudizzjarja kompetenti toħroġ il-mandat b'referenza għal ċerti ismijiet ta’ dominju speċifiku, filwaqt li siti web mirja faċilment jistgħu jidhru taħt ismijiet ta’ dominju ieħor u, b’hekk, jibqgħu mhux affettwati mill-mandat.

Dawn jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' mandati dinamiċi. Dawn huma mandati li jistgħu jinħarġu pereżempju f’każijiet li fihom materjalment l-istess sit web isir disponibbli eżatt wara l-ħruġ tal-mandat b’indirizz IP differenti jew b’URL differenti u li jitfasslu b’tali mod li jkunu jistgħu jkopru wkoll l-indirizz IP jew il-URL il-ġdid mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura ġudizzjarja ġdida biex jinkiseb mandat ġdid. Il-possibbiltà li jinħarġu mandati bħal dawn teżisti fost l-oħrajn fir-Renju Unit u fl-Irlanda. Dan l-objettiv jista' jintlaħaq ukoll permezz ta’ intervent tal-awtorità pubblika jew tal-pulizija, kif seħħ f’każ speċifiku fil-Belġju 97 .

Kif ġie osservat aktar ’il fuq, mit-test huwa ċar li l-mandati interlokutorji previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tal-IPRED jistgħu jinħarġu għall-prevenzjoni ta’ ksur imminenti u l-QtĠ iċċarat 98 li, fir-rigward tal-intermedjarji, il-mandati msemmija fl-Artikolu 11 jistgħu jinħarġu wkoll għall-prevenzjoni ta’ ksur ulterjuri. Apparti minn hekk, bħalissa ma hemm ebda indikazzjoni ċara rigward il-kompatibbiltà mal-IPRED jew rigward il-ħtieġa għal tali mandati skont l-IPRED. Fil-fehma tal-Kummissjoni, jenħtieġ li dan jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ, peress li hu mifhum li, f'dak li għandu x’jaqsam ma’ mandati kontra intermedjarji, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri rilevanti fil-prinċipju għandhom jiġu speċifikati fid-dritt nazzjonali 99 . Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq l-objettiv imfittex minn dawn iż-żewġ Artikoli, ir-rekwiżiti ġenerali tal-Artikolu 3 tal-IPRED kif ukoll id-drittijiet fundamentali applikabbli.

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li ċerti Stati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jinħarġu mandati li jħarsu ’l quddiem, ikopru katalogi sħaħ u dinamiċi. Filwaqt li din il-kwistjoni mhix indirizzata b’mod espliċitu fl-IPRED, il-Kummissjoni tqis li, dment li jiġu pprovduti s-salvagwardji neċessarji, dawn il-mandati jistgħu jkunu mezz effettiv għall-prevenzjoni tal-kontinwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

5.Evidenza diġitali

F'ċerti każijiet, il-ġbir, il-preżentazzjoni u l-preservazzjoni tal-evidenza ta’ ksur imwettaq online jistgħu jkunu sfida qawwija. Id-Direttiva ma tirreferix b’mod espliċitu għall-użu u għall-preżentazzjoni ta’ evidenza diġitali fi proċedimenti għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Matul l-evalwazzjoni ġie enfasizzat li l-evidenza mhix faċli li tinżamm f’forma diġitali u li l-immaġni tal-kontenut ta’ paġna fuq il-web f’ċertu waqt (l-hekk imsejħa “ritratti tal-iskrin”) f’ċerti sitwazzjonijiet ma jiġux aċċettati bħala evidenza mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti f’ċerti Stati Membri. Madankollu, l-użu tar-ritratti tal-iskrin huwa wieħed mill-aktar modi komuni kif jintwera li twettqet ċerta attività fl-ambjent online. Fil-prattika, ritratt tal-iskrin jista’, pereżempju, juri karatteristika tad-distribuzzjoni online ta’ oġġett kontraventorju, peress li l-kontenut ta’ paġna fuq il-web jista’ juri x’tip ta’ oġġett kien disponibbli għall-bejgħ, mingħand min, f’liema territorju u għal liema udjenza kien immirat. B’hekk, dawn jistgħu jgħinu lid-detenturi tad-drittijiet biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv f’kuntest online wkoll. Bl-istess mod, il-konvenuti jistgħu jagħżlu li jiddependu fuq ritratti tal-iskrin biex jikkontestaw allegazzjonijiet ta’ mġiba kontraventorja.

F’ċerti Stati Membri 100 , il-prattika attwali tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti hija li jilqgħu r-ritratti tal-iskrin bħala evidenza, dment li dawn ikunu ttieħdu minn nutar jew minn uffiċjal ġudizzjarju u li dawn jindikaw l-oġġetti jew is-servizzi li allegatament huma kontraventorji b’mod viżibbli u preċiż biżżejjed. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kwalunkwe regola espliċita f’dan ir-rigward, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-IPRED ma jistax jingħad li bilfors jeżiġi prattika bħal din. Madankollu, fil-fehma tagħha, b’mod ġenerali dan l-approċċ huwa kompatibbli mal-IPRED. Jista’ jitqies bħala l-aħjar prattika, peress li jista’ jkun mod tajjeb kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet imsemmija aktar ’il fuq tal-partijiet filwaqt li jiġi żgurat li teżisti biżżejjed ċertezza rigward il-preċiżjoni u l-affidabilità tal-evidenza li fuq il-bażi tagħha l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tiddeċiedi l-każ.

Il-possibbiltà li teżisti fil-liġijiet nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri li jippermettu li ritratti tal-iskrin jintlaqgħu bħala evidenza fi proċedimenti legali miftuħa skont l-IPRED, dment li dawn ikunu jindikaw l-allegati oġġetti jew servizzi kontraventorji b’mod viżibbli u preċiż biżżejjed u jikkonformaw ma’ ċerti salvagwardji proċedurali, fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn jistgħu jitqiesu bħala l-aħjar prattika. Skont is-sistemi legali nazzjonali, salvagwardji bħal dawn jistgħu jinkludu pereżempju l-obbligu li evidenzi bħal dawn jittieħdu minn nutar jew minn uffiċjal ġudizzjarju.

V.L-IŻGURAR TAD-DIMENSJONI TAS-SUQ UNIKU GĦALL-INFURZAR TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

1.Il-kjarifika ta’ liema drittijiet huma koperti mid-Direttiva

L-IPRED tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwal 101 (l-Artikolu 1). Id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif previst mil-liġi tal-Unjoni u/jew mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, għalkemm id-Direttiva ma taffettwax il-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jew nazzjonali, sa fejn dawk il-mezzi jistgħu jkunu aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet (l-Artikolu 2(1)) 102 . L-IPRED tapplika mingħajr ma taffettwa d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-infurzar tad-drittijiet u l-eċċezzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur (l-Artikolu 2(2)). Ma taffettwax id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali jew id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku b’mod ġenerali, u b’mod partikolari l-Artikoli 12 sa 15 ta’ dik id-Direttiva (l-Artikolu 2(3) tal-IPRED).

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti mid-Direttiva

Filwaqt li d-Direttiva ma tipprovdix lista tad-drittijiet speċifiċi li huma meqjusa bħala drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-finijiet tagħha, il-Premessa 13 tispjega li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jenħtieġ li jiġi ddefinit bl-usa’ mod possibbli biex jiġu koperti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE f'dan il-qasam u/jew taħt il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

Fl-2005, il-Kummissjoni ħarġet Stqarrija li mhix legalment vinkolanti 103 dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva biex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. F’din id-Dikjarazzjoni l-Kummissjoni indikat li mill-inqas id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ġejjin huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva:

·id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur,

·id-dritt sui generis ta’ kreatur ta’ bażijiet tad-dejta,

·id-drittijiet tal-kreatur tat-topografiji ta’ prodott semikunduttur,

·id-drittijiet tat-trademark,

·id-drittijiet tad-disinn,

·id-drittijiet tal-privattivi, inklużi d-drittijiet li ġejjin minnċertifikat supplimentari ta’ protezzjoni,

·l-indikazzjonijiet ġeografiċi,

·id-drittijiet ta’ mudell ta’ utilità,

·id-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti,

·l-ismijiet kummerċjali, sakemm dawn ikunu protetti mid-drittijiet tal-proprjetà esklussiva fil-liġi nazzjonali kkonċernata.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati fid-Direttiva jenħtieġ li xorta waħda jkunu disponibbli fil-proċedimenti ta' ksur dwar kwalunkwe wieħed mid-drittijiet elenkati fl-Istqarrija tagħha tal-2005.

Ir-rabta mad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali

Madankollu, għad hemm xi inċertezzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ drittijiet oħra protetti skont il-liġi nazzjonali, bħall-ismijiet tad-dominju, is-sigrieti kummerċjali u atti oħra spiss koperti mil-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni inġusta (eż. kopji parassitiċi). Filwaqt li skont il-Premessa 13 tal-IPRED l-Istati Membri jistgħu jestendu, għal finijiet interni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal atti ta’ kompetizzjoni inġusta, inklużi l-kopji parassitiċi jew attivitajiet simili, dawn mhumiex obbligati jagħmlu dan. Mill-valutazzjonijiet li saru s’issa 104 jidher li l-ebda Stat Membru ma ddeċieda li jestendi id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal tali atti.

L-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali 105 fl-2016 ġabet magħha ċerta kjarifika dwar l-atti koperti s’issa mil-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni inġusta. Id-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali tindika li jenħtieġ li din ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe liġi rilevanti oħra f’oqsma oħra, inkluż id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li meta l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkoinċidi mal-IPRED 106 jenħtieġ li din titqies bħala lex specialis. Għaldaqstant, ladarba titlesta t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali 107 , kull min iġarrab il-konsegwenzi ta’ atti li jistgħu jiġu interpretati bħala akkwiżizzjoni, użu jew divulgazzjoni illegali ta’ sigrieti kummerċjali, kif iddefinit f’dik id-Direttiva, l-ewwel nett se jkun f’pożizzjoni li jibbenefika mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali. Minkejja dan, għall-atti kollha ta’ kompetizzjoni inġusta rregolati fil-livell nazzjonali li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali, se japplikaw ir-regoli ġenerali; id-dispożizzjonijiet tal-IPRED se jkunu applikabbli biss jekk l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali f’konformità mal-Premessa 13 tal-IPRED.

Għas-sigrieti kummerċjali, id-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali tapplika bħala lex specialis fir-rigward tal-IPRED.

Għall-atti kollha ta’ kompetizzjoni inġusta rregolati mil-liġi nazzjonali li ma jikkonċernawx il-ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fi ħdan it-tifsira tal-IPRED, u ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali, id-dispożizzjonijiet tal-IPRED japplikaw biss meta Stat Membru jiddeċiedi li jestendi, għal skopijiet interni, dawk id-dispożizzjonijiet għall-atti inkwistjoni.

2.Proċedimenti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

Fl-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva tirreferi b’mod speċifiku għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. F’dan il-kuntest, issemmiet il-possibbiltà li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva fi proċedimenti mmirati lejn l-invalidazzjoni tad-drittijiet.

Il-QtĠ iċċarat 108 li filwaqt li d-Direttiva tapplika għall-proċedimenti li għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, din ma tapplikax għal proċedimenti ta’ invalidazzjoni, fejn persuna li ma tkunx is-sid ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, tikkontesta l-protezzjoni mogħtija lis-sid tad-drittijiet korrispondenti.

Barra minn hekk, il-QtĠ iddikjarat 109 li d-Direttiva ma tapplikax għal proċedimenti li fihom dawk responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust jiftħu kawża quddiem il-qorti ta’ riferiment għal deċiżjoni kontra l-korp responsabbli għall-ġbir ta’ dik ir-remunerazzjoni u għad-distribuzzjoni tagħha lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, li jiddefendi dik l-azzjoni.

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti fl-IPRED ma jistgħux jiġu invokati fi proċedimenti għall-invalidazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u lanqas fi proċedimenti li jinvolvu kawża għall-ħlas ta’ kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur miftuħa kontra l-korp responsabbli għall-ġbir u għad-distribuzzjoni ta’ tali remunerazzjoni.

3.Intitolament għall-applikazzjoni ta’ miżuri, proċeduri u rimedji

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jindika li, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri jridu jirrikonoxxu lil dawn li ġejjin bħala persuni intitolati li japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji previsti fid-Direttiva: (i) id-detenturi ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, (ii) il-persuni l-oħra kollha li huma awtorizzati jużaw dawk id-drittijiet, b’mod partikolari d-detenturi ta’ liċenzja, (iii) il-korpi tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u (iv) l-korpi professjonali tad-difiża.

Id-detenturi ta’ liċenzja

L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva jindika li l-persuni li huma awtorizzati jużaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari d-detenturi ta’ liċenzja, sa fejn permess mid-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli u f’konformità ma’ dawn, huma intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji stabbiliti fid-Direttiva. Madankollu, kien hemm dubju dwar jekk detentur ta’ liċenzja huwiex intitolat ukoll li jitlob l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri jekk, minkejja li jikseb liċenzja mingħand detentur tad-drittijiet, id-detentur ta’ liċenzja, fejn rilevanti, ma jkunx irreġistra tali liċenzja f’reġistru xieraq.

Il-QtĠ iċċarat 110 li f’każ ta’ liċenzji maħruġa għal disinn Komunitarju rreġistrat (“RCD”) jew trademark tal-Unjoni Ewropea (“EUTM”), id-detentur ta’ liċenzja jista’ jiftaħ proċedimenti skont ir-Regolamenti inkwistjoni li jallegaw ksur tal-RCD/EUTM li jkunu s-suġġett tal-liċenzja, anki jekk dik il-liċenzja ma tkunx iddaħħlet fir-Reġistru tad-disinni Komunitarji jew fir-Reġistru tat-trademarks tal-UE rispettivament, u li jenħtieġ li dan id-detentur ta' liċenzja jkollu l-possibbiltà li japplika għal mandati.

Filwaqt li dawn is-sentenzi jistgħu jitqiesu bħala indikazzjonijiet li l-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 4(b) tal-IPRED, dan se jiddependi mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li għalihom dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu b’mod espliċitu biex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni legali tal-persuni inkwistjoni skont id-Direttiva.

Filwaqt li fil-ġurisprudenza relatata mar-Regolamenti tal-UE dwar id-disinni u t-trademarks, il-QtĠ iddikjarat li d-detenturi ta’ liċenzji għandhom il-pożizzjoni legali biex japplikaw għal mandati anki mingħajr reġistrazzjoni minn qabel. Għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali l-oħrajn, f’konformità mal-Artikolu 4(b) tal-IPRED, dawn il-kwistjonijiet jiddependu mil-liġi nazzjonali.

Il-korpi tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet u l-korpi professjonali tad-difiża

L-Artikolu 4(c) u (d) jistabbilixxi li l-korpi tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-PI u l-korpi professjonali tad-difiża, rispettivament, rikonoxxuti b’mod regolari bħala li għandhom id-dritt li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, huma intitolati li jfittxu l-applikazzjoni tal-mezzi ta’ infurzar ċivili prevista mid-Direttiva “safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli 111 . F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni tal-abbiltà tal-korpi kollettivi li jiftħu proċedimenti tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri.

Filwaqt li t-test użat f’dawn id-dispożizzjonijiet jindika li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni f’dan ir-rigward, diversi Stati Membri jipprevedu l-possibbiltà li dawn il-korpi jingħataw il-pożizzjoni legali biex jiftħu proċedimenti f’isem il-membri tagħhom, meta l-iskop tagħhom ikun li jiddefendu d-drittijiet tal-membri tagħhom u l-każ jitqies li huwa ta’ interess għal dawk il-membri 112 . Il-Kummissjoni tinnota li dan il-metodu jidher li ġeneralment itejjeb il-possibbiltà li jiġu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod effettiv, b’mod partikolari għaliex dawn il-korpi f’ċerti każijiet jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar u attrezzati aħjar (f’termini ta’ aċċess għal informazzjoni, għarfien espert, riżorsi umani, pożizzjoni finanzjarja, eċċ.) mid-detenturi ta’ drittijiet infushom biex effettivament jiftħu proċedimenti legali b’mod effettiv biex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fejn ikun hemm bżonn, b’mod partikolari meta d-detenturi ta’ drittijiet ikunu SMEs 113 .

Diversi Stati Membri ddeċidew li jużaw il-possibbiltà, stabbilita fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4 tal-IPRED, biex jintitolaw lill-korpi tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet u lill-korpi professjonali tad-difiża li huma rikonoxxuti b’mod regolari, bħala li għandhom id-dritt li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet fit-talba tagħhom għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fl-IPRED. Dan ġeneralment itejjeb l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, għalhekk, jista’ jitqies bħala l-aħjar prattika.

4.Preżunzjoni li persuna hija l-awtur jew is-sid

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli li persuna hija l-awtur jew is-sid favur il-persuna (l-awtur jew id-detentur tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur) li isimha jidher fuq ix-xogħol jew fuq materjal protett bil-mod tas-soltu. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-possibbiltajiet ta’ infurzar ta’ dawn il-persuni, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li jista’ jkun diffiċli li tiġi pprovduta prova li persuna hija l-awtur jew is-sid, speċjalment meta jkunu involuti diversi xogħlijiet.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom grad ta’ diskrezzjoni meta japplikaw l-Artikolu 5, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar meta u kif għandha tiġi pprovduta l-prova neċessarja għall-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni, peress li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda regola espliċita f’dan ir-rigward. Madankollu, din tinnota wkoll li dawn ir-regoli dettaljati u l-mod li bih huma applikati ma jistgħux ikunu tali li li jitfgħu dubju fuq l-effikaċja tal-Artikolu 5.

Il-preżunzjoni konfutabbli li persuna hija l-awtur jew is-sid prevista fl-Artikolu 5 tal-IPRED jenħtieġ li tiġi interpretata u applikata b’tali mod li jiġi ssalvagwardjat l-objettiv tagħha li tiffaċilita l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali rilevanti minn awturi u minn detenturi tad-drittijiet b’rabta mad-drittijiet tal-awtur.

5.Id-disponibbiltà ta’ ċerti miżuri speċifiċi

L-evidenza

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva jimponu obbligi fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm mezzi effettivi għall-preżentazzjoni u għall-preservazzjoni tal-evidenza. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiggarantixxu li l-informazzjoni meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ jekk seħħx xi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jekk iva, x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan, anki jekk l-applikant ma jkunx fil-pussess ta’ din l-informazzjoni, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-applikant u tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Madankollu, jenħtieġ li dawn il-proċeduri jieħdu f’kunsiderazzjoni d-drittijiet tal-konvenut u jipprovdu l-garanziji neċessarji, inklużi l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u l-protezzjoni tad-dejta personali u tal-ħajja privata 114 .

L-Artikolu 7(1) jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw, wara li jagħmlu applikazzjoni sostanzjata, miżuri proviżorji rapidi u effettivi biex jippreservaw l-evidenza tal-allegat ksur. Id-dritt ta’ preservazzjoni tal-evidenza jiġi applikat b’mod espliċitu qabel ma jibdew il-proċedimenti dwar il-merti, soġġett għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u dment li fil-liġi nazzjonali jiġu pprovduti s-salvagwardji u l-garanziji fakultattivi (kif imsemmija fl-Artikolu 7(2)) biex jiġu evitati abbużi potenzjali. Dan ifisser, b’mod partikolari, li l-applikant jista’ jippreżenta talba xierqa permezz ta’ proċedimenti preliminari, u f’ċerti każijiet permezz ta’ proċedimenti ex-parte 115 .

F’ċerti Stati Membri jibqa’ diffiċli li ssir applikazzjoni għal miżuri kawtelatorji proviżorji bħal dawn qabel ma jkunu effettivament bdew il-proċedimenti dwar il-merti tal-każ 116 . Madankollu, it-test tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jindika li jenħtieġ li talbiet għal tali miżuri ma jiġux miċħuda sempliċiment għaliex għadhom ma tnedewx il-proċedimenti dwar il-merti.

Id-dritt għall-informazzjoni

Il-fehmiet espressi fil-konsultazzjoni pubblika indikaw inċertezza dwar jekk id-dritt għall-informazzjoni tal-Artikolu 8 tal-IPRED jistax jiġi eżerċitat qabel ma jinħareġ kwalunkwe ġudizzju dwar il-merti tal-każ li jikkonċerna ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 117 . L-Artikolu 8(1) jindika li ordni ta’ dritt għall-informazzjoni tista’ tinħareġ “fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”. Madankollu, dan ma jindikax, bħalma huwa l-każ, eż. fl-Artikolu 7(1), li din l-ordni tista’ tinħareġ “anke qabel ma jibdew il-proċeduri fuq il-merti tal-każ”, u lanqas ma jgħid b’mod speċifiku li din tista’ tinħareġ qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti dwar il-merti. Bħala riżultat ta’ dan, f’ċerti Stati Membri diffiċli tinkiseb ordni ta’ dritt għall-informazzjoni qabel id-deċiżjoni finali fil-proċedimenti dwar il-merti.

Dan l-aħħar il-QtĠ iċċarat 118 li l-formulazzjoni użata fl-Artikolu 8(1) ma timplikax li d-dritt għall-informazzjoni jrid bilfors jiġi eżerċitat fl-istess proċedimenti legali bħall-proċedimenti rigward ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. B’mod partikolari, din sabet li d-dritt għall-informazzjoni jista’ jiġi invokat meta wara t-terminazzjoni definittiva tal-proċedimenti li fihom ġie ddikjarat ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-applikant fi proċedimenti separati u sussegwenti jitlob il-forniment ta’ informazzjoni dwar l-oriġini u dwar in-netwerks tad-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li bihom sar ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bl-għan li tinfetaħ kawża għad-danni.

Filwaqt li l-approċċ ivarja bejn l-Istati Membri, jistgħu jiġu identifikati wħud mill-aħjar prattiki. Pereżempju, fil-Ġermanja, l-Att dwar it-Trademarks jipprevedi 119 li f’każijiet ta’ ksur ċar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni jista’ jiġi ordnat permezz ta’ mandat preliminari f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili.

L-ispeċifikazzjoni fl-Artikolu 8 tal-IPRED li ordni tad-dritt għall-informazzjoni hija disponibbli “fil-kuntest ta’” proċedimenti li jikkonċernaw ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tfisser li l-forniment ta’ informazzjoni mhux bilfors irid ikun ordnat f’dawk l-istess proċedimenti legali. Dan jista’ jiġi ordnat fi proċedimenti separati sussegwenti miftuħa bl-għan li tinbeda kawża possibbli għad-danni. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali, jista’ jiġi ordnat fi stadju aktar bikri wkoll, permezz ta’ mandat preliminari.

Miżuri korrettivi

L-Artikolu 10 tad-Direttiva jiddikjara li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw is-sejħa lura mill-kanali tal-kummerċ ta’ oġġetti li jkunu nstabu li qed jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali, u f’każijiet xierqa anki materjali u strumenti użati primarjament fil-ħolqien jew fil-manifattura ta’ dawn l-oġġetti. Barra minn hekk, tista’ tiġi ordnata t-tneħħija definittiva tagħhom mill-kanali tal-kummerċ jew il-qerda tagħhom. Tali miżuri għandhom jitwettqu bl-ispejjeż għall-kontraventur.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva huwa bbażat fuq l-Artikolu 46 tal-Ftehim TRIPS. L-Artikolu 10(3) tal-IPRED jistabbilixxi, bħal fit-tielet sentenza tal-Artikolu 46 tal-Ftehim TRIPS, li meta tiġi kkunsidrata talba għal miżuri korrettivi, hemm bżonn li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ proporzjonalità bejn is-serjetà tal-ksur u r-rimedji ordnati u l-interessi tal-partijiet terzi. Barra minn hekk, skont is-sentenza segwenti tal-Artikolu 46, fir-rigward tal-oġġetti bit-trademark iffalsifikati, is-sempliċi tneħħija tat-trademark imwaħħla b’mod illegali mhix biżżejjed biex l-oġġetti jingħataw il-permess għar-rilaxx fil-kanali tal-kummerċ, ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Mill-ġurisprudenza tal-QtĠ jirriżulta f’dan ir-rigward 120 li l-Artikolu 10 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat u applikat, sa fejn possibbli, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPS.

Ta’ min jinnota wkoll li, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet dwar id-danni (l-Artikolu 13), l-Artikolu 10 ma jeħtieġx b’mod espliċitu li kontraventur ikun involut b’mod konsapevoli, jew b’motivazzjonijiet raġonevoli biex ikun konsapevoli, f’attività ta’ ksur, biex jiġu imposti l-miżuri inkwistjoni.

Jenħtieġ li l-Artikolu 10 tad-Direttiva jiġi interpretat u applikat, sa fejn possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 46 tal-Ftehim TRIPS. Skont dik l-aħħar dispożizzjoni, is-sempliċi tneħħija tat-trademark imwaħħla b’mod illegali ma’ oġġetti bi trademark iffalsifikati mhix biżżejjed biex l-oġġetti jingħataw il-permess għar-rilaxx fil-kanali tal-kummerċ, ħlief f’każijiet eċċezzjonali.

6.Dimensjoni transfruntiera

L-IPRED ma għandhiex fil-mira tagħha li tistabbilixxi regoli armonizzati għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, għall-ġuriżdizzjoni, jew ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u lanqas ma għandha l-għan li tittratta l-liġi applikabbli. Hemm strumenti legali oħra tal-UE li jirregolaw kwistjonijiet bħal dawn f’termini ġenerali u li, fil-prinċipju, huma applikabbli bl-istess mod għall-proprjetà intellettwali u għal-litigazzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 121 .

Fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti legali l-oħra tal-UE, fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri trid tiġi ddeterminata f’konformità mar-Regolament Brussell I 122 . Dak ir-Regolament jirregola r-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta' dawn il-qrati madwar l-UE kollha. Ir-regoli dwar il-liġi applikabbli fir-rigward ta’ obbligi mhux kuntrattwali, li spiss ikunu s-suġġett tal-proċedimenti ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huma pprovduti mir-Regolament Ruma II 123 .

Il-qrati kompetenti, b’mod partikolari għall-mandati

Ħafna kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkollhom dimensjoni transnazzjonali. Konsegwentement, il-litigazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari dak imwettaq f’ambjent online, tista’ sseħħ b’mod simultanju f’diversi Stati Memmbri. Dan jista’ jkun ta' sfida għad-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari biex jiddeterminaw il-qorti nazzjonali kompetenti u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe mandat imfittex.

Ta’ min jinnota li r-Regolament Brussell I fih diversi kjarifiki dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati biex joħorġu miżuri proviżorji f’kawżi transfruntiera. Il-Premessa 25 tar-Regolament tinkludi b’mod speċifiku referenza għall-IPRED, li tiċċara li l-kunċett ta’ “miżuri proviżorji, inklużi dawk kawtolatorji”, skont it-tifsira ta’, fost l-oħrajn, l-Artikolu 35 tar-Regolament 124 inklużi, pereżempju, ordnijiet kawtelatorji mmirati lejn il-kisba ta’ informazzjoni jew il-preservazzjoni ta’ evidenza kif imsemmi fl-Artikoli 6 u 7 tal-IPRED.

Skont ir-Regolament Brussell I, bħala regoli ġenerali, id-detenturi tad-drittijiet, għandhom jieħdu passi kontra l-kontraventuri tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali quddiem il-qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-allegat kontravenur (Artikolu 4). Madankollu, fi kwistjonijiet relatati ma’ delitt jew kważi delitt, dawn jistgħu jagħmlu dan ukoll quddiem il-qorti tal-Istat Membru tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ id-dannu (Artikolu 7(2)).

Barra minn hekk, ir-Regolament Brussell I jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jittieħdu passi kontra kontraventur allegat li jkun wieħed minn għadd ta’ konvenuti fil-qorti tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat kwalunkwe wieħed minnhom, dment li t-talbiet ikunu tant marbuta mill-qrib ma’ xulxin li jkun prattiku li dawn jinstemgħu flimkien u jiġu ddeterminati flimkien biex jiġu evitati sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati (Artikolu 8(1)). Il-QtĠ iċċarat 125 , fil-kuntest ta’ kawża dwar ksur tad-drittijiet tal-awtur, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhix prekluża biss għaliex azzjonijiet kontra diversi konvenuti għal ksur tad-drittijiet tal-awtur sostanzjalment identiċi jinfetħu fuq il-bażi ta’ motivi legali nazzjonali li jvarjaw skont l-Istati Membri kkonċernati.

Rikonixximent u infurzar tas-sentenzi

F’konformità mar-Regolament Brussell I (Artikolu 39) kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn qorti ta’ Stat Membru li tkun infurzabbli f’dak l-Istat Membru hija direttament infurzabbli fi Stati Membri oħra wkoll, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà (jiġifieri abolizzjoni ta’ exequatur).

Il-QtĠ iddikjarat li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament Brussell I irid jiġi interpretat bħala wieħed li jfisser li dan ir-Regolament japplika għar-rikonoxximent u għall-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tinkludi ordni li trid titħallas multa biex tiġi żgurata l-konformità ma’ sentenza mogħtija fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 126 .

Kwistjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qrati, mar-rikonoxximent u mal-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qrati u mad-dritt applikabbli li jirriżultaw fil-kuntest ta’ litigazzjoni relatata mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu deċiżi f’konformità mal-istrumenti legali tal-UE li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari r-Regolamenti Brussell I u Ruma II.

Ir-Regolament Brussell I, b’mod partikolari, fih ċerti kjarifiki li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji fuq il-bażi tal-Artikoli 6 u 7 tal-IPRED f’kawżi transfruntiera, kif ukoll regoli speċifiċi dwar il-possibbiltà li jittieħdu passi kontra persuna li tkun fost diversi konvenuti.

VI.IL-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kollha tal-UE, mal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti u ma’ partijiet oħra involuti fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi proċedimenti quddiem dawk l-awtoritajiet biex tiżgura li l-qafas legali tal-UE, u b’mod partikolari l-IPRED, jibqgħu idonei u se tkompli tibni fuq il-gwida spjegata f’dan id-dokument.

Kif ħabbret fil-Komunikazzjoni “Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà
tal-lum”, minbarra l-gwida u l-aħjar prattiki stipulati aktar ’il fuq, il-Kummissjoni, b’mod partikolari:

- se taħdem mal-esperti nazzjonali u mal-imħallfin tal-Istati Membri fuq linji gwida ulterjuri u aktar immirati, biex tagħti gwida dettaljata u prattika dwar kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-IPRED, abbażi tal-esperjenza tal-aħjar prattiki;

- se ttella’ online l-gwida u l-aħjar prattiki msemmijin hawn fuq, fost l-oħrajn permezz tal-portal L-Ewropa Tiegħek.



Appendiċi – Lista ta’ sentenzi rilevanti tal-QtĠ

1.Is-Sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Ġunju 1998, C-53/96 , Hermès International v FHT Marketing Choice BV, UE:C:1998:292, 61996CJ0053

2.Is-Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tad-29 ta’ Jannar 2008, C-275/06 , Productores de Música de España (Promusicae) v Telefónica de España SAU, UE:C:2008:54, 62006CA0275 / 62006CJ0275  

3.Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Frar 2008, C-450/06 , Varec SA v L-Istat tal-Belġju, UE:C:2008:91, 62006CA0450

4.Ordni tal-QtĠ (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Frar 2009, C-557/07 , LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten GmbH vs Tele2 Telecommunication GmbH, UE:C:2009:107, 62007CB0557  

5.Is-Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-12 ta’ Lulju 2011, C-324/09 , L’Oréal SA u Oħrajn v eBay International AG u Oħrajn, UE:C:2011:474, 62009CJ0324  

6.Is-Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-18 ta’ Ottubru 2011, C-406/09 , Realchemie Nederland BV v Bayer CropScience AG., UE:C:2011:668, 62009CJ0406

7.Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011, C-70/10 , Scarlet Extended SA v Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs SCRL (SABAM), UE:C:2011:771, 62010CJ0070  

8.Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla), is-16 ta’ Frar 2012, C-360/10 , Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM) v Netlog NV, UE:C:2012:85, 62010CJ0360  

9.Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ April 2012, C-461/10 , Bonnier Audio AB u Oħrajn v Perfect Communication Sweden AB UE:C:2012:219, 62010CJ0461  

10.Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012,  C-180/11 , Bericap Záródástechnikai Bt. v Plastinnova 2000 Kft., UE:C:2012:717, 62011CJ0180 .

11.Ordni tal-Qorti (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Marzu 2013, il-Kawża C-145/10 REC ., Eva-Maria Painer vs Standard VerlagsGmbH u Oħrajn, ECLI:UE:C:2013:138, 62010CO0145 .

12.Is-Sentenza tal-QtĠ (Ir-Raba’ Awla), is-27 ta’ Marzu 2014, C-314/12 , UPC Telekabel Wien GmbH v Constantin Film Verleih GmbH u Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH, UE:C:2014:192, 62012CJ0314  

13.Is-Sentenza tal-Qorti (Ir-Raba’ Awla), l-10 ta’ April 2014, C-435/12 , ACI Adam BV u Oħrajn v Stichting de Thuiskopie u Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding, UE:C:2014:254, 62012CJ0435  

14.Is-Sentenza tal-Qorti (Awla Manja), 3 ta’ Settembru 2014, C-201/13 , Johan Deckmyn u Vrijheidsfonds VZW v Helena Vandersteen u Oħrajn, UE:C:2014:2132,  62013CA0201

15.Is-Sentenza tal-QtĠ (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015, C-580/13 , Coty Germany GmbH v Stadtsparkasse Magdeburg, UE:C:2015:485, 62013CJ0580  

16.Is-Sentenza tal-QtĠ (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015, C-681/13 , Diageo Brands BV v Simiramida-04 EOOD, UE:C:2015:471, 62013CJ0681

17.Is-Sentenza tal-Qorti (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Frar 2016, C-163/15 , Youssef Hassan v Breiding Vertriebsgesellschaft mbH, UE:C:2016:71

18.Is-Sentenza tal-Qorti (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016, C-99/15 , Christian Liffers v Producciones Mandarina SL u Mediaset España Comunicación SA, anciennement Gestevisión Telecinco SA, UE:C:2016:173, 62015CJ0099  

19.Is-Sentenza tal-QtĠ (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016, C-419/15 , Thomas Philipps GmbH & Co. KG v Grüne Welle Vertriebs GmbH UE:C:2016:468

20.Is-Sentenza tal-QtĠ (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Lulju 2016, C-494/15 , Tommy Hilfiger Licensing LLC u Oħrajn v DELTA CENTER a.s., UE:C:2016:528, 62015CJ0494  

21.Is-Sentenza tal-Qorti (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016, C-57/15 , United Video Properties Inc. v Telenet NV, UE:C:2016:611, 62015CJ0057

22.Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016, C-484/14 , Tobias Mc Fadden v Sony Music Entertainment Germany GmbH, UE:C:2016:689

23.Is-Sentenza tal-QtĠ (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Jannar 2017, C-427/15 , NEW WAVE CZ, a.s. v ALLTOYS, spol. s r. o., UE:C:2017:18

24.Is-Sentenza tal-Qorti (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Jannar 2017, C-367/15 , Stowarzyszenie “Oławska Telewizja Kablowa” w Oławie v Stowarzyszenie Filmowców Polskich w Warszawie, UE:C:2017:36, 62015CN0367  

Pendenti:

C-644/16  Synthon – Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (in-Netherlands) fil-15 ta’ Diċembru 2016, Synthon BV vs Astellas Pharma Inc. (Artikolu 6 tal-IPRED)

C-149/17  Bastei Lübbe – Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Marzu 2017, Bastei Lübbe GmbH & Co. KG vs Michael Strotzer (Artikolu 3(2) tal-IPRED)

C-521/17  SNB-REACT – Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (l-Estonja) fl-1 ta’ Settembru 2017

(1)

Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45-86.

(2)

Il-Premessa 10 tal-IPRED.

(3)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (CSWD) – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali SWD(2017) 431.

(4)

B’mod partikolari, skont l-aktar konsultazzjoni riċenti dwar id-Direttiva (ir-riżultati huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/18661), filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu ħassew li r-regoli eżistenti għenu b’mod effettiv sabiex tkun protetta l-PI u jiġi evitat ksur tal-PI, ħafna detenturi tad-drittijiet u b’mod partikolari l-intermedjarji jikkunsidraw li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti mid-Direttiva mhumiex applikati b’mod omoġenu fost l-Istati Membri.

(5)

CSWD – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE; Anness II - Rapport sinottiku.

(6)

L-Artikoli 12-15 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1-16.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali, Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” COM(2016) 288.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nindirizzaw il-kontenut illegali online – Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online” COM(2017) 555.

(9)

Kif identifikati fl-SWD tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE.

(10)

COM(2017) 707.

(11)

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, p. 26-28.

(12)

 Ibidem, p. 10. Ir-raġunijiet ewlenin irrapportati mill-SMEs għaliex ma jiftħux kawża kienu l-ispejjeż tal-litigazzjoni, in-nuqqas ta’ riżorsi u n-nuqqas ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-eżitu.

(13)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016, C-99/15 , Christian Liffers vs Producciones Mandarina SL u Mediaset España Comunicación SA, anciennement Gestevisión Telecinco SA, UE:C:2016:173, il-punt 25.

(14)

Il-Premessa 26 tal-IPRED.

(15)

CSWD – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE, Anness II - Rapport sinottiku.

(16)

CSWD – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE, p. 17 u l-Anness III.

(17)

Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali “Damages in Intellectual Property Rights”, p. 4.

(18)

  C-99/15  Liffers, il-punti 15-27. 

(19)

CSWD – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE, Anness III.

(20)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Jannar 2017, C-367/15 , Stowarzyszenie “Oławska Telewizja Kablowa” w Oławie v Stowarzyszenie Filmowców Polskich w Warszawie, UE:C:2017:36.

(21)

  C-367/15 OTK , il-punt 30. Ara wkoll C-99/15  Liffers, il-punt 18.

(22)

  C-367/15  OTK, il-punti 26 u 32.

(23)

Għoti ta’ setgħa simili, għalkemm applikabbli biss f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, ġie inkluż fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1-19.

(24)

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, p. 28-30.

(25)

CSWD – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE; p. 20 u l-Anness III.

(26)

Is-Sentenza tal-QtĠ (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015, C-681/13 , Diageo Brands BV v Simiramida-04 EOOD, UE:C:2015:471 .

(27)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Awla Manja) tat-18 ta’ Ottubru 2011, C-406/09 , Realchemie Nederland BV v Bayer CropScience AG. UE:C:2011:668.

(28)

  C-180/11 , Bericap, il-punti 77-82.

(29)

 “Support study for the ex-post evaluation and ex-ante impact analysis of the IPR enforcement Directive”, Technopolis Group f’konsorzju ma’ EY u Schalast Rechtsanwälte, 2017, p. 69-70.

(30)

  C-57/15 , UVP , il-punt 25.

(31)

  C-57/15  UVP, il-punti 26-27.

(32)

  C-57/15  UVP, il-punti 29-30.

(33)

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, p. 28.

(34)

  C-406/09 ,  Realchemie, il-punt 49.

(35)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016, C-57/15 , United Video Properties Inc. v Telenet NV (UVP), UE:C:2016:611, il-punt 29.

(36)

  C-57/15 , UVP, il-punt 22.

(37)

  C-57/15 , UVP, il-punt 34.

(38)

  C-57/15 , UVP , il-punt 36.

(39)

  C-57/15  UVP, il-punti 39-40.

(40)

  C-57/15 , UVP, il-punt 40.

(41)

Ara l-Premessa 26 tal-IPRED.

(42)

Kif indikat fil-Premessa 14 tal-IPRED: “Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibilità li Stati Membri japplikaw dawk il-miżuri wkoll għall-atti oħrajn.”.

(43)

Eż. Is-Sentenza tal-Qorti (Awla Manja), 3 ta’ Settembru 2014, C-201/13 , Johan Deckmyn u Vrijheidsfonds VZW v Helena Vandersteen u Oħrajn, UE:C:2014:2132, il-punt 14.

(44)

Rapport tal-Panil tad-WTO tas-26 ta’ Jannar 2009, WT/DS362/R , p. 75 – 98.

(45)

  WT/DS362/R , il-punti VII, 601-603 u VII.635-636.

(46)

Jiġifieri, b’rabta ma’ ċerti miżuri tal-liġi kriminali, fejn fl-IPRED il-kunċett jintuża b’rabta ma’ ċerti mezzi tal-liġi ċivili.

(47)

F’dan ir-rigward jista’ jiġi nnotat li, l-ewwel nett, l-UE hija wkoll parti għall-Ftehim TRIPS (ara l-Premessa 4 tal-IPRED), u dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tiegħu jifformaw parti integrali mill-ordni legali tal-UE (ara, eż., C-180/11, Bericap, il-punt 67) u, it-tieni anki skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ, it-tifsira ordinarja tat-termini mhux iddefiniti użati f’atti tad-dritt sekondarju tal-UE bħall-IPRED hija element importanti meta jiġu interpretati dawn it-termini (ara, eż., C-201/13, Deckmyn, il-punt 19).

(48)

Il-Premessa 17 tal-IPRED.

(49)

Il-Premessa 32 tal-IPRED.

(50)

Ara, rispettivament, l-Artikoli 47, 7, 8, 11 u 16 tal-Karta.

(51)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Awla Manja) tad-29 ta’ Jannar 2008, C-275/06 , Productores de Música de España (Promusicae) v Telefónica de España SAU, UE:C:2008:54, il-punt 68.

(52)

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ĠU L 167, 22.06.2001, p. 10–19.

(53)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2012 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU L 201, 31.07.2002, p. 37–47 (li tikkomplimenta d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995,p.31–50).

(54)

Eż., l-Ordni tal-QtĠ (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Frar 2009, C-557/07 , LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten GmbH v Tele2 Telecommunication GmbH, UE:C:2009:107 ; Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ April 2012, C-461/10 , Bonnier Audio AB u Oħrajn v Perfect Communication Sweden AB UE:C:2012:219; Is-Sentenza tal-QtĠ (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015, C-580/13 , Coty Germany GmbH v Stadtsparkasse Magdeburg, UE:C:2015:485. 

(55)

Ara wkoll diskussjoni ulterjuri li tikkonċerna l-Artikolu 8 dwar id-dritt għall-informazzjoni (kapitolu III) u l-Artikoli 9 u 11 dwar il-mandati (kapitolu IV) tal-IPRED.

(56)

Ara wkoll il-Premessa 21 tal-IPRED.

(57)

  C-275/06 , Promusicae, il-punti 58-59. Ara wkoll it-taqsima 1 aktar ’il fuq.

(58)

  C-461/10  Bonnier, il-punti 51-61.

(59)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015, C-580/13 , Coty Germany GmbH v Stadtsparkasse Magdeburg, il-punt 43.

(60)

  C-580/13 , Coty Germany, il-punt 40.

(61)

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, p. 18. Ara wkoll SEC(2010) 1589 final, p. 9.

(62)

Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1.

(63)

CSWD - Analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tat-22.12.2010, p.9; Dokument tal-Kummissjoni "Synthesis of the comments on the Commission Report on the application of Directive 2004/48", Lulju 2011, p. 19.

(64)

Ara l-Artikolu 3 tal-IPRED.

(65)

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, p. 18-25.

(66)

Eż. in-Netherlands.

(67)

ĠU C 175, 20.6.2013, p. 1.

(68)

Ara s-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Frar 2008, C-450/06 , Varec SA v L-Istat tal-Belġju, UE:C:2008:91 , rigward l-ibbilanċjar tad-drittijiet kunfliġġenti inkwistjoni f’litigazzjoni relatata mal-proċeduri ta’ akkwist.

(69)

 "Intellectual Property SME Scoreboard 2016", EUIPO, Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, 2016.

(70)

L-Artikolu 47 tal-Karta. Ara wkoll l-Artikolu 42 tal-Ftehim TRIPS.

(71)

Is-sett preliminari ta’ dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi (l-Abbozz nru 18), disponibbli fuq: https://www.unified-patent-court.org/documents.

(72)

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10–19, il-Premessa 59.

(73)

C-324/09 , L’Oréal vs eBay, il-punt 131; C-70/10 , Scarlet Extended, il-punt 31; C-360/10 , SABAM, il-punt 29.

(74)

Tali possibbiltà – indipendentement mir-responsabbiltà tal-intermedjarju wkoll – hija prevista wkoll fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni.

(75)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Awla Manja) tat-12 ta’ Lulju 2011, C-324/09 , L’Oréal SA u Oħrajn v eBay International AG u Oħrajn, UE:C:2011:474, il-punt 127. Ara wkoll C-494/15 , Tommy Hilfiger, UE:C:2016:528, il-punt 22. L-Artikolu 12-14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku jistabbilixxu b’mod speċifiku, fir-rigward ta’ ċerti intermedjarji online, li l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx il-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva titlobhom itemmu jew jipprevjenu ksur.

(76)

Ara C-314/12  UPC Telekabel; Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011.

(77)

Is-Sentenza tal-QtĠ (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Lulju 2016, C-494/15 , Tommy Hilfiger Licensing LLC u Oħrajn v DELTA CENTER a.s. , il-punt 23. Fir-rigward tal-Artikolu 8(3) tad- Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni, ara wkoll C-314/12  UPC Telekabel, il-punti 34-35.

(78)

Fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi offline u online, ara C-494/15, Tommy Hilfiger, il-punt 29.

(79)

  C-557/07  LSG-Gesellschaft, il-punt 46. C-314/12  UPC Telekabel, il-punt 43-46 ; Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011, C-70/10 , Scarlet Extended SA v Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs SCRL (SABAM), UE:C:2011:771, il-punt 30.

(80)

Is-Sentenza tal-QtĠ (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Frar 2012, C-360/10 , Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM) vs Netlog NV, UE:C:2012:85, il-punt 28.

(81)

  C-324/09 , L’Oréal vs eBay, il-punt 131. 

(82)

  C-494/15  Tommy Hilfiger, il-punt 28.

(83)

Ara l-Premessa 59 tad-Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni.

(84)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Ir-Raba’ Awla), is-27 ta’ Marzu 2014, C-314/12 , UPC Telekabel Wien GmbH v Constantin Film Verleih GmbH u Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH, UE:C:2014:192, il-punt 63.  

(85)

  C-314/12 , UPC Telekabel, il-punt 53.

(86)

  C-314/12 ,  UPC Telekabel, il-punt 56.  

(87)

Ara wkoll id-diskussjoni fit-taqsima 1 tal-kapitolu IV dwar il-mandati u r-responsabbiltà.

(88)

  C-314/12 ,  UPC Telekabel, il-punti 52-57. 

(89)

  C-314/12 ,  UPC Telekabel, il-punt 53.

(90)

Is-Sentenza tal-QtĠ (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016, C-484/14 , Tobias Mc Fadden v Sony Music Entertainment Germany GmbH, UE:C:2016:689, il-punti 93-95; C-314/12 , UPC Telekabel, il-punti 56 u 58-62.

(91)

L-Artikolu 2(3)(a) tal-IPRED jispeċifika li dik id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u b’mod partikolari l-Artikoli 12-15 tagħha.

(92)

  C-324/09 , L’Oréal vs eBay, il-punt 139; C-70/10 , Scarlet Extended, il-punt 36; C-360/10 , SABAM, il-punt 34.

(93)

  C-70/10 ,  Scarlet Extended.

(94)

  C-360/10 ,  SABAM.

(95)

Ara l-obbligi għal ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ hosting online sabiex jipprevjenu li jittella’ kontenut protett mhux awtorizzat, flimkien ma-detenturi tad-drittijiet, li huma proposti fl-Artikolu 13 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2016) 593, tal-14.9.2016)

(96)

Jiġifieri mandati li jeżiġu, eż., li l-intermedjarji jipprevjenu ksur ulterjuri tad-drittijiet kollha miżmuma minn detentur tad-drittijiet jew li huma parti minn katalogu jew minn repertorju ta’ detentur ta’ liċenzja, abbażi ta’ ksur stabbilit ta’ kampjun ta’ dawk id-drittijiet.

(97)

Anvers, l-14 ta’ Frar 2013, il-Kawżi 2012/FR/303, 2012/PGA/3549, 2012/KC21/262, u Kass., it-22 ta’ Ottubru 2013, P.13.0550.N; F’din is-sentenza, l-imħallef talab lill-pulizija Belġjana (“l-Unità tal-Kriminalità tal-Informatika”) biex tistabbilixxi lista ta’ ismijiet ta’ dominju relatati mas-sit web “thepiratbay.org”.

(98)

  C-324/09 , L’Oréal vs eBay, il-punt 131.

(99)

Ara l-Premessa 23 tal-IPRED. Ara wkoll C-324/09 , L’Oréal vs eBay, il-punt 135; C-70/10 , Scarlet Extended, il-punt 31; C-360/10 , SABAM, il-punt 29.

(100)

Eż. il-Belġju, Franza, il-Polonja.

(101)

Skont l-Artikolu 1 tagħha, għall-finijiet tad-Direttiva, it-terminu “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” jinkludi drittijiet ta’ proprjetà industrijali.

(102)

Ara C-367/15 , OTK, il-punt 23: “ Id-Direttiva 2004/48 tistabbilixxi standard minimu għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu miżuri iktar protettivi ”.

(103)

Stqarrija mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (2005/295/KE), ĠU L 94, 13.4.2005, p. 37–37.

(104)

B’mod partikolari, ir-Rapport mill-Kummissjoni “L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali” (KUMM(2010)0779 finali); “Support study for the ex-post evaluation and ex-ante impact analysis of the IPR enforcement directive (IPRED)”, Technopolis Group f’konsorzju ma’ EY u Schalast Rechtsanwälte, 2017.

(105)

Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom, ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1.

(106)

Il-Premessa 39 tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali.

(107)

L-Istati Membri għandhom jittrasponu dik id-Direttiva sad-9 ta’ Ġunju 2018.

(108)

Is-Sentenza tal-QtĠ (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012,  C-180/11 , Bericap Záródástechnikai Bt. v Plastinnova 2000 Kft, UE:C:2012:717, il-punti 79-81.

(109)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ April 2014, C-435/12 , ACI Adam BV u Oħrajn v Stichting de Thuiskopie u Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding, EU:C:2014:254, il-punt 63.

(110)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Frar 2016, C-163/15 , Youssef Hassan v Breiding Vertriebsgesellschaft mbH, UE:C:2016:71, il-punt 26; Is-Sentenza tal-QtĠ (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016, C-419/15, Thomas Philipps GmbH & Co. KG v Grüne Welle Vertriebs GmbH, UE:C:2016:468, il-punt 25.

(111)

L-istess frażi ġiet inkluża fl-Artikolu 4(b) tal-IPRED.

(112)

Jeżistu dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip fi Franza, fil-Belġju, fil-Portugall u fin-Netherlands.

(113)

Skont il-feedback ġenerali riċevut mingħand il-partijiet ikkonċernati. Ara wkoll "Support study for the ex-post evaluation and ex-ante impact analysis of the IPR enforcement directive (IPRED)", Technopolis Group f’konsorzju ma’ EY u ma’ Schalast Rechtsanwälte, 2017, p. 88-89.

(114)

Il-Premessa 20 tal-IPRED.

(115)

Ara t-Taqsima “Possibilities and merits of a protective brief”, p. 15.

(116)

CSWD – Evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE, p. 13.

(117)

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, p. 22.

(118)

Is-Sentenza tal-QtĠ (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Jannar 2017, C-427/15 , NEW WAVE CZ, a.s. v ALLTOYS, UE:C:2017:18, il-punt 27. 

(119)

Il-paragrafi 2 u 7 tat-Taqsima 19 tal-Att tal-Ġermanja dwar it-Trademarks.

(120)

Ara eż. is-Sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Ġunju 1998, C-53/96 , Hermès International v FHT Marketing Choice BV, UE:C:1998:292, il-punt 28; C-275/06, Promusicae, il-punt 60.

(121)

Il-Premessa 11 tal-IPRED.

(122)

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(123)

Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40–49.

(124)

L-Artikolu 35 tar-Regolament Brussell I jiddikjara dan li ġej: “Tista’ ssir talba lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri kawtolatorji, previsti mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni rigward is-sustanza tal-kwistjoni.”

(125)

Ordni tal-Qorti (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Marzu 2013, Kawża C-145/10 REC ., Eva-Maria Painer vs Standard VerlagsGmbH u Oħrajn, ECLI:UE:C:2013:138, p. 72-84.

(126)

  C-406/09  Realchemie.