EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2008C0028

Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 28/08/COL tat- 23 ta’ Jannar 2008 dwar l-Iskema tal-Injam ( Verdiskapningsprogrammet for tre ) (In-Norveġja)

ĠU L 323, 10.12.2009, p. 31–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/28(2)/oj

10.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/31


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 28/08/COL

tat-23 ta’ Jannar 2008

dwar l-Iskema tal-Injam (“Verdiskapningsprogrammet for tre”) (In-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 4(4), 6, 7(5), 13 u 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

Wara li kkunsidrat il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE, b’mod partikolari t-taqsimiet dwar l-għajnuna reġjonali u l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp,

Wara li kkunsidrat ir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għat-taħriġ u dwar l-għajnuna għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SME”) kif ukoll ir-Regolament dwar l-għajnuna de minimis  (5),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 147/06/COL tal-Awtorità tas-17 ta’ Mejju 2006 sabiex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali pprovduta fl-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skond l-Artikolu 6 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, (6)

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-proċedura

B’ittra li ġġib id-data tal-1 ta’ Frar 2005 (Avveniment nru: 307555) l-Awtorità rċeviet ilment (l-“Ilment”) minn assoċjazzjoni kummerċjali għall-industrija Norveġiża tal-ġebel u tal-konkrit, “byggutengrenser.no” (l-“Entità li qed tagħmel l-ilment”). Fl-Ilment, li kien kemm riċevut kif ukoll irreġistrat mill-Awtorità fit-3 ta’ Frar 2005, l-Entità li qed tagħmel l-ilment tallega li l-Istat Norveġiż qed jagħti għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-kostruzzjoni bl-injam fuq il-bażi ta’ “Verdiskapningsprogrammet for tre”, li jissejjaħ ukoll “Treprogrammet” (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ l-“Iskema tal-Injam”).

B’ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Mejju 2006 u wara diversi skambji ta’ korrispondenza (7), l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li, fir-rigward tal-Iskema tal-Injam, kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

B’ittra li ġġib id-data tat-3 ta’ Lulju 2006 mill-Missjoni tan-Norveġja għall-Unjoni Ewropea, li inkludiet ittri mibgħuta mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni u tar-Riforma Governattivi u mill-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Ikel, it-tnejn li huma jġibu d-data tas-26 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu xi kummenti. L-Awtorità rċeviet u rreġistrati l-ittri kienu fl-4 ta’ Lulju 2006 (Avveniment Nru: 380386, li minn hawn ’il quddiem se jissejħu il-“Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni sabiex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

Id-Deċiżjoni Nru 147/06/COL biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu. (8) L-Awtorità stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet interessati.

Fl-aħħarnett, matul il-Ħarifa tal-2007, l-Awtorità u l-awtoritajiet Norveġiżi kellhom kuntatt informali permezz kemm tat-telefown kif ukoll tal-posta elettronika rigward l-Iskema tal-Injam. L-informazzjoni li rċeviet l-Awtorità f’dan il-kuntest kienet ikkonsolidata mill-awtoritajiet Norveġiżi f’ittra li ntbagħtet elettronikament fl-10 ta’ Diċembru 2007 mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni u tar-Riforma Governattivi (Avveniment nru: 456845).

2.   Deskrizzjoni tal-miżura proposta

2.1.   L-għan u l-amministrazzjoni tal-Iskema tal-Injam deskritti f’xogħlijiet leġiżlattivi preparatorji

Il-White Paper tal-1998-99

L-għan tal-Iskema tal-Injam ġie stabbilit f’White Paper mill-Gvern lill-Parlament dwar il-ħolqien ta’ valur u ta’ opportunitajiet fis-settur forestali (St. meld. nr. 17 (1998-99 “Verdiskapning og miljø – muligheter i skogssektoren”) – li minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ il-“White Paper”).

L-għan tal-White Paper huwa li tistabbilixxi politika ġenerali għal użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi forestali u li żżid il-kontribut tas-settur forestali għall-ekonomija nazzjonali u għall-iżvilupp ġenerali tas-soċjetà Norveġiża. Il-White Paper ipproponiet l-introduzzjoni ta’ diversi miżuri sabiex tintlaħaq din il-mira – waħda minnhom kienet l-Iskema tal-Injam. F’dan ir-rigward, il-White Paper ipproponiet l-istabbiliment ta’ skema ta’ ħames snin bil-għan li toħloq valur fis-settur tax-xogħol tal-injam u fin-negozju tal-ipproċessar (tal-injam). B’mod aktar speċifiku, il-White Papers stipulat li l-għan tal-Iskema tal-Injam għandu jkun li żżid il-ħolqien ta’ valur fil-foresterija u fin-negozju tal-ipproċessar (tal-injam), kif ukoll li żżid il-kontribut tas-settur forestali sabiex jintlaħqu mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum aktar sostenibbli. (9) F’dak ir-rigward, l-attenzjoni tal-Iskema tal-Injam għandha tkun iffokata fuq (i) it-titjib tal-ipproċessar tax-xogħol tal-injam; (ii) iż-żieda fl-użu tax-xogħol tal-injam; u (iii) it-titjib tar-relazzjonijiet fuq livelli differenti tal-kummerċ bejn is-settur forestali u s-suq. (10) Il-White Paper iddikjarat ukoll li l-iskema l-ġdida għandha tiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-possibbiltajiet fl-oqsma tal-iżvilupp u tad-disinn tal-prodotti u tal-arkitettura u li l-iskema għandha tiftaħ it-triq sabiex ix-xogħol tal-injam jkun jista’ jitqies bħala materjal għall-bini attraenti b’firxa wiesgħa ta’ użi. (11) Fl-aħħarnett, fuq livell aktar ġenerali, il-White Paper ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-għan li jiżdied il-valur fin-negozju tal-ipproċessar għax-xogħol tal-injam għandu jintlaħaq f’ambitu domestiku. (12)

Rakkomandazzjoni (1998-1999) u Rapport ta’ Grupp ta’ Ħidma

Il-qafas għall-istabbiliment tal-Iskema tal-Injam kien stabbilit f’aktar dettall f’rakkomandazzjoni minn kumitat permanenti Parlamentari indirizzata lill-Parlament (Innst. S. nr. 208 (1998-1999)), li ġġib id-data tat-3 ta’Ġunju 1999 (li minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ ir-“Rakkomandazzjoni”). Ir-Rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma sabiex ikunu identifikati l-istrateġiji kif ukoll il-ħtiġiet implimentattivi u ta’ finanzjament tal-iskema l-ġdida.

Ftit wara, f’Lulju 1999, kien stabbilit “Grupp ta’ Ħidma”, magħmul, partikolarment, minn rappreżentanti mill-Ministeru tal-Agrikoltura, minn assoċjazzjonijiet kummerċjali għas-sidien tal-foresti u għall-produtturi tal-injam, minn istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp kif ukoll minn rappreżentanti mis-settur tal-kummerċ bl-imnut. Fl-14 ta’ April 2000 il-Grupp ta’ Ħidma ħareġ rapport (ir-“Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma”) dwar il-kontenut, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-Iskema tal-Injam.

Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jfakkar il-miri u l-għanijiet tal-Iskema tal-Injam li jissemmew fil-White Paper. Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jispeċifika wkoll li l-iskema għandha tkun limitata għall-katina tal-ipproċessar bejn is-settur forestali u l-industrija tal-ipproċessar mekkaniku tal-injam imma għandha tinkludi wkoll il-provvista tal-materja prima lill-industrija tal-ipproċessar tal-injam (eż. biex tittejjeb l-kwalità, għal preċiżjoni u għal konsenji affidabbli). (13) Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jiddikjara wkoll li huwa għan li l-Iskema tal-Injam tkun iffokata fuq ir-riżorsi tal-injam Norveġiżi u li t-titjib isir fin-negozju Norveġiż tal-ipproċessar (tal-injam).

Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jipproponi li r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Injam ikunu f’idejn (i) “Statens nærings- og distriktsutviklingsfond”, li ġeneralment tissejjaħ “SND” (li mill-1 ta’ Jannar 2004 kienet organizzata mill-ġdid u ngħatat isem ġdid, jiġifieri “Innovasjon Norge”); u (ii) grupp ta’ ġestjoni (il-“Grupp ta’ Ġestjoni”), magħmul minn rappreżentanti minn diversi ministeri u tal-operaturi tas-suq, maħtura mill-Ministeru tal-Agrikoltura. (14)

Skond ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma, fuq livell prattiku, il-kompiti tal-Grupp ta’ Ġestjoni għandhom jiffokaw fuq l-evalwazzjoni u l-iżvilupp tal-iskema (inkluż li jkun żgurat involviment mill-katina ta’ valur u jiġi vverifikat li l-attivitajiet jikkorrispondu għall-għan u għall-istrateġiji tal-iskema) filwaqt li Innovasjon Norge għandha tkun l-entità responsabbli għall-implimentazzjoni tal-iskema. (15) Għal dak il-għan, Innovasjon Norge kienet awtorizzata tapprova u talloka l-finanzjament kollu fl-iskema.

Waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi għamluha ċara li l-prinċipji sottostanti r-rutini ġenerali ta’ ħidma ta’ Innovasjon Norge (sabiex ikunu amministrati skemi oħra ta’ għajnuna) kienu applikati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Injam. (16) Għalhekk Innovasjon Norge tat għotjiet taħt l-Iskema tal-Injam fuq il-bażi ta’ (i) il-“Politika Superjuri” ta’ Innovasjon Norge; (17) (ii) il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ta’ Innovasjon Norge; (iii) l-ewwel ittra annwali ta’ allokazzjoni mill-Ministeru tal-Agrikoltura; (18) (iv) il-proċeduri ġenerali fil-Ktieb tal-Istruzzjonijiet għal persuni li qed jimmaniġġjaw il-każi ta’ Innovasjon Norge; u (v) il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità. (19) Minn perspettiva prattika, l-aktar importanti minn dawn huma l-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE, li wkoll jifformaw il-bażi tal-maġġoranza vasta tal-kummenti li għaddew l-awtoritajiet Norveġiżi.

Il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ġew żviluppati minn Innovasjon Norge fuq il-bażi tal-iskemi tal-għajnuna eżistenti Norveġiżi amministrati minnha. Dawn jinkludu spjegazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, siltiet mil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat u mir-regoli dwar l-għajnuna de minimis kif ukoll tabella li tistabbilixxi l-intensitajiet tal-għajnuna għall-iskemi eżistenti. (20) Il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ġew kontinwament aġġornati u għalhekk quddiem l-Awtorità tressqu ħames verżjonijiet differenti. (21)

L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li filwaqt li r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma ma jinkludix kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex il-proġetti jkunu eliġibbli għal sostenn, tali kundizzjonijiet ġew żvilppati fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE. Filwaqt li fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma mhemm l-ebda referenza espliċita għal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li r-referenza fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma għall-istabbiliment ta’ “prinċipji u prattiki” (fil-limiti tad-dritt taż-ŻEE) sabiex tkun implimentata l-Iskema tal-Injam għandha tinftiehem bħala referenza għal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE. (22) Skond l-awrtoritajiet Norveġiżi, il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE, b’dan il-mod, saru parti integrali mill-Iskema tal-Injam. (23) Il-persuni li jimmaniġġjaw il-każi ta’ Innovasjon Norge ġew ordnati jivvalutaw l-applikazzjonijiet fuq il-bażi tas-sett speċifiku ta’ regoli fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE li huma jqisu li huma xierqa. Jekk iqisu li ma tkun involuta l-ebda għajnuna mill-Istat, il-proġett ikun jista’ jiġi ffinanzjat 100 %. (24)

2.2.   Il-bażi legali u l-baġits annwali

Mill-baġits tal-Istat għas-snin rilevanti, jidher li l-Iskema tal-Injam hija ffinanzjata mill-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Ikel permezz ta’ għotjiet annwali direttament mill-baġit tal-Istat. Il-finanzjament għall-Iskema tal-Injam kien ipprovdut fil-proposta tal-Gvern lill-Paralment li kienet tinkludi l-baġit tal-Istat għas-sena 2000 (St. prp. nr. 1 (1999-2000)), fejn il-finanzjament għall-Iskema tal-Injam kien inkluż fil-Kapitolu 1142 bħala l-punt 71. (25) Kull baġit tal-Istat għas-snin sussegwenti alloka ammonti għall-Iskema tal-Injam. (26)

L-ewwel ittra annwali ta’ allokazzjoni mill-Ministeru tal-Agrikoltura lil Innovasjon Norge talloka l-finanzjament lil Innovasjon Norge u tawtorizza l-ħlas tiegħu skond il-għan, is-settur u l-gruppi fil-mira kif ġie stabbilit fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma. (27)

B’ittra li ġġib id-data tad-29 ta’ Settembru 2005, aġġornata b’ittra li ġġib id-data tat-3 ta’ Lulju 2006, l-awtoritajiet Norveġiżi informaw lill-Awtorità li l-baġits għall-Iskema tal-Injam għas-snin finanzjarji mill-2000 sa l-2005 kienu kif ġej:

Il-baġit annwali

Sena

Baġit f’miljuni ta’ NOK

Kunsensi f’miljuni ta’ NOK

2000

17

8,8

2001

25

25,7

2002

20

18,2

2003

36

39,3

2004

35

28,4

2005

33

39,5

Total

166

159,9

L-għotjiet tħallsu fi żmien tliet snin mis-sena meta ngħata l-kunsens (“tilsagn”) u meta r-riċevent ikkompleta l-proġett. Jekk il-baġit għal sena partikolari ma ntefaqx kollu, l-ammont li kien jifdal kienet jgħaddi għas-sena sussegwenti. B’hekk, il-valur totali tal-kunsensi fi kwalunkwe sena partikolari jista’ jkun ogħla milll-ammont allokat mill-baġit għall-istess sena.

2.3.   Ir-riċeventi tas-sostenn taħt l-Iskema tal-Injam

Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jipprovdi li l-Iskema tal-Injam għandha tkun immirata lejn kumpaniji u operaturi oħrajn bi proġetti konkreti li jaqgħu fl-istrateġiji u fl-oqsma tax-xogħol tal-iskema u li jikkontribwixxu għal ħolqien ta’ valur miżjud. (28)

L-awtoritajiet Norveġiżi speċifikaw ukoll li l-Iskema tal-Injam hija miftuħa għall-industriji rilevanti kollha (li jissejħu “industriji mekkaniċi bbażati fuq l-injam”) u għall-industriji li jistgħu jagħtu kontribut sabiex jintlaħqu l-miri taħt l-Iskema tal-Injam, bħall-industriji li jesploraw l-użu tal-injam flimkien ma’ materjali oħrajn. (29) F’dawn il-parametri, l-iskema hija miftuħa għal “persuni, kumpaniji, awtoritajiet u unjins privati, irrispettivament mill-istruttura jew mill-organizzazzjoni tal-kumpanija” kif ukoll għal “istituzzjonijiet ta’ riċerka u edukattivi”, irrispettivament mill-pajjiż fejn ikunu stabbiliti. (30)

2.4.   L-ispejjeż eliġibbli u l-intensità tal-għajnuna

L-ispejjeż eliġibbli

L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-għotjiet taħt l-Iskema tal-Injam ngħataw lil proġetti li “[…] jagħtu kontribut sabiex jintlaħqu l-miri fl-istrateġiji u fl-oqsma tax-xogħol tal-programm” u li jikkawżaw l-innovazzjoni. Mir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jidher li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Iskema tal-Injam għandhom jintużaw it-tliet strateġiji li ġejjin. Kull waħda mill-istrateġiji għandha tiġi implimentata permezz tal-attivitajiet speċifikati taħt kull strateġija. (31) Għalhekk, l-ispejjeż ta’ tali attivitajiet huma eliġibbli għal finanzjament taħt l-Iskema tal-Injam.

(i)

L-istrateġija tat-tfassil tal-profili u tal-komunikazzjoni (jiġifieri, biex jinħolqu involviment u rieda tajba sabiex tiġi żviluppata l-katina tal-valuri, jiġu attratti kompetenza, persuni u kapital, jiżdiedu l-viżibbiltà u t-tfassil attiv tal-profili tal-foresta u tax-xogħol tal-injam u jkun hemm attenzjoni ffokata fuq il-vantaġġi tal-injam bħala materjal u tinxtered l-informazzjoni).

Il-miżuri li għandhom jintużaw sabiex tkun implimentata din l-istrateġija jinkludu kampanja li tirrappreżenta lin-negozju forestali/tal-injam b’mod pożittiv, it-tixrid tal-informazzjoni permezz ta’ ġurnali tad-disinn/tal-arkitettura bl-injam bħala profil u l-provvista ta’ informzzjoni lil utenti professjonali, universitajiet u istituzzjonijiet ta’ tagħlim u konsumaturi. Miżuri oħrajn jinkludu l-istabbiliment ta’ portal tal-Internet u netwerk sabiex l-informazzjoni tiġi ggwidata mill-katina tal-valuri kollha filwaqt li jagħmilha wkoll ta’ riżors ta’ informzzjoni ġenerali kif ukoll l-istabbiliment ta’ punti ta’ tlaqqigħ kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll dak reġjonali jaqdu l-ħtiġiet ta’ gruppi ta’ riċerka u żvilupp, arkitetti, disinjaturi, gruppi orjentati lejn l-IT, riċerkaturi tat-tendenzi, innovaturi u investituri, eċċ.

(ii)

L-istrateġija tal-iżvilupp tal-prodott u tal-prodotti l-ġodda (li tkopri r-realizzazzjoni ta’ possibbiltajiet, ideat u inizjattivi ġodda, fejn jingħata kontribut għall-innovazzjoni u għal kreazzjonijiet ġodda).

Il-miżuri li għandhom jintużaw jinkludu programmi ta’ żvilupp strutturali, l-istabbiliment ta’ fora għan-negozji diretti lejn il-kumpaniji ż-żgħar, proġetti ta’ innovazzjoni konnessi ma’ istituzzjonijiet differenti tat-tagħlim, kompetizzjonijiet ta’ disinn/arkitettura, l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda fis-segmenti l-ġodda tas-swieq (bħas-suq tar-rikreazzjoni; faċilitajiet/infrastruttura għaż-“żoni pubbliċi”; prodotti tal-injam għall-kura tas-saħħa, eċċ..) u proġetti ta’ żvilupp li jiffokaw fuq il-ġenerazzjoni tal-profitti fil-katina tal-valuri (bħall-materja prima, il-prodotti sekondarji, is-sengħa tal-injam, u s-sengħa elettronika). Miżuri oħrajn jinkludu l-istabbiliment ta’ forum u ta’ strutturi għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u tal-innovazzjoni, il-proġetti tal-istudenti għall-innovazzjoni u l-kompetizzjonijiet tal-arkitettura u tad-disinn sabiex jiżdied l-użu ta’ materjali speċifiċi tal-injam.

(iii)

L-istrateġija ta’ kooperazzjoni u ta’ effiċjenza (li tkopri t-titjib fl-iggwidar tal-prodotti u tal-proċessi fil-katina tal-valuri u fl-effiċjenza fl-infiq, il-ħolqien tal-valuri u l-profittabbiltà kif ukoll l-użu ottimali tar-riżorsi umani u tal-infrastruttura).

Il-miżuri jinkludu l-iżvilupp ta’ sistema integrata ta’ loġistika sabiex jittejbu ż-żmien magħżul għat-tqassim tal-prodotti u l-kwalità u l-prezz tal-prodotti, it-teknoloġija tal-informazzjoni sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż fuq il-livell tal-bejgħ/tat-tqassim u l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT għall-komunikazzjoni tul il-katina kollha tal-valuri sabiex tittejjeb il-kwalità. Miżuri oħrajn jinkludu l-kompetizzjonijiet, l-istudji preparatorji dwar l-iżvilupp ta’ sistema integrata tal-IT u d-diġitalizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prodotti tul il-katina kollha tal-valuri, il-programmi ta’ kompetenza dwar l-effiċjenza fl-infiq fl-iżvilupp tal-valur u (miżuri għal) il-ġenerazzjoni tal-profitti fil-qasam tal-industrija u tal-kummerċ forestali u tal-injam.

Il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE jispeċifikaw l-ispejjeż eliġibbli għall-SMEs, għall-attivitajiet ta’ taħriġ u għar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll għall-“investimenti” (mill-SMEs u f’żoni reġjonali). Verżjoni tradotta tad-deskrizzjonijiet tal-ispejjeż eliġibbli fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ġiet mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni bħala l-Anness I. (32)

L-intensitajiet tal-għajnuna

Filwaqt li l-Linji Gwida Interni taż-ŻEE jispeċifikaw l-intensitajiet tal-għajnuna għall-SMEs (33), l-intensitajiet tal-għajnuna għal tipi oħrajn ta’ għajnuna ġew indikati biss b’referenza għal tabella, intitolata “Ir-rati massimi ta’ finanzjament għall-iskemi amministrati minn Innovasjon Norge – id-daqs tal-intrapriża u l-oqsma eliġibbli għall-għajnuna”. It-tabella li ma tinkludix referenza għall-Iskema tal-Injam, qed tiġi riprodotta f’verżjoni tradotta fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Peress li t-tabella tirreferi għal żewġ intensitajiet differenti tal-għajnuna rigward l-istudji preparatorji għar-riċerka u l-iżvilupp taħt l-iskemi intitolati “OFU/IFU” u “Omstilling og nyskapning”, l-awtoritajiet spjegaw li hija l-intensità tal-għajnuna stabbilita għall-iskema “OFU/IFU” li ġiet applikata għall-Iskema tal-Injam. Id-differenza bejn l-intensitajiet tal-għajnuna hija li l-intensità tal-għajnuna għall-istudji tal-fattibbiltà teknika mwettqa minn intrapriżi kbar fil-kuntest ta’ riċerka pre-kompetittiva (għal intrapriżi kbar) tista’ tammonta għal 55 % taħt l-iskema “Omstilling og nyskapning” filwaqt li l-intensità korrispondenti tal-għajnuna taħt l-iskema “OFU/IFU” hija biss ta’ 50 %.

L-intensitajiet tal-għajnuna fil-kuntest tal-ko-finanzjament u l-finanzjament ta’ 100 % tal-ispejjeż

Fil-prinċipju, l-għotjiet taħt l-Iskema tal-Injam huma kundizzjonali fuq il-kontributi li r-riċeventi jagħtu fil-forma ta’ finanzjament u ta’ forza tax-xogħol. (34) Madankollu, mhemm l-ebda rekwiżit minimu għall-ko-finanzjament; anzi s-sehem tiegħu jvarja jiddependi mill-għanijiet u mill-karattru tal-proġett. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-għajnuna taħt l-Iskema tal-Injam tingħata skond l-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE, b’tali mod li, de facto, ikun hemm dejjem xi ko-finanzjament.

Minkejja dan, l-awtoritajiet spjegaw ukoll li huma jimplimentaw prattika taħt l-Iskema tal-Injam fejn ċerti proġetti jirċievu finanzjament għal 100 % tal-ispejjeż – f’liema każ mhemm l-ebda ko-finanzjament. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet irreferew għar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma li jipprovdi li: “Is-sehem tal-finanzjament taħt l-iskema jvarja skond l-għan u l-karattru tal-proġetti. L-iskema tista’ tiffinanzja [l-ispejjeż ta’] l-proġett kollu f’każ li jkun diffiċli li jiġi identifikat xiħadd li jista’ jibbenefika direttament mill-proġett, perżempju, fi proġetti purament ta’ studju jew fi studji preparatorji. Is-sehem tal-finanzjament taħt l-iskema jista’ jkun korrispondentement baxx f’każ ta’ proġetti li mistennija jkunu importanti u ta’ użu dirett għall-parteċipanti tal-proġett. Ir-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat iridu jiġu applikati. Fil-limiti ffissati minn tali regoli, għandhom jiġu żviluppati prinċipji u prattiki amministrattivi għall-iskema.” (35)

L-awtoritajiet spjegaw ukoll li l-prattika li jingħata finanzjament ta’ 100 % intużat f’każi fejn kien diffiċli li jiġu identifikati l-partijiet interessati li jibbenefikaw direttament mill-proġetti (jew fejn jitqies li l-intrapriżi individwali jirċievu benefiċċju modest biss) bħal fil-każ ta’ studji u ta’ rapporti preliminari f’oqsma speċjali fil-mira. Eżempju ta’ dan, li semmewh l-awtoritajiet, huwa l-għotja ta’ NOK 125 000 lin-Norsk Treteknisk Institutt għal proġett għall-iżvilupp tal-prodott ta’ panewijiet inċanati għal użu intern. (36) L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li r-riżultati (tal-proġett) huma aċċessibbli għall-kumpaniji membri tiegħu u li, ikun xi jkun il-każ, ħafna mill-informazzjoni tan-Norsk Treteknisk Institutt ġeneralment tkun aċċessibbli permezz tal-librerija tiegħu.

2.5.   L-għajnuna de minimis

L-awtoritajiet Norveġiżi qed isostnu li l-għotjiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi taħt l-Iskema tal-Injam jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jikkwalifikaw bħala għajnuna de minimis. L-awtoritajiet spjegaw li meta tingħata l-għajnuna de minimis, l-“ittra tal-kunsens” mibgħuta lir-riċevent tal-għajnuna tkun tinkludi referenza għal-limitu u għat-terminu ta’ żmien de minimis kif ukoll għall-obbligu tar-riċevent tal-għajnuna li jinforma lill-awtoritajiet bl-għajnuna li rċieva minn sorsi oħrajn fi żmien tliet snin mill-waqt meta ngħata l-kunsens biex jingħata l-għajnuna. (37)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet spjegaw l-eżistenza ta’ prattika amministrattiva fejn ma’ l-għajnuna mogħtija, pereżempju, għar-riċerka u l-iżvilupp, tista’ tiġi miżjuda l-għajnuna de minimis. Din il-prattika hija pprovduta speċifikatament fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE fil-verżjonijiet li jġibu d-dati ta’ Settembru 2004 u ta’ Lulju 2005. (38)

2.6.   It-tul ta’ żmien

L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-Iskema tal-Injam kienet operattiva mill-1 ta’ Lulju 2000 (jiġifieri, id-data meta setgħu jsiru applikazzjonijiet għal sostenn) u baqgħet fis-seħħ għal ħames snin, sa tmiem l-2005 (l-aħħar kunsens ingħata fit-30 ta’ Diċembru 2005). (39)

2.7.   Il-kummerċ fil-prodotti tal-injam

Mill-White Paper mill-Gvern lill-Parlament dwar il-ħolqien ta’ valur u ta’ opportunitajiet fis-settur forestali, jidher li n-Norveġja tesporta l-prodotti tal-injam tagħha lejn l-UE. F’dan ir-rigward, fit-Taqsima 4.3 tal-White Paper jiġi speċifikatament iddikjarat li “In-Norveġja tesporta bejn wieħed u ieħor 85-90 % mill-produzzjoni bl-ingrossa tal-prodotti tal-injam u tal-karti u madwar 35 % tal-produzzjoni tal-injam ippreparat. Il-provvisti lejn il-pajjiżi tal-UE jammontaw għal 70 % u 90 % rispettivament tal-esportazzjonijiet totali. Kwalunkwe strateġija jew intervent politiku fl-UE li tista’ taffetwa l-importazzjoni min-naħa tal-UE tal-prodotti tal-industrija forestali jista’ jkollha konsegwenzi sinifikanti għas-settur forestali Norveġiż”. (40) Barra minn hekk, mill-istatistiċi tal-Eurostat jidher li fl-UE hemm kummerċ estensiv fil-prodotti tal-injam. (41) Fl-aħħarnett, mill-istatistiċi prodotti minn “Statistics Norway” (Statistisk sentralbyrå) jidher li n-Norveġja timporta wkoll ammonti sostanzjali ta’ injam ippreparat, injam ipproċessat u prodotti tal-injam (“Tømmer, trelast og kork …”) mill-UE. (42)

2.8.   L-ambitu tal-Ftehim taż-ŻEE

L-Artikolu 8(3) tal-Ftehim taż-ŻEE jipprovdi li:

“Ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għal:

(a)

il-prodotti li jaqgħu fil-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika tal-Oġġetti, esklużi l-prodotti elenkati fil-Protokoll 2;

(b)

il-prodotti speċifikati fil-Protokoll 3, bla ħsara għall-arranġamenti speċifiċi stabbiliti f’dak il-Protokoll.”

L-injam u l-oġġetti tal-injam huma koperti mill-Kapitolu 44.

2.9.   Ir-raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

L-Awtorità tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq il-bażi tal-konklużjoni preliminari li l-Iskema tal-Injam tinvolvi għajnuna mill-Istat li ma tikkwalifika għall-ebda waħda mill-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Ftehim taż-ŻEE. Konsegwentement, l-Awtorità kellha xi dubji li l-Iskema tal-Injam setgħet titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. Saret referenza għall-fatt li d-dokumenti mressqa mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar l-Iskema tal-Injam ma kinux jinkludu definizzjonijiet speċifiċi tal-proġetti eliġibbli, tal-ispejjeż eliġibbli jew tal-limiti massimi għall-ammont massimu ta’ għajnuna li seta’ jingħata.

L-awtoritajiet Norveġiżi ġew mistiedna jressqu informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe struzzjoni interna li tiddetta li l-iskema għandha tiġi implimentata skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat u/jew ir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. L-Awtorità, madankollu, ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li anki jekk tali prattika amministrattiva setgħet tintwera, l-Awtorità xorta tista’ tqis l-iskema bħala li mhix kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE minħabba l-eżistenza tal-prattika taħt l-Iskema tal-Injam li jingħata sostenn ta’ 100 % lil proġetti fejn l-awtorità amministrattiċi tassumi li l-għotja ma tikkwalifikax bħala għajnuna għaliex l-attività ma tistax tiġi attribwita lil intrapriżi individwali u jitqies li tirriżulta f’benefiċċju modest biss.

Rigward jekk l-għotjiet mogħtija fuq il-bażi li d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna de minimis taħt l-Iskema tal-Injam jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifikaw bħala għajnuna de minimis skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat or jew ir-Regolament de minimis sussegwenti (li f’dan ir-rigward, mill-1 ta’ Frar 2003, issostitwixxa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat), (43) l-Awtorità kienet tal-fehma li d-dispożizzjonijiet rilevanti ma jidhirx li kienu konformi mar-regoli dwar l-għotja tal-għajnuna de minimis.

3.   Il-kummenti tal-awtoritajiet Norveġiżi

3.1.   Il-proċedura

L-awtoritajiet Norveġiżi jirrikonoxxu li l-iskema missha ġiet formalment innotifikata lill-Awtorità imma qed jargumentaw li s-sempliċi fatt li l-Iskema tal-Injam ma ġietx innotifikata ma jfissirx li l-Awtorità tista’ tikkonkludi, fuq dik il-bażi biss, li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

3.2   Is-sustanza

L-eżistenza ta’ struzzjonijiet interni jew ta’ ordnijiet awtorevoli

L-awtoritajiet Norveġiżi qed jargumentaw li, fil-prattika, kien hemm konformità mar-regoli materjali dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE. L-ewwelnett, il-Politika Superjuri ta’ Innovasjon Norge tamar li l-finanzjament kollu għandu jingħata fil-limiti ffissati minn ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti n-Norveġja. It-tieninett, il-persuni li jimmaniġġjaw il-każi ta’ Innovasjon Norge (permezz tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma) ġew ordnati jimplimentaw l-Iskema tal-Injam skond il-Ftehim taż-ŻEE. Il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE kienu żviluppati sabiex tkun iffaċilitata l-konformità mal-Ftehim taż-ŻEE. It-tieletnett, il-persuni li jimmaniġġjaw il-każi għandhom esperjenza bil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat u jipparteċipaw f’korsijiet dwar is-suġġett. Jekk ikollhom xi dubji jistgħu jitolbu parir mingħand id-dipartiment legali ta’ Innovasjon Norge.

Il-każi tal-ebda għajnuna

Rigward il-prattika ta’ finanzjament ta’ 100 % tal-ispejjeż tal-proġetti, l-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li din il-prattika tinvolvi proġetti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Ftehim taż-ŻEE jew għaliex mhi involuta l-ebda għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jew għaliex l-għajnuna ngħatat bħala għajnuna de minimis. L-awtoritajiet ipprovdew tabella li tistabbilixxi kif kien allokat il-finanzjament kollu mogħti taħt l-Iskema tal-Injam.

L-awtoritajiet jargumentaw li fi tmien każi (irrappreżentati minn żewġ eżempji) ingħatat għajnuna lil proġetti li jinvolvu prodotti (bħal “injam li għadu mhux lest biex jinqata’”) li mhumiex elenkati fil-Kapitoli 25-97 tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u b’hekk ma jaqgħux fl-ambitu tal-Ftehim taż-ŻEE.

L-awtoritajiet jiddikjaraw ukoll li l-114-il benefiċjarju taħt l-Iskema tal-Injam ma jikkwalifikawx bħala “intrapriżi” fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE għaliex il-benefiċjarji mhumiex isegwu attività ekonomika. Ħmistax-il każ qed jitqiesu bħala “Stabbilimenti Edukattivi u ta’ Riċerka”; 25 każ ta’ “Entitajiet Pubbliċi” jinvolvu sostenn lill-muniċipalitajiet; u 74 każ jikkonċernaw sostenn lil “Organizzazzjonijiet Dipartimentali”.

Rigward il-każi ta’ “Stabbilimenti Edukattivi u ta’ Riċerka” (irrappreżentanti minn żewġ eżempji, b’wieħed minnhom jinvolvi organizzazzjoni mhux bi profitt), l-awtoritajiet iqisu li dawn jaqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tat-taqsima 2.2 fil-Kapitolu 14 preċedenti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, fejn “stabbiliment ta’ riċerka ta’ edukazzjoni ogħla li ma jagħmix profitt normalment ma jkunx kopert mill-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE” u li jiddikjara li “fejn ir-riżultati ta’ proġetti ta’ R&D [riċerka u żvilupp] li jkunu ffinanzjati pubblikament u jitwettqu minn tali stabbilimenti, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-industrija Ewropea fuq bażi mhux diskriminatorja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tassumi li l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE ma tkunx normalment involuta”.

L-awtoritajiet Norveġiżi qed jargumentaw li l-għajnuna lil “Organizzazzjonijiet Dipartimentali” (li jikkonsistu minn organizzazzjonijiet ta’ interess mhux għall-profitt involuti fit-tixrid tal-informazzjoni) ma tinvolvix għajnuna mill-Istat għaliex il-finanzjament ma jkunx dirett (direttament) lejn l-intrapriżi imma jiġi ggwidat permezz tal-organizzazzjonijiet dipartimentali li ma jitqisux bħala intrapriżi. Qed issir referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward Asetra li, skond l-awtoritajiet Norveġiżi, kienet eżonerata għaliex Asetra ma kinitx intrapriża fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. (44) Qed jiġi argumentat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet interpretat “il-kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ ” f’diversi kawżi u li fil-Kawża C-143/99 Adria Wien ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jindika li trid tinqata’ linja bejn vantaġġi astratti (jiġifieri, spejjeż li normalment ma jkunux “inklużi fil-baġit” tal-intrapriża) u dawk li jkunu inklużi fil-baġit. (45)

L-awtoritajiet qed jargumentaw ukoll li f’31 każ ieħor (li qed jingħataw diversi eżempji minnhom), il-benefiċjarji ma rċevewx vantaġġ ekonomiku peress li bi tpattija pprovdew servizz u b’hekk il-każi ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

L-għajnuna de minimis

L-awtoritajiet Norveġiżi jirreferu għall-ittra ta’ kunsens li tiddikjara li r-riċevent irid jipprovdi informazzjoni “dwar l-għajnuna li rċieva fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet potenzjalment ġodda għal għajnuna pubblika […] Dan l-obbligu idum għal tliet snin minn żmien l-ittra ta’ kunsens. Ir-riċevent tal-għajnuna ma jistax jirċievi għajnuna de minimis li teċċedi totali ta’ EUR 100 000 (bejn wieħed u ieħor NOK 815 000) tul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin”.

L-awtoritajiet qed jargumentaw li r-referenza għal “kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin” tagħmilha ċara li r-riċevent tal-għajnuna mhux f’pożizzjoni li jirċievi għajnuna de minimis waqt kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin kemm jekk qabel kif ukoll jekk wara l-ittra ta’ kunsens. L-obbligu li jressaq informazzjoni dwar l-għajnuna riċevuta fit-tliet snin minn żmien l-ittra ta’ kunsens irid jiġi interpretat fil-kuntest tat-test rigward l-obbligu li r-riċevent ma jirċevix għajnuna tul “l-ebda” perjodu ta’ tliet snin. Skond l-awtoritajiet, dan jiżgura konformità mar-Regolament de minimis. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jiddikjaraw li, ikun xi jkun il-każ, il-parti l-kbira tal-għotjiet tal-għajnuna jkunu taħt il-limitu de minimis.

Minkejja dan, l-awtoritajiet spjegaw li “f’ [ċerti] każi ma kienx hemm konformità mal-qafas [proċedurali] tal-għajnuna de minimis peress li tqies li l-għajnuna [kienet] konformi mar-regoli sostanzjali u ma’ l-eżenzjonijiet ta’ kategorija tal-għajnuna lill-SMEs, għall-R&D u għat-taħriġ”. L-awtoritajiet sussegwentement spjegaw li r-referenza għan-nuqqas ta’ konformità mar-“regoli proċedurali” ifisser li f’10 każi, ingħatat għajnuna sa l-intensità tal-għajnuna permessa imma ġiet miżjuda b’għajnuna de minimis mingħajr ma’ r-riċevent kien informat bl-element de minimis tal-għajnuna.

Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

L-awtoritajiet Norveġiżi qed jargumentaw li l-Awtorità ma tatx biżżejjed attenzjoni lill-prattiki u lill-proċeduri li segwiet Innovasjon Norge meta vvalutat il-kompatibbiltà tal-għajnuna.

Bażikament, l-awtoritajiet qed jiddikjaraw li taħt l-Iskema tal-Injam ma ngħatat l-ebda għajnuna bħala għajnuna reġjonali u li l-istampa ġenerali (mehmuża mal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE), li tistabbilixxi l-intensitajiet massimi tal-għajnuna (inkluża l-għajnuna reġjonali) setgħet wasslet għal dan in-nuqqas ta’ ftehim. Immedjatament wara, l-awtoritajiet iddikjarw li, madankollu, hemm eżempji fejn l-għajnuna ngħatat sa l-intensijiet massimi permessi tal-għajnuna għall-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp imma miżjuda b’bonus ta’ għajnuna reġjonali ta’ 5 %. L-għajnuna lil Trysil Skog AS tissemma bħala eżempju.

Rigward it-78 każ ta’ riċerka u żvilupp (li minnhom jissemmew tliet eżempji), l-awtoritajiet qed jargumentaw li l-għajnuna ngħatat f’konformità mal-prinċipji materjali fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Tqies il-punt safejn proġett jipprevedi l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida, ta’ għarfien ġdida jew ta’ metodi ġodda u ngħatat prijorità lill-proġetti l-aktar innovattivi. Tqies ukoll jekk il-proġett hux eliġibbli għal finanzjament minn sorsi oħrajn, bħal taħt l-iskema “Skattefunn”.

L-awtoritajiet qed jargumentaw li għalkemm it-titolu u r-referenza tal-pubblikazzjoni għar-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs u għat-taħriġ ma ġewx iċċitati fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE, ir-regolamenti “sa ċertu punt, ġew inkorporati”.

II.   IL-VALUTAZZJONI

1.   Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jipprovdi li:

“Ħlief jekk ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stati Membri tal-KE, minn Stati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, tkun li tkun, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew lill-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, sakemm taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, għandha tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.”

Sabiex miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, din trid tissodisfa l-erba’ kriterji kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tagħti vantaġġ ekonomiku lir-riċeventi li ma jiġix riċevut matul l-andament normali tan-negozju; (ii) il-vantaġġ irid jingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (iii) il-miżura trid tkun selettiva billi tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti; u (iv) trid tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffetwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

1.1.   Il-vantaġġ ekonomiku

Il-miżura trid tagħti lir-riċeventi vantaġġ ekonomiku li ma jiġix riċevut fl-andament normali tan-negozju.

Taħt l-Iskema tal-Injam, l-awtoritajiet Norveġiżi jagħtu għotjiet finanzjarji lil kumpaniji, awtoritajiet, assoċjazzjonijiet tan-negozju, unjins, eċċ., li jistgħu jagħtu kontribut għall-għanijiet tal-iskema. L-intrapriżi li jibbenefikaw minn tali għotjiet jirċievu vantaġġ ekonomiku, jiġifieri, l-għotja, li kieku ma jirċevux fl-andament normali tagħhom tan-negozju tagħhom.

1.2.   Il-preżenza tar-riżorsi tal-Istat

Il-vantaġġ irid jingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

L-għotjiet mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam jiġu ffinanzjati mill-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Ikel u jiġu direttament mill-baġit tal-Istat.

1.3.   Tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti

Il-miżura trid tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti.

Minn diversi xogħlijiet leġiżlattivi preparatorji (bħall-White Paper, ir-Rakkomandazzjoni u r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma) li wasslu għall-istabbilment tal-Iskema tal-Injam, jidher li l-iskema għandha l-għan li ttejjeb (i) il-valur fin-negozju tal-ipproċessar tal-injam, u (ii) ir-relazzjonijiet fuq livelli differenti ta’ kummerċ bejn il-foresta u s-suq (li jinkludi l-provvista ta’ materja prima lill-industrija tal-ipproċessar tal-injam), flimkien ma’ għan ġenerali li jiżdied l-użu effettiv tax-xogħol tal-injam.

B’hekk, l-għotjiet taħt l-Iskema tal-Injam jingħataw biss fejn jitqies li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-settur tal-ipproċessar tal-injam u għall-industriji relatati tal-injam kif ukoll għall-provvista ta’ materja prima lil tali industriji. L-Iskema tal-Injam għalhekk tiffavorixxi lil intrapriżi fis-settur tal-industrija tal-injam, bl-esklużjoni ta’ setturi oħrajn, u b’hekk għandha natura selettiva. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-EFTA sostniet li miżura tista’ tkun selettiva anki jekk tkopri lil (intrapriżi fi) settur sħiħ. (46)

Għandu jiġi nnotat li għalkemm l-għotjiet taħt l-Iskema tal-Injam jistgħu jingħataw ukoll lil intrapriżi f’industriji oħrajn, (pereżempju fejn l-industriji jesploraw l-użu tal-injam flimkien ma’ materjali oħrajn), din il-possibbiltà hija miftuħa biss għall-industriji li jistgħu jagħtu kontribut għall-għan ġenerali tal-Iskema tal-Injam ta’ valur li jittejjeb b’mod ġenerali fin-negozju tal-ipproċessar tal-injam. Għaldaqstant, l-Awtorità tqis li anki din il-possibbiltà fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tiffavorixxi lil intrapriżi fl-industriji tal-ipproċessar tal-injam u fl-industriji relatati ma’ l-injam.

1.4.   It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti

Il-miżuri jridu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffetwaw lill-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Taħt l-Iskema tal-Injam, l-awtoritajiet Norveġiżi jagħtu għotjiet lil intrapriżi fl-industriji tal-ipproċessar tal-injam (u f’industriji relatati). L-industrija Norveġiża tesporta sehem kbir mill-injam ippreparat u mill-prodotti rfinuti tal-injam bl-ingrossa tagħha (sa 90 %) lejn pajjiżi oħrajn taż-ŻEE fejn hemm kummerċ intensiv fil-prodotti tal-injam. Barra minnhekk, in-Norveġja timporta wkoll injam ippreparat, injam ipproċessat u prodotti tal-injam mill-UE. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-għotja ta’ sostenn lil intrapriżi taħt l-Iskema tal-Injam se ssaħħaħ il-pożizzjoni tar-riċeventi meta pparagunati ma’ intrapriżi oħrajn li jinsabu fin-Norveġja jew f’pajjiżi oħrajn taż-ŻEE u li jikkompetu fin-negozji tal-ipproċessar tal-injam (u f’negozji relatati). Barra minn hekk, peress li l-injam huwa sempliċement materja prima fost oħrajn li tintuża fin-negozju tal-kostruzzjoni, l-għotjiet li jirċievu l-kumpaniji ta’ kostruzzjoni taħt l-Iskema tal-Injam se jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom meta pparagunati ma’ intrapriżi oħrajn li qed jikkompetu fin-negozju tal-kostruzzjoni. (47)

Fuq din il-bażi, l-Awtorità tqis li l-għotja ta’ sostenn finanzjarju lill-intrapriżi taħt l-Iskema tal-Injam se tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffetwa l-kummerċ.

1.5.   Konklużjoni u l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna

Fid-dawl ta’ dak li ngħad aktar ’il fuq, il-konklużjoni tal-Awtorità hija li l-Iskema tal-Injam tissodisfa t-test fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE u b’hekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li wħud mill-għotjiet individwali mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam ma jaqgħux fl-ambitu tal-Ftehim taż-ŻEE jew ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat.

L-Awtorità hija tal-fehma (li mhix ikkontestata mill-awtoritajiet Norveġiżi) li l-Iskema tal-Injam hija att li, fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa aktar miżuri implimentattivi, jistgħu jingħataw għotjiet ta’ għajnuna individwali lill-intrapriżi ddefiniti fl-att b’mod ġenerali u astratt. L-Iskema għalhekk tikkwalifika bħala skema ta’ għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 1(d) tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tfakkar li fil-Kawża C-310/99, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li: “Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għad-deċiżjoni kkontestata li tinkludi analiżi tal-għotja mogħtija f’każi individwali fuq il-bażi tal-iskema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li hemm għalfejn li wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni indivdwali ta’ kull intrapriża kkonċernata.” (48) Skond dik il-ġurisprudenza, l-Awtorità vvalutat l-Iskema tal-Injam fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-iskema (aktar milli l-ispeċifiċitajiet tal-għotjiet individwali taħt l-iskema). L-argumenti tal-awtoritajiet Norveġiżi ma jistgħux jaffetwaw dik il-valutazzjoni imma se jidħlu fil-kwistjoni jekk u meta jiġi diskuss l-irkupru. Il-konklużjoni rigward il-kompatibbiltà jew le tal-iskema mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE ma tippreġudikax il-kwistjoni tal-irkupru f’eżempji individwali fejn ingħatat l-għajnuna. Kif ġie nnotat fis-sentenza kkwotata aktar ’il fuq, dak huwa t-tieni pass u l-irkupru se jkun ordnat biss f’dawk il-każi fejn id-dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu effettivament inkisru.

L-Awtorità tosserva li l-awtoritajiet Norveġiżi ma kkontestawx li l-Iskema tal-Injam tippermetti l-għotja ta’ finanzjament lir-riċeventi rigward il-prodotti koperti mill-Ftehim taż-ŻEE, bħall-injam. L-awtoritajiet Norveġiżi lanqas ma kkontestaw li l-Iskema tal-Injam tinkludi l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati entitajiet li jikkwalifikaw bħala intrapriżi fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Fl-aħħarnett, mhux ikkontestat li l-Isema tal-Injam ma ffinanzjatx esklussivament lill-benefiċjarji li pprovdew servizz bi tpattija.

Fi kliem ieħor, l-iskema stess ipprevediet l-għotja ta’ għajnuna mill-Istat. Il-possibbiltà li ċerti riċeventi taħt l-Iskema tal-Injam jistgħu ma jaqgħux taħt l-ambitu tal-Ftehim taż-ŻEE (b’referenza għall-fatt li l-prodotti tagħhom ma jkunux koperti mill-Ftehim, jew li huma stess ma jkunux intrapriżi fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE) ma tbiddilx il-kwalifika tal-Iskema tal-Injam bħala skema tal-għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Ir-rekwiżiti proċedurali

Skond l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tiġi informata, fi żmien biżżejjed sabiex tkun tista’ tressaq il-kummenti tagħha, bi kwalunkwe pjan biex tingħata jew titbidell l-għajnuna […]. L-Istat ikkonċernat m’għandux jimplimenta l-miżuri proposti tiegħu sakemm il-proċedura tkun irriżultat f’deċiżjoni finali”.

L-Awtorità l-ewwel tosserva li minħabba l-fatt li l-Kapitolu 44 tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika tal-Oġġetti (tal-injam u tal-oġġetti tal-injam) huwa kopert mill-Ftehim taż-ŻEE, l-Iskema tal-Injam trid tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Ftehim. L-awtoritajiet Norveġiżi ma nnotifikawx l-Iskema tal-Injam qabel l-implimentazzjoni tagħha u għalhekk ma rrispettawx l-obbligu li kellhom skond l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. L-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam għalhekk tikkostitwixxi “għajnuna illegali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

Bħala punt preliminari, l-Awtorità tinnota li filwaqt li l-Iskema tal-Injam tinkludi dettalji pereżempju, dwar għanijiet u spejjeż eliġibbli, ma jidher li kienet tinkludi l-ebda kundizzjoni fejn kellha tingħata l-għajnuna. Skema bla ebda limitu speċifiku għall-għoti tal-għajnuna (. rigwrd l-intensità tal-għajnuna) mhix xiħaġa li tista’ tiġi awtorizzata mill-Awtorità bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. Il-fatt li, fil-prattika, il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità setgħu ġew irrispettati f’każi individwali ma jbiddilx din il-pożizzjoni imma, kif ġie nnotat aktar ’il fuq fil-punt I-1.5, sempliċement għandu effett fuq jekk l-irkupru hux meħtieġ.

Madankollu, f’dan il-kuntest, l-Awtorità tosserva li l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li -referenza fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma għall-implimentazzjoni tal-iskema fuq il-bażi ta’ “prinċipji u prattiki” fil-limiti tad-dritt taż-ŻEE hija referenza impliċita għal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE. L-Awtorità tifhem li l-argument huwa li dawk il-Linji Gwida, li jistabbilixxu, pereżempju, l-intensitajiet massimi tal-għajnuna permessi skond id-dritt taż-ŻEE f’diversi sitwazzjonijiet, kellhom jitqiesu bħala r-regoli tal-Iskema u l-kundizzjonijiet li fuqhom kellha tingħata l-għajnuna taħt l-Iskema tal-Injam. Fi kliem ieħor, l-Iskema kienet tinkludi sett identifikabbli ta’ regoli li jillimitaw l-għotja tal-għajnuna taħt l-Iskema.

Sal-punt li l-awtoritajiet Norveġiżi jinnotaw li “il-Linji Gwida jiġu kontinwament riveduti” għandu jitfakkar li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna illegali tal-Istat mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE għandha tiġi vvalutata skond il-kriterji sostantivi stabbiliti fl-istrument fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna jew, fil-każ ta’ skema, meta l-iskema kienet stabbilita. Barra min hekk, kull reviżjoni tar-regoli ta’ skema trid tiġi vvalutata sabiex jiġi ddeterminat jekk tikkostitwix bidla fl-iskema fit-tifsira tad-Deċiżjoni 195/04/COL. (49) Il-valutazzjoni t’aktar ’l isfel għalhekk tanalizza jekk il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ta’ Innovasjon Norge, inklużi l-bidliet sussegwenti fihom, bħar-regoli tal-Iskema tal-Injam, setgħux jitqiesu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE u b’mod partikolari mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità u mar-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija peress li kienu applikabbli f’kull waqt minn dawn.

3.1.   Il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 61(2) tal-Ftehim taż-ŻEE

L-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 61(2) tal-Ftehim taż-ŻEE ma tapplika f’dan il-każ peress li l-Iskema tal-Injam mhix immirata lejn l-għanijiet elenkati f’dawk id-dispożizzjonijiet.

3.2.   Il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE

Miżura ta’ għajnuna mill-Istat titqies li hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skond l-Artikolu 61(3)(a) tal-Ftehim taż-ŻEE meta tkun imfassla sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn l-istandard tal-għajxien ikun baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm livelli serji ta’ qgħad. Madankollu, peress li mhemm l-ebda żona bħal din iddefinita mill-mappa Norveġiża tal-għajnuna reġjonali, din id-dispożizzjoni mhix rilevanti. (50)

Barra minn hekk, l-eċċezzjoni fl-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE ma tapplikax peress li l-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam mhix maħsuba biex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew li tkun ta’ rimedju għal disturb serju fl-ekonomija tan-Norveġja.

Madankollu, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 61(3)(c) ŻEE li tipprovdi li l-għajnuna mill-Istat tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni fejn tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi u ma taffetwax ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni, tista’ tkun applikabbli. Dan huwa minnu jekk il-miżura tkun konformi mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jew ma’ kwalunkwe Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija applikabbli.

L-għajnuna reġjonali

L-intrapriżi jsiru eliġibbli għall-għajnuna reġjonali meta jkunu stabbiliti f’ċerti reġjuni ddefiniti b’referenza għall-mappa Norveġiża tal-għajnuna reġjonali, li ssemmiet aktar ’il fuq, u meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna reġjonali. (51)

L-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li l-għajnuna taħt l-Iskema tal-Injam ma ngħatatx fil-forma ta’ għajnuna reġjonali. Madankollu, l-Awtorità tosserva li l-Iskema tal-Injam ġiet implimentata fuq il-bażi tal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE li jipprovdu għall-possibbiltà li tingħata għajnuna reġjonali (għall-investiment). (52) Barra minn hekk, l-awtoritajiet irreferew għal każi fejn l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp ġiet miżjuda b’bonus ta’ 5 % ta’ għajnuna reġjonali (Trysil Skog AS hija eżempju wieħed).

L-Awtorità tosserva li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-għotja tal-għajnuna reġjonali jridu jiġu sodisfatti anki f’każi fejn jingħata l-bonus tal-għajnuna reġjonali. Madankollu, la r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma u lanqas il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ma jirreferu għall-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex tingħta l-għajnuna reġjonali, bħall-identifikazzjoni tal-benefiċċji reġjonali (fil-forma ta’ investiment produttiv jew ta’ ħolqien ta’ impjiegi), u lanqas ma jinkludu referenza għall-mappa tal-għajnuna reġjonali tan-Norveġja. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-Awtorità ma tistax isserraħ moħħha li d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reġjonali taħt l-Iskema tal-Injam huma skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna reġjonali.

L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp

L-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp tista’ titqies li hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. (53) Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jistabbilixxu d-definizzjonijiet ta’ tipi differenti ta’ riċerka u żvilupp, jiġfieri, ir-“riċerka fundamentali”, ir-“riċerka industrijali” u l-“attività ta’ żvilupp pre-kompetittiv” u l-intensitajiet rispettivi tal-għajnuna li japplikaw għal kull waħda minn dawn il-kategoriji.

L-Awtorità tosserva li r-riċerka eliġibbli, l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar ir-riċerka u l-iżvilupp ħlief rigward l-istudji tekniċi preparatorji. Filwaqt li t-tabella tal-intensitajiet tal-għajnuna fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE għall-istudji tekniċi preparatorji mwettqa mill-intrapriżi l-kbar fil-kuntest ta’ riċerka pre-kompetittiva tirreferi għal żewġ intensijiet tal-għajnuna differenti, jiġifieri, 50 % u 55 %, (54) il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat espliċitament jipprovdu li, għar-riċerka pre-kompetittiva, il-kombinazzjoni tal-bonusijiet ma tistax tirriżulta f’intensità tal-għajnuna li teċċedi l-50 %. (55)

Meta jitqies li waħda mill-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE mhix skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat u li mhemm l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ struzzjoni lill-persuni li jimmaniġġjaw il-każi biex japplikaw l-intensità tal-għajnuna għall-iskema OFU/IFU, li hija skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, jidher li r-regoli tal-Iskema tal-Injam jipprevedu intensità possibbli tal-għajnuna li teċċedi l-ammont massimu stabbilit fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-Awtorità ma rċeviet l-ebda argument biex taċċetta intensità akbar tal-għajnuna minn dik stabbilita fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

L-għajnuna għall-SMEs u l-għajnuna għat-taħriġ

L-għajnuna mogħtija skond ir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs u/jew l-għajnuna għat-taħriġ titqies li hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE sakemm l-iskema tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament rilevanti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u tinkludi referenza espliċita għalih (billi jiġu ċċitati t-titolu u r-referenza tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (56) Madankollu, la l-baġits tal-Istat u lanqas ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jew kwalunkwe wieħed mix-xogħlijiet leġiżlattivi preparatorji l-oħra rigward l-Iskema tal-Injam ma jinkludu referenza għall-applikazzjoni ta’ Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs jew għar-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għat-taħriġ. Barra minn hekk, l-Awtorità ma rċeviet l-ebda informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Norveġiżi dwar l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet Norveġiżi, għalhekk, ma kinux konformi mar-rekwiżiti fir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u għaldaqstant ma jistax jitqies li l-Iskema tal-Injam hija konformi ma’ l-eżenzjonijiet ta’ kategorija.

Minkejja dan, jista’ jitqies li l-Iskema tal-Injam hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE fid-dawl tal-prinċipji materjali stabbiliti fir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs u għat-taħriġ. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tosserva li d-definizzjonijiet, l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna kollha dwar l-għajnuna għat-taħriġ fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE (57) jikkorrispondu għar-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għat-taħriġ. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet, l-ispejjeż eliġibbli u l-intensità applikabbli tal-għajnuna għas-servizzi ta’ konsulenza u għall-fieri għall-SMEs fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE (58) jikkorrispondu għar-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-SMEs.

Madankollu, skond it-taqsima 4.3.2 tal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE, l-għajnuna għall-SMEs tista’ tingħata għal “netwerk u kooperazzjoni” li huma finijiet li, b’mod ċar, jaqgħu barra mill-ambitu tad-dispożizzjonijiet materjali fir-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-SMEs. Għalhekk il-kwistjoni hija jekk finanzjament għal tali finijiet jistax jitqies kompatibbli fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-SMEs jew fuq il-bażi tal-prinċipji materjali stabbiliti hemmhekk direttament skond l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE. (59)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jiddikjaraw li jista’ jingħata finanzjament lill-SMEs għal “kooperazzjoni” sakemm il-kompetizzjoni ma tkunx affetwata sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Fuq din il-bażi, l-Awtorità tqis li l-possibbiltà fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE li l-SMEs jiġu ffinanzjati għall-“identifikazzjoni tal-imsieħba tax-xogħol, għall-istrateġiji u għall-formalizzazzjoni tal-kooperazzjoni waqt il-fażi ta’ stabbiliment” jistgħu jkunu aċċettabbli.

B’kuntrast, l-Awtorità tqis li l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati “azzjonijiet konġunti straordinarji” mhux identifikati (60) waqt il-“fażi operattiva” tiftaħ il-possibbiltà li jiġu ffiunanzjati firxa wiesgħa ta’ miżuri, ikun meta jkun, li mhux bilfors ikunu jaqgħu fl-ambitu tal-kooperazzjoni bejn l-SMEs u għalhekk jistgħu jaffetwaw il-kompetizzjoni sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Meta saru xi mistoqsijiet dwar din il-kwistjoni lill-awtoritajiet Norveġiżi, l-awtoritajiet argumentaw li l-finanzjament skond din id-dspożizzjoni huwa mmirat biss lejn is-servizzi ta’ konsulenza. Madankollu, fl-istess kuntest l-awtoritajiet iddikjaraw li d-dispożizzjoni nfetħet ukoll għall-possibbiltà li jiġu ffinanzjati “servizzi relatati” fil-kuntest tal-għajnuna għan-netwerks.

L-Awtorità tqis li fuq il-bażi ta’ tali dispożizzjonijiet vagi u miftuħa, hija ma tistax isserraħ moħħha li r-regoli tal-iskema rigward il-finanzjament għall-SMEs huma skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-SMEs jew skond il-prinċipji materjali inklużi hemmhekk u għalhekk ma jistgħux jiġu approvati skond l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

Il-prattika li jiġu ffinanzjati 100 % tal-ispejjeż tal-proġett

Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jipprovdi li l-iskema tista’ tiffinanzja l-ispejjeż kollha tal-proġett f’każ li jkun diffiċli li jiġi identifikat xiħadd li jista’ jibbenefika direttament mill-proġett. L-awtoritajiet spjegaw li finanzjament ta’ 100 % tal-ispejjeż tal-proġett isir, pereżempju, f’każi fejn ikun diffiċli li jiġu identifikati l-benefiċjarji diretti, jew jitqies li r-riċeventi jirċievu benefiċċju modest biss (jiġifieri, studji u rapporti preliminari f’oqsma speċjali fil-mira), fuq il-bażi li f’dawn il-każi ma tkun preżenti l-ebda għajnuna. (61)

Rigward din il-prattika, iridu jsiru ż-żewġ kummenti li ġejjin: 1) għalkemm l-awtoritajiet Norveġiżi jirreferu għal studji u rapporti preliminari bħala eżempji ta’ każi fejn mhi involuta l-ebda għajnuna, il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar ir-riċerka u l-iżvilupp jistabbilixxu l-intensitajiet massimi tal-għajnuna għall-istudji ta’ fattibbiltà teknika li juri li l-finanzjament għall-istudji (anki ta’ karattru preparatorju) jista’ jinvolvi għajnuna mill-Istat (62); u 2) sakemm l-ammont tal-għajnuna involuta ikun taħt il-limitu de minimis, li r-riċevent jirċievi benefiċċju modest, minnu nnifsu ma jeskludix il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat.

Fuq din il-bażi, l-Awtorità tqis li l-prattika li jiġu ffinanzjati 100 % tal-ispejjeż ta’ proġett mhix ibbażata fuq kriterji li għandhom jiżguraw li l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat ġiet eskluża u peress li finanzjament ta’ 100 % mhux aċċettabbli skond l-ebda taqsima tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, f’dan il-każ lanqas ma ġie argumentat li tali intensità tal-għajnuna tkun iġġustifikata direttament skond l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità tqis li skema li tippermetti tali prattika mhix kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

Konklużjonijiet

Kif jidher minn dak li ngħad aktar ’il fuq, fuq diversi punti, l-Iskema tal-Injam mhix konformi mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat u ma tikkwalifikax għall-eċċezzjoni direttament skond l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE. Għaldaqstant, l-Awtorità tqis li l-Iskema tal-Injam ma tistax titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

3.3.   L-għajnuna de minimis

Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, l-Iskema tal-Injam tinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kundizzjonijiet, li meta jiġu sodisfatti, jiżguraw li l-għotjiet jikkwalifikaw bħala għajnuna de minimis. L-Awtorità tqis li d-dispożizzjonijiet rilevanti taħt l-Iskema tal-Injam mhumiex konformi mar-regoli de minimis.

L-għotja ta’ għajnuna tista’ tikkwalifika bħala de minimis skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jew skond ir-Regolament de minimis sussegwenti bil-konsegwenza li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE u li ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ notifika. Peress li l-Iskema tal-Injam kienet implimentata bejn l-1 ta’ Lulju 2000 u tmiem l-2005, iż-żewġ settijiet tar-regoli de minimis huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-iskema. (63)

Kemm ir-Regolament de minimis kif ukoll il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jipprovdu li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħtu għajnuna de minimis biss wara li l-ewwel ikunu vverifikaw li l-amont totali tal-għajnuna de minimis li tkun irċeviet il-kumpanija ma jiżdiedx minħabba għajnuna de minimis oħra li tkun irċeviet matul it-tliet snin preċedenti. Skond kemm ir-Regolament de minimis kif ukoll il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, mod aċċettabbli biex jiġi vverifikat il-limitu de minimis huwa billi tinkiseb informazzjoni dwar din il-kwistjoni mingħand ir-riċevent. (64)

Meta tingħata għajnuna de minimis taħt l-Iskema tal-Injam, issir referenza għar-regoli de minimis u r-riċeventi jiġu informati b’obbligu li jinformaw lill-awtoritajiet b’għajnuna de minimis oħra li jkunu rċevew tliet snin wara li ngħata l-kunsens biex jirċievu l-għajnuna de minimis.

Fid-deċiżjoni li tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità kienet tal-fehma li peress li dan l-obbligu ta’ informazzjoni jikkonċerna biss lil għajnuna de minimis li kienet riċevuta wara li ġiet riċevuta l-għajnuna taħt l-Iskema tal-Injam, ir-riċeventi ma ġewx meħtieġa jressqu informazzjoni dwar jekk irċevewx kwalunkwe għajnuna de minimis qabel ma rċevew l-għajnuna de minimis taħt l-Iskema tal-Injam. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li l-ittra ta’ kunsens tirreferi wkoll għar-regola li l-għajnuna li tkun ġiet riċevuta tul “kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin” ma tistax teċċedi l-limitu de minimis.

L-Awtorità tosserva li r-rekwiżit li r-riċevent irid jinforma rigward għajnuna mogħtija “minn żmien l-ittra ta’ kunsens” jikkontradixxi r-referenza għar-regola li l-għajnuna riċevuta waqt “kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin” ma tistax teċċedi l-limitu de minimis. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-Awtorità tista’ sserraħħ moħħha li riċevent jipperċepixxi b’mod ċar li dan il-messaġġ huwa obbligu li jinforma rigward l-għajnuna li rċieva waqt “kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin”. Għaldaqstant, l-Awtorità qed iżżomm il-pożizzjoni inizjali tagħha li, sakemm id-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandhom jitqiesu bħala parti mir-regoli tal-iskema, ma jistax jiġi konkluż li dawn jiżguraw ex ante li hemm konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis. (65)

Barra minn dan, l-Awtorità tosserva li, għallinqas fil-verżjonijiet tal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE ta’ Settembru 2004 u ta’ Lulju 2005, l-Iskema tal-Injam ipprovdiet għal prattika fejn l-għajnuna mill-Istat approvata, pereżempju, għar-riċerka u l-iżvilupp, setgħet tiġi miżjuda b’aktar għajnuna mogħtija bħala għajnuna de minimis. (66) Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Kahla Porzellan GmbH, l-Awtorità tqis li jekk l-għajnuna teċċedi l-limitu de minimis – minħabba l-finanzjament totali mogħti lill-istess intrapriża fi żmien tliet snin – l-ammont totali jrid jitqies bħala għajnuna mill-Istat. (67) Fuq din il-bażi, l-Awtorità tqis li prattika fejn il-limitu de minimis jiġi rrispettat biss għal parti mill-għajnuna mogħtija lil intrapriża timplika, essenzjalment, li l-ammont totali mogħti jista’ jeċċedi l-limitu de minimis. (68)

Minħabba dak li ngħad aktar ’il fuq, l-Awtorità tqis li d-dispożizzjonijiet rilevanti taħt l-Iskema tal-Injam mhumiex konformi mar-regoli de minimis u li għaldaqstant l-Iskema ma tistax tkun approvata bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

4.   Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità hija tal-fehma li l-Iskema tal-Injam tinvolvi l-għotja ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE li mhix kompatibbli mal-Ftehim. Madankollu, skond il-prattika tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-Awtorità tqis li għalkemm l-Iskema tal-Injam, meta meqjusa bħala skema, mhix kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE, l-għotjiet ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-SMEs u/jew dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, jew mar-regoli materjali fir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs u għat-taħriġ tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. (69)

Peress li l-Iskema tal-Injam ma ġietx innotifikata lill-Awtorità, kwalunkwe għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam tikkostitwixxi għajnuna illegali fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. Mill-Artikolu 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jirriżulta li l-Awtorità għandha tiddeċiedi li l-għajnuna illegali li mhix kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat skond il-Ftehim taż-ŻEE trid tiġi rkuprata mill-benefiċjarji. Madankollu, dan kollu huwa mingħajr preġudizzju għal (i) għotjiet ta’ għajnuna individwali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għajnuna de minimis skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat or ir-Regolament de minimis; u (ii) jiġi konkluż li l-għotjiet individwali huma kompatibbli fuq il-bażi tal-konformità mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-SMEs u/jew ir-riċerka u l-iżvilupp, jew mar-regoli materjali fir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs u għat-taħriġ, u li jissodisfaw l-intensijiet rilevanti tal-għajnuna stabbiliti hemmhekk,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iskema tal-Injam mhix kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

L-għotjiet ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jew fir-Regolament de minimis, liema minnhom kien applikabbli fi żmien l-għotja.

Artikolu 3

L-għotjiet tal-għajnuna individwali mogħtija taħt l-Iskema tal-Injam li jissodisfaw il-kriterji fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-SMEs u/jew ir-riċerka u l-iżvilupp, jew mar-regoli materjali fir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna għall-SMEs u għat-taħriġ, huma kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE sa l-ammont tal-intensijiet ammissibbli tal-għajnuna.

Artikolu 4

L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupraw l-għajnuna li tissemma fl-Artikolu 1 għajr dik li tissemma fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 5

L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali sakemm dawn jippermettu t-twettiq immedjat u effettiv tad-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tkun irkuprata għandha tinkludi l-imgħax u l-imgħax kompost mid-data meta kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħha. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-Artikolu 9 fid-Deċiżjoni Nru 195/04/COL. (70)

Artikolu 6

L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jinformaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ħadu sabiex ikunu konformi magħha.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 8

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2008.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

Per SANDERUD

Il-President

Kurt JAEGER

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-Awtorità”.

(2)  Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

(3)  Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

(4)  Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat – Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u tal-Artikolu 1 tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU L 231, 3.9.94, p. 1, Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1. Il-Linji Gwida kienu emendati l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 154/07/COL tal-Awtorità tat-3 ta’ Mejju 2007. Minn hawn ’il quddiem se jissejħu il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat”.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20); Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5). Dan ir-Regolament tal-aħħar jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30) u l-Kapitolu 12 fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (adottati bid-Deċiżjoni Nru 54/96/COL tal-Awtorità tal-15 ta’ Mejju 1996, ĠU L 245, 26.9.1996, p. 28). Ir-Regolamenti kollha li ssemmew aktar ’il fuq ġew inkorporati fl-Anness 15 għall-Ftehim taż-ŻEE (fil-punti 1(d)-(f)).

(6)  ĠU C 272, 9.11.2006, p. 19, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 55, 9.11.2006.

(7)  Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar tali korrispondenza, qed issir referenza għad-Deċiżjoni Nru 147/06/COL biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li sommarju tagħha qed jiġi ppubblikat fil-ĠU C 272, 9.11.2006, p. 19, u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 55, 9.11.2006. Id-deċiżjoni sħiħa qed tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità: www.eftasurv.int

(8)  Id-dettalji tal-pubblikazzjoni huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 t’aktar ’il fuq.

(9)  It-Taqsima 7.3.3 tal-White Paper.

(10)  It-Taqsima 7.3.3 tal-White Paper.

(11)  It-Taqsima 2.4.1 tal-White Paper.

(12)  It-Taqsima 6.1.1 tal-White Paper. Rigward l-attenzjoni ffokata fuq l-industrija Norveġiża, it-Taqsima 6.1.1 tal-White Paper tiddikjara wkoll (traduzzjoni tal-Awtorità): “Sabiex jiżdied il-ħolqien ta’ valur, huwa importanti li jitqiesu kemm il-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż fuq il-livell tal-ipproċessar u tal-bejgħ kif ukoll dak li jiġu miżjuda u jittejbu l-użu/esplojtazzjoni tax-xogħol tal-injam prodott fin-Norveġja.”

(13)  It-Taqsima 1.4 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma tiddikjara li l-Iskema tal-Injam ma tkoprix il-kultura, l-infrastruttura, it-trasport, l-oqsma u l-prodotti forestali għal finijiet ta’ dekorazzjoni ekoloġika u ta’ bijo-enerġija li l-Gvern għandu jindirizzahom permezz ta’ miżuri oħrajn. It-Taqsima 2.1 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma tiddefinixxi l-katina tal-valuri bbażata fuq il-foresti (jew fuq is-settur forestali) bħala l-operaturi kollha involuti miz-zokk sa l-utent aħħari. “Foresta” tkopri l-lat tal-provvista (is-sidien tal-foresti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom) u l-livell kummerċjali (l-intraprendituri forestali, inkluż it-trasport tal-ħamrija, il-kejl tal-injam ippreparat u l-fatturat, ix-xogħol tal-kultura forestali, l-ippjanar operattiv, eċċ.). “Produzzjoni” tkopri l-ipproċessar kollu tal-injam ippreprat fi prodotti adattati għall-utenti aħħarija imma b’attenzjoni ffokata fuq il-katina tal-ipproċessar mekkaniku tal-injam (li tkopri x-xogħol tradizzjonali fis-segeriji u fil-karpenterija u l-ipproċessar ulterjuri f’bibien, twieqi, taraġ u elementi oħra tal-bini kif ukoll il-produzjoni ta’ għamara tal-injam, ta’ djar tal-injam u ta’ prodotti magħmula bl-idejn). Is-“suq” tkopri l-utenti aħħarija imma tinkludi wkoll livelli kummerċjali differenti u l-operaturi l-oħra fis-sistema ta’ produzzjoni bbażata fuq il-foresti, bħas-sottokuntratturi tal-prodotti u tas-servizzi lill-industrija tal-foresterija u lill-industrija bbażata fuq il-foresti.

(14)  It-Taqsimiet 1.5, 6.2 u 6.3 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma. Minn Mejju 2003, il-kompożizzjoni tal-grupp kienet tinkludi wkoll rappreżentanti minn sorsi alternattivi ta’ finazjament u mill-uffiċċju tal-Governatur tal-Kontea.

(15)  Ir-rapporti annwali dwar l-attivitajiet u l-iżvilupp tal-iskema jridu jitressqu quddiem il-Ministeru tal-Agrikoltura u jikkostitwixxu l-bażi kemm għall-preparazzjoni tal-baġit kif ukoll tal-Linji Gwida għal Innovasjon Norge (preċedentement SND); ara t-Taqsimiet 1.5, 6.2 u 6.3 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

(16)  Ara l-Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(17)  Il-Politika Superjuri hija dokument ta’ gwida li jistabbilixxi ċerti limiti esterni għall-għotja ta’ finanzjament minn Innovasjon Norge (bħall-esklużjoni tal-għotja ta’ għajnuna operattiva u ta’ għajnuna għall-esportazzjoni) u tamar li l-finanzjament irid jingħata fil-limiti stabbiliti mill-ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti n-Norveġja.

(18)  L-ittra ta’ allokazzjoni li ġġib id-data tas-6 ta’ Ottubru 2000 tinkludi informazzjoni dwar il-baġit għall-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Injam filwaqt li tirreferi għall-għan, għas-settur u għall-gruppi fil-mira tal-iskema.

(19)  L-awtoritajiet Norveġiżi semmew ukoll il-liġi li tirregola lil Innovasjon Norge u t-“Termini Standard” tagħha biex jingħata finanzjament għal żvilupp li jinkludu regoli amministrattivi dwar, fost l-oħrajn, il-limiti ta’ żmien, id-dokumentazzjoni, il-miżuri ta’ kontroll u l-irkupru tal-finanzjament.

(20)  Ġew inklużi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni, ir-rati ta’ referenzi u l-kalkolu tal-għajnuna.

(21)  Il-verżjonijiet jġibu d-dati ta’ Jannar 2000; Awwissu 2001; Ġunju 2003; Settembru 2004; u Lulju 2005 u ma jvarjawx sostanzjalment waħda mill-oħra. Għal fini ta’ sempliċità, l-użu tat-terminu “Linji Gwida Interni taż-ŻEE” f’dan li ġej jirreferi għat-test tal-aktar verżjoni reċenti u jsiru kummenti dwar it-test fil-verżjonijiet preċedenti biss fejn ikun rilevanti (minħabba devjazzjonijiet jew test addizzjonali).

(22)  It-Taqsima 1.3 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma jiddikjara li l-finanzjament irid jingħata skond ir-regoli taż-ŻEE u t-Taqsima 7.1 tiddikjara li “Il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE trid tiġi segwita. Il-programm irid jistabbilixxi l-prinċipji u l-prattiki tiegħu f’dawn ir-regolamenti.” Ara wkoll il-Kummenti tal-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(23)  Ara l-Kummenti tal-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-e-mail li ġġib id-data tat-18 ta’ Jannar 2008 mill-awtoritajiet Norveġiżi (Avveniment Nru 461470).

(24)  Ara wkoll is-sottosezzjoni dwar il-ko-finanzjament u l-finanzjament ta’ 100 % tal-ispejjeż tal-proġetti fit-taqsima I-2.4 t’aktar ’l isfel.

(25)  Ara wkoll il-baġit rivedut (St. prp. nr. 61 (1999-2000)). L-iskema tal-Injam issejħet b’modi differenti inklużi “Treprogrammet” u “Verdiskapningsprogrammet for tre” jew permezz tar-Rakkomandazzjoni oriġinali mill-Kumitat Permanenti lill-Parlament (Innst. S. nr. 208 (1998-1999)).

(26)  2001: St. prp. nr. 1 (2000-2001) u l-baġit rivedut (St. prp. nr. 84 (2000-2001)); 2002: St. prp. nr. 1 (2001-2002) u l-baġit rivedut (St. prp. nr. 1 Tillegg nr. 4 (2001-2002)); 2003: St. prp. nr. 1 (2002-2003) u l-baġit rivedut (St. prp. nr. 65 (2002-2003)); 2004: St. prp. nr. 1 (2003-2004) u l-baġit rivedut (St. prp. nr. 63); 2005: St. prp. nr. 1 (2004-2005) u l-baġit rivedut (St. prp. nr. 65 (2004-2005)). Fl-ewwel erba’ snin (2000-2003, biż-żewġ snin inklużi), il-finanzjament għall-Iskema tal-Injam kien allokat taħt il-punt 71 fil-Kapitolu 1142 tal-baġit tal-Istat, filwaqt li fl-aħħar sentejn (l-2004 u l-2005), il-finanzjament għall-Iskema tal-Injam kien allokat taħt il-punt 71 fil-Kapitolu 1149 tal-baġit tal-Istat.

(27)  L-ittra li ġġib id-data tas-6 ta’ Ottubru 2000 li l-awtoritajiet Norveġiż ressqu quddiem l-Awtorità bħala d-dokument mehmuż 3 għall-Kummenti tal-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(28)  It-Taqsima 4.6 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

(29)  Ara l-ittra li ġġib id-data tad-29 tas-Settembru 2005 mill-awtoritajiet Norveġiżi lill-Awtorità, inkluża f’ittra li ġġib id-data tat-3 ta’ Ottubru 2005 mill-Missjoni Norveġiża għall-UE (Avveniment Nru 345465).

(30)  Ara l-ittra li ġġib id-data tad-29 tas-Settembru 2005, iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 u l-Kummenti tal-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(31)  It-Taqsimiet 4.1- 4.4 u 5 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

(32)  Traduzzjoni mill-Awtorità.

(33)  F’każ ta’ investiment, l-intensità massima hija ta’ 7,5 % għall-kumpaniji ta’ daqs medju u ta’ 15 % għall-kumpaniji ż-żgħar filwaqt li għas-servizzi ta’ konsulenza u għall-fieri kummerċjali l-livell huwa ffissat f’50 %.

(34)  It-Taqsimiet 1.4 u 7.1 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

(35)  It-Taqsima 7.1 tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

(36)  Għalkemm dan l-ammont jikkwalifika bħala de minimis, Norsk Treteknisk Institutt kien irċieva wkoll għajnuna oħra.

(37)  Din it-talba għal informazzjoni kienet ifformulata b’dan il-mod: “EØS-regelverket – opplysningsplikt Tildelingen av tilskuddet skjer i henhold til reglene for bagatellmessig støtte. Ved eventuelle nye søknader om offentlig støtte (uansett støttekilde) har støttemottaECR plikt til å opplyse om dette tilskuddet. Opplysningsplikten gjelder i 3 år fra tilsagnstidspunktet. StøttemottaECRen må ikke motta mer enn til sammen 100.000 Euro (ca. kr 815.000,-) i støtte etter reglene for bagatellmessig støtte over et tidsrom på 3 år.”

(38)  It-Taqsima 4.2 tagħhom.

(39)  Dan huwa kkonfermat mill-kummenti għall-proposta għall-baġit tal-Istat fi St. prp. nr. 1 (2000-2001) u mir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

(40)  Traduzzjoni mill-Awtorità tal-kwotazzjoni li ġejja: “Norge eksporterer ca 85-90 % av produksjonen av tremasse og papirprodukter og ca 35 % av trelast-produksjonen. Leveransene til EU-land utgjør henholdsvis 70 % og 90 % av eksporten. Avvenimentuelle strategier eller politiske vedtak innen EU som kan påvirke EUs import av skogindustriprodukter vil kunne få store konsekvenser for den norske skogsektoren.”

(41)  L-istatistiċi ppreżentati mill-EUROSTAT għas-snin bejn l-1999 u l-2004 (li jkopru kemm l-importazzjonijiet kif ukoll l-esportazzjonijiet ta’ diversi varjetajiet ta’ injam u ta’ injam ippreparat irfinut fl-UE fejn il-valur jiġi espress jew f’eluf ta’ metri kubiċi jew f’tunnellati) juru li hemm kummerċ estensiv fl-UE fil-prodotti tal-injam. L-istatistiċi rilevanti huma (i) l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fl-UE-25 ta’ injam ittundjat; “table fores51”; (ii) l-importazzjonijiet fl-UE-25 ta’ polpa tal-injam u ta’ karta u ta’ kartun; “table fores62”; (iii) l-esportazzjonijiet fl-UE-25 ta’ polpa tal-injam “table fores62”; (iv) l-importazzjonijiet fl-UE-25 ta’ injam isserrat u ta’ panewijiet ibbażati fuq l-injam; “table fores61”; u (v) l-esportazzjonijiet fl-UE-25 ta’ injam isserrat “table fores61”. Kollha huma disponibbli fuq http://europa.eu.int/comm/eurostat jew billi jiġi kkuntattjat l-EUROSTAT permezz tas-sit web tiegħu.

(42)  Ara l-paġna web: http://www.ssb.no/muh/tab15-01.shtml li turi t-tabella 15, intitolata, “Il-kummerċ ma’ pajjiżi magħżula mis-SITC b’żewġ numri. Jan - Mar 2006. Miljuni ta’ kroner”.

(43)  Il-Kapitolu 12 preċedenti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tħassar bid-Deċiżjoni Nru 198/03/COL tal-Awtorità tal-5 ta’ Novembru 2003. Madankollu, mill-1 ta’ Frar 2003, il-Kapitolu 12 diġà kien ħadlu postu r-Regolament (KE) Nru 69/2001, li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ir-“Regolament de minimis”).

(44)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2000 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat N 673/99 (ĠU C 184, 1.7.2000, p. 25).

(45)  Kawża C-143/99 Adria Wien [2001] ECR I-8365.

(46)  Kawżi Maqgħuda E-5/04, E-6/04 u E-7/04 Fesil u Finnfjord [2005] Rapport tal-Qorti tal-EFTA p. 117, paragrafu 77. Din is-sentenza tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kif ġiet stabbilita fil-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafu 33. Ara wkoll Kawża C-66/02 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2005] ECR I-10901, paragrafu 95.

(47)  F’dan ir-rigward, ara Kawża 730/79 Philip Morris vs Il-Kummissjoni [1989] ECR p. 2671, paragrafu 11, fejn ġie ddikjarat li “Meta għajnuna finanzjarja mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ intrapriża meta pparagunata ma’ intrapriżi oħrajn li qed jikkompetu f’kummerċ intra-Komunitarju, tal-aħħar iridu jitqiesu bħala li ġew affetwati minn dik l-għajnuna.”

(48)  Kawża C-310/99 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2002] ECR p. I-2289, paragrafu 91. Fil-Kawża C-66/02 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2005] ECR p. I-10901, paragrafu 91, il-Qorti tal-Ġustizzja “Fil-każ ta’ sistema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għal analiżi tal-karatteristiċi ġenerali tas-sistema in kwistjoni mingħajr ma tkun obbligata li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari […], sabiex tivverifika jekk is-sistema fihiex elementi ta’ għajnuna.”. Ara wkoll Kawża E-2/05 ESA vs L-Iżlanda [2005] Rapport tal-Qorti tal-EFTA p. 202, paragrafu 24.

(49)  Id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-Awtorità tal-14 ta’ Lulju 2004 (ĠU L 139, 25.05.2006, p. 37), kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 319/05/COL tal-Awtorità tal-14 ta’ Diċembru 2005 (ĠU C 286, 23.11.2006, p. 9). Ara wkoll Kawża T-195/01 Ġibiltà vs Il-Kummissjoni [2001] ECR II-3915. Għandu jiġi nnotat li peress li l-istabbilment inizjali tal-iskema kien “illegali” f’termini proċedurali, il-modifikazzjonijiet sussegwenti kollha f’dik l-iskema wkoll iridu jiġu trattati bħala għajnuna illegali.

(50)  Ara d-Deċiżjoni Nru 327/99/COL tal-Awtorità tas-16 ta’ Diċembru 1999 dwar il-mappa ta’ żoni mgħejjuna u l-livelli tal-għajnuna (In-Norveġja).

(51)  Il-Kapitolu 25 preċedenti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna reġjonali kien sostitwit mil-Linji Gwida ġodda fis-6 ta’ April 2006 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 (inkorporat b’Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 157/2006, ippubblikat fil-ĠU L 89, 29.03.2007, p. 33, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 15, 29.03.2007, p. 24). Ir-Regolament daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2006.

(52)  Ara l-limiti massimi (tal-għajnuna reġjonali) li jissemmew fit-tabella mehmuża mal-Linji Gwida Interni taż-ŻEE u l-parti spjegattiva dwar l-għajnuna għall-investiment (it-taqsima 4.6).

(53)  Il-Linji Gwida preċedenti dwar ir-riċerka u l-iżvilupp kienu sostitwiti minn Linji Gwida ġodda fis-7 ta’ Frar 2007.

(54)  Il-verżjonijiet tal-2000 u tal-2001 jidher li bl-ebda mod ma jiffissaw intensità speċifika tal-għajnuna għal studji tekniċi preparatorji.

(55)  It-Taqsima 5.3(7) ta’ dak li kien il-Kapitolu 14 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp.

(56)  Ara l-Artikolu 3(3) fir-Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-SMEs u dwar l-għajnuna għat-taħriġ, rispettivament. Il-konformità mal-kundizzjonijiet formali tal-eżenzjoni ta’ kategorija teżenta l-miżura tal-għajnuna mir-rekwiżiti tan-notifika.

(57)  It-Taqsima 4.4 tagħhom.

(58)  It-Taqsima 4.3 u 4.3.1 tagħhom.

(59)  Il-kapitolu preċedenti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna għall-SMEs mis-26 ta’ Ġunju 2002 ħadlu postu r-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-SMEs.

(60)  Tali miżuri jinkludu miżuri simili għat-titjib fir-rendiment (“kompetansehevning”).

(61)  Il-prattika li jiġu ffinanzjati 100 % tal-ispejjeż tal-proġett tqajjem kemm kwistjoni rigward il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll kwistjoni ta’ kompatibbiltà. Meta titqies ir-referenza fir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma għal din il-possibbiltà, wieħed jassumi li l-Iskema tipprevedi tali prattika u li l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw dik il-prattika jridu jiġu vvalutati għall-kompatibbiltà (din it-taqsima). Il-kwistjoni li tikkonċerna l-preżenza (jew l-assenza) tal-għajnuna mill-Istat se tkun rilevanti biss għall-kwistjoni tal-irkupru.

(62)  It-Taqsima 5.3(7) ta’ dak li kien il-Kapitolu 14 dwar l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp.

(63)  Kif ġie ddikjarat mill-awtoritajiet Norveġiżi, hija d-data meta l-awtoritajiet Norveġiżi taw il-kunsens tagħhom (“tilsagn”) li tiddetermina jekk il-Kapitolu 12 preċedenti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jew ir-Regolament de minimis sussegwenti ikunx applikabbli għall-għotja in kwistjoni.

(64)  F’dan ir-rigward ara r-referenza għal “modalità ta’ kontroll” fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(65)  Il-fatt li bosta kunsensi jistgħu jkunu taħt il-limitu de minimis mhux rilevanti peress li l-Awtorità, sabiex jiġi analizzat jekk l-għajnuna mill-Istat hiex kompatibbli, hija limitata għalli tqis it-termini tal-Iskema tal-Injam. Is-sitwazzjoni fattwali se tkun rilevanti għall-kwistjoni tal-irkupru.

(66)  Ara t-taqsima I-2.5 t’aktar ’il fuq għal deskrizzjoni tal-prattika.

(67)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/643/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Ġermanja għal Kahla Porzellan GmbH u Kahla/Thüringen Porzellan GmbH (ĠU L 227, 11.9.2003, p. 12). B’mod simili, meta jiġi vvalutat jekk kienx hemm konformità ma’ l-intensitajiet rilevanti tal-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, irid jitqies l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lill-istess intrapriża.

(68)  Għandu jiġi nnotat li l-intensitajiet rilevanti tal-għajnuna jridu jiġu rrispettati wkoll. Fejn l-għajnuna de minimis tingħata flimkien ma’ għajnuna oħra, l-ammont totali tal-għajnuna ma jistax jeċċedi l-intensitajiet massimi tal-għajnuna għad-diversi kategoriji ta’ għajnuna. naturalment. Dan, naturalment, huwa biss rilevanti fejn l-għajnuna totali ma tikkwalifikax bħala għajnuna de minimis.

(69)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata minn Franza għat-teħid ta’ kontroll ta’ ditti f’diffikultà (ĠU L 108, 16.4.2004, p. 38), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/86/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implimentata minn Spanja fl-1993 għal ċerti ditti li kienu għadhom kemm ġew stabbiliti f’Vizcaya (Spanja) (ĠU L 40, 14.2.2003, p. 11).

(70)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 49.


ANNESS I

L-ISPEJJEŻ ELIĠIBBLI STABBILITI FIL-LINJI GWIDA INTERNI TAŻ-ŻEE

Rigward l-għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) (1) l-ispejjeż eliġibbli huma (i) is-servizzi ta’ konsulenza pprovduti minn konsulenti esterni (esklużi dawk ta’ karattru kontinwu jew perjodiku u dawk relatati man-nefqa operattiva tas-soltu); (ii) il-parteċipazzjoni, għall-ewwel darba, f’fieri u f’esebizzjonijiet; u (iii) in-netwerking u l-kooperazzjoni kemm fil-fażi ta’ stabbiliment kif ukoll f’dik tal-bidu. Il-fażi ta’ stabbiliment tkopri l-finanzjament għall-identifikazzjoni tal-imsieħba tax-xogħol, l-iżvilupp ta’ strateġiji, l-istrutturazzjoni u l-formalizzazzjoni tal-kooperazzjoni, eċċ. Il-fażi tal-bidu tkorpi l-ispejjeż amministrattivi għall-amministrazzjoni tal-kooperazzjoni matul l-ewwel tliet snin (li jonqsu progressivament) u “azzjonijiet konġunti straordinarji”. Eżempju tal-aħħar hija “titjib fil-kompetenza” imma l-finanzjament taħt l-intestatura ta’ “azzjonijiet konġunti straordinarji” jista’ jingħata wkoll lil miżuri simili oħrajn kemm waqt il-fażi ta’ stabbiliment kif ukoll sussegwentement waqt il-fażi operattiva.

Għall-finijiet tal-għotja tal-għajnuna għat-taħriġ issir distinzjoni bejn taħriġ speċifiku u taħriġ ġenerali. ta’ l-aħħar ikopri tagħlim direttament u prinċipalment applikabbli għall-pożizzjoni preżenti jew futura tal-impjegat u li jipprovdi kwalifiki li mhumiex (jew huma biss sa ċertu punt) trasferibbli għal ditti oħrajn jew għal oqsma oħrajn tax-xogħol. It-taħriġ ġenerali huwa taħriġ li jinvolvi tagħlim, mhux applikabbli biss għall-pożizzjoni preżenti jew futura tal-impjegat, imma li jipprovdi kwalifiki li fil-parti l-kbira jkunu trasferibbli għal entitajiet oħrajn u li sostanzjalment itejbu l-impjegabbiltà tal-impjegat.

L-ispejjeż eliġibbli għat-taħriġ huma l-ispejjeż personali ta’ min jagħmel it-taħriġ; l-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ min jagħmel u ta’ min jieħu t-taħriġ; spejjeż oħra kurrenti (bħal materjali u provvisti); id-deprezzament tal-għodod u tat-tagħmir (sakemm jintużaw esklussivament għall-proġett tat-taħriġ); l-ispiża tas-servizzi ta’ gwida u ta’ għoti ta’ pariri rigward il-proġett ta’ taħriġ; l-ispejjeż ta’ min qed jieħu t-taħriġ sa l-ammont tat-total tal-ispejjeż eliġibbli l-oħra li ssemmew. Jistgħu jitqiesu biss is-sigħat li matulhom dawk li qed jieħu t-taħriġ effettivament jipparteċipaw fit-taħriġ, wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe siegħa produttiva jew l-ekwivalenti tagħha. L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu sostnuti minn evidenza dokumentarja li għandha tkun trasparenti u fejn l-ispejjeż ikunu elenkati waħda waħda.

Rigward ir-riċerka u l-iżvilupp, il-Linji Gwida Interni taż-ŻEE jipprovdu li l-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tal-persunal (riċerkaturi, tekniċi u persunal ta’ għajnuna, esklussivament użati għal attività ta’ riċerka u żvilupp), l-istrumenti, it-tagħmir, l-ispazju għax-xogħol u l-bini (użati b’mod permanenti u esklussivament għall-attività ta’ riċerka u żvilupp); l-għajnuna għall-konsulenza u s-servizzi korrispondenti (użati esklussivament fil-kuntest tal-attività ta’ riċerka u żvilupp) u l-amministrazzjoni direttament relatata ma’ l-attività ta’ riċerka u żvilupp. Spejjeż eliġibbli oħrajn jistgħu jkunu l-ispejjeż operattivi bħal materjali, provvisti u prodotti simili li jkunu direttament relaati ma’ l-attività ta’ riċerka u żvilupp.

Rigward l-“investmenti” (mill-SMEs u fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali), l-ispejjeż eliġibbli huma l-bini, l-impjanti, il-magni, l-investimenti fundamentali kif ukoll l-ispejjeż b’relazzjoni għall-brevetti u għall-akkwist tal-brevetti, tal-liċenzji u tal-għarfien tekniku. Għall-proġetti fejn l-ispejjeż ta’ investiment jeċċedu il-EUR 50 miljun japplikaw regoli speċjali.

Ma tistax tingħata għajnuna operattiva (iddefinita bħala kompiti ta’ rutina jew spejjeż għat-tqassim, għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-kontabbiltà).


(1)  It-termini ewlenin tad-definizzjoni tal-SMEs biss ġew iddikjarata fil-Linji Gwida Interni taż-ŻEE. Fi bnadi oħra ssir refrenza għad-definizzjoni oriġinali fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.


ANNESS II

IR-RATI MASSIMI TA’ FINANZJAMENT GĦAL DIVERSI SKEMI AMMINISTRATI MINN INNOVASJON NORGE — ID-DAQS TAL-INTRAPRIŻI U L-OQSMA ELIĠIBBLI GĦALL-GĦAJNUNA

( ) tindika li l-iskema hija biss eċċezzjonalment rilevanti għall-finijiet iddikjarati u/jew għat-tip ta’ intrapriżi

Taħt l-iskemi kollha, fuq il-bażi tar-regoli dwar l-għajnuna de minimis, jistgħu jingħataw sa EUR 100 000


Miżura - Skema

Għan

SMEs (<250 impjegat u żewġ kriterji oħrajn)

Intrapriżi kbar

Intrapriżi żgħar

(< 50 impjegat u żewġ kriterji oħrajn)

Intrapriżi ta’ daqs medju

(< 250 impjegat u żewġ kriterji oħrajn)

“Landsdekkende innovasjonsordning”

Investimenti

15  %

7,5  %

0

 

Soft aid

50  %

0

 

Għajnuna għat-taħriġ (għalissa m’għandiex tinħata minn LI)

(Speċifika/ġenerali - 35 %/70 %)

(speċifika/ġenerali - 25 %/50 %)

 

R&D:

 

 

Attivitajiet ta’ żvilupp għall-kummerċjalizzazzjoni,

35  %

25  %

Studji tekniċi preparatorji

75  %

50  %

(Riċerka Individwali, Studji tekniċi preparatorji)

(60 % 75 %)

(50 % 75 %)

“OFU/IFU”

R&D:

 

 

Attivitajiet ta’ żvilupp għall-kummerċjalizzazzjoni,

35 % (żona reġjonali + 5 %)

25 % (żona reġjonali + 5 %)

Studji tekniċi preparatorji

75  %

50  %

(Riċerka Individwali, Studji tekniċi preparatorji)

(60 % 75 %)

(50 % 75 %)

“Tilskudd til fylkeskommunene for regional udvikling”

Investimenti:

 

 

Żona A

30  %

25  %

B

25  %

20  %

C

20 % (25 %) (*)

10 % (15 %)

Soft aid

50  %

0

Għajnuna għat-taħriġ

Speċifika/ġenerali - 40 %/75 %

Speċifika/ġenerali - 30 %/55 %

R&D:

 

 

Attivitajiet ta’ żvilupp għall-kummerċjalizzazzjoni,

40  %

30  %

Studji tekniċi preparatorji

75  %

55  %

(Riċerka Individwali, Studji tekniċi preparatorji)

(65 % 75 %)

(55 % 75 %)

“Omstilling og nyskapning”

Investimenti:

 

 

Barra miż-żona reġjonali

15  %

7,5  %

0

Fiż-żona reġjonali

Żona A: 30 %, B: 25 % u C: 20 % (25 %) (**)

Żona A: 25 %, B: 20 % u C: 10 % (15 %)

Soft aid:

 

 

Barra miż-żona reġjonali

50  %

 

Fiż-żona reġjonali

50  %

 

Għajnuna għat-taħriġ:

 

 

Barra miż-żona reġjonali

Speċifika/ġenerali - 35 %/70 %

Speċifika/ġenerali - 25 %/50 %

Fiż-żona reġjonali

Speċifika/ġenerali - 40 %/75 %

Speċifika/ġenerali - 30 %/55 %

R&D:

 

 

Barra miż-żona reġjonali:

 

 

Attivitajiet ta’ żvilupp għall-kummerċjalizzazzjoni,

35  %

25  %

Studji tekniċi preparatorji

75  %

50  %

(Riċerka Individwali, Studji tekniċi preparatorji)

(60 % 75 %)

(50 % 75 %)

Fiż-żona reġjonali:

 

 

Attivitajiet ta’ żvilupp għall-kummerċjalizzazzjoni,

40  %

30  %

Studji tekniċi preparatorji

75  %

55  %

(Riċerka Individwali, studji tekniċi preparatorji)

(65 % 75 %)

(55 % 75 %)

“Etablererstipend”

Għajnuna de minimis

Mass. NOK 400 000 (f’każi speċifiċi aktar imma mhux aktar minn EUR 100 000 )


(*)  Sa 25 %/15 % jistgħu jintużaw għal miżuri li wieħed jista’ jistenna li jkollhom effett qawwi minn perspettiva ta’ politika distrettwali. Fil-kontej ta’ Vest-Agder, Rogaland u Hordaland il-limitu tal-għajnuna ma jistax ikun ta’ aktar minn 20 %/10 %.

(**)  Sa 25 %/15 % jistgħu jintużaw għal miżuri li wieħed jista’ jistenna li jkollhom effett reġjonali qawwi. Fil-kontej ta’ Vest-Agder, Rogaland u Hordaland il-limiti ma jistgħux ikunu ta’ aktar minn 20 %/10 %.


Top