EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0132

Kawża C-132/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-3 ta’ Marzu 2021 – BE vs Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság

ĠU C 206, 31.5.2021, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-3 ta’ Marzu 2021 – BE vs Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság

(Kawża C-132/21)

(2021/C 206/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BE

Konvenut: Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság

Parti oħra fil-proċedura: Budapesti Elektromos Művek Zrt.

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 77(1) u 79(1) tar-Regolament [2016/679] (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rimedju amministrattiv previst fl-Artikolu 77 jikkostitwixxi strument għall-eżerċizzju ta’ drittijiet pubbliċi, filwaqt li r-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 79 jikkostitwixxi strument għall-eżerċizzju ta’ drittijiet privati? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandu jiġi dedott minn dan li l-awtorità superviżorja inkarigata sabiex tisma’ l-azzjonijiet amministrattivi għandha kompetenza prijoritarja sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur?

2)

Fil-każ li l-persuna kkonċernata – li tqis li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernaha kiser ir-Regolament 2016/679 – teżerċita b’mod simultanju d-dritt tagħha li tressaq ilment previst fl-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament, u d-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 79(1) tal-istess regolament, jista’ jitqies li interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali timplika:

a)

li l-awtorità superviżorja u l-qorti huma obbligati jeżaminaw l-eżistenza ta’ ksur b’mod indipendenti u, konsegwentement, jistgħu anki jaslu għal riżultati diverġenti, jew

b)

li d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja tipprevali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-ksur, fid-dawl tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament 2016/679 u tas-setgħat mogħtija mill-Artikolu 58(2)(b) u (d) tal-istess regolament?

3)

L-indipendenza mogħtija lill-awtorità superviżorja mill-Artikoli 51(1) u 52(1) tar-Regolament 2016/679 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija awtorità, meta hija titratta ilment skont l-Artikolu 77 u tagħti deċiżjoni dwaru, ma hijiex marbuta bil-kontenut ta’ sentenza definittiva ta’ qorti kompetenti skont l-Artikolu 79, b’tali mod li hija tista’ anki tagħti deċiżjoni differenti fuq l-istess ksur allegat?


(1)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas 27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


Top