EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0129

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2022.
Proximus NV vs Gegevensbeschermingsautoriteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 12 – Direttorji pubbliċi u servizzi ta’ tagħrif telefoniku – Kunsens tal-abbonat – Obbligi tal-fornitur tad-direttorji u tas-servizzi ta’ tagħrif – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 17 – Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’) – Artikolu 5(2) – Artikolu 24 – Obbligi ta’ informazzjoni u r-responsabbiltà tal-kontrollur.
Kawża C-129/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:833

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 12 – Direttorji pubbliċi u servizzi ta’ tagħrif telefoniku – Kunsens tal-abbonat – Obbligi tal-fornitur tad-direttorji u tas-servizzi ta’ tagħrif – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 17 – Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’) – Artikolu 5(2) – Artikolu 24 – Obbligi ta’ informazzjoni u r-responsabbiltà tal-kontrollur”

Fil-Kawża C‑129/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

Proximus NV

vs

Gegevensbeschermingsautoriteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatriċi) J.C. Bonichot, S. Rodin, u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Frar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Proximus NV, minn P. Craddock u T. de Haan, avocats, kif ukoll minn E. Van Bogget, advocaat,

għal Gegevensbeschermingsautoriteit, minn C. Buggenhoudt, E. Cloots u J. Roets, advocaten,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Latvjan, minn E. Bārdiņš, J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, L. Inez Fernandes, M. J. Ramos u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2), moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2002/58”), kif ukoll tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikoli 17, 24 u 95 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem “RĠPD”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Proximus NV, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Belġjan, u, min-naħa l-oħra, il-Gegevensbeschermingsautoriteit (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“APD”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Geschillenkamer van de Gegevensbeschermingsautoriteit (l-Awla ta’ Ġurisdizzjoni Kontenzjuża tal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Ġurisdizzjoni Kontenzjuża”) imponiet fuq Proximus miżuri korrettivi u multa ta’ EUR 20000 għal ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 95/46/KE

3

L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

h)

‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

Id‑Direttiva 2002/58

4

Il-premessi 10, 17, 38 u 39 tad-Direttiva 2002/58 huma fformulati kif ġej:

“(10)

Fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, id-Direttiva 95/46/KE tapplika b’mod partikolari għall-materji kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fondamentali, li mhumiex speċifikatament koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, inklużi l-obbligazzjonijiet fuq il-kontrollur u drittijiet ta’ l-individwi. […]

[…]

(17)

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, kunsens ta’ l-utent jew ta’ l-abbonat, irrispettivament minn jekk dan ta’ l-aħħar huwiex persuna naturali jew legali, għandu jkollu l-istess tifsira tal-kunsens tas-su[[ett [suġġett] tad-data hekk kif definita u speċifikata aktar fid-Direttiva 95/46/KE. Il-kunsens jista’ jngħata b’kull mod xieraq li jippermetti indikazzjoni speċifika u informata mogħtija b’mod liberu tax-xewqat ta’ l-utent, li tinkludi l-ittikkjar ta’ kaxxa meta żżur l-Internet website ta’ l-Internet.

[…]

(38)

Id-direttorji ta’ abbonati ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma distribwiti b’mod wiesa’ u pubbliku. Id-dritt ta’ privatezza ta’ persuni naturali u l-interess leġittimu ta’ persuni legali jitolbu li l-abbonati jistgħu jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom jiġux ippubblikati f’direttorju u jekk iva, liema. Providituri ta’ direttorji pubbliċi għandhom jinfurmaw lill-abbonati li ser jiġu inklużi f’tali direttorji dwar l-iskop tad-direttorju u dwar kull użu partikolari li jista jsir minn verżjonijiet elettroniċi ta’ direttorji pubbliċi, partikolarment permezz ta’ funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fis-software, bħal funzjonijiet ta’ tfittxija b’lura li jippermettu lil utenti tad-direttorji li jiskopru l-isem u l-indirizz ta’ l-abbonat fuq il-bażi ta’ numru tat-telefon biss.

(39)

L-obbligu li abbonat jiġi infurmat dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorji pubbliċi li fihom għandhom jiġu inklużi d-data personali tagħhom għandu jiġi impost fuq il-persuna li qed tiġbor id-data għal din l-inklużjoni. Fejn id-data jistgħu jiġu trasmessi lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli. Kull trasmissjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura. Jekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali, għandu jinkiseb il-kunsens imġedded ta’ l-abbonat jew mill-parti inizjali li tiġbor id-data jew mit-terza persuna li lilha tkun ġiet trasmessa id-data”.

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

[…]”.

6

Skont il-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

f)

‘kunsens’ minn utent jew abbonat jikkorrespondi għall-kusnens tas-suġġett tad-data fid-Direttiva 95/46/KE;”.

7

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Direttorji ta’ l-abbonati”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati huma infurmati, mingħajr ħlas u qabel ma jiġu inklużi f’direttorji, dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorju stampat jew elettroniku ta’ l-abbonati disponibbli għall-pubbliku jew li jista’ jiġi akkwistat minn servizz ta’ talbiet tad-direttorju, li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu inklużi u dwar possibilitajiet ta’ użu ulterjuri bbażati fuq funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fil-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorju.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jingħataw l-opportunità li jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom humiex inklużi f’direttorju pubbliku, u jekk iva, sa fejn tali data huma rilevanti għall-iskopijiet tad-direttorju kif determinat mill-provditur tad-direttorju, u li jivverifikaw, jikkoreġu jew jirtiraw din id-data. Għandu jkun mingħajr ħlas li wieħed ma jkunx inkluż f’direttorju ta’ l-abbonati, kif ukoll, li tkun ivverifikata, ikkoreġuta jew irtirata d-data personali minnu.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati.

[…]”.

Ir-RĠPD

8

Il-premessi 42, 66 u 173 tar-RĠPD jipprovdu:

“(42)

Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-attività tal-ipproċessar. B’mod partikolari fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni bil-miktub fuq kwistjoni oħra, is-salvagwardji għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data huwa konxju tal-fatt li jkun qiegħed jingħata kunsens u tal-punt sa fejn dan jingħata. […] dikjarazzjoni ta’ kunsens ifformulata minn qabel mill-kontrollur f’forma intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi u mingħajr termini inġusti. Biex il-kunsens ikun wieħed informat, is-suġġett tad-data għandu jkun konxju mill-inqas tal-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intenzjonata d-data personali. Il-kunsens ma għandux jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina jew libera jew ma jkunx jista’ jiċħad jew jirtira l-kunsens mingħajr ħsara.

[…]

(66)

Sabiex jissaħħaħ id-‘dritt li tintnesa’ fl-ambjent online, id-dritt għat-tħassir għandu jkun estiż ukoll b’mod li kontrollur li jkun għamel id-data personali pubblika għandu jkun obbligat li jinforma lill-kontrolluri li jipproċessaw tali data personali biex iħassru kwalunkwe link għal, jew kopja jew replika ta’, dik id-data personali. Meta jagħmel dan, dak il-kontrollur għandu jieħu passi raġonevoli, b’kont tat-teknoloġija disponibbli u l-mezzi disponibbli għall-kontrollur, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jipproċessaw id-data bit-talba tas-suġġett tad-data.

[…]

(173)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali vis-à-vis l-ipproċessar tad-data personali, li mhijiex soġġetta għal obbligi speċifiċi bl-istess għan stabbilit fid-Direttiva 2002/58/KE, inkluż l-obbligi fuq il-kontrollur u d-drittijiet tal-persuni fiżiċi. Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva 2002/58/KE, dik id-Direttiva għandha tiġi emendata kif xieraq. Ladarba dan ir-Regolament jiġi adottat, id-Direttiva 2002/58/KE, għandha tiġi riveduta b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dan ir-Regolament.”

9

Il-punti 2, 7 u 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; […]

[…]

11)

‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu.”

10

L-Artikolu 5 tal-RĠPD, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   Id-data personali għandha:

a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

[…]

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

11

Permezz tal-Artikolu 6 tar-RĠPD, bit-titolu “Legalità tal-ipproċessar”:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]”.

12

L-Artikolu 7 tar-RĠPD, intitolat “Kondizzjonijiet għal kunsens”, jipprovdi:

“1.   Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

[…]

3.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin. L-irtirar tal-kunsens ma għandux jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq kunsens qabel ma dan jiġi rtirat. Qabel ma jagħti l-kunsens, is-suġġett tad-data għandu jiġi informat b’dan. Għandu jkun faċli li jiġi rtirat kunsens daqs kemm li dan jingħata.

[…]”

13

L-Artikolu 16 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għar-rettifika,” jipprovdi:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien żejjed ir-rettifika ta’ data personali li tikkonċerna lilu li ma tkunx eżatta. B’kont meħud tal-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.”

14

L-Artikolu 17 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

[…]

b)

is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

[…]

d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

2.   Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.

[…]”.

15

L-Artikolu 19 tar-RĠPD, bit-titolu “Obbligu ta’ notifika rigward rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar’, jipprovdi:

“Il-kontrollur għandu jikkomunika kwalunkwe rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar imwettqa f’konformità mal-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18 lil kull riċevitur li lilu tkun ġiet żvelata d-data personali, għajr jekk dan jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. Il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar dawk ir-riċevituri jekk is-suġġett tad-data jitlob dan.”

16

Permezz tal-Artikolu 24 tar-RĠPD, bit-titolu “Responsabbiltà tal-kontrollur”:

“1.   B’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ.

2.   Fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta’ politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur.

[…]”.

17

L-Artikolu 94 tal-GDPR, intitolat “Tħassir tad-Direttiva 95/46/KE”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]”

18

L-Artikolu 95 tar-RĠPD, bit-titolu “Relazzjoni mad-Direttiva 2002/58/KE”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni [Ewropea] b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-Direttiva 2002/58/KE.”

Id‑dritt Belġjan

19

L- Artikolu 33 tal-wet betreffende de elektronische communicatie (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tat‑13 ta’ Ġunju 2005 (Belgisch Staatsblad, 20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070), li jiżgura fid-dritt Belġjan it-traspożizzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58, huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.   Il-fornituri ta’ servizz telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jinformaw lill-abbonati tagħhom mingħajr ħlas u qabel ma jinkluduhom f’direttorju jew servizz ta’ konsultazzjoni tat-telefon:

1o

bil-funzjoni tad-direttorju jew tas-servizz ta’ tagħrif telefoniku;

2o

bl-inklużjoni mingħajr ħlas fid-direttorju jew fis-servizz ta’ tagħrif telefoniku;

3o

jekk ikun il-każ, l-użu tad-direttorju jew tas-servizz ta’ tagħrif telefoniku li jiddevja mit-tfittxija ta’ data personali fuq il-bażi tal-isem u, jekk ikun il-każ, id-domiċilju, ir-residenza jew il-post ta’ stabbiliment tal-abbonat.

Hija biss id-data personali li hija rilevanti fir-rigward tal-funzjoni kif ikkomunikata skont il-paragrafu 1, u li l-abbonat inkwistjoni għarraf li din tista’ tidher fid-direttorju jew fis-servizz ta’ tagħrif telefoniku inkwistjoni, li jistgħu jidhru fid-direttorju jew fis-servizz ta’ tagħrif telefoniku.

Għal dan il-għan, l-operatur jagħmel żewġ domandi distinti lill-abbonat:

1o

jekk ikun jixtieq li d-dettalji tiegħu jkunu inklużi fid-direttorju universali u fis-servizz ta’ tagħrif telefoniku;

2o

jekk ikun jixtieq li d-dettalji tiegħu jidhru f’direttorji jew servizzi oħra ta’ tagħrif.

[…]

§ 2.   Kull abbonat għandu d-dritt jikkonsulta d-data personali li tikkonċernah skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn jew skont il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 1992 dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

Barra minn hekk, kull abbonat għandu d-dritt li jikkoreġi jew li jneħħi mingħajr ħlas mid-direttorju jew mis-servizz ta’ tagħrif telefoniku, id-data personali li tikkonċernah skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Re wara opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-Istitut.”

20

L-Artikolu 45(2) tal-imsemmija liġi jobbliga lill-operaturi ta’ servizzi telefoniċi li jqiegħdu d-data dwar l-abbonati tagħhom għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ direttorji pubbliċi. Skont l-Artikolu 45(3) tal-istess liġi, dawn l-operaturi jiżolaw id-data dwar l-abbonati li jkunu talbu sabiex ma jidhrux f’direttorju, b’tali mod li dawn l-abbonati jkunu jistgħu jirċievu d-direttorju mingħajr ma d-data tagħhom tkun inkluża fih.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

Proximus, fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Belġju, tipprovdi wkoll direttorji telefoniċi u servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku (iktar ’il quddiem id-“direttorji”), skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Dawn id-direttorji jinkludu l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon (iktar ’il quddiem id-“dettalji”) tal-abbonati tad-diversi fornituri ta’ servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku (iktar ’il quddiem l-“operaturi”). Jeżistu direttorji oħra, ippubblikati minn terzi.

22

Id-dettalji ta’ dawn l-abbonati huma kkomunikati regolarment lil Proximus mill-operaturi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-abbonati li esprimew ix-xewqa li ma jidhrux fid-direttorji ppubblikati minn Proximus. Fil-Belġju, id-distinzjoni bejn l-abbonati li jixtiequ jidhru f’direttorju u dawk li ma jixtiqux jidhru hija indikata, fil-prattika, bl-għoti ta’ kodiċi fir-reġistrazzjoni ta’ kull abbonat, jiġifieri, “NNNNN”, għall-abbonati li d-dettalji tagħhom jistgħu jidhru, u “XXXXX” għall-abbonati li d-dettalji tagħhom huma kunfidenzjali. Proximus tittrażmetti wkoll id-dettalji li tirċievi lil fornitur ieħor ta’ direttorji.

23

Il-lanjant huwa abbonat tal-operatur ta’ servizzi telefoniċi Telenet, attiv fis-suq Belġjan. Telenet ma tipprovdix direttorji, iżda tittrażmetti d-dettalji tal-abbonati tagħha lil fornituri ta’ direttorji, b’mod partikolari lil Proximus.

24

Fit‑13 ta’ Jannar 2019, dan l-abbonat talab lil Proximus sabiex ma tinkludix id-dettalji tiegħu fid-direttorji ppubblikati kemm minn Proximus kif ukoll minn terzi. Wara din it-talba, Proximus emendat l-istatus ta’ dan l-abbonat fis-sistema informatika tagħha, sabiex id-dettalji tal-imsemmi abbonat ma jibqgħux pubbliċi.

25

Fil‑31 ta’ Jannar 2019, Proximus irċeviet mingħand Telenet aġġornament perjodiku tad-data tal-abbonati ta’ din tal-aħħar. Dan l-aġġornament kien jinkludi data ġdida tal-abbonat ikkonċernat, li ma kinitx indikata bħala kunfidenzjali. Din l-informazzjoni kienet is-suġġett ta’ pproċessar awtomatizzat minn Proximus u ġiet irreġistrata, b’mod li kienet tidher mill-ġdid fid-direttorji ta’ din tal-aħħar.

26

Fl‑14 ta’ Awwissu 2019, wara li kkonstata li n-numru tat-telefon tiegħu kien ġie ppubblikat fid-direttorji ta’ Proximus u ta’ terzi, l-abbonat ikkonċernat talab mill-ġdid lil Proximus sabiex ma tinkludix id-data tiegħu. Fl-istess jum, Proximus wieġbet lil-lanjant li kienet neħħiet id-data tiegħu mid-direttorji u kkuntattjat lil Google sabiex il-links rilevanti lejn is-sit internet ta’ Proximus jitneħħew. Proximus informat ukoll lil dan l-abbonat li kienet bagħtet id-dettalji tiegħu lil fornituri oħra ta’ direttorji u li, permezz tal-aġġornamenti mensili, dawn il-fornituri kienu ġew informati dwar it-talba tal-lanjant.

27

Fl-istess ħin, l-imsemmi abbonat ressaq ilment quddiem l-APD kontra Proximus, minħabba li, minkejja t-talba tiegħu li d-dettalji tiegħu ma jidhrux fid-direttorji, in-numru tat-telefon tiegħu kien għadu jidher madankollu f’uħud minn dawn id-direttorji.

28

Fil‑5 ta’ Settembru 2019, l-abbonat ikkonċernat u Proximus reġgħu kellhom skambji bejniethom dwar il-pubblikazzjoni tad-data ta’ dan l-abbonat fid-direttorju ta’ terz. F’dan il-kuntest, Proximus enfasizzat li hija tittrażmetti d-dettalji tal-abbonati tagħha lil fornituri oħra ta’ direttorji, iżda li hija ma għandha ebda għarfien dwar il-proċeduri ta’ funzjonament intern ta’ dawn il-fornituri.

29

Fit‑30 ta’ Lulju 2020, wara proċedura kontradittorja, l-Awla ta’ Ġurisdizzjoni Kontenzjuża tal-APD adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija imponiet fuq Proximus miżuri korrettivi u imponitilha multa ta’ EUR 20000 għal ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tar-RĠPD, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, u tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament moqri flimkien mal-Artikolu 24 tiegħu. B’mod partikolari, hija ordnat, qabel kollox, lil Proximus sabiex tagħti segwitu xieraq u immedjat għall-irtirar tal-kunsens mill-abbonat ikkonċernat u sabiex tikkonforma ruħha mat-talbiet ta’ dan l-abbonat sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għat-tħassir tad-data li tikkonċernah. Sussegwentement, hija ordnat lil Proximus tieħu miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex tiżgura ruħha li l-ipproċessar tad-data personali li hija twettaq ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD. Fl-aħħar nett, hija ordnat lil Proximus sabiex tieqaf milli tittrażmetti b’mod illegali din id-data lil fornituri oħra ta’ direttorji.

30

Fit‑28 ta’ Awwissu 2020, Proximus ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju).

31

Skont Proximus, konformement mal-Artikolu 45(3) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, il-kunsens tal-abbonat ma huwiex meħtieġ, iżda l-abbonati għandhom huma stess jitolbu li ma jidhrux fid-direttorji, skont sistema msejħa “opt-out”. Fin-nuqqas ta’ tali talba, l-abbonat ikkonċernat jista’ effettivament jidher f’dawn id-direttorji. Minħabba f’hekk, skont Proximus, l-ebda “kunsens”, fis-sens tad-Direttiva 95/46 jew fis-sens tar-RĠPD, ma huwa, f’dan il-każ, neċessarju min-naħa tal-abbonat.

32

B’opinjoni kuntrarja, l-APD sostniet, essenzjalment, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 133(1) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jeżiġu l-“kunsens tal-abbonati”, fis-sens tar-RĠPD, sabiex il-fornituri ta’ direttorji jkunu jistgħu jipproċessaw u jittrażmettu d-data personali tagħhom.

33

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Direttiva 2002/58 tikkostitwixxi lex specialis meta mqabbla mar-RĠPD, kif jikkonfermaw il-premessa 173 u l-Artikolu 95 tar-RĠPD. Konsegwentement, fis-sitwazzjonijiet li fihom id-Direttiva 2002/58 tispeċifika r-regoli tar-RĠPD, id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva jipprevalu, bħala lex specialis, fuq id-dispożizzjonijiet iktar ġenerali tar-RĠPD.

34

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 133(1) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, filwaqt li jeżiġu espressjoni tar-rieda tal-abbonati sabiex il-fornituri ta’ direttorji jkunu jistgħu jipproċessaw id-data personali tagħhom, ma jippreċiżawx jekk din l-espressjoni tar-rieda għandhiex tkun riflessa mill-eżerċizzju ta’ dritt ta’ għażla, kif issostni Proximus, jew fil-manifestazzjoni ta’ kunsens veru, fis-sens tar-RĠPD, kif tindika l-APD. Dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 61), stabbilixxiet li, kif jirriżulta minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58, l-espressjoni tar-rieda inkwistjoni tikkorrispondi għal “kunsens” li jirrigwarda l-għan tal-pubblikazzjoni tad-data personali f’direttorju pubbliku, u mhux l-identità ta’ fornitur ta’ direttorju b’mod partikolari.

35

Barra minn hekk, peress li l-ebda sistema speċifika ma ġiet żviluppata fir-rigward tal-irtirar ta’ din l-espressjoni ta’ rieda jew ta’ dan il-“kunsens” minn abbonat, la fid-Direttiva 2002/58, la fil-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, u lanqas f’digriet ta’ implimentazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet kollha tar-RĠPD għandhomx japplikaw b’mod awtomatiku u mingħajr restrizzjonijiet anki fil-kuntest partikolari tad-direttorji telefoniċi.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Awtorità superviżorja nazzjonali teżiġi l-‘kunsens’ ta’ abbonat, fis-sens tar-[RĠPD], għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħu fid-direttorji u f’servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli mill-pubbliku, kemm mill-operatur innifsu kif ukoll mill-fornituri terzi, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid bil-kontra?

2)

Id-dritt għal tħassir previst fl-Artikolu 17 tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li t-talba għall-irtirar mid-direttorji u mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli mill-pubbliku magħmula minn abbonat tiġi kklassifikata minn Awtorità superviżorja nazzjonali bħala talba għal tħassir fis-sens tal-Artikolu 17 tar-[RĠPD]?

3)

L-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2) tar-[RĠPD] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Awtorità superviżorja nazzjonali tiddeduċi mill-obbligu ta’ responsabbiltà li huwa stabbilit fiha li l-kontrollur għandu jieħu l-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi – jiġifieri, il-fornitur ta’ servizzi telefoniċi u l-fornituri l-oħra ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku li jkunu rċevew id-data minn dan l-ewwel kontrollur – bl-irtirar tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 6, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-[RĠPD]?

4)

L-Artikolu 17(2) tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Awtorità superviżorja nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli mill-pubbliku li jkun intalab ma jibqax jippubblika d-data ta’ persuna, jieħu miżuri raġonevoli sabiex jinforma l-muturi ta’ riċerka b’din it-talba għal tħassir tad-data?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

37

Proximus issostni li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-pubblikazzjoni, minn operatur ta’ servizzi telefoniċi, ta’ direttorji li jinkludu data personali b’tali mod li l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli sa fejn tirrigwarda tali każ.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali hija biss bejn persuna fiżika u kumpannija, li ma hijiex l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tagħha, dwar il-mod kif din il-kumpannija pproċessat id-data personali ta’ din il-persuna fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ direttorji. Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn hija intiża sabiex tinterpreta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58 fil-każ fejn huwa l-operatur ta’ servizzi telefoniċi ta’ din il-persuna li jippubblika, huwa stess, id-data personali tiegħu f’direttorji.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-RĠPD, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“kunsens”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, tal-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi huwa meħtieġ sabiex id-data personali ta’ dan l-abbonat tidher f’direttorji ppubblikati minn fornituri minbarra dan l-operatur.

41

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/58 tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-premessa 38 tagħha, jirriżulta li l-abbonati, qabel ma jiġu rreġistrati f’direttorji pubbliċi, huma informati dwar l-iskop li għalihom dawn huma stabbiliti u dwar kull użu partikolari li jista’ jsir minnhom, b’mod partikolari permezz tal-funzjonijiet ta’ riċerka integrati fis-software tal-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorji.

43

Il-premessa 39 tal-imsemmija direttiva tispeċifika sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel tal-abbonati skont l-Artikolu 12(1) tagħha li “[f]ejn id-data [personali tista’ tiġi trażmessa] lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli.”

44

L-abbonat, wara li jkun kiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/58, jista’, kif jirriżulta mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jiddeċiedi jekk id-data personali li tikkonċernah, u liema minn din id-data, għandha tiġi inkluża f’direttorju pubbliku.

45

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, tali informazzjoni minn qabel tippermetti lill-abbonat ikkonċernat jagħti l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni, fid-direttorji pubbliċi, tad-data personali li tikkonċernah, peress li tali kunsens huwa neċessarju għall-finijiet ta’ tali pubblikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 5458).

46

Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens tal-abbonat ikkonċernat, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data f’direttorji huwa kkonfermat mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2002/58, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jitolbu “kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati” għal kull għan ta’ direttorju pubbliku minbarra s-sempliċi tfittxija tad-dettalji ta’ persuna abbażi ta’ isimha.

47

Madankollu, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-kunsens skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa relatat mal-għan tal-pubblikazzjoni ta’ data personali f’direttorju pubbliku u mhux mal-identità ta’ fornitur ta’ direttorju partikolari. Għalhekk, meta dan l-abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu sabiex id-data tiegħu tiġi ppubblikata f’direttorju b’għan partikolari, ġeneralment ma jkollux interess li jopponi l-pubblikazzjoni tal-istess data f’direttorju ieħor simili (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 61 u 62).

48

F’dan ir-rigward, il-premessa 39 ta’ din id-direttiva tikkonferma li trażmissjoni ta’ data personali tal-abbonati lil terzi “għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura.”

49

Minn dan isegwi li, meta abbonat ikun ġie informat minn operatur ta’ servizzi telefoniċi, bħal Telenet, dwar il-possibbiltà tat-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċernah lil impriża terza, bħalma hija Proximus jew terzi oħra, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tagħha f’direttorju pubbliku, u meta dan l-abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-imsemmija data f’tali direttorju, it-trażmissjoni minn dan l-operatur jew minn din l-impriża ta’ din l-istess data lil impriża oħra għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ direttorju pubbliku stampat jew elettroniku, jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għal konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, ma għandhiex tiġi suġġett mill-ġdid għal kunsens tal-imsemmi abbonat, sakemm huwa ggarantit li d-data inkwistjoni ma tintużax għal finijiet oħrajn ħlief dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha Fil-fatt, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, ta’ abbonat debitament informat, għall-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku ta’ data personali li tikkonċernah jirrelata mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi ruħu għal kull proċessar sussegwenti tal-imsemmija data minn impriżi terzi attivi fis-suq tas-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju, sa fejn tali pproċessar ikollu dan l-istess għan (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 65).

50

Għall-kuntrarju, kif indikat fil-premessa 39 ta’ din id-direttiva, jekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġiet trażmessa d-data, tixtieq tuża d-data għal għan ieħor, din il-persuna jew din it-terza persuna għandha tikseb mill-ġdid il-kunsens tal-abbonat.

51

Fir-rigward tal-modalitajiet li abbażi tagħhom tali kunsens għandu jintwera, mill-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 94(2) u 95 tar-RĠPD, jirriżulta li dan il-kunsens għandu, bħala prinċipju, jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(11) ta’ dan ir-regolament.

52

F’dan il-każ, il-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” fis-sens li jirrikjedi indikazzjoni ta’ rieda “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” tal-persuna kkonċernata, fil-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li tindika l-aċċettazzjoni tagħha tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernaha.

53

Minn dan jirriżulta li tali kunsens huwa neċessarju sabiex id-data personali li tikkonċerna lill-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi tkun tista’ tiġi inkluża f’direttorji.

54

Konsegwentement, il-pubblikazzjoni tad-data personali li tikkonċerna lill-abbonat inkwistjoni f’direttorji, bħal dawk ippubblikati minn Proximus jew minn fornituri oħra, tista’ titqies li hija legali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-RĠPD biss fil-preżenza ta’ tali kunsens, li kien espressament mogħti lill-operatur ta’ servizzi telefoniċi jew lil wieħed minn dawn il-fornituri ta’ direttorji.

55

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, tali kunsens ma jippreżumix li, fid-data li fiha jkun ingħata, il-persuna kkonċernata tkun neċessarjament taf l-identità tal-fornituri kollha ta’ direttorji li ser jipproċessaw id-data personali tagħha.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-RĠPD, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“kunsens”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, tal-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi huwa meħtieġ sabiex id-data personali ta’ dan l-abbonat tidher fid-direttorji u fis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, ippubblikati minn operaturi oħra minbarra dan l-operatur, filwaqt li dan il-kunsens jista’, madankollu, jingħata lill-imsemmi operatur biss.

Fuq it‑tieni domanda

57

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li t-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji tikkostitwixxix eżerċizzju tad-“dritt għat-tħassir”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

58

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li Proximus issostni li l-Artikolu 17 tar-RĠPD ma huwiex applikabbli għal fornitur ta’ direttorji li, bħal f’dan il-każ, ma huwiex l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tal-abbonat u li talba, bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandha, l-iktar l-iktar, titqies bħala talba għal rettifika, fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn hija irrilevanti għall-kawża prinċipali.

59

Madankollu, l-argumenti hekk imressqa minn din il-parti jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-portata, u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija s-suġġett tat-tieni domanda. Issa, tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux, għalhekk, essenzjalment, iwasslu għal inammissibbiltà tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 83).

60

Minn dan isegwi li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli.

61

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, l-abbonati għandu jkollhom, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jneħħu mid-direttorji pubbliċi d-data personali li tikkonċernahom.

62

Madankollu, l-għoti ta’ tali possibbiltà għall-abbonati ma jikkostitwixxix, fir-rigward tal-fornituri ta’ direttorji, obbligu speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 95 tar-RĠPD, li jippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2002/58 ma tinkludix indikazzjonijiet dwar il-modalitajiet, l-implimentazzjoni u l-konsegwenzi tat-talbiet intiżi sabiex tinkiseb it-tneħħija tad-data personali. Għalhekk, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jistgħu jiġu applikati f’tali każ.

63

Fit-tieni lok, mill-punti (b) u (d) tal-Artikolu 17(1) tar-RĠPD jirriżulta li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikseb mill-kontrollur tad-data t-tħassir tad-data personali li tikkonċernaha u li l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar din id-data fl-iqsar żmien possibbli b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata “[t]irtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) […] u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar” jew meta “id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment”.

64

F’dan ir-rigward, minn naħa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-pubblikazzjoni tad-data personali ta’ abbonat f’direttorji hija bbażata fuq il-kunsens ta’ dan l-abbonat.

65

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 6(1)(a) u mill-Artikolu 7(3) tar-RĠPD jirriżulta li tali kunsens jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji li jippermettu li jiġi konkluż li l-ipproċessar tad-data personali tal-abbonat ikkonċernat huwa legali u li dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat f’kull mument u skont modalitajiet li huma wkoll daqstant sempliċi bħal dawk li ppermettew lill-persuna kkonċernata tagħti tali kunsens.

66

F’dan il-każ, meta l-abbonat jitlob li d-data tiegħu ma tidhirx iktar f’direttorju, huwa jirtira l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ din id-data. Abbażi tal-irtirar tal-kunsens tiegħu, huwa jikseb, fl-assenza ta’ bażi legali oħra għal tali pproċessar, id-dritt li jitlob it-tħassir tad-data personali tiegħu minn dan id-direttorju, skont il-punt (b) tal-Artikolu 17(1) tar-RĠPD jew, fil-każ fejn il-kontrollur ikompli jippubblika l-imsemmija data b’mod illegali, skont il-punt (d) tal-Artikolu 17(1) tar-RĠPD.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji tista’ titqies bħala eżerċizzju tad-“dritt għat-tħassir” tal-imsemmija data, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-RĠPD.

68

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imressaq minn Proximus li tali talba għandha titqies li hija intiża sabiex tippermetti lil dan l-abbonat jeżerċita d-dritt tiegħu li jikseb mingħand il-kontrollur ir-rettifika tad-data personali li tikkonċernah, skont l-Artikolu 16 tar-RĠPD. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, tali rettifika hija possibbli meta din id-data tkun ineżatta u hija intiża sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb li din tiġi kkompletata.

69

Issa, f’dan il-każ, talba għat-tħassir tad-data ta’ abbonat li tidher f’direttorju ma hijiex intiża sabiex tissostitwixxi data ineżatta b’data korretta jew sabiex tikkompleta data inkompleta, iżda hija intiża sabiex tneħħi l-pubblikazzjoni ta’ data korretta.

70

Il-fatt li tali tneħħija tinvolvi, f’dan il-każ, is-sempliċi emenda tal-kodiċi attribwit lill-abbonat ikkonċernat fid-database ta’ Proximus li minnha d-data personali ta’ dan l-abbonat tiġi ppubblikata fid-direttorji, ma jistax jipprekludi li talba għat-tħassir tad-data personali li tinsab f’dawn id-direttorji titqies bħala “talba għal tħassir”, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-RĠPD. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-metodu ta’ tħassir previst mill-imsemmi operatur jikkostitwixxi miżura ta’ natura purament teknika jew organizzattiva li tirriżulta neċessarja sabiex tintlaqa’ t-talba għat-tħassir tad-data personali tal-persuna kkonċernata u sabiex tipprekludi l-iżvelar ta’ din id-data.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji kif ukoll mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku tikkostitwixxi eżerċizzju tad-“dritt għal tħassir”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Fuq it‑tielet domanda

72

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ teżiġi li l-fornitur ta’ direttorji, bħala kontrollur, jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi, jiġifieri l-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu d-data personali tal-abbonat tiegħu kif ukoll il-fornituri l-oħra ta’ direttorji li lilhom huwa stess ipprovda tali data, bl-irtirar tal-kunsens ta’ dan l-abbonat.

73

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, Proximus ipproċessat data personali tal-lanjant, bil-pubblikazzjoni tagħha u bil-komunikazzjoni tagħha lil fornituri oħra ta’ direttorji. Telenet, l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tagħha, ipproċessat ukoll din id-data, b’mod partikolari billi bagħtitha lil Proximus. L-istess japplika għall-fornituri l-oħra ta’ direttorji, li lilhom Proximus bagħtet id-dettalji tal-lanjant u li ppubblikawhom.

74

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tobbliga lill-operaturi ta’ servizzi telefoniċi jittrażmettu d-data dwar l-abbonati tagħhom lill-fornituri ta’ direttorji pubbliċi, dawn l-operaturi għandhom madankollu jiżolaw id-data dwar l-abbonati li jkunu talbu li ma jidhrux f’direttorju, b’mod li dawn l-abbonati jkunu jistgħu jirċievu kopja ta’ dan id-direttorju mingħajr ma d-data tagħhom tkun inkluża fih.

75

Mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-prattika, huwa ġeneralment lill-operatur tiegħu ta’ servizzi telefoniċi li l-abbonat jagħti l-kunsens tiegħu sabiex id-data personali tiegħu tiġi ppubblikata f’direttorju, liema kunsens jippermetti li din id-data tiġi ttrasferita lil terz, fornitur ta’ direttorji. Dan il-fornitur jista’, min-naħa tiegħu, jikkomunika tali data lil fornituri oħra ta’ direttorji, abbażi tal-istess kunsens, peress li dawn il-kontrolluri b’hekk jikkostitwixxu katina, fejn kull wieħed minnhom jipproċessa suċċessivament l-imsemmija data, b’mod indipendenti, abbażi tal-istess kunsens.

76

Min-naħa l-oħra, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-aġġornament tad-database ta’ Proximus intiż sabiex jiġi rreġistrat l-irtirar tal-kunsens tal-lanjant tħassar meta l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tiegħu bagħat lil Proximus lista ġdida ta’ data dwar l-abbonati tiegħu, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tagħha fid-direttorji, li ma kinitx tieħu inkonsiderazzjoni l-irtirar tal-kunsens tal-lanjant ma’ Proximus.

77

F’dan il-kuntest, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk fornitur ta’ direttorji, bħal Proximus, meta abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi jirtira l-kunsens tiegħu li jidher fid-direttorji ta’ dan il-fornitur, għandux mhux biss jaġġorna d-database tiegħu sabiex jieħu inkunsiderazzjoni dan l-irtirar, iżda għandu wkoll jinforma bl-imsemmi irtirar lill-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu din id-data, kif ukoll lill-fornituri ta’ direttorji l-oħra li lilhom huwa stess bagħat tali data.

78

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1)(a) tar-RĠPD jipprevedi li pproċessar huwa legali jekk, u sa fejn, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew iktar. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-lanjant kien irtira l-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, li d-data personali tiegħu tkun ipproċessata għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni f’direttorji. Wara tali rtirar, l-ipproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tal-inklużjoni tagħha fid-direttorji pubbliċi, inkluż dak li jitwettaq għall-istess għan mill-operaturi ta’ servizzi telefoniċi jew minn fornituri oħra ta’ direttorji li jibbażaw ruħhom fuq l-istess kunsens, ma għandux iktar bażi legali u għalhekk huwa illegali fid-dawl tal-Artikolu 6(1)(a) tal-imsemmi regolament.

79

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 5(1)(a) u (2) tar-RĠPD, il-kontrollur għandu jiżgura ruħu li huwa f’pożizzjoni li juri li d-data personali hija pproċessata b’mod legali, leali u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data.

80

Fir-rigward tal-Artikolu 24 tar-RĠPD, dan jeżiġi li, fid-dawl tan-natura, tal-portata, tal-kuntest u tal-għanijiet tal-ipproċessar, il-kontrollur jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jaċċerta ruħu u jkun f’pożizzjoni li juri li l-ipproċessar jitwettaq konformement ma’ dan ir-regolament.

81

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-RĠPD jimponu obbligi ġenerali ta’ responsabbiltà u ta’ konformità fuq il-kontrolluri ta’ data personali. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu mill-kontrolluri li jadottaw il-miżuri xierqa intiżi sabiex jipprevjenu l-ksur eventwali tar-regoli previsti mill-RĠPD sabiex jiġi żgurat id-dritt għall-protezzjoni tad-data.

82

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 19 tar-RĠPD jipprevedi, b’mod partikolari, li l-kontrollur għandu jikkomunika lil kull destinatarju li lilu tkun ġiet ikkomunikata data personali kull tħassir ta’ data personali mwettaq skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm tali komunikazzjoni ma tirriżultax impossibbli jew teħtieġ sforzi sproporzjonati.

83

Issa, mill-obbligi ġenerali previsti fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 24 tar-RĠPD, moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tiegħu, jirriżulta li kontrollur tad-data personali, bħal Proximus, għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jinforma lill-fornituri ta’ direttorji l-oħra li lilhom tkun ipprovdiet tali data, bl-irtirar tal-kunsens tal-persuna kkonċernata li jkun intbagħat lilha. Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ippreċiżati fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, tali kontrollur għandu wkoll jiżgura li jinforma lill-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu din id-data personali sabiex dan tal-aħħar jadatta l-lista tad-data personali li huwa jittrażmetti awtomatikament lil dan il-fornitur ta’ direttorji u jiżola d-data tal-abbonati tiegħu li wrew ir-rieda tagħhom li jirtiraw il-kunsens tagħhom sabiex din id-data ssir pubblika.

84

Fil-fatt, meta, bħal f’dan il-każ, diversi kontrolluri jibbażaw ruħhom fuq il-kunsens uniku tal-persuna kkonċernata sabiex tiġi pproċessata d-data personali tagħha bl-istess għan, huwa biżżejjed, sabiex din il-persuna tirtira tali kunsens, li hija tindirizza lil xi wieħed mill-kontrolluri li jibbażaw ruħhom fuq dan l-istess kunsens għall-finijiet tal-irtirar mitlub.

85

Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għall-irtirar tal-kunsens tagħha previst fl-Artikolu 7(3) tar-RĠPD u sabiex jiġi żgurat li l-kunsens tas-suġġett tad-data jkun strettament marbut mal-għan li għalih ingħata, il-kontrollur, li fir-rigward tiegħu l-persuna kkonċernata irtirat tal-kunsens tagħha għall-ipproċessar tad-data personali tagħha, huwa effettivament obbligat li jinforma b’dan l-irtirar lil kull persuna li tkun ittrażmettietlu l-imsemmija data, kif ukoll lill-persuna li, min-naħa tagħha, ittrażmettiet l-imsemmija data. Il-kontrolluri hekk informati, sussegwentement, min-naħa tagħhom, għandhom l-obbligu li jittrażmettu din l-informazzjoni lill-kontrolluri l-oħra li lilhom huma kkomunikaw tali data.

86

F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li tali obbligu ta’ informazzjoni huwa intiż li jipprevjeni kull ksur eventwali tar-regoli previsti mill-RĠPD sabiex jiġi żgurat id-dritt għall-protezzjoni tad-data u jaqa’ għalhekk fil-kuntest ta’ miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan jaqa’ wkoll fil-kuntest tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l-kontrollur huwa obbligat jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuna kkonċernata b’mod partikolari mill-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

87

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ tali obbligu ta’ informazzjoni għall-kontrollur dwar l-irtirar tal-kunsens tal-persuna kkonċernata tista’ tirrendi l-irtirar tal-kunsens partikolarment diffiċli, peress li din il-persuna tista’ taħseb li hija obbligata tikkuntattja lil kull wieħed mill-operaturi. Tali approċċ ikun għalhekk kuntrarju għall-Artikolu 7(3) tar-RĠPD, li jipprovdi li għandu jkun faċli li jiġi rtirat daqskemm ikun faċli biex jingħata l-kunsens għat-trattament tad-data personali.

88

Fl-aħħar nett, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, ta’ abbonat debitament informat, għall-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku tad-data personali li tikkonċernah huwa relatat mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi ruħu għal kull ipproċessar sussegwenti tal-imsemmija data minn impriżi terzi attivi fis-suq tad-direttorji, sa fejn tali proċessar ikollu dan l-istess għan.

89

Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li fornitur ta’ direttorji jista’ jinvoka l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data mogħti minn abbonat għal dan il-għan lil fornitur ieħor jew lill-operatur tiegħu ta’ servizzi telefoniċi, l-abbonat għandu jkun jista’, sabiex jirtira l-kunsens tiegħu, jindirizza lil kwalunkwe fornitur ta’ direttorji jew lil dan l-operatur sabiex jikseb it-tneħħija tad-dettalji tiegħu mid-direttorji ppubblikati minn dawk kollha li jistrieħu fuq l-unika darba li huwa jkun ta l-kunsens tiegħu.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ teżiġi li l-fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku, bħala kontrollur, jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi, jiġifieri l-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu d-data personali tal-abbonat tiegħu, kif ukoll il-fornituri l-oħra ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku li lilhom huwa pprovda tali data, dwar l-irtirar tal-kunsens ta’ dan l-abbonat.

Fuq ir‑raba’ domanda

91

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji, li l-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi jkun talab li ma jippubblikax iktar id-data personali li tikkonċernah, jieħu “passi raġonevoli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka b’din it-talba għat-tħassir tad-data.

92

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD jimponi fuq il-kontrollur li jkun irrenda pubblika d-data personali, fid-dawl tat-teknoloġiji disponibbli u tal-ispejjeż ta’ implimentazzjoni, li jieħu passi raġonevoli, inklużi ta’ natura teknika, sabiex jinforma lill-kontrolluri li jipproċessaw din id-data personali li l-persuna kkonċernata talbet it-tħassir minn dawn il-kontrolluri ta’ kull link għal din id-data personali, jew kwalunkwe kopja jew riproduzzjoni tagħha.

93

Kif jirriżulta mill-premessa 66 tar-RĠPD, l-għan ta’ dan l-obbligu huwa t-tisħiħ tad-dritt li wieħed jintesa fl-ambjent online u minħabba f’hekk huwa intiż, b’mod partikolari, għall-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni fuq l-internet mill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka li jipproċessaw data ppubblikata online.

94

F’dan il-każ, huwa paċifiku li Proximus ippubblikat, fid-direttorju tagħha, id-data personali tal-lanjant u, għaldaqstant, li din il-kumpannija għandha titqies bħala kontrollur li rrenda pubbliku tali data, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-RĠPD.

95

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, l-attività ta’ mutur ta’ riċerka li tikkonsisti fit-tisjib ta’ informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-elenkar b’mod awtomatiku ta’ din l-informazzjoni f’indiċi, fil-ħażna temporanja ta’ din l-informazzjoni u, fl-aħħar nett, fit-tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari għandha titqies li hija “ipproċessar” ta’ data personali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD u, min-naħa l-oħra, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali l-operatur ta’ dan il-mutur ta’ riċerka għandu jitqies li huwa l-“kontrollur” tal-imsemmi pproċessar, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4, u, għaldaqstant fis-sens ukoll tal-Artikolu 17(2) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

96

Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li kontrollur bħal Proximus huwa obbligat, skont l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD li jiżgura li jieħu passi raġonevoli sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka bit-talba li ġiet indirizzata lilu mill-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi u intiża għat-tħassir tad-data personali tiegħu. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tal-passi meħuda mill-fornitur ta’ direttorji, l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD jipprevedi li t-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li din l-evalwazzjoni taqa’ prinċipalment fuq l-awtorità kompetenti fil-qasam u li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

97

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-APD, li ma ġewx ikkontestati fuq dan il-punt mill-partijiet l-oħra f’din il-kawża, jirriżulta li, matul it-tieni trimestru tas-sena 2020, in-numru ta’ fornituri ta’ muturi ta’ riċerka li joperaw fil-Belġju kien limitat. B’mod partikolari, Google kellha sehem mis-suq ta’ bejn 90 %, fir-rigward tar-riċerki mwettqa fuq id-desktops, u 99 %, fir-rigward tar-riċerki mwettqa fuq l-ismartphones u t-tablets.

98

Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara t-talba tal-abbonat sabiex id-data tiegħu ma tidhirx fid-direttorji ta’ dan il-fornitur, Proximus wieġbet li hija kienet mhux biss ħassret din id-data mid-direttorji telefoniċi u mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku, iżda kienet ukoll ikkuntattjat lil Google sabiex il-links rilevanti lejn is-sit internet ta’ Proximus jitħassru.

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, li lilu l-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi talab sabiex ma tiġix ippubblikata iktar id-data personali li tikkonċernah, jieħu “passi raġonevoli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka b’din it-talba għal tħassir tad-data.

Fuq l‑ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-“kunsens”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, tal-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi huwa meħtieġ sabiex id-data personali ta’ dan l-abbonat tidher fid-direttorji u fis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, ippubblikati minn operaturi oħra minbarra dan l-operatur, filwaqt li dan il-kunsens jista’, madankollu, jingħata lill-imsemmi operatur biss.

 

2)

L-Artikolu 17 tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji kif ukoll mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku tikkostitwixxi eżerċizzju tad-“dritt għal tħassir”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

 

3)

L-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-Regolament 2016/679,

għandhom jiġu interpretati fis-sens:

awtorità superviżorja nazzjonali tista’ teżiġi li l-fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, bħala kontrollur, jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi, jiġifieri l-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu d-data personali tal-abbonat tiegħu, kif ukoll il-fornituri l-oħra ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku li lilhom huwa pprovda tali data, dwar l-irtirar tal-kunsens ta’ dan l-abbonat.

 

4)

L-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2016/679,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, li lilu l-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi talab sabiex ma tiġix ippubblikata iktar id-data personali li tikkonċernah, jieħu “passi raġonevoli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka b’din it-talba għal tħassir tad-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top