EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0603

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2020.
Proċeduri kriminali kontra TG u UF.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Špecializovaný trestný súd.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325 TFUE – Proċeduri kriminali li jirrigwardaw reati fil-qasam ta’ frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea – Dritt nazzjonali li ma jippermettix lill-organi tal-Istat jiksbu, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-irkupru ta’ sussidji bħala kumpens għad-dannu kkawżat mir-reati.
Kawża C-603/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:774

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325 TFUE – Proċeduri kriminali li jirrigwardaw reati fil-qasam ta’ frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea – Dritt nazzjonali li ma jippermettix lill-organi tal-Istat jiksbu, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-irkupru ta’ sussidji bħala kumpens għad-dannu kkawżat mir-reati”

Fil-Kawża C‑603/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iŠpecializovaný trestný súd (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

TG,

UF,

fil-preżenza ta’:

Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky,

Úrad práce, sociálnych vecí a rodiny Košice,

Úrad práce, sociálnych vecí a rodiny Vranov nad Topľou,

Úrad práce, sociálnych vecí a rodiny Michalovce,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TG u UF, minn M. Kráľ, advokát,

għall-Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky, minn J. Palkovič, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová u M. Kianička, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, A. Bouchagiar u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 38(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14 Vol. 1, p. 31), moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1681/94 tal‑11 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 23), tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57), tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas‑7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat‑12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 [KE] dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 138), kif ukoll tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”), u tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra TG u UF (iktar ’il quddiem l-“imputati”) għal fatti li jistgħu jikkostitwixxu frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 38(1)(ħ) tar-Regolament Nru 1260/1999:

“Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom:

[…]

(ħ)

jirkupraw kull ammont mitluf minħabba irregolarità li tkun instabet u, fejn hu xieraq, jimponu l-imgħax fuq ħlasijiet tardivi.”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/29 jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura li vittmi tal-kriminalità, jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘vittma’ tfisser

(i)

persuna fiżika li ġarrbet ħsara, inkluż dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali;

(ii)

membru tal-familja ta’ persuna li l-mewt tagħha kienet ikkawżata direttament minn reat kriminali u li jkun sofra ħsara b’riżultat tal-mewt ta’ dik il-persuna”.

6

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/98, bit-titolu “De minimis”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament addottat skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, tiddeċiedi li, wara li kkunsidrat l-iżvilupp u l-funzjoni tas-suq komuni, ċertu għajnuna ma’ tissodisfax il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 92(1) u li huma għalhekk eżentati mill-proċedura ta’ notifika li hemm provduta fl-Artikolu 93(3), basta li għajnuna mogħtija lill-istess intrapriża fuq perjodu ta’ żmien mogħti ma’ jeċċedix ċertu ammont fiss.”

7

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 69/2001 kien jistabbilixxi:

“L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil xi impriża waħda m’għandhiex taqbeż EUR 100000 fuq xi perjodu ta’ tliet snin. Il-limitu għandu għodd irrispettivament mill-forma ta’ l-għajnuna jew l-oġġettiv rikjest.”

Id-dritt Slovakk

8

Iż-zákon č. 301/2005 Z.z., Trestný poriadok (il-Liġi Nru 301/2005, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), tipprovdi, fl-Artikolu 46 tagħha:

“(1)   Il-persuna leża hija l-persuna li tkun sofriet, bħala riżultat tar-reat kriminali, danni fiżiċi jew dannu materjali, morali jew ieħor, jew li drittijiet jew libertajiet oħra tagħha protetti mil-liġi jkunu ġew mhedda jew miksura. Il-persuna leża għandha d-dritt, fil-każijiet previsti minn din il-liġi, tagħti l-kunsens tagħha fir-rigward tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, titlob danni, titlob miżuri istruttorji, inklużi dawk supplimentari, tipproduċi provi, tikkonsulta u teżamina l-proċess, tassisti għas-seduta prinċipali u għas-seduti pubbliċi tal-proċeduri ta’ appell u ta’ ammissjoni ta’ ħtija nnegozjata, tirreaġixxi għall-produzzjoni tal-prova, tressaq talbiet u tippreżenta rikors skont il-possibbiltajiet mogħtija minn din il-liġi. Il-parti leża għandha d-dritt, f’kull mument tal-proċeduri kriminali, tikseb informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tingħata mill-awtorità li tkun qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali jew mill-qorti adita; id-dettalji neċessarji għal dan il-għan għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna leża. L-informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tal-proċeduri kriminali ma għandhiex tiġi kkomunikata jekk dan il-fatt jissogra li jiġi kompromess l-għan tal-proċeduri kriminali.

[…]

(3)   Il-parti leża, li legalment għandha dritt għall-kumpens għad-dannu kkawżat mir-reat tal-persuna mixlija, tista’ wkoll titlob lill-qorti tobbliga lill-persuna mixlija, fid-deċiżjoni ta’ kundanna, tikkumpensa l-imsemmi dannu; il-parti leża għandha tressaq it-talba sa mhux iktar tard minn qabel it-tmiem tal-istruttorja jew tal-istruttorja mħaffa. It-talba għandha tindika b’mod ċar ir-raġunijiet u l-ammont tal-kumpens mitlub.

[…]”

9

L-Artikolu 287(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Meta l-qorti tikkundanna lill-akkużat għal reat li jkun ikkawża lil ħaddieħor dannu indikat fl-Artikolu 46(1), din ġeneralment tobbligah, fis-sentenza tagħha, jikkumpensa lill-parti leża jekk din tkun eżerċitat debitament id-dritt tagħha fit-termini stabbiliti. Il-qorti tobbliga dejjem lill-akkużat jikkumpensa d-dannu mhux ikkumpensat, totalment jew parzjalment, jekk l-ammont tiegħu jkun indikat fl-espożizzjoni tal-fatti msemmija fid-dispożittiv tas-sentenza li tkun iddikjarat lill-akkużat ħati, jew jekk il-kumpens ikopri dannu morali li jirriżulta minn reat vjolenti intenzjonali skont liġi speċjali, sa fejn id-dannu jkun għadu ma ġiex ikkumpensat.”

10

L-Artikolu 288(1) tal-imsemmi kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Jekk il-produzzjoni tal-provi ma tiġġustifikax li jiġi deċiż obbligu ta’ kumpens għad-dannu jew jekk, sabiex jiġi deċiż dwar l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu, kienet tkun meħtieġa produzzjoni tal-provi li tmur lil hinn mill-ħtiġijiet tal-proċeduri kriminali u testendihom, il-qorti għandha tirreferi lill-persuna leża għal proċeduri ċivili jew, jekk ikun il-każ, lil awtorità kompetenti oħra.

[…]”

11

Iż-zákon č. 300/2005 Z. z., Trestný zákon (il-Liġi Nru 300/2005, dwar il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 261 tagħha, bit-titolu “Dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej”:

“(1)   Kull min juża jew jippreżenta dokument iffalsifikat, żbaljat jew inkomplet, jew li ma jipprovdix data obbligatorja, jew li juża fondi mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, minn baġit amministrat mill-Komunitajiet Ewropej jew f’isem il-Komunitajiet Ewropej għal għan differenti minn dawk stabbiliti inizjalment, u li b’hekk jippermetti t-twettiq ta’ miżapproprjazzjoni jew iż-żamma illegali ta’ fondi minn dan il-baġit, għandu jiġi punit b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u tliet snin.

(2)   L-awtur tar-reat għandu jiġi punit b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u ħames snin jekk huwa jwettaq ir-reat previst fil-paragrafu 1

(a)

u b’dan il-mod jikkawża dannu sinjifikattiv,

(b)

għal raġuni speċifika, jew

(c)

billi jwettaq atti partikolarment serji.

(3)   L-awtur tar-reat għandu jiġi punit b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tliet snin u tmien snin jekk huwa jwettaq ir-reat previst fil-paragrafu 1 u b’dan il-mod jikkawża dannu kbir.

(4)   L-awtur tar-reat għandu jiġi punit b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn seba’ snin u tnax‑il sena jekk huwa jwettaq ir-reat previst fil-paragrafu 1

(a)

u b’dan il-mod jikkawża dannu kbir, jew

(b)

bħala membru ta’ grupp perikoluż.”

12

Skont l-Artikolu 31 taż-zákon č.523/2004 Z.z. o rozpočtových pravidlách verejnej správy (il-Liġi Nru 523/2004 dwar ir-Regoli Baġitarji tal-Amministrazzjoni Pubblika), il-persuna ġuridika jew fiżika li tkun kisret ir-regoli finanzjarji għandha l-obbligu tħallas lura l-fondi lill-baġit li minnu dawn ikunu ttieħdu jew tħallsu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-portata tal-ksur tar-regoli finanzjarji; hija għandha wkoll tħallas penalità.

13

L-Artikolu 420(1) taż-zákon č. 40/1964 Zb., Občiansky zákonník v relevantnom znení (il-Liġi Nru 40/1964, dwar il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“Kull persuna għandha tkun responsabbli għad-dannu li hija tkun ikkawżat b’riżultat tal-ksur tal-obbligi legali tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Il-kawża prinċipali tirrigwarda proċeduri kriminali kontra l-imputati, żewġ persuni fiżiċi, għal fatti li jistgħu jikkostitwixxu frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni. Ir-reat kriminali li huwa s-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali kien twettaq fil-kuntest ta’ żewġ sejħiet għal offerti mnedija, rispettivament, matul is-sena 2005 u s-sena 2006 mill-Ústredie práce sociálnych vecí a rodiny (id-Direttorat Ċentrali tax-Xogħol, tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, is-Slovakkja) għat-tressiq ta’ talbiet għal sussidji intiżi sabiex isostnu l-ħolqien ta’ impjiegi fil-mikroimpriżi u l-ħolqien ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà f’postijiet ta’ ħidma u f’postijiet ta’ xogħol protetti. L-ewwel sejħa għal offerti kienet tagħti dritt għal sussidju fil-forma ta’ kontribuzzjoni unika, filwaqt li t-tieni kienet tagħti dritt għal sussidju fil-forma ta’ rimbors ta’ spejjeż iġġustifikati. 75 % ta’ dan l-aħħar sussidju kien iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

15

Bejn ix-xahar ta’ Mejju 2005 u x-xahar ta’ Marzu 2006, l-imputati stabbilixxew 19‑il kumpannija kummerċjali, li fihom huma assumew ir-rwol ta’ soċji u ta’ amministraturi. Disgħa minn dawn il-kumpanniji ma kisbux sussidji. L-għaxra l-oħra, min-naħa l-oħra, kellhom jiksbu sussidji f’ammont totali ta’ EUR 750 613.79, li minnu ammont ta’ EUR 654 588.34 kien effettivament tħallas, inkluż f’dan il-ħlas l-ammont ta’ EUR 279 272.18 mill-baġit tal-Unjoni.

16

Wara l-ħlas tas-sussidji inkwistjoni, l-imputati ttrasferixxew l-ishma tagħhom fil-kumpanniji kkonċernati lil terz, u sussegwentement l-imsemmija kumpanniji waqqfu kull attività. Fid-data tat-tressiq tal-proċeduri kriminali kontrihom, l-assi tal-kumpanniji ma kinux jinsabu iktar fil-bini ta’ dawn l-istess kumpanniji, li kienu tħassru ex officio mir-reġistru tal-kumpanniji.

17

Matul il-perijodu tal-ħlas tas-sussidji inkwistjoni, il-kumpanniji kummerċjali kkonċernati kienu impjegaw total ta’ 107 persuni b’diżabbiltà, li fir-rigward tagħhom huma debitament wettqu l-obbligi tagħhom fil-qasam ta’ salarji u ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Madankollu, ix-xogħol ta’ dawn l-impjegati ma kienx ikkontribwixxa għall-għanijiet ippreżentati fit-talbiet għal sussidji. Skont rapport ta’ espert, dan kien xogħol fittizju.

18

L-imputati kienu ġġestixxew il-kumpanniji kkonċernati b’mod ċentralizzat minn waħda minnhom li kienet tinsab f’Košice (is-Slovakkja), fl-istess indirizz bħal dak tad-domiċilju permanenti tal-imputati. F’kull waħda minn dawn il-kumpanniji, l-imputati kienu nnominaw impjegat fil-pożizzjoni ta’ direttur.

19

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li huma biss il-kumpanniji li lilhom effettivament ingħata u tħallas sussidju, jiġifieri, total ta’ għaxar kumpanniji, li huma s-suġġett tal-akkuża.

20

Il-proċeduri kriminali tressqu kontra l-imputati fil-kwalità tagħhom ta’ soċji u ta’ amministraturi ta’ dawn il-kumpanniji abbażi tal-akkuża mressqa mill-Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali fid-Dipartiment tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali”). L-úrady práce, sociálnych vecí a rodiny (l-Aġenziji tad-Direttorat tax-Xogħol, tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja), bħala partijiet leżi fil-kawża prinċipali, talbu l-ħlas ta’ danni mingħand l-imputati matul l-istruttorja, sal-ammont tas-sussidju effettivament imħallas.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), l-Artikolu 46 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jippermettilhiex, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, tieħu konjizzjoni tad-dritt għal kumpens tal-organi tal-Istat. Fid‑29 ta’ Novembru 2017, l-Awla Kriminali tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) kienet, fil-fatt, ħarġet opinjoni li fiha hija ddikjarat li: “[i]l-krediti tal-Istat b’applikazzjoni tar-regoli dwar it-tipi differenti ta’ taxxi li huma inizjalment is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti skont il-proċeduri tal-Kodiċi tat-Taxxa […] inklużi dawk li jirriżultaw minn talba abbużiva għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew tad-dazji tas-sisa mħallsa mill-persuna taxxabbli, huma ta’ natura amministrattiva, u d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti amministrattiva[;] dawn id-drittijiet ma jippermettux li jintalbu danni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali skont l-Artikolu 46(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali […]. Għalhekk, ebda sovrappożizzjoni ma hija possibbli, jiġifieri kunflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn id-diversi istituzzjonijiet (amministrattivi u ġudizzjarji), u lanqas deċiżjoni doppja fuq l-istess dritt”. In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ippreċiżat ukoll li dawn il-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi japplikaw mutatis mutandis“għal kull kreditu ieħor li ma huwiex, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bażi sostantiva tiegħu (jiġifieri d-dispożizzjoni legali applikabbli fil-qasam), dritt għall-kumpens għad-dannu jew għad-dannu msejjaħ morali”.

22

In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) sussegwentement applikat din il-ġurisprudenza fi proċeduri kriminali li jirrigwardaw reati ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u ta’ frodi relatata mas-sussidji. Il-qorti tar-rinviju tippreżumi, għalhekk, li hija ser tapplikaha wkoll fil-każ ta’ appell mis-sentenza tagħha fil-kawża prinċipali.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li timpedixxi lill-Istat milli jressaq azzjoni għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-frodi. Proċedura amministrattiva msemmija fil-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tista’ fil-fatt tkun diretta biss kontra l-benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni. Issa, fil-kawża prinċipali, dawn huma kumpanniji kummerċjali li ma għandhom ebda attiv u li saħansitra tħassru mir-reġistru tal-kumpanniji. Għaldaqstant, tali proċedura ma tistax tippermetti l-irkupru tas-sussidji mħallsa indebitament. Għall-kuntrarju, it-tressiq ta’ kawża għal kumpens fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra persuni fiżiċi, f’dan il-każ is-soċji u l-amministraturi ta’ dawn il-kumpanniji kummerċjali, jista’ jwassal għall-kumpensi li l-Istat irid jikseb.

24

Minbarra din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għajnuna de minimis mogħtija fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet għandhiex tiġi evalwata individwalment, għal kull kumpannija, jew globalment, minħabba l-ġestjoni ċentralizzata tagħhom. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk, f’dan il-każ, għandux jitqies bħala dannu l-ammont kollu tas-sussidju indebitament irċevut, jew jekk għandhomx jitnaqqsu l-ispejjeż li, ċertament, kienu ġew sostnuti legalment, iżda biss sabiex tinħeba l-frodi, tiġi ttardjata l-iskoperta tagħha u b’hekk tinkiseb is-somma kollha mogħtija.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-iŠpecializovaný trestný súd (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Slovakkja), peress li tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Id-Direttiva 2012/29 […] hija applikabbli, fil-qasam tad-drittijiet (bħad-dritt għal parteċipazzjoni attiva tal-parti leża fil-proċeduri kriminali u d-dritt għal kumpens għad-dannu f’tali proċeduri), li min-natura tagħhom stess ma humiex mogħtija lill-persuna fiżika biss, li hija esseri senzjenti, [iżda] anki għall-persuni ġuridiċi u għall-Istat, u b’mod iktar preċiż għall-awtoritajiet nazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ parti leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali?

(2)

L-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […], l-Artikolu 325 [TFUE] u l-Artikolu 38(1)(h) tar-Regolament […] Nru 1260/1999 […], moqri flimkien mar-Regolament […] Nru 1681/94 […], jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi deċiżjonali […] li skonthom, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat la jista’ jaġixxi b’mod li jikkumpensa d-dannu li ġie kkawżat lilu permezz ta’ aġir frawdolenti mill-persuna indagata, li l-effett tiegħu kien miżapproprjazzjoni tal-fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma jista’ jippreżenta rikors, skont l-Artikolu 256(3) tal-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali, kontra digriet li permezz tiegħu l-qorti tkun iddeċidiet li l-Istat, jew l-awtorità nazzjonali li tirrappreżentah, ma jistax jintervjeni fis-seduta bħala parti leża li għandha dritt titlob kumpens għad-dannu, u lanqas ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu xi azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka d-dritt tiegħu kontra l-persuna indagata, tant li huwa wkoll impossibbli li d-dritt tiegħu għall-kumpens tad-dannu fuq il-beni u d-drittijiet patrimonjali tal-persuna indagata skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali jiġi ggarantit u b’hekk, de facto, dan id-dritt ma jkunx jista’ jiġi infurzat?

(3)

L-espressjoni ‘l-istess impriża’ li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament […] Nru 994/98 […] moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament […] Nru 69/2001 […], għandha tiġi interpretata fuq livell purament formali, fis-sens li huwa neċessarju u biżżejjed li jiġi stabbilit jekk l-entitajiet ikkonċernati għandhomx personalità ġuridika awtonoma abbażi tad-dritt nazzjonali, b’mod li għajnuna mill-Istat ta’ ammont massimu ta’ EUR 100000 tkun tista’ tingħata lil kull waħda minn dawn l-impriżi, jew il-kriterju determinanti huwa l-mod effettiv li bih dawn l-impriżi, li huma miżmuma mill-istess persuni, jiffunzjonaw u huma amministrati bħallikieku inkwistjoni hemm sistema ta’ kumpanniji sussidjarji mmexxija minn kumpannija omm, minkejja li kull waħda minnhom għandha l-personalità rispettiva tagħha fid-dritt nazzjonali, u li għaldaqstant dawn għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ‘l-istess impriża’ u, kollha f’daqqa, jirċievu biss għajnuna mill-Istat waħda ta’ ammont massimu ta’ EUR 100000?

(4)

Għall-finijiet tal-[Konvenzjoni PIF jew tad-Direttiva 2017/1371], il-kunċett ta’ ‘dannu’ jindika biss il-parti tal-fondi, miksuba illegalment, li hija direttament marbuta mal-aġir frawdolenti jew jindika anki l-ispejjeż effettivament sostnuti u debitament iġġustifikati, kif ukoll l-użu tal-kontribuzzjoni, jekk mill-provi jiġi stabbilit li kienu meħtieġa għall-ħabi tal-aġir frawdolenti, sabiex l-iskoperta tal-aġir frawdolenti tiġi ttardjata jew sabiex l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tinkiseb kollha kemm hi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ domanda

26

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju tikkostitwixxi l-bażi għall-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa essenzjali li l-qorti nazzjonali tindika, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu taqa’ t-tilwima fil-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom tkun qiegħda titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6, u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 73).

30

Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma stabbiliti b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew riprodotti, b’mod partikolari, fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1). It-tielet inċiż tal-punt 15 ta’ dawn tal-aħħar jindika li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi“espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

31

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ domanda.

Fuq it-tielet domanda

32

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett tal-“istess impriża”, fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/98, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 69/2001, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ evitar eventwali tad-dritt applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

33

Il-Gvern Slovakk iqis li t-tielet domanda hija inammissibbli inkwantu din manifestament ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jsostni, min-naħa tiegħu, li din id-domanda hija inammissibbli minħabba li din hija ipotetika u infondata.

34

F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali responsabbiltà kriminali ta’ persuni indagati għal reati u, jekk ikun il-każ, dwar l-obbligu ta’ dawn il-persuni li jikkumpensaw id-dannu kkawżat lill-Istat fil-każ li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà tagħhom.

35

Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni tal-kunċett tal-“istess impriża”, fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/98, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 69/2001, hija neċessarja sabiex tiġi deċiża t-tilwima pendenti quddiemha.

36

Għaldaqstant, it-tielet domanda hija inammissibbli.

Fuq ir-raba’ domanda

37

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “dannu”, fis-sens tal-Konvenzjoni PIF u tad-Direttiva 2017/1371, għandux jinkludi spejjeż effettivament sostnuti u debitament iġġustifikati, kif ukoll l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja, jekk jiġi stabbilit li dawn kienu neċessarji sabiex jinħeba l-aġir frawdolenti, tiġi ttardjata l-iskoperta tal-frodi u tinkiseb l-għajnuna mill-Istat kollha inkwistjoni.

38

Il-Gvern Slovakk isostni li din id-domanda hija inammissibbli, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għaliha.

39

Mingħajr ma jqajmu espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, kemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tirreferi għal ebda dispożizzjoni speċifika tal-Konvenzjoni PIF jew tad-Direttiva 2017/1371.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax liema huma d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, u lanqas ma tipprovdi indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni tagħhom jew dwar ir-raġuni li għaliha risposta għar-raba’ domanda tista’ tkun ta’ natura li tinfluwenza l-eżitu ta’ din it-tilwima.

41

Għalhekk, billi titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kunċett ta’ “dannu” fid-dawl tal-Konvenzjoni PIF, li ma ssemmix dan it-terminu, jew fid-dawl tad-Direttiva 2017/1371, li ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li din hija sussegwenti għall-fatti inkwistjoni, mingħajr madankollu ma tirreferi għal xi dispożizzjoni nazzjonali, u lanqas ma tagħti indikazzjoni dwar il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni tuża din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji li jippermettulha tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula.

42

Konsegwentement, ir-raba’ domanda hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika wkoll għall-persuni ġuridiċi u għall-Istat, sa fejn id-dritt nazzjonali jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ “parti leża” fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2012/29 għandha l-għan li tipprovdi ċerti garanziji lill-vittmi tal-kriminalità. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi bħala “vittma”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1, kull persuna fiżika li tkun sofriet dannu, inkluż dannu għall-integrità fiżika, mentali, jew emozzjonali tagħha jew telf materjali, li jkun ġie kkawżat direttament minn reat kriminali, kif ukoll il-membri tal-familja ta’ persuna li l-mewt tagħha tirriżulta direttament minn reat kriminali u li jkunu sofrew dannu minħabba l-mewt ta’ din il-persuna.

45

Tali formulazzjoni manifestament ma tippermettix l-inklużjoni ta’ persuni ġuridiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

46

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-persuni ġuridiċi, u lanqas għall-Istat, anki meta d-dritt nazzjonali jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ parti leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 325 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kif interpretati fil-ġurisprudenza nazzjonali, li abbażi tagħhom, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat ma jistax iressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat lilu minn aġir frawdolenti tal-persuna indagata li għandu bħala effett il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni, u ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ebda azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka dritt kontra l-persuna indagata.

48

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u, b’mod partikolari, jobbligahom jadottaw l-istess miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jiġġieldu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom libertà ta’ għażla fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli, li jista’ jkollhom l-għamla ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ taħlita tat-tnejn, filwaqt li ppreċiżat li, fil-każ ta’ frodi serja, sanzjonijiet kriminali jistgħu madankollu jkunu essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 39).

50

L-Istati Membri għandhom għaldaqstant obbligu preċiż ta’ riżultat u li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jistabbilixxi. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala effett, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fir-relazzjoni tagħhom mad-dritt intern tal-Istati Membri, li jirrendu awtomatikament inapplikabbli, sempliċement bid-dħul fis-seħħ tagħhom, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 5152).

51

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar preċiż, dwar il-kompatibbiltà mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325 TFUE ta’ regoli ta’ proċedura kriminali nazzjonali hekk kif interpretati fil-ġurisprudenza nazzjonali li ma jippermettux, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li jiġi rrikonoxxut lill-Istat dritt għal kumpens bħala persuna leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

52

Il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li l-Istat jista’ jirkupra l-fondi mħallsa indebitament billi jressaq proċeduri amministrattivi għall-ksur tar-regoli finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Liġi Nru 523/2004 dwar ir-Regoli Baġitarji tal-Amministrazzjoni Pubblika. Hija tispjega li, skont din id-dispożizzjoni, l-għoti jew l-użu ta’ fondi pubbliċi għal finijiet differenti minn dawk li ġew stabbiliti għal dawn il-fondi jikkostitwixxi ksur tar-regoli finanzjarji. Madankollu, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, il-proċeduri amministrattivi jippermettu li jintalab ir-rimbors tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa indebitament biss mingħand il-benefiċjarju formali tas-sussidju, jiġifieri, f’dan il-każ, persuni ġuridiċi.

53

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Slovakk isostni li, skont id-dritt nazzjonali, l-Istat għandu barra minn hekk il-possibbiltà li jressaq azzjoni ċivili li tippermettilu mhux biss li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili tal-persuna ġuridika destinatarja tal-kontribuzzjonijiet irċevuti indebitament, iżda wkoll li jikseb, sussegwentement għal kundanna kriminali, il-kumpens għad-danni subiti mingħand il-persuna fiżika hekk ikkundannata.

54

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 325(1) TFUE, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri dissważivi, effettivi u ekwivalenti għal dawk adottati fuq il-livell nazzjonali sabiex jiġġieldu l-frodi li tippreġudika l-interessi tal-Istat Membru kkonċernat.

55

Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-Istati Membri huma b’mod partikolari obbligati jadottaw miżuri effettivi li jippermettu l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament lill-benefiċjarju ta’ sussidju parzjalment iffinanzjat permezz tal-baġit tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 325 TFUE ma jimponi ebda restrizzjoni fuq l-Istati Membri, ħlief dik relatata man-natura effettiva tal-miżuri, fir-rigward tal-proċedura li għandha tippermetti li jintlaħaq tali riżultat, b’mod li dawn għandhom ċertu marġni ta’ manuvra f’dan ir-rigward, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-koeżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji distinti, li jsegwu għanijiet differenti u speċifiċi, rispettivament, għad-dritt amministrattiv, għad-dritt ċivili jew għad-dritt kriminali, ma tistax, fiha nnifisha, tippreġudika n-natura effettiva tal-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-intier tagħha, tippermetti l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni mħallsa indebitament.

57

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar l-osservanza tal-obbligu ta’ effettività stabbilit fl-Artikolu 325 TFUE, fil-każ fejn ma huwiex irrikonoxxut lill-Istat dritt għal kumpens, bħala persuna leża, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, u l-proċeduri amministrattivi jippermettu li tiġi rkuprata kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa indebitament biss mingħand il-persuna ġuridika benefiċjarja ta’ din il-kontribuzzjoni.

58

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ rikonoxximent, fir-rigward tal-Istat, ta’ dritt għal kumpens bħala persuna leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali ma jistax, waħdu, ikun kuntrarju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325 TFUE.

59

Għalkemm, fil-fatt, is-sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu essenzjali sabiex jippermettu lill-Istati jiġġieldu b’mod effettiv u dissważiv ċerti każijiet ta’ frodi serja (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 39, kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 34), tali sanzjonijiet huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata n-natura dissważiva tad-dritt nazzjonali u ma għandhomx l-għan li jippermettu l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

60

Min-naħa l-oħra, mill-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżistenza fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat ta’ rimedju effettiv ta’ kumpens għad-danni għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kemm jekk fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, amministrattivi jew ċivili, hija biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ effettività stabbilit fl-Artikolu 325 TFUE sakemm dan jippermetti l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet irċevuti indebitament u sanzjonijiet kriminali jippermettu li jiġu miġġielda l-każijiet ta’ frodi serja.

61

Dan huwa l-każ hawnhekk, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Istat għandu, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-possibbiltà li jressaq, minn naħa, proċeduri amministrattivi li jippermettulu jikseb l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet imħallsa indebitament lill-persuna ġuridika destinatarja tagħhom u, min-naħa l-oħra, proċeduri ċivili intiżi mhux biss sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili tal-persuna ġuridika destinatarja tal-kontribuzzjonijiet irċevuti indebitament, iżda wkoll sabiex jinkiseb, sussegwentement għal kundanna kriminali, il-kumpens għad-danni subiti mingħand il-persuna fiżika kkundannata.

62

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 325 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali hekk kif interpretati fil-ġurisprudenza nazzjonali li jipprovdu li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat ma jistax iressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat lilu minn aġir frawdolenti tal-persuna indagata li għandu bħala effett il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni, u ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ebda azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka dritt kontra l-persuna indagata, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi proċeduri effettivi li jippermettu l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni rċevuti indebitament.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-persuni ġuridiċi, u lanqas għall-Istat, anki meta d-dritt nazzjonali jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ parti leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

 

2)

L-Artikolu 325 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali hekk kif interpretati fil-ġurisprudenza nazzjonali li jipprovdu li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat ma jistax iressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat lilu minn aġir frawdolenti tal-persuna indagata li għandu bħala effett il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ebda azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka dritt kontra l-persuna indagata, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi proċeduri effettivi li jippermettu l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni Ewropea rċevuti indebitament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

Top