EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0600

Kawża C-600/12: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Diċembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 63, 2.3.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/11


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-600/12)

2013/C 63/19

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u D. Düsterhaus, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi baqgħet tagħmel użu minn landfill għar-rimi tal-iskart li ma taħdimx kif suppost u li hija diġà mimlija (li tinsab f’Griparaiika fir-reġjun ta’ Kalamaki fuq il-gżira ta’ Zakynthos) u li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent tal-UE, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13 u 36(1) tad-Direttiva 2008/98/KE (1) dwar l-iskart, kif ukoll taħt l-Artikoli 8, 9, 11(1)(a), 12 u 14 tad-Direttiva 1999/31/KE (2) dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]. Barra minn hekk, billi ġeddet il-permess għall-operat tal-landfill mingħajr ma applikat il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (3), tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, naqset ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dan l-artikolu.

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-awtoritajiet Griegi qed jittolleraw li jitkompla l-operat ta’ landfill li hija diġà mimlija u ma adottawx il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw iż-żieda neċessarja fil-kapaċità tal-landfill (jew soluzzjoni differenti għall-problema) sal-31 ta’ Diċembru 2015 (l-iskadenza tat-terminu tal-kundizzjonijiet ambjentali mġedda) jew sakemm ma tkunx bdiet topera landfill ġdida f’Zakynthos.

L-awtoritajiet Griegi ma adottawx il-miżuri korrettivi kollha neċessarji sabiex tinsab soluzzjoni għal numru sostanzjali ta’ problemi li kienu rriżultaw minn diversi rapporti ta’ spezzjoni (25 ta’ Ottubru 2011, 26 ta’ Jannar 2010, 26 ta’ Ottubru 2009, 11 ta’ Mejju 2009, 6 ta’ Frar 2009, 26 ta’ Awwissu 2008, 13 ta’ April 2007, 8 ta’ Diċembru 2005, 7 ta’ Jannar 2005 u 14 ta’ Diċembru 1999), u baqgħu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom sabiex din il-landfill tibqa’ topera, minkejja l-problemi.

L-awtoritajiet Griegi għadhom ma ppreparawx u ma approvawx il-pjan neċessarju ta’ kondizzjonament għal-landfill ta’ Zakynthos, u għadhom lanqas ma ssottomettew talba għat-tiġdid tal-permess għall-ħżin tal-iskart li tinkludi pjan ta’ evalwazzjoni tar-riskji li jistgħu jkunu involuti.

Minn dan isegwi li huma ma osservawx ir-rekwiżiti tal-Artikoli 13 u 36(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart u tal-Artikoli 8, 9, 11(1)(a), 12 u 14 tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill].

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi, permezz tad-Digriet Interministerjali tat-8 ta’ Ġunju 2011, estendew it-tul tal-kundizzjonijiet ambjentali (li jikkostitwixxu l-bażi tal-permess għall-operat) tal-landfill sal-31 ta’ Diċembru 2015, mingħajr ma wettqu evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet kif mitlub mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE.


(1)  ĠU L 312, p. 3

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228

(3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102


Top