EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0304

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) ta'l-20 ta' Settembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa - Direttiva 79/409/KEE - Konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi - Evalwazzjoni ta' l-impatt fuq l-ambjent ta' xogħol ta' modifikazzjoni ta' pisti ta' l-iskijing.
Kawża C-304/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07495

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:532

Kawża C-304/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 79/409/KEE —Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi — Evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent ta’ xogħol ta’ modifikazzjoni ta’ pisti ta’ skiing”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett

(Direttiva tal-Kunsill 92/43,Artikolu 6,(3))

2.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar

(Direttiva tal-Kunsill 92/43,Artikolu 6,(4))

3.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni ta’ protezzjoni speċjali

(Direttiva tal-Kunsill 92/43,Artikolu 6,(2))

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni

(Artikolu 226 KE;Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4, u 92/43, Artikolu 6, (2) sa (4))

1.        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jistabbilixxi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li mhumiex direttament marbuta ma’ jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jistgħu jeffettwaw lil dan ta’ l-aħħar b’mod sinjifikanti, ikunu awtorizzati biss sakemm ma jeffettwawx ħażin l-integrità tas-sit. Il-kunċett ta’ “evalwazzjoni xierqa” elenkat fl-imsemmija diżpożizzjoni, li ma tiddefinixxi l-ebda metodu partikolari għall-implimentazzjoni tagħha, għandu jkun konċepit b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li pjan jew proġett m’għandhomx effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat, peress li meta jkun hemm inċertezza fir-rigward tan-nuqqas ta’ dawn l-effeti, l-imsemmija awtoritajiet huma marbuta jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba.

Studju fuq l-evalwazzjonijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala xierqa skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, li dan stess jenfasizza n-natura sommarja u frammentarja ta’ l-eżami ta’ l-effetti ambjentali tax-xogħlijiet involuti u jiżvela numru kunsiderevoli ta’ elementi li ma tteħdux in kunsiderazzjoni, li konsegwentement jirrakkomanda, b’mod partikolari, analiżi morfoloġiċi u ambjentali supplementari kif ukoll eżami ġdid ta’ l-effetti tax-xogħlijiet, fil-kuntest globali tagħhom, fuq il-fawna salvaġġa in ġenerali u fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti speċi protetti, b’mod partikolari fiż-żona tal-foresta fejn għandhom jinqatgħu s-siġar, u li jikkunsidra li t-twettiq tax-xogħlijiet previsti, mixtieq minn perspetiva ekonomika, għandu jirrispetta numru kbir ta’ kundizzjonijiet u ta’ struzzjonijiet ta’ protezzjoni, ma jammontax għal evalwazzjoni xierqa li fuqha l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jibbażaw ruħhom fid-dawl ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni tax-xogħlijiet kontenzjużi skond l-Artikolu 6(3).

Rapport fuq l-evalwazzjonijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala xierqa skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, maħsub bħala okkażjoni li jiġu introdotti proposti oħra ta’ titjib tal-bilanċ ambjentali tax-xogħlijiet previsti billi jiżvela l-importanza ta’ evalwazzjonijiet li għandhom jitwettqu progressivament, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-konoxxenzi u tal-preċiżazzjonijiet li jistgħu jitfaċċaw fil-proċess tat-twettiq tal-proġett u li ma jinkludix, fir-rigward ta’ l-għasafar li għalihom is-sit kien ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, lista eżawrjenti ta’ għasafar selvaġġi preżenti hemmhekk, ma jammontax għal evalwazzjoni xierqa li fuqha l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jibbażaw ruħhom fid-dawl ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni tax-xogħlijiet kontenzjużi skond l-imsemmi Artikolu 6(3) tad-Direttiva.

Ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala evalwazzjonijiet xierqa skond dan l-Artikolu rapporti u studji li huma kkaratterizzati minn lakuni u minn nuqqas ta’ konstatazzjonijiet u ta’ konklużjonijiet kompluti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward ta’ l-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali kkonċernata. Konstatazzjonijiet u konklużjonijiet ta’ natura bħal din kienu indispensabbli sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu f’pożizzjoni li jakkwistaw iċ-ċertezza neċessarja sabiex jieħdu d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-imsemmija xogħlijiet.

(ara l-punti 56-58, 62-71)

2.        L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, li jipprovdi li, fis-sitwazzjoni fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni magħmula skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett iridu jsiru xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000, għandu, bħala eċċezzjoni għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3), ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

L-imsemmi Artikolu 6(4) jista’ japplika biss wara li l-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett ikun ġie analizzat skond l-Artikolu 6(3). Fil-fatt, l-għarfien ta’ dan l-impatt fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit in kwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 6(4), għaliex, fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ raġunijiet eventwali obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar u dak ta’ l-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi fil-fatt jeħtieġ ibbilanċjar fir-rigward tad-danni kkawżati lis-sit mill-pjan jew proġett ikkunsidrati. Minbarra dan, sabiex jiġi determinat it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, id-danni għall-imsemmi sit għandhom ikunu identifikati bi preċiżjoni.

(ara l-punti 81-83)

3.        Attivitajiet konnessi ma’ żona ta’ protezzjoni speċjali jistgħu jiksru fl-istess waqt kemm l-Artikolu 6(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa. Fil-fatt, meta ġiet mogħtija awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett b’mod mhux konformi ma’ l-Artikolu 6(3), li jipprevedi evalwazzjoni xierqa minn qabel ta’ l-impatt ta’ l-imsemmija pjan jew proġġett, jista’ jiġi stabbilit ksur ta’ l-Artikolu 6(2), li jistabbilixxi obbligu li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni xierqa, jekk ikunu stabbiliti deterjorazzjonijiet ta’ habitat jew tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom iż-żona in kwistjoni ġiet indikata.

Dawn id-deterjorazzjonijiet huma stabbiliti meta, f’foresta kbira ġewwa żona ta’ protezzjoni, li tikkostitwixxi l-habitat ta’ speċi ta’ għasafar protetti, seħħ qtugħ ta’ siġar li għandu bħala konsegwenza d-distruzzjoni tas-siti tar-riproduzzjoni ta’ l-imsemmija speċi. Dawn ix-xogħlijiet u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali msemmija huma, fil-fatt, inkompatibbli ma’ l-istatus legali ta’ protezzjoni li kellha tibbenefika minnu ż-żona msemmija skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

(ara l-punti 91-92, 94-96)

4.        Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas. Fil-fatt, hija din ta’ l-aħħar li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha neċessarji sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni.

Meta t-tmexxija ta’ żona kklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409/KEE, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, hija rregolata minn diversi strumenti tad-dritt nazzjonali, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq il-prova li l-kuntest ġuridiku stabbilit permezz ta’ dawn l-istrumenti diversi mhuwiex adatt sabiex jagħti lill-imsemmija żona status ta’ protezzjoni xieraq. Is-sempliċi referenza għall-adozzjoni mill-awtorità amministrattiva ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, mhijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibbiltà ta’ l-imsemmi kuntest ġuridiku ma’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409.

(ara l-punti 105-108)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Settembru 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent ta’ xogħol ta’ modifikazzjoni ta’ pisti ta’ skiing”

Fil-kawża C‑304/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-29 ta’ Lulju 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I.M. Braguglia u G. Fiengo, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni u modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (pisti msejħa “Bucaneve” u “Edelweiss”) u l-bini ta’ l-infrastrutturi relatati, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, “Parco Nazionale dello Stelvio” (iktar ’il quddiem il-“park”, għall-finijiet tal-kampjonati dinjija ta’ skiing Alpin 2005:

–        billi awtorizzat miżuri li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-żona msemmija, mingħajr m’għamlet stima xierqa ta’ l-impatt tagħhom fuq is-sit fir-rigward ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni tiegħu, u fi kwalunkwe każ, mingħajr ma osservat id-dispożizzjonijiet li ma jippermettux li jitwettaq proġett, f’każ ta’ konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħrajn, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar, u biss wara li tkun ġiet adottata u nnotifikata lill-Kummissjoni kull miżura ta’ kumpens meħtieġa biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-koerenza globali ta’ Natura 2000;

–        billi naqset milli tadotta miżuri biex jiġi evitat id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u ta’ l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jolqtu lill-ispeċi li għalihom ġiet protetta ż-żona;

–        billi naqset milli tagħti liż-żona ta’ protezzjoni speċjali, status legali ta’ protezzjoni li jiżgura b’mod partikolari s-sopravivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409 kif ukoll ir-riproduzzjoni, il-ħrif u l-migrazzjoni ta’ l-ispeċi migratorji mhux imsemmija fl-Anness 1 li l-miġja tagħhom hija waħda regolari,

ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(2) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”), u ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409/KEE.

 Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

2        Id-Direttiva 92/43 għandha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom japplika t-Trattat KE.

3        L-għaxar premessa ta’ din id-direttiva tgħid:

“billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

4        L-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija direttiva jgħid:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [79/409].”

5        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/43 jirregola l-proċedura li tippermetti t-twaqqif ta’ l-imsemmija netwerk Natura 2000 kif ukoll l-iffissar taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni mill-Istati Membri.

6        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni għall-imsemmija żoni, jipprovdi:

“[...]

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

7        L-Artikolu 7 ta’ l-imsemmija direttiva jgħid:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [79/409] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [79/409], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

8        Id-Direttiva 79/409/KEE għandha bħala suġġett li tiggarantixxi l-protezzjoni, it-tmexxija u r-regolamentazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ għasafar li naturalment jgħixu fl-istat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat.

9        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi, għall-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tagħha, miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw l-habitat tagħhom, sabiex tiġi assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. Dan l-Artikolu jgħid:

“1.      L-ispeċi msemmija fl-anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw l-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

a)      ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

b)      ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

c)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika ta’ l-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

2.      L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-anness i, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

[...]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni ta’ l-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-istati membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni ta’ l-habitats.”

 Il-park

 L-istatus tal-park taħt id-dritt nazzjonali

10      Il-park ġie kkreat permezz tal-Liġi Nru 740, ta’ l-24 ta’ April 1935, inizjalment fit-territorju tal-provinċji biss ta’ Trento u ta’ Bolzano, bil-għan li tiġi protetta u promossa l-flora, li tiżdied il-fawna u sabiex jiġu ppreżervati l-formazzjonijiet ġeoloġiċi speċjali kif ukoll l-isbuħija tal-pajżaġġi.

11      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika tat-23 April 1977, it-territorju tal-park ġie estiż għaż-żoni ta’ Cancano u ta’ Livigno kif ukoll għall-muntanji Sobretta, Gavia u Serottini, li jinstabu fit-territorju tal-provinċji ta’ Sondrio u ta’ Brescia, fit-territorju tar-Reġjun tal-Lombardija.

12      Il-park huwa żona protetta skond il-Liġi Qafas Nru 394, tas-6 ta’ Diċembru 1991, dwar iż-żoni nazzjonali ta’ protezzjoni. Din il-liġi tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-imsemmija żoni, għall-finijiet li tigarantixxi u tippromwovi, taħt forma koordinata, il-konservazzjoni u l-iżvilupp tal-patrimonju naturali tal-pajjiż.

13      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-23 ta’ Novembru 1993 ġie stabbilit il-Consorzio del Parco Nazionale dello Stelvio (iktar ’il quddiem il-“Consorzio”). Statut li jiddefinixxi l-kompetenzi u l-missjonijiet tal-Consorzio.

14      Skond l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi statut, il-Consorzio huwa msejjaħ jiggarantixxi, fit-tmexxija tal-park, il-protezzjoni tan-natura u l-konservazzjoni tal-pajżaġġi.

 L-istatus tal-park taħt id-dritt Komunitarju

15      Fl-1998, il-park ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409/KEE. Huwa msemmi fil-kapitolu “Regione Lombardia”, taħt in-numru IT 2040044.

16      Skond il-formola ta’ informazzjoni mibgħuta mill-Italja fl-1998, skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 1996 dwar format ta’ tagħrif fuq is-siti għas-siti proposti għan-Natura 2000 (ĠU L 107, p. 1), din iż-żona tilqa’ fi ħdanha diversi speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva Għasafar - l-ajkla rjali (Aquila chrysaetos), il-bies (Falco peregrinus), il-kuċċarda (Pernis apivorus), il-ħaġla qastanija (Bonasa bonasia), il-perniċi bajda (Lagopus mutus helvetica), il-faġan tal-muntanja (Tetrao tetrix), is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) u l-bulebbiet iswed (Dryocopus martius) – kif ukoll l-għasafar migratorji bħas-seqer żgħir (Accipiter nisus), il-kuċċarda prima (Buteo buteo) u l-ħawwiefa tal-ħajt (Tichodroma muraria).

17      Formola oħra ta’ informazzjoni ta’ l-14 ta’ Mejju 2004 ssemmi ċerti speċi oħra ta’ l-Anness I tad-Direttiva 79/409, jiġifieri l-avultun kbir ta’ Barbarija (Gypaetus barbatus), l-astun (Milvus milvus), il-birwina (Charadrius morinellus), il-kokka ta’ Tengalm (Aegolius funereus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum), il-kokka imperjali (Bubo bubo), il-bulebbiet b’rasu griża (Picus canus), u l-ħaġla ta’ l-Alpi (Alectoris graeca saxatilis).

 Il-fatti

18      Fl-4 ta’ Ottubru 1999, proġett ta’ xogħol għal modifikazzjoni mill-ġdid taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva kif ukoll ta’ l-infrastrutturi relatati ġie ddepożitat ma’ l-awtoritajiet reġjonali fir-rigward tal-kampjonati dinjija ta’ skiing Alpin ta’ l-2005.

19      Dan il-proġett kien jipprovdi għat-twettiq ta’ kurutur f’żona foresta għall-pisti ta’ skiing. Dan kien jikkonċerna wkoll il-kostruzzjoni ta’ funikular li, mid-dħul ta’ Santa Caterina, kellu jgħaqqad mal-lokalità ta’ Plaghera u, fit-tieni parti, ma’ tal-Valle dell’Alpe. Minbarra dan, il-proġett kien jipprovdi għal konnessjoni bejn Valle dell’Alpe u Costa Sobretta permezz ta’ seġġovija b’erba’ postijiet b’kejbil wieħed. L-imsemmi proġett jinkludi wkoll xogħlijiet oħra strettament marbuta mal-modifikazzjoni mill-ġdid prevista, jiġifieri l-bini ta’ stazzjon tat-tluq, ta’ stadju ta’ skiing, ta’ parkeġġ viċin l-istazzjon tat-tluq, il-modifikazzjoni tal-pista “Edelweiss”, il-bini ta’ pont fuq ix-xmara Frodolfo, ta’ refuġju f’Valle dell’Alpe kif ukoll ta’ żoni tas-servizz, ta’ installazzjoni li tipproduċi s-silġ programmabbli u ta’ post fejn jitħallew il-vetturi.

20      Permezz tad-Digriet Nru 13879, tat-30 ta’ Mejju 2000, ir-Reġjun tal-Lombardia, fuq il-bażi ta’ studju mwettaq minn arkitett għall-kumpanniji Montagne di Valfurva u Santa Caterina Impianti, ta opinjoni favorevoli rigward il-kompatibbiltà tal-proġett ma’ l-ambjent, suġġett għall-osservanza ta’ serje ta’ kundizzjonijiet ta’ natura ġenerali u kundizzjonijiet speċifiċi marbuta ma’ l-implementazzjoni ta’ l-elementi differenti tal-proġett. L-imsemmi digriet jippreċiża li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ulterjuri, hemm lok li tiġi vverifikata l-osservanza ta’ l-imsemmija kundizzjonijiet kif ukoll ta’ ċerti projbizzjonijiet u tal-kumpensi previsti fil-qasam ambjentali.

21      Fil-preambolu ta’ l-istudju li għalih jagħmel referenza l-imsemmi digriet, kien indikat li l-istat ta’ l-istallazzjonijiet ta’ skiing u ta’ l-infrastrutturi taż-żona kkonċernata kien sar defiċjenti, u li l-immodernizzar tagħhom kien neċessarju, dan ukoll bil-għan li jinkiseb sussidju għall-proġett previst.

22      Skond dan l-istudju, ma tteħdux in kunsiderazzjoni la l-effett taż-żieda tal-pressjoni antropoġenika fuq l-ispeċi li l-attività riproduttiva tagħhom hija affettwata mill-preżenza umana, b’mod partikolari l-perniċi bajda u l-far il-ġebel, la l-konsegwenzi possibbli għall-invertebri u l-amfibji, u lanqas l-effetti fuq it-traġitt migratorju ta’ l-għasafar akwatiċi.

23      Skond l-imsemmi studju, l-impatt fuq l-ambjent u d-domandi dwar il-miżuri ta’ moderazzjoni, ta’ kumpens u tas-sorvelljanza ta’ l-effetti ta’ xogħol previst fuq il-komponenti ambjentali differenti ġew eżaminati fil-qosor, u l-komponent “flora, veġitazzjoni u habitat” ġie analizzat biss b’mod limitat. Dan l-istudju konsegwentement jikkonkludi għan-neċessità li jiġi previst proġett ta’ rkupru morfoloġiku u ambjentali li jitratta l-kwistjoni tat-tħaddir ladarba jitlestew ix-xogħlijiet.

24      L-imsemmi studju għandu l-konklużjonijiet segwenti:

“[…]

In-nuqqas ta’ twettiq tax-xogħlijiet jista’ jkollu bħala konsegwenza tnaqqis ekonomiku bil-mod iżda inevitabbli, mhux biss għar-reġjun ta’ Santa Caterina, iżda għaż-żona kollha ta’ skiing. Konsegwentement, huwa essenzjali li jiġi appoġġjat it-twettiq tal-proposta ta’ żvilupp ta’ l-installazzjonijiet ta’ tlugħ u t-twettiq tal-pisti ġodda, bl-infrastrutturi relatati, minħabba l-valur soċjo-ekonomiku tiegħu, speċjalment mill-perspettiva turistika.

[…]

Ix-xogħlijiet proġettati jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li jirrispettaw l-ambjent, bil-kundizzjonijiet segwenti:

–        li kull proġett ta’ rikwalifikazzjoni ta’ l-installazzjonijiet u ta’ attivazzjoni ta’ l-installazzjonijiet u servizzi ġodda jkun suġġett għat-twettiq tal-parkeġġ fil-wied taċ-ċentru urban ta’ Santa Caterina, bħala appoġġ loġiku għall-kostruzzjoni ta’ l-installazzjonijiet il-ġodda. Fid-dawl tan-natura u l-importanza ekonomika tal-proġett ta’ parkeġġ u fir-rigward tal-limiti kontributtivi awtorizzati fuq il-livell Komunitarju, jinħtieġ li jingħad li huwa possibbli li l-installazzjonijiet ikunu prinċipalment awtofinanzjati mill-applikanti.

[…]

–        sabiex jiġu llimitati kemm jista’ jkun il-qtugħ tas-siġar, il-konverżjoni ta’ art u t-tkabbir tal-pont fuq il-Frodolfo, il-pista ta’ kollegament, prevista inizjalment b’daqs minimu ta’ 40 metru, għandha titnaqqas għal daqs ta’ 20 metru. […]

[…]

–        l-infrastrutturi tal-wied (pjattaformi, kabini tal-kummentaturi u tal-kronometri) għandhom ikunu s-suġġett ta’ proġett speċjali. […]

–        iż-żona fejn iridu jinqatgħu s-siġar sabiex jinbnew l-installazzjonijiet ta’ tlugħ trid tkun limitata strettament għad-daqs impost min-normi ta’ sigurtà ta’ l-installazzjonijiet […]

–        il-pista ta’ konnessjoni bejn il-pisti ta’ skiing eżistenti u l-istazzjon ġdid ta’ wasla/tluq Plaghera għandha jkollha daqs ġdid sabiex titnaqqas il-konverżjoni ta’ art.

[…]

–        sabiex titnaqqas il-konverżjoni ta’ art u l-alterazzjoni tal-postijiet segwenti, il-mezz ta’ konnessjoni bejn l-istazzjon tal-wasla u r-rifuġju ta’ Valle dell’Alpe kif ukoll il-post fejn joqogħdu l-kabini m’għandhomx jitwettqu. […]

–        minħabba l-alterazzjoni eċċessiva tal-postijiet li tinvolvi, it-triq il-ġdida tajba għall-karozzi prevista għas-sit tal-bini tas-seġġovija Valle dell’Alpe - Costa Sobretta, m’għandhiex tinbena. […]

–        minħabba l-kwalità kbira naturali tal-postijiet (kopertura veġetali tal-mergħat naturali, pjanti vivaċi, vegetazzjoni rupestre u moraine, karattru ta’ pajżaġġ tipiku li jassoċja l-linji massivi vertikali tal-ħitan tal-blat u l-linji maqtugħa tax-xifer) u r-riskji diversi għal dan il-kuntest ambjentali msemmi iktar ’il fuq, il-proġett definittiv […] għandu jirrispetta l-indikazzjonijiet kollha fl-oqsma differenti (flora, fawna, ekosistemi, ġeoloġija, idroġeoloġija, stabilità ta’ l-għoljiet […]), sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni ta’ l-interventi previsti fir-rigward tal-livelli għolja ta’ protezzjoni tan-natura Alpina tal-postijiet.

Jekk ix-xogħlijiet jistgħu jsiru, il-proġett definittiv għandu jinkludi wkoll […] il-prekawzjonijiet segwenti: […]

–        it-telf tal-patrimonju ta’ forestaġġ li jirriżulta mill-qtugħ tas-siġar għandu jkun ikkumpensat billi jiġu miżrugħa d-doppju tas-siġar maqtugħa. […]

–        [il-partijiet kollha] ta’ l-art [li ġew imċaqilqa] għandhom jiġu rranġati u mħaddra. […]

–        il-mezzi tas-servizz (akwadotti, drenaġġ, elettriku, installazzjonijiet ta’ produzzjoni artifiċjali tas-silġ) għandhom ikunu taħt l-art. It-tqegħid ta’ kejbils ta’ l-elettriku sospiżi fl-arja għandu jkun pprojbit fil-viċinanzi ta’ l-installazzjonijiet tat-tlugħ.

–        huwa neċessarju u indispensabbli li jiġi pprovdut proġett ta’ rkupru morfoloġiku u ambjentali li jittratta b’mod definittiv il-kwistjoni tat-tħaddir mill-ġdid tal-postijiet ladarba jispiċċaw ix-xogħlijiet. […]

Il-kundizzjonijiet segwenti għandhom jiġu ssodisfati qabel ma jista’ jseħħ il-proġett definittiv:

–        għal dak li jirrigwarda l-idroġeoloġija, il-problemi konnessi mal-konsegwenzi tal-bini tal-pisti ta’ skiing u ma’ l-impatt tal-postijiet fejn isir ix-xogħol fuq il-bażi idroġeoloġika tat-territorju f’Valle dell’Alpe u fl-għolja tan-nofs inhar tal-Costa Sobretta għandhom ikunu ttrattati;

–        analiżi speċifiċi għandhom ikunu mwettqa fir-rigward tal-bażi idroġeoloġika u l-ġeomekkanika, bi studji taċ-ċirkulazzjoni ta’ l-ilmijiet sotterranji. […]

–        għanda ssir verifika xierqa ta’ l-alterazzjonijiet tal-bażijiet ġeomorfoloġiċi tal-formazzjonijiet li jillivellaw fuq il-ħitan ikkonċernati. […]

Għal dak li jikkonċerna l-komponent ambjentali tal-fawna, huwa indispensabbli li jiġi kkwantifikat mill-ġdid l-effett tax-xogħlijiet fil-kuntest globali tagħhom […].”

25      Imbagħad, f’Settembru 2000, ir-Reġjun tal-Lombardia ħatar lill-Istituto di Ricerca per l’Ecologia e l’Economia Applicate alle Aree Alpine (Istitut ta’ Riċerka għall-Ekoloġija u l-Ekonomija Applikati għar-Reġjuni Alpini, iktar ’il quddiem l-“IREALP”) sabiex jipprepara rapport rigward l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent tal-proġett in kwistjoni.

26      Dan ir-rapport kien maħsub bħala analiżi tal-possibbiltajiet ta’ attwazzjoni li kellhom ikopru l-aspetti marbuta ma’ l-irkupru ambjentali, l-azzjonijiet ta’ korrezzjoni, ix-xogħlijiet ta’ inġinerija ambjentali u r-rikwalifikazzjoni ambjentali kkunsidrati bħala neċessarji sabiex jiġi implementat proġett preliminari, sussegwentement definittiv.

27      Il-proġett kontenzjuż ġie mbagħad immodifikat, b’mod partikulari sabiex jinkludi tkabbir tal-pista “Edelweiss”, li l-wisgħa tagħha tkabbar minn 20 għal kważi 50 metru.

28      F’Settembru 2002, l-IREALP għamel pubbliku r-rapport tiegħu fuq l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tal-miżuri ppjanati. Dan ir-rapport jiddeskrivi fuq fuq il-parti tas-sit li fuqu kien ser isir il-proġett ikkonċernat bħala “foresta b’siġar tal-prinjoli selvaġġ li tinkludi ftit tipi rari, iżda li għandha diversità karatteristika kbira tal-foresti subalpini, fraġli ħafna u li jirriġeneraw bil-mod”.

29      L-imsemmi rapport jistabbilixxi l-“preżenza ta’ annimali ta’ interess partikolari li jbejtu fil-foresta: l-isparvier tal-ħamiem, il-bulebbiet iswed, il-bulebbiet ittikkjat kbir (dendrocopos major), il-bulebbiet aħdar”. Dan ir-rapport isemmi, fost l-impatti prinċipali ta’ l-imsemmi proġett fil-fażi tax-xogħlijiet, it-“tnaqqis ta’ l-habitat ta’ forestaġġ li jagħti kenn għat-tibjit ta’ l-ispeċi ta’ interess għall-konservazzjoni”.

30      Jirriżulta mill-konklużjonijiet tar-rapport ta’ l-IREALP li l-linji gwida li l-istudju seta’ jieħu in kunsiderazzjoni ma kinux għadhom kompletament definiti, iżda kienu s-suġġett ta’ evoluzzjoni progressiva, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-konoxxenzi u tal-preċiżjonijiet li tfaċċaw matul il-proċess ta’ twettiq tal-proġett ikkonċernat. Intqal ukoll li r-rapport kien l-okkażjoni sabiex jiġu introdotti proposti oħra ta’ titjib tal-bilanċ ambjentali tat-tmexxija tal-qasam kollu ta’ skiing.

31      Ir-rapport jispeċifika wkoll hekk:

“Jekk il-proċess jista’ jkun ikkunsidrat bħala pożittiv, dan min-naħa l-oħra jikkontjeni aspetti inqas pożittivi, peress li dan jirrefletti l-ħtieġa li jiġu stabbiliti fatti oħra ta’ ċerti aspetti tekniċi importanti wkoll li probabbilment jimplikaw preċiżazzjonijiet tekniċi matul il-fażijiet li jmiss. Ovvjament, l-istudju preżenti jesprimi wkoll dan il-limitu u għandu, konsegwentement, ikun ikkunsidrat bħala dokument ta’ orjentazzjoni għad-deċiżjonijiet li juri riskji u jagħti suġġerimenti sabiex jiġu solvuti l-problemi, minflok bħala miżura preċiża ta’ l-impatti li x-xogħlijiet previsti jkollhom fuq l-ambjent. Evalwazzjonijiet aktar preċiżi ta’ dawn l-impatti […] jistgħu jkunu fornuti fil-ġejjini fi studji relattivi għall-impatt fuq l-ambjent li jakkumpanjaw l-evoluzzjoni tal-linji gwida attwali […]”

32      Il-konklużjonijiet tar-rapport jannunċjaw serje ta’ evalwazzjonijiet li jirrigwardaw il-fattibbilta’ mill-perspettiva ambjentali tal-linji gwida tal-proġett studjat. Dawn jgħidu hekk:

“F’kull każ, is-segwitu ta’ l-attivitajiet ta’ ppjanar għandu jipprevedi tnaqqis kunsiderevoli ta’ interferenzi fuq l-ambjent fir-rigward ta’ l-ipoteżijiet inizjali, għan [li għat-twettiq tiegħu] jistgħu jintużaw ukoll is-suġġerimenti f’ dan il-qasam kontenuti fir-rapport preżenti. [Dan l-għan għandu jkun segwit] b’persistenza fir-rigward tax-xogħlijiet fil-Valle dell’Alpe, li għalihom ikun neċessarju li jitwettaq studju ieħor speċifiku dwar l-impatt fuq l-ambjent peress li x-xogħlijiet kollha previsti kienu speċifikati.”

33      Fit-3 ta’ Ottubru 2002, il-Consorzio ddikjara li approva l-linji ta’ orjentazzjoni ġenerali u l-miżuri ta’ azzjoni rakkomandati mir-rapport ta’ l-IREALP kif ukoll il-proposti kontenuti fih.

34      Fl-14 ta’ Frar 2003, il-Consorzio ħareġ awtorizzazzjoni dwar il-proġett ta’ estensjoni u ta’ modifikazzjoni tal-pisti ta’ skiing Alpin “Bucaneve” u “Edelweiss” kif ukoll ta’ l-infrastrutturi relatati fil-lokalità ta’ Santa Caterina Valfurva (iktar ’il quddiem l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003). Il-Consorzio kkunsidra li x-xogħlijiet previsti kienu konformi mal-kontenut ta’ dan ir-rapport. Huwa madankollu ppreċiża li din l-awtorizzazzjoni kienet mogħtija sakemm ikun hemm tali konformità. L-imsemmija awtorizzazzjoni kienet barra minn hekk suġġetta għall-osservanza ta’ serje ta’ kundizzjonijiet u ta’ istruzzjonijiet.

35      Sa minn Frar 2003, kważi 2 500 siġra nqatgħu f’żona ta’ 50 metru wisa’ u 500 metru tul, bejn għoli ta’ 1 700 u 1 900 metru. Minbarra dan, il-modifikazzjoni tal-pisti u ta’ l-infrastrutturi ta’ skiing f’Santa Caterina Valfurva, ġewwa ż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, kellha bħala effett li nqasam kompletament l-habitat ta’ l-għasafar preżenti fis-sit.

36      Fid-19 ta’ Ġunju 2003, wara l-indikazzjonijiet li jidhru fir-rapport ta’ l-IREALP, ġie ppublikat proġett ġdid, akkumpanjat minn studju addizzjonali tal-Commune de Valfurva dwar l-impatt fuq l-ambjent. F’Lulju 2003, infetħet proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ impatt fuq l-ambjent. Din ġiet iffinalizzata permezz ta’ opinjoni li tirrigwarda l-parti tal-proġett li tinstab bejn Plaghera, Costa Sobretta u Valle dell’Alpe.

37      Fl-20 ta’ Awwissu 2003, il-Consorzio ta opinjoni negattiva fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-proġett ma’ l-ambjent, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija fir-rapport ta’ l-IREALP.

38      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, ġie ffirmat dokument ta’ ftehim bejn ir-Reġjun tal-Lombardia, il-Consorzio, il-kumitat ta’ organizzazzjoni tal-kampjonati dinjija ta’ skiing u r-responsabbli tal-programm qafas tal-proġġett sabiex jiġu żviluppati l-elementi kontroversjali ta’ dan. Dan il-ftehim jipprevedi:

–        id-determinazzjoni tal-metodi ta’ ġbir ta’ l-opinjonijiet sabiex jiġu pperfezzjonati l-proċeduri reġjonali ta’ evalwazzjoni;

–        l-adozzjoni ta’ viżjoni ta’ l-interventi kollha ppreżentati għal eżami, li tikkoordina kemm jista’ jkun il-proċeduri in kwistjoni;

–        il-garanzija ta’ l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Direttur tal-Consorzio;

–        il-konferma tal-lokalizzazzjoni ta’ l-istazzjon intermedjarju ta’ Plaghera u tar-rifuġju f’Valle dell’Alpe;

–        l-eżami mill-ġdid u l-adattament tal-proġetti li jikkonċernaw l-interventi fuq is-sit ta’ Santa Caterina-Plaghera abbażi tal-ħtiġiet ta’ verifika stabbiliti mill-Consorzio.

39      Permezz ta’ Digriet Nru 20789, tat-28 ta’ Novembru 2003, ir-Reġjun tal-Lombardia stabbilixxa li l-proġett ta’ modifikazzjoni mill-ġdid ta’ l-installazzjonijiet ta’ tlugħ u tas-servizzi relatati fit-territorju tal-Commune de Valfurva kien kompatibbli ma’ l-ambjent taż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044.

40      L-imsemmi digriet, li jinkludi l-konklużjonijiet ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt magħmula mid-Direzione Generale Agricoltura (Direttorat Ġenerali ta’ l-Agrikoltura) tar-Reġjun tal-Lombardia, ħalla l-verifika ta’ l-osservanza tal-kundizzjonijiet magħmula kemm fil-fażi ta’ approvazzjoni tal-proġetti kif ukoll fil-fażi ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn f’idejn il-Commune de Valfurva. Minbarra dan, dan jipprovdi li l-proġetti definittivi għandhom ikunu kkompletati permezz ta’ serje ta’ struzzjonijiet, fosthom il-preżentazzjoni ta’ studju ta’ impatt tax-xogħlijiet.

 Il-proċedura prekontenzjuża

41      Skond l-Artikolu 226 KE, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana taqsam magħha l-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sitwazzjoni taż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044.

42      Peress li ma rrispondietx għall ittra tagħha, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Taljana opinjoni motivata ddatata d-9 ta’ Lulju 2004.

43      Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni f’din l-opinjoni motivata billi bagħtet diversi komunikazzjonijiet ministerjali.

44      Peress li l-elementi ta’ tweġiba b’hekk fornuti ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

 Fuq ir-rikors

45      Il-Kummissjoni tressaq erba’ lmenti kontra r-Repubblika Taljana, li minnhom l-ewwel tlieta jikkonċernaw id-Direttiva 92/43 u r-raba’ jittratta d-Direttiva 79/409/KEE.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 6(3) u 7 tad-Direttiva 92/43

–       L-argumenti tal-partijiet

46      Il-Kummissjoni tqis li l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 ma kinitx fondata fuq evalwazzjoni xierqa ta’ l-impatt fuq l-ambjent tad-deċiżjoni li jitkabbru l-pisti ta’ skiing “Bucaneve” u “Edelweiss” u li jitħejjew bosta infrastrutturi relatati.

47      Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rapport ta’ l-IREALP ma jammontax għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044.

48      Hija ssostni li l-imsemmija żona tospita bosta speċi ta’ għasafar protetti, kif jirriżulta mid-dettalji li jidhru fl-Atlas of European Breeding Birds, xogħol li jiġbor studji magħmul minn aktar minn 10 000 ornitoloġist mill-Ewropa kollha u kkunsidrat bħala dokument estremament affidabli għal dak li jikkonċerna l-għasafar li jbejtu fl-Ewropa.

49      Il-Kummissjoni minbarra dan tosserva li, għalkemm ir-rapport ta’ l-IREALP jinkludi rakkomandazzjonijiet utili, dawn ma ġewx debitament meħuda in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003.

50      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-imsemmija awtorizzazzjoni ngħatat mingħajr ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu ċerti li x-xogħlijiet previsti ma kellhomx effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità taż-żona ta’ protezzjoni speċjali kkonċernata.

51      Ir-Repubblika Taljana tesponi li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ xogħol, jiġifieri, minn naħa, dawk li għalihom saret il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent u li għalihom il-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġi limitat dan l-impatt ġew indikati, u, min-naħa l-oħra, dawk li għalihom ġew previsti aġġustamenti fuq il-bażi tar-rapport ta’ l-IREALP.

52      Ir-Repubblika Taljana tindika li, għall-ewwel kategorija ta’ xogħol, li tinkludi x-xogħlijiet imwettqa bejn Plaghera u Valle dell’Alpe, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-awtoritajiet kompetenti għamlux evalwazzjoni ta’ l-interessi ambjentali preżenti fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044. Għax-xogħlijiet l-oħra, jiġifieri x-xogħlijiet imwettqa bejn Santa Caterina u Plaghera, hemm lok li jiġi stabbilit jekk l-istess proċedura saritx u jekk ir-rinviju għal fażi ulterjuri ta’ raffinar tal-proġett għad-determinazzjoni tal-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-effetti negattivi fuq l-ambjent huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43.

53      Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-Digriet Reġjonali Nru 13879, tat-30 ta’ Mejju 2000, anki jekk ma jagħmilx referenza speċifika għall-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent, ġie adottat wara analiżi ta’ l-elementi ta’ referenza msemmija f’ din id-Direttiva.

54      Mill-opinjoni tar-Repubblika Taljana, jirriżulta li l-evalwazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ dan id-digriet għandha rabta li ma tistax tiġi injorata għal kull deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ulterjuri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Preliminarjament, hemm lok li jingħad li l-partijiet jiftiehmu fuq il-fatt li x-xogħlijiet ta’ modifikazzjoni tal-pisti ta’ skiing u l-installazzjoni ta’ l-installazzjonijiet relatati kienu ta’ tip li jwasslu għall-obbligu li ssir evalwazzjoni minn qabel ta’ l-impatt fuq l-ambjent, skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

56      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jeffettwa lil dan ta’ l-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss sakemm ma jeffettwax ħażin l-integrità tas-sit (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 34, iktar ’il quddiem is-“sentenza Waddenzee”, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 19, iktar ’il quddiem “is-sentenza Castro Verde”).

57      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “evalwazzjoni xierqa” skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, jeħtieġ li jingħad li din ta’ l-aħħar ma tiddefinixxi l-ebda metodu partikolari għall-implementazzjoni ta’ evalwazzjoni bħal din.

58      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-evalwazzjoni għandha tkun konċepita b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li pjan jew proġett m’għandux effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat, peress li meta jkun hemm inċertezza fir-rigward tan-nuqqas ta’ dawn l-effeti, l-imsemmija awtoritajiet huma marbuta jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Waddenzee, punti 56 u 57, u Castro Verde punt 20).

59      Fir-rigward ta’ l-elementi li fuq il-bażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jakkwistaw iċ-ċertezza neċessarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jkun eskluż li dubbju raġonevoli jeżisti minn perspettiva xjentifika, peress li l-imsemmija awtoritajiet għandhom jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar konoxxenza xjentifika fil-qasam (ara s-sentenzi ċċitati Waddenzee, punti 59 u 61, u Castro Verde punt 24).

60      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ partikolari, l-effetti tax-xogħlijiet kontenzjużi fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat ġewx eżaminati qabel l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 b’mod konformi mal-parametri msemmija iktar ’il fuq.

61      Jirriżulta mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li ċertu ħsieb fil-preparazzjoni kien seħħ qabel l-għoti ta’ l-imsemmija awtorizzazzjoni. L-evalwazzjonijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala xierqa skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 huma, minn naħa, studju ta’ l-impatt fuq l-ambjent li sar fl-2000 u, min-naħa l-oħra, rapport ippreżentat fl-2002 (ara punti 21 sa 24 kif ukoll il-punti 25 sa 32 tas-sentenza preżenti).

62      Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, l-istudju msemmi iktar ’il fuq, li twettaq minn perit għan-nom ta’ żewġ impriżi ta’ xogħlijiet pubbliċi, hemm lok li jingħad li, għalkemm dan jittratta l-kwistjoni ta’ l-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq il-fawna u l-flora taż-żona, dan stess jenfasizza n-natura sommarja u frammentarja ta’ l-eżami ta’ l-effetti ambjentali tat-tkabbir tal-pisti ta’ skiing u tal-bini ta’ l-infrastrutturi relatati.

63      Jinħtieġ li jingħad ukoll li l-imsemmi studju jiżvela hu stess numru kunsiderevoli ta’ elementi li ma tteħdux in kunsiderazzjoni. Konsegwentement, dan jirrakkomanda, b’mod partikolari, analiżi morfoloġiċi u ambjentali supplementari kif ukoll eżami ġdid ta’ l-effetti tax-xogħlijiet, fil-kuntest globali tagħhom, fuq il-fawna salvaġġa in ġenerali u fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti speċi protetti, b’mod partikolari fiż-żona tal-foresta fejn għandhom jinqatgħu s-siġar.

64      Minbarra dan, l-imsemmi studju jikkunsidra li t-twettiq tax-xogħlijiet previsti, mixtieq minn perspetiva ekonomika, għandu jirrispetta numru kbir ta’ kundizzjonijiet u ta’ struzzjonijiet ta’ protezzjoni.

65      Jeħtieġ li jiġi konkluż li l-imsemmija evalwazzjoni ma tammontax għal evalwazzjoni xierqa li fuqha l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jibbażaw ruħhom fid-dawl ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni tax-xogħlijiet kontenzjużi skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.

66      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ l-IREALP ippreżentat fl-2002, hemm lok li jingħad li dan jiddeskrivi wkoll ix-xogħlijiet previsti, billi jeżamina l-impatt tagħhom fuq is-sistema idroloġika u ġeomorfoloġika kif ukoll il-veġetazzjoni taż-żona. Fir-rigward ta’ l-għasafar li għalihom is-sit kien ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, dan ir-rapport ma jinkludix lista eżawrjenti ta’ għasafar selvaġġi preżenti hemmhekk.

67      Jekk hu minnu li r-rapport ta’ l-IREALP jindika li t-tfixkil prinċipali li jedded il-fawna jirriżulta mid-distruzzjoni tal-bejtiet fil-fażi tal-qtugħ tas-siġar u tal-frammentazzjoni ta’ l-habitat, dan huwa madankollu kkaratteriżżat minn bosta kostatazzjonijiet ta’ natura preliminari u n-nuqqas ta’ konklużjonijiet definittivi. Fil-fatt, dan ir-rapport jiżvela l-importanza ta’ evalwazzjonijiet li għandhom jitwettqu progressivament, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-konoxxenzi u tal-preċiżazzjonijiet li jistgħu jitfaċċaw fil-proċess tat-twettiq tal-proġett. L-imsemmi rapport madankollu kien maħsub bħala okkażjoni li jiġu introdotti proposti oħra ta’ titjib tal-bilanċ ambjentali tax-xogħlijiet previsti.

68      Jirriżulta minn dawn l-elementi li r-rapport ta’ l-IREALP ma jista’ lanqas jiġi kkunsidrat bħala evalwazzjoni xierqa ta’ l-impatt tax-xogħlijiet kontenzjużi fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044.

69      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq li kemm l-istudju ta’ l-2000 kif ukoll ir-rapport ta’ l-2002 huma kkaratterizzati minn lakuni u minn nuqqas ta’ konstatazzjonijiet u ta’ konklużjonijiet kompluti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward ta’ l-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali kkonċernata.

70      Issa, konstatazzjonijiet u konklużjonijiet ta’ natura bħal din kienu indispensabbli sabiex l-awtoritajiet kompetenti kienu f’pożizzjoni li jakkwistaw iċ-ċertezza neċessarja sabiex jieħdu d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-imsemmija xogħlijiet.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 ma kinitx konformi ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

72      Fir-rigward ta’ studji oħra, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rilevanti, peress li dawn ġew ippreparati kemm waqt ix-xogħlijiet, kif ukoll wara t-twettiq tagħhom, jiġifieri wara l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003.

73      In-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu, konsegwentement, ikun ikkunsidrat bħala stabbilit.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 6(4) u 7 tad-Direttiva 92/43

 L-argumenti tal-partijiet

74      Il-Kummissjoni tikkunsidra li kien evidenti li x-xogħlijiet li kienu previsti jheddu li jagħmlu ħsara serja lil integrità taż-żona in kwistjoni. Issa, l-ebda alternattiva ma kienet serjament prevista. Fil-fatt, id-Digriet Reġjonali Nru 13879 tat-30 ta’ Mejju 2000, kien semma l-possibbiltà li ma jiġux immodifikati l-pisti ta’ skiing “Bucaneve” u “Edelweiss”, iżda minflok li jiġi mantnut, kemm jista’ jkun, it-trekk attwali, sabiex imbagħad jitneħħa.

75      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proġett kien ġie awtorizzat minkejja li kienu jeżistu soluzzjonijiet oħra inqas dannużi għall-ambjent ta’ l-imsemmija żona, li madankollu ma ġewx ikkunsidrati mill-awtoritajiet nazzjonali.

76      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-twettiq tax-xogħlijiet ma kienx iġġustifikat minn raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku . Minbarra dan, l-ebda miżura ta’ kumpens ma kienet ġiet prevista.

77      Ir-Repubblika Taljana ssostni li x-xoħolijiet kontenzjużi kienu s-suġġett ta’ proċedura doppja ta’ awtorizzazzjoni. B’hekk, il-parti inizjali tar-rotot u ta’ l-installazzjonijiet bejn Santa Caterina u Plaghera kienu ġew ikkunsidrati bħala kompatibbli ma’ l-ambjent skond id-Digriet Reġjonali Nru 13879 tat-30 ta’ Mejju 2000, kompletat permezz ta’ opinjoni favorevoli ulterjuri tal-Kunsill Reġjonali tal-Lombardija. Għall-parti tal-proġett li jinsab bejn Plaghera u Valle dell’Alpe, fażi ta’ reviżjoni tal-proġett kienet ġiet miftuħa wara l-indikazzjonijiet kontenuti fir-rapport ta’ l-IREALP, sabiex tinbeda proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent.

78      Ir-Repubblika Taljana tgħarraf li r-Reġjun tal-Lombardija kien impona, bħala kundizzjoni prevista fid-Digriet Reġjonali Nru 20789 tat-28 ta’ Novembru 2003, li jinkludi evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent f’dak li jikkonċerna ż-żona li tinsab bejn Plaghera u Valle dell’Alpe, li jkun ippreżentat studju ta’ impatt għax-xogħlijiet kollha anki fir-rigward taż-żona bejn Santa Caterina u Plaghera.

79      Ir-Repubblika Taljana żżid li l-awtoritajiet kompetenti akkwistaw iċ-ċertezza li kien neċessarju li x-xogħlijiet kollha, inklużi dawk awtorizzati mill-imsemmi digriet reġjonali, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Fir-rigward tal-fondatezza ta’ l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, hemm lok li jiġi stabbilit jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-14 ta’ Frar 2003 kinitx konformi mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 6(4) tad-direttiva.

81      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fis-sitwazzjoni fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni magħmula skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000.

82      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punti 35 u 36 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 6(4) ta’ l-imsemmija direttiva għandu, bħala eċċezzjoni għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3), ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

83      Minbarra dan, jeħtieġ li jingħad li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 jista’ japplika biss wara li l-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett ikun ġie analizzat skond l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-għarfien ta’ dan l-impatt fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit in kwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 6(4) għaliex, fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ raġunijiet eventwali obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar u dak ta’ l-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi fil-fatt jeħtieġ ibbilanċar fir-rigward tad-danni kkawżati lis-sit mill-pjan jew proġett ikkunsidrati. Minbarra dan, sabiex jiġi determinat it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, id-danni għall-imsemmi sit għandhom ikunu identifikati bi preċiżjoni.

84      Issa jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li l-awtoritajiet nazzjonali ma kellhomx din l-informazzjoni fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003. Minn dan jirriżulta li din l-awtorizzazzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43.

85      Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 ma kinitx konformi ma’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43.

86      Għaldaqstant anki f’dak li jirrigwarda dan il-punt ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 6(2) u (7) tad-Direttiva 92/43

 L-argumenti tal-partijiet

87      Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux awtorizzati jagħtu l-awtorizzazzjoni għax-xogħlijiet ta’ estensjoni u ta’ modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing Alpin safejn dawn ix-xogħlijiet setgħu jippreġudikaw b’mod serju l-integrità tal-park.

88      Il-Kummissjoni ssostni li ż-żona in kwistjoni subiet degradazzjoni sinjifikattiva minħabba x-xogħlijiet awtorizzati mill-Consorzio. Hija tfakkar li l-modifikazzjoni tal-pisti ta’ skiing Alpin “Bucaneve” u “Edelweiss” wasslet għall-qtugħ ta’ bejn wieħed u ieħor 2 500 siġra li jikkostitwixxu habitat importanti għal bosta speċi ta’ għasafar protetti.

89      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-fatt li t-twettiq tax-xogħlijiet kontenżjuzi kien involva ċerti aspetti kritiċi u li dawn kienu għadhom ma ġiex irrimedjati ma jffissirx li l-interventi previsti ma kinux ġew evalwati b’mod korrett. Fil-fatt, meta xogħlijiet pubbliċi li jinvolvu impatt negattiv fuq l-ambjent huma neċessarji, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43 ma jimplikawx projbizzjoni li jitwettqu dawn ix-xogħlijiet, iżda l-obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ kumpens xierqa.

90      Ir-Repubblika Taljana tqis li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implementati, skond il-possibbiltajiet, qabel, waqt u wara t-twettiq tax-xogħlijiet ikkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ l-ilment imqajjem, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk attivitajiet konnessi ma’ żona ta’ protezzjoni speċjali jistgħux jiksru fl-istess waqt kemm l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43, kif ġie kkonstatat f’dan il-każ fil-punti 73 u 85 tas-sentenza preżenti, kif ukoll l-Artikolu 6(2).

92      Jinħtieġ li f’dan ir-rigward jiġi osservat li din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni xierqa, intiżi sabiex jiġi evitat li jkun hemm deterjoramenti kif ukoll tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward ta’ l-għanijiet tad-Direttiva 92/43.

93      L-imsemmi obbligu jikkorrispondi għall-għan imsemmi fis-seba’ premessa ta’ din id-direttiva, li tgħid li kull żona ta’ protezzjoni speċjali għandha tiġi inkorporata f’netwerk ekoloġika Ewropea koerenti.

94      Meta, hekk kif jirriżulta f’dan il-każ partikolari mill-eżami ta’ l-ewwel ilment, ġiet mogħtija awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett b’mod mhux konformi ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jista’ jiġi stabbilit ksur ta’ l-Artikolu 6(2) fir-rigward ta’ żona ta’ protezzjoni speċjali jekk ikunu stabbiliti deterjorazzjonijiet ta’ habitat jew tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom iż-żona in kwistjoni ġiet indikata.

95      Fir-rigward tal-kawża preżenti, hemm lok li jiġi mfakkar li madwar 2 500 siġra nqatgħu f’foresta kbira ġewwa ż-żona kkonċernata, li tikkostitwixxi l-habitat ta’ speċi ta’ għasafar protetti, b’mod partikolari ta’ l-isparvier, tal-ħamiem, tal-perniċi bajda, tal-bulebbiet iswed u tal-faġan tal-muntanja. Ix-xogħlijiet kontenżjuzi, konsegwentement, iddistruġġew is-siti ta’ riproduzzjoni ta’ l-imsemmija speċi.

96      Jinħtieġ li jiġi konkluż li l-imsemmija xogħlijiet u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044 li rriżultaw minnhom kienu inkompatibbli ma’ l-istatus legali ta’ protezzjoni li kellha tibbenefika minnu ż-żona msemmija skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

97      Konsegwentement, hemm lok li anki fuq dan il-punt ir-rikors tal-Kummissjoni jiġi milqugħ.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409/KEE

 L-argumenti tal-partijiet

98      Il-Kummissjoni tqis li l-analiżi tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali turi li ż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044 ma bbenefikatx minn status legali ta’ protezzjoni fid-dritt nazzjonali li jista’ jassigura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE kif ukoll ir-riproduzzjoni, il-ħrif u ż-żoni fejn iqattgħu x-xitwa ta’ l-ispeċi migratorji mhux elenkati fl-Anness I .

99      Il-Kummissjoni tikkunsidra li x-xogħlijiet magħmula wara li ngħatat l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 huma ta’ natura li jippreġudikaw b’mod serju l-ispeċi ta’ l-għasafar preżenti f’din iż-żona ta’ protezzjoni speċjali, b’mod partikolari fil-perijodu ta’ riproduzzjoni.

100    Il-Kummissjoni tispeċifika li, għalkemm l-imsemmija żona hija suġġetta għal ċertu numru ta’ regoli, id-deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 turi li l-awtoritajiet nazzjonali ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ġuridika adatta sabiex tiġi assigurata mhux biss il-protezzjoni ta’ din, iżda wkoll il-protezzjoni effettiva ta’ l-ispeċi ta’ għasafar preżenti fiha.

101    Ir-Repubblika Taljana ssostni li ż-żona kontenzjuża hija spażju rregolat ħafna.

102    Hija tindika li mil-leġiżlazzjoni li stabbilixxiet il-park jirriżulta li din iż-żona tgawdi minn status ta’ protezzjoni li huwa adatt sabiex jiġu garantiti l-għanijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fil-fatt, il-kreazzjoni tal-park kienet intiża sabiex tipproteġi l-fawna billi tistabbilixxi sistema ta’ tmexxija bbażata fuq il-konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali jew veġetali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103    Hemm lok li preliminarjament jiġi mfakkar li ż-żona li hija s-suġġet tar-rikors preżenti ġiet ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409/KEE.

104    Jinħtieġ ukoll li jingħad li, jekk huwa minnu li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43 għandu bħala effett li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ l-imsemmija direttiva huma sostitwiti b’dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE, l-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafi (1) u (2) ta’ l-imsemmi Artikolu 4 jibqgħu totalment applikabbli. Dawn l-aħħar imsemmija obbligi huma fil-fatt ta’ natura awtonoma u għandhom għanijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43.

105    Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-ilment imqajjem huwiex fondat, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skond ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas. Fil-fatt, hija din ta’ l-aħħar li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha neċessarji sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-434/01, Ġabra p. I-13239, punt 21; tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-117/02, Ġabra p. I-5517, punt 80, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

106    F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li, kif indikat il-Kummissjoni stess, it-tmexxija taż-żona ta’ protezzjoni speċjali in kwistjoni hija rregolata minn diversi strumenti tad-dritt Taljan.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha tressaq il-prova li l-kuntest ġuridiku stabbilit permezz ta’ dawn l-istrumenti diversi mhuwiex adatt sabiex jagħti lill-imsemmija żona status ta’ protezzjoni xieraq.

108    Issa, il-Kummissjoni ma wrietx kif l-imsemmi kuntest ġuridiku ma jkunx suffiċjenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2), tad-Direttiva. Hija fil-fatt illimitat ruħha li teċċepixxi l-adozzjoni mill-awtorità amministrattiva ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, li madankollu mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibbiltà ta’ l-imsemmi kuntest ġuridiku ma’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409.

109    Għaldaqstant, ir-raba’ lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. 

 Fuq l-ispejjeż

110    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet il-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif miltub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      –        billi awtorizzat miżuri li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, Parco Nazionale dello Stelvio, mingħajr ma ssuġġettathom għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-impatt tagħhom fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ l-imsemmija żona;

–        billi awtorizzat miżuri bħal dawn, mingħajr ma ġew osservati d-dispożizzjonijiet li ma jippermettux li jitwettaq proġett, f’każ ta’ konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħrajn, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar, u biss wara li tkun ġiet adottata u nnotifikata lill-Kummissjoni kull miżura ta’ kumpens meħtieġa biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-koerenza globali ta’ Natura 2000, u

–        billi naqset milli tadotta miżuri sabiex jiġi evitat id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u ta’ l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom din iż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, Parco Nazionale dello Stelvio, ġiet indikata,

ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, flimkien ma’ l-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva kif ukoll skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409/KEE tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979 dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi.

2)     Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)     Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top