EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2855

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE” (COM(2018) 214 final) u dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni” (COM(2018) 218 final)

EESC 2018/02855

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 155–164 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/155


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE”

(COM(2018) 214 final)

u dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni”

(COM(2018) 218 final)

(2019/C 62/26)

Relatur:

Franca SALIS-MADINIER

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.5.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 29.5.2018

Il-Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

18.10.2018

Nru tas-Sessjoni plenarja

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

158/77/15

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li l-protezzjoni tal-informaturi, apparti li tipproteġihom, hija għodda importanti li tgħin lill-kumpaniji biex jindirizzaw aħjar azzjonijiet illegali u mhux etiċi.

1.2

Il-KESE japprezza li xi kumpaniji introduċew proċeduri mmirati lejn il-protezzjoni tal-informaturi u li 10 mit-28 Stat Membru diġà għandhom fis-seħħ oqfsa komprensivi li jkopru l-protezzjoni tal-informaturi.

1.3

Il-KESE jqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha, u li jeħtieġ ikun wiesa’ biżżejjed biex jissalvagwardja l-interess ġenerali.

1.4

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-bażi legali tad-Direttiva sabiex tinkludi d-drittijiet tal-ħaddiema taħt l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE).

1.5

L-eks impjegati, ir-rappreżentanti ta' trejdjunjins tal-ħaddiema, u persuni legali kif definiti fl-Artikolu 3 għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw għemil ħażin u jibbenefikaw mill-istess protezzjoni; dawn għandhom jiġu elenkati b'mod ċar fl-Artikolu 2 tad-Direttiva.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda (l-Artikolu 13) proċedura ta' rapportar f'żewġ stadji li tippermetti lill-informatur jkollu aċċess, l-ewwel nett, u skont il-preferenza tiegħu, għal mezz intern jew għall-awtoritajiet kompetenti, u sussegwentement għas-soċjetà ċivili/il-midja fl-interess ta’ ekwità u ċertezza ġuridika.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-informaturi jkunu jistgħu jkellmu lir-rappreżentanti tat-trejdjunjins f'kull fażi tal-iżvelar u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jirrappreżentawhom u jagħtuhom pariri u appoġġ.

1.8

Id-Direttiva għandha tipprovdi inċentivi aktar ċari għan-negozjar tas-sistema ta' żvelar intern, f’kuntest ta' djalogu soċjali, mar-rappreżentanti tat-trejdjunjins tal-ħaddiema, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2014 u r-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2017.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li fil-każ li tiġi żvelata l-identità tal-informatur li jkun irrapporta b'mod anonimu, dan għandu jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li fl-Artikolu 15(5) ssir emenda tal-oneru tal-provi prima facie. Huwa biżżejjed li l-informatur “jippreżenta evidenza li jkun żvela informazzjoni”.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li fl-Artikolu 15(6), ir-rimedju għad-danni ma għandux jiġi rreferut għad-dritt nazzjonali (varjabbli), iżda li d-Direttiva tipprevedi rimedju sħiħ għad-danni, mingħajr limitu, skont il-mudell tal-leġislazzjoni tar-Renju Unit.

1.12

Il-KESE jitlob li jitħassar l-Artikolu 17(2) żejjed (il-penali għal malafama jew akkuża falza huma diġà previsti mid-dritt nazzjonali).

1.13

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-Artikolu 19 iżżid klawżola espliċita ta' nonrigressjoni, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tad-Direttiva bl-ebda mod ma tnaqqas id-drittijiet tal-informaturi mogħtija qabel id-Direttiva, fl-Istati Membri u fl-oqsma li tapplika għalihom, meta d-drittijiet diġà eżistenti huma aktar favorevoli.

1.14

Il-KESE jirrakkomanda li l-pubblikazzjoni ta' rapporti perjodiċi mill-entitajiet pubbliċi u mill-Istati Membri ssir obbligatorja.

1.15

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fid-Direttiva tipprevedi kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, sabiex tinbidel il-perċezzjoni tal-informaturi.

2.   Kuntest

2.1

Attivitajiet illegali u abbuż ta' dritt jistgħu jseħħu f'kull organizzazzjoni privata jew pubblika. Dawn jistgħu jseħħu f'forom differenti ħafna, bħall-korruzzjoni jew il-frodi, l-imġiba ħażina professjonali, l-evitar tat-taxxa jew in-negliġenza u jekk ma jiġux indirizzati jistgħu jirriżultaw fi ħsara serja għall-interess pubbliku u għall-benesseri taċ-ċittadini fi Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE.

2.2

Il-fatt li wieħed jipprova jantiċipa, jirrimedja jew itemm sitwazzjoni ta' riskju huwa ta' benefiċċju għall-intrapriżi, għaċ-ċittadini u għall-ħaddiema (imwiet jew korrimenti, prosekuzzjoni, telf finanzjarju, riskju għar-reputazzjoni). L-iżvelar ta' informazzjoni protetta li l-Kummissjoni tipproponi li tipproteġi b'din id-Direttiva huwa żvelar li jsir f'isem l-interess ġenerali, u li jibbenefika lis-soċjetà kollha kemm hi.

2.3

Il-persuni li jaħdmu għal organizzazzjoni jew b'rabta magħha fl-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol, spiss ikunu tal-ewwel li jsiru jafu dwar għemil ħażin. Il-persuni li jirrapportaw (fi ħdan l-organizzazzjoni kkonċernata jew lil awtorità esterna) jew li jiżvelaw tali atti – l-informaturi – jista' jkollhom għalhekk rwol importanti biex itemmu l-imġiba ħażna. Madankollu, huma ħafna dawk li jastjenu. Skont l-istudji internazzjonali, ir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta' żvelar ta' informazzjoni huma: il-biża' mir-ritaljazzjoni, il-biża' li l-iżvelar isir għalxejn u l-fatt li l-persuna ma tkunx taf lil min għandha tindirizza. 85 % ta' dawk li wieġbu l-konsultazzjoni pubblika li għamlet il-Kummissjoni fl-2017 jemmnu li l-ħaddiema rarament ħafna jew rarament jirrapportaw theddid jew ħsara għall-interess pubbliku għaliex jibżgħu minn konsegwenzi legali u finanzjarji, iżda wkoll minħabba perċezzjoni negattiva tal-informaturi. F'ċerti pajjiżi, għad hemm konfużjoni bejn informatur (whistleblower), traditur jew persuna li tagħti informazzjoni (informer). Madankollu, l-iżvelar ta' informazzjoni huwa att kuraġġjuż, għall-kuntrarju tad-denunzjar li huwa att kodard.

2.4

Għal dawn ir-raġunijiet, huwa importanti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-informaturi. Fil-livell internazzjonali kif ukoll fl-Istati Membri differenti diġà jeżistu strumenti. Il-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins diġà talbu l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku. Xi kumpaniji Ewropej introduċew proċeduri bil-għan li jipproteġu lill-informaturi. Il-proposta tal-Kummissjoni tirrikonoxxi li attwalment, il-protezzjoni tal-informaturi fl-Unjoni Ewropea hija inadegwata, frammentata bejn l-Istati Membri u tvarja minn settur għall-ieħor.

2.5

Il-Kummissjoni tipproponi għalhekk direttiva li tistabbilixxi l-protezzjoni tal-informaturi f'oqsma mmirati, ikkomplementata b'komunikazzjoni li tistabbilixxi qafas politiku fil-livell tal-UE, li jinkludi miżuri ta' appoġġ għall-awtoritajiet nazzjonali.

2.6

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi sett ta' standards minimi komuni li joffru protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni għall-informaturi li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar: i) l-akkwist pubbliku; ii) is-servizzi finanzjarji; (iii) il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; iv) is-sikurezza tal-prodotti; v) is-sikurezza tat-trasport; vi) il-protezzjoni ambjentali; vii) is-sikurezza nukleari; vii) is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf; ix) is-saħħa u l-benessri tal-annimali; x) is-saħħa pubblika; xi) il-protezzjoni tal-konsumaturi; xii) ir-rispett tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sikurezza tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni.

2.7

Din tapplika wkoll għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, għall-ksur u l-abbuż tar-regoli li japplikaw għat-tassazzjoni korporattiva u għall-ħsara għall-interessi finanzjarji tal-UE.

2.8

Skont il-proposta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi b'mill-inqas 50 impjegat (jew li l-fatturat annwali tan-negozju tagħhom huwa aktar minn EUR 10 miljun) u l-entitajiet pubbliċi jistabbilixxu kanali u proċeduri ta' rapportar interni biex jintlaqgħu u jiġu segwiti r-rapporti. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom kanali ta' rapportar esterni. Dawn il-kanali għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-identitajiet u tal-informazzjoni. L-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi huma eżentati mill-obbligu ta' kanali interni ta' rapportar (ħlief fil-qasam finanzjarju jew setturi sensittivi).

2.9

Il-proposta tipprojbixxi r-ritaljazzjoni, diretta jew indiretta, kontra l-informaturi, u tistabbilixxi l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom.

2.10

Finalment, din tipprevedi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi li huma meħtieġa biex jiġu skoraġġuti: i) l-ostakli għar-rapportar, il-miżuri ta' ritaljazzjoni, il-proċeduri vessatorji kontra persuni li jirrapportaw u l-ksur tad-dmir li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-identità tagħhom; u ii) ir-rapporti malizzjużi u abbużivi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

S'issa, 10 biss mit-28 Stat Membru tal-UE diġà għandhom leġislazzjonijiet globali dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Fl-Ewropa, il-frammentazzjoni u l-lakuni f'din il-protezzjoni huma dannużi għall-interess pubbliku u jistgħu jfixklu r-rapportar. Informatur li jirrapporta reati transfruntiera jew dawk kommessi minn kumpaniji multinazzjonali ma jibbenefikax mill-istess protezzjoni, skont il-leġislazzjoni u l-ġurisprudenza nazzjonali applikabbli.

3.2

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għan li jiġi promoss l-iżvelar responsabbli u volontarju, bil-għan li jiġi difiż l-interess pubbliku.

3.3

Fl-2016 (1), il-Kummissjoni osservat li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għada sfida u impenjat ruħha li “[tagħmel] aktar enfasi fuq l-infurzar sabiex [isservi] l-interess ġenerali”. L-objettiv segwit huwa leġislazzjoni proattiva u mhux reattiva, u li hija “parti sistemika mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE”.

3.4

Il-KESE jinnota li l-proposta għal Direttiva hija konsistenti mal-inizjattivi Ewropej preċedenti (il-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament, il-Kummissjoni) f’termini ta’ standards u għanijiet, pereżempju mar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' April 2014, u fil-parti l-kbira tagħha tikkonforma mal-istandards internazzjonali. Din il-proposta hija komplementari wkoll għall-arranġamenti settorjali eżistenti tal-Unjoni (servizzi finanzjarji, trasport, ambjent) u għall-politiki tal-Unjoni (il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, finanzi sostenibbli, tassazzjoni aktar ġusta).

3.5

Skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-kamp materjali ġie ristrett għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni (attivitajiet illegali u abbuż ta' dritt) u għal oqsma speċifiċi fejn:

1.

jeħtieġ li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi;

2.

in-nuqqas kważi totali ta' rapportar tal-ksur huwa fattur ewlieni;

3.

ksur jista’ jirriżulta fi ħsara serja għall-interess pubbliku.

3.6

Madankollu, il-KESE jqis li għandha tiġi ċċarata r-rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali, li tista' twassal għal tilwim u diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva.

3.7

Il-KESE jenfasizza l-aspett pożittiv tad-Direttiva li tħeġġeġ lill-Istati biex jistabbilixxu dritt nazzjonali komprensiv, koerenti u globali fuq il-bażi tal-prinċipji tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). Fl-istess ħin, ikun importanti li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-oqfsa stabbiliti tajjeb fl-Istati Membri, sakemm dawn ikunu jirrispettaw il-prinċipji tad-Direttiva.

3.8

Bl-istess mod, ir-referenza għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar favorevoli mill-Istati Membri hija pożittiva. Madankollu, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li tiżdied klawżola tan-nonrigressjoni, peress li din id-Direttiva ma għandhiex tintuża biex tħassar jew timmina d-dispożizzjonijiet nazzjonali aktar vantaġġużi.

3.9

Finalment, il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva għandha tkun valutata fid-dawl tal-evidenza li tista’ ssir disponibbli fil-futur jew abbażi tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Huwa favur li tissemma estensjoni futura possibbli tal-kamp materjali tad-Direttiva, fid-dawl ta’ evalwazzjoni bħal din.

3.10

Il-KESE jtenni l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri għal funzjonament aħjar tad-demokrazija quddiem l-isfidi preżenti u futuri, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-libertajiet u l-integrità pubblika, peress li l-libertà li wieħed jgħid il-verità (jew parrêsia) tqieset bħala pilastru essenzjali tad-demokrazija Ewropea.

3.11

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea ta’ Allert jew Ombudsman Ewropew, li jkunu responsabbli biex jikkoordinaw l-awtoritajiet nazzjonali ta’ allert u jimmonitorjaw linji ta’ allert.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li mhuwiex possibbli li ssir konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar il-proposta tad-Direttiva, kif previst fl-Artikolu 154 tat-TFUE. Il-Kummissjoni ma għandhiex tirrepeti din il-prattika.

4.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-qasam soċjali jkun ukoll kopert mid-Direttiva biż-żieda tal-Artikolu 153 tat-TFUE għas-16-il referenza legali tad-Direttiva. Il-KESE jenfasizza li fl-Artikolu 1 (kamp ta' applikazzjoni materjali) dwar il-ksur tad-dritt li jista' jirrapporta informatur, il-protezzjoni tal-ħaddiema tħalliet barra. Diskriminazzjoni, fastidju, vjolenza fuq il-post tax-xogħol, eċċ. mhumiex inklużi fil-proposta. Għalhekk jirrakkomanda li dawn il-kwistjonijiet jiġu integrati fid-Direttiva.

5.   Kamp ta' applikazzjoni personali

5.1

Il-KESE jinnota l-kamp personali wiesa' ħafna li għalih tapplika d-Direttiva, jiġifieri, kull ħaddiem tas-settur pubbliku jew privat li jkun kiseb informazzjoni fil-kuntest professjonali. Il-kunċett ta' ħaddiem huwa wiesa': kull ħaddiem dipendenti fis-sens tal-Artikolu 45 tat-TFUE u indipendenti fis-sens tal-Artikolu 49 tat-TFUE, iżda wkoll kull voluntier, apprendist mhux imħallas, konsulent, fornitur, sottokuntrattur, azzjonist jew membru tal-korp maniġerjali. Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ dannu tar-reputazzjoni li jistgħu jiffaċċjaw il-kumpaniji.

5.2

L-eks impjegati, ir-rappreżentanti ta' trejdjunjin tal-ħaddiema, u persuni legali kif definiti fl-Artikolu 3 għandhom ikunu jistgħu jirapportaw għemil ħażin u jibbenefikaw mill-istess protezzjoni; dawn għandhom jiġu elenkati b'mod ċar fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva.

5.3

Il-KESE jinnota li l-uffiċjali tal-UE għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni ugwali għal dik tal-ħaddiema tal-Istati Membri.

6.   Proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni

6.1

Fir-rigward tal-istabbiliment ta' sistemi interni ta' żvelar, il-KESE jirrakkomanda li l-ħaddiema u r-rappreżentanti trejdjunjonistiċi tagħhom ikunu involuti b'mod attiv fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tagħhom.

6.2

Il-KESE jqis li l-prinċipju ta' żvelar gradat (intern, lill-awtoritajiet kompetenti, pubbliku) jissodisfa l-prinċipju ta' żvelar responsabbli. Madankollu, il-KESE jqis li l-informatur għandu jkollu għażla libera ta’ aċċess ugwali għall-mezz intern jew għall-awtoritajiet kompetenti u għalhekk jirrakkomanda proċedura gradata f'żewġ livelli, u mhux fi tlieta, fl-interessi ta’ kwità u ċertezza tad-dritt. Minn naħa, l-istudji internazzjonali juru li, anke f'pajjiżi li huma eżentati mill-obbligu ta' kanal intern ta’ rapportar (ir-Renju Unit, l-Irlanda), l-impjegat l-ewwel juża l-mezz intern b'sens ta' lealtà; għalhekk ma jinħoloqx ir-riskju li l-mezz intern jiġi evitat b'mod sinifikanti. Barra minn hekk, fil-każ tal-obbligu ta' kanal intern, huwa diffiċli li jiġu previsti d-derogi kollha meħtieġa. Min-naħa l-oħra, ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-involviment dirett tal-awtoritajiet (pereżempju għar-reati jew reati kriminali). Finalment, dan l-obbligu japplika biss għall-impjegati, filwaqt li l-ħaddiema l-oħra huma eżentati. Għalhekk, dan iwassal għal ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza u għall-inċertezza tad-dritt.

6.3

Il-KESE jqis li, fuq il-post tax-xogħol, l-informatur għandu jkun jista' jkellem lir-rappreżentanti trejdjunjonistiċi u jikkuntattjahom f'kull stadju tal-proċedura ta' żvelar. Dawn tal-aħħar, peress li huma qrib il-ħaddiema, jista' jkollhom rwol essenzjali ta' konsulenza u protezzjoni.

6.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-garanziji ta' segwitu li minnhom jibbenefika l-iżvelar estern jiġu applikati wkoll għall-iżvelar intern: rikonoxximent tal-iżvelar, u feedback dwar il-mod li bih ġie ttrattat ir-rapportar.

6.5

L-istudji juru li l-informaturi l-aktar vulnerabbli, jew li għandhom dokumenti li jistgħu jipperikolaw il-ħajja tagħhom jew tal-familja tagħhom, ikunu mġiegħlin jibqgħu anonimi. Jekk tiġi żvelata l-identità ta' informatur li jkun irrapporta b'mod anonimu, il-KESE jqis li dan għandu jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva. Finalment, il-fatt li dokument ikun wasal b'mod anonimu, ma għandux jintuża bħala skuża biex l-iżvelar jiġi injorat.

7.   Il-protezzjoni tal-informaturi: l-oneru tal-prova u r-rimedju għad-danni

7.1

Skont il-proposta għal Direttiva, biex l-informatur li jsofri minn ritaljazzjoni jibbenefika mill-oneru tal-prova, huwa għandu jipprovdi evidenza prima facie li din ir-ritaljazzjoni hija l-konsegwenza tar-rapportar (test doppju). F’konformità mal-prinċipju tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi (ara d-Direttiva dwar id-diskriminazzjoni), huwa l-impjegatur li għandu jagħti prova li l-miżuri ta' ritaljazzjoni mhumiex il-konsegwenza tar-rapportar.

7.2

Id-Direttiva għandha tispeċifika l-miżuri ta' rimedju fil-każ ta' ritaljazzjoni (l-Artikolu 15(6)) u mhux tirreferihom għall-qafas ġuridiku nazzjonali li, kif rajna, jista' jvarja minn pajjiż għall-ieħor jew jista' jkun ineżistenti. Sabiex l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv minn kwalunkwe forma ta' sanzjoni, diretta jew indiretta, huwa meħtieġ li d-Direttiva tipprevedi l-obbligu ta' rimedju sħiħ għad-danni, mingħajr limitu (inklużi l-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni li jintilfu fil-każ ta' tkeċċija), bħall-“Public Interest Disclosure Act” tal-1998.

8.   Penali

8.1

Il-KESE jqis li l-għan tad-Direttiva huwa li tiffaċilita l-iżvelar tal-informazzjoni u li tipproteġi l-informaturi. Għal dan il-għan, huwa xieraq li jitħassar l-Artikolu 17(2) li joħloq konfużjoni bejn l-iżvelar responsabbli u l-malafama jew id-denunzja falza, li huma reati kriminali li diġà jidhru fil-leġislazzjonijiet nazzjonali.

9.   Klawsola aktar favorevoli u klawsola tan-nonrigressjoni

9.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-possibbiltà prevista mid-Direttiva li l-Istati Membri jistgħu jadottaw leġislazzjoni li hija aktar favorevoli għad-drittijiet tal-informaturi. Madankollu, għandha tiżdied klawżola tan-nonrigressjoni espliċita sabiex jiġu ppreservati l-leġislazzjonijiet jew id-dispożizzjonijiet aktar favorevoli li jeżistu f'ċerti Stati.

10.   Rapportar, evalwazzjoni u rieżami

10.1

Ir-rieżami tal-implimentazzjoni tad-Direttiva għandu jkun obbligatorju, permezz tal-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali (data anonimizzata u statistika) mill-entitajiet pubbliċi u mill-Istati Membri, sabiex jikkontribwixxu għar-rapport tal-Kummissjoni previst għall-2027 u sabiex il-pubbliku jinżamm informat.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 3.11

Żid punt ġdid:

3.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-kwistjoni tal-prevenzjoni ta’ riskji negattivi għall-intrapriżi pubbliċi u privati rigward l-użu indebitu jew l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni sensittiva tiġi indirizzata bis-sħiħ. Ir-reputazzjoni tal-intrapriżi u tal-organizzazzjonijiet għandha tiġi mħarsa b’mod suffiċjenti f’każ ta’kondotta malizzjuża.

Raġuni

Ir-reputazzjoni ta’ kull organizzazzjoni hija kruċjali għall-partijiet interessati kollha, u mhux l-inqas għall-impjegati.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

84

Kontra

130

Astensjonijiet

15

Punt 4.1

Ħassar il-punt:

4.1.

Il-KESE jaħseb li mhuwiex aċċettabbli li mhuwiex possibbli li ssir konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar il-proposta tad-Direttiva, kif previst fl-Artikolu 154 tat-TFUE. Il-Kummissjoni ma għandhiex tirrepeti din il-prattika.

Raġuni

Peress li l-proposta mhijiex ibbażata fuq l-Artikolu 153 tat-TFUE l-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali mhix mitluba.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

79

Kontra

133

Astensjonijiet

18

Punt 4.2

Ibdel it-test kif ġej:

4.2.

Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-bażi legali għal din id-Direttiva hija wiesgħa biżżejjed sabiex tkun żgurata l-protezzjoni adegwata tal-informaturi. Madanakollu, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, il-KESE jitlob kjarifika fir-rigward tal-bażi legali applikabbli għad-drittijiet tal-ħaddiema. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-qasam soċjali jkun ukoll kopert mid-Direttiva biż-żieda tal-Artikolu 153 tat-TFUE għas-16-il referenza legali tad-Direttiva. Il-KESE jenfasizza li fl-ewwel artikolu (kamp ta' applikazzjoni materjali) dwar il-ksur tad-dritt li jista' jirrapporta informatur, il-protezzjoni tal-ħaddiema tħalliet barra. Diskriminazzjoni, fastidju, vjolenza fuq il-post tax-xogħol, eċċ. mhumiex inklużi fil-proposta. Għalhekk jirrakkomanda li dawn il-kwistjonijiet jiġu integrati fid-Direttiva.

Raġuni

Peress li hemm fehmiet diverġenti dwar il-bażi legali għal din id-Direttiva, hemm bżonn li l-kwistjoni tiġi ċċarata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjoni ta’ drittijiet tal-ħaddiema (l-Artikolu 153 tat-TFUE).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

82

Kontra

139

Astensjonijiet

14

Punt 6.2

Ibdel kif ġej:

6.2.

Il-KESE jqis li l-prinċipju ta' żvelar gradat (intern, lill-awtoritajiet kompetenti, pubbliku) jissodisfa l-prinċipju ta' żvelar responsabbli, speċjalment bil-ħsieb li l-ksur jiġi identifikat u jitwaqqaf malajr u b’mod effettiv fis-sors, sabiex b’hekk jittaffew ir-riskji interni jew esterni. Madankollu, il-KESE jqis li l-informatur għandu jkollu għażla ta’ aċċess ugwali għall-mezz intern jew għall-awtoritajiet kompetenti u għalhekk jirrakkomanda proċedura gradata f'żewġ livelli, u mhux fi tlieta, b'ekwità u għal ċertezza tad-dritt. Minn naħa, l-istudji internazzjonali juru li, anke f'pajjiżi li huma eżentati mill-obbligu ta' kanal intern (ir-Renju Unit, l-Irlanda), l-impjegat l-ewwel juża l-mezz intern b'sens ta' lealtà; għalhekk ma jinħoloqx ir-riskju li l-mezz intern jiġi evitat b'mod sinifikanti. Barra minn hekk, fil-każ tal-obbligu ta' kanal intern, huwa diffiċli li jiġu previsti d-derogi kollha meħtieġa. Min-naħa l-oħra, ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali jipprovdu għar-riferiment dirett lill-awtoritajiet (pereżempju għar-reati jew reati kriminali). Finalment, dan l-obbligu japplika biss għall-impjegati, filwaqt li l-ħaddiema l-oħra huma eżentati. Għalhekk, dan iwassal għal ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza u għall-inċertezza tad-dritt.

Raġuni

Huwa importanti li l-kumpanija jkollha l-opportunità sabiex l-ewwel issolvi l-kwistjoni internament qabel ma l-informatur jirrikorri b’mod pubbliku. Il-proċedura ta’ rappurtar f’żewġ stadji tiffaċilita l-identifikazzjoni u t-twaqqif tal-ksur malajr u b’mod effettiv f’ras il-għajn.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

78

Kontra

145

Astensjonijiet

11

Punt 7.2

Ibdel it-test kif ġej:

7.2.

Id-Direttiva għandha tispeċifika l-miżuri ta' rimedju fil-każ ta' ritaljazzjoni (Artikolu 15(6)) u mhux tirreferihom l-kwistjoni għall-qafas ġuridiku nazzjonali, li kif rajna jista' jvarja minn pajjiż għall-ieħor jew jista' jkun ineżistenti. Sabiex l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv minn kwalunkwe forma ta' sanzjoni, diretta jew indiretta, l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tiġi mmonitorjata b’kawtela u vvalutata fir-rigward tal-effettività tal-oqfsa nazzjonali. huwa meħtieġ li d-Direttiva tipprevedi l-obbligu ta' rimedju sħiħ għad-danni, mingħajr limitu (inklużi s-snin tal-irtirar li jintilfu fil-każ ta' tkeċċija), bħall-“Public Interest Disclosure Act” tal-1998

Raġuni

Huwa importanti li s-sistemi ta’ sanzjoni u ta’ kumpens ibbażati fuq oqfsa nazzjonali jissodisfaw l-għanijiet bażiċi tad-Direttiva fir-rigward tal-protezzjoni tal-informaturi filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sistemi legali nazzjonali. Din hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġ jiġu mmonitorjati fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

82

Kontra

144

Astensjonijiet

10

Punt 8.1

Ibdel it-test kif ġej:

8.1.

Il-KESE jqis li l-għan tad-Direttiva huwa li tiffaċilita l-iżvelar tal-informazzjoni u li tipproteġih. Għal dan il-għan, huwa xieraq li għandu jiġi ċċarat jitħassar l-Artikolu 17(2) peress li jista’ joħloq konfużjoni bejn l-iżvelar responsabbli u l-malafama jew id-denunzja falza, reati kriminali li diġà jidhru fil-leġislazzjonijiet nazzjonali.

Raġuni

Filwaqt li hemm bżonn li jiġu indirizzati l-konsegwenzi għal żvelar falz, qarrieqi u mhux ġustifikat billi jiġu previsti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet fl-Istati Membri għandu jiġi ċċarat.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

87

Kontra

147

Astensjonijiet

6

Punt 1.4

Ibdel it-test kif ġej:

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-bażi legali tad-Direttiva hija wiesgħa biżżejjed u tiżgura protezzjoni adegwata tal-informatur sabiex tinkludi wkoll id-drittijiet tal-ħaddiema b'referenza għall-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE).” Madanakollu, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, il-KESE jitlob kjarifika fir-rigward tal-ambitu legali applikabbli għad-drittijiet tal-ħaddiema.

Raġuni

L-Artikoli determinati mill-Kummissjoni Ewropea bħala bażi legali jistgħu jiggarantixxu b’mod sħiħ it-tisħiħ tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tal-informaturi biex isaħħu il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u l-implimentazzjoni korretta tal-politiki tal-Unjoni u fl-istess ħin biex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards għoljin ta’ protezzjoni tal-informaturi fi strumenti settorjali tal-Unjoni fejn diġà jeżistu regoli rilevanti. Madankollu, hija meħtieġa kjarifika biex tiġi evitata l-konfużjoni dwar il-bażi legali b’rabta mad-drittijiet tal-ħaddiema.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

84

Kontra

133

Astensjonijiet

6

Punt 1.4

Żid punt ġdid wara l-punt 1.4 attwali:

Il-KESE huwa konvint li qafas legali għall-protezzjoni tal-informaturi għandu jissawwar b’tali mod li jippermetti li ssir distinzjoni bejn informazzjoni li hija xierqa biss biex tiġi żvelata fil-kumpanija u informazzjoni li hija xierqa biss tiġi żvelata lill-awtoritajiet jew anke lill-pubbliku ġenerali. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ sigrieti kummerċjali.

Raġuni

Il-proposta għandha tagħmilha ċara li l-informaturi għandhom dejjem jirrappurtaw informazzjoni li fiha sigrieti kummerċjali internament lill-kumpanija, minħabba li ladarba din l-informazzjoni toħroġ għall-pubbliku l-ħsara li ssir lill-kumpannija tkun irriversibbli.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

89

Kontra

149

Astensjonijiet

7

Punt 1.6

Ibdel it-test kif ġej:

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda (Artikolu 13) proċedura ta' rapportar f'żewġ livelli li tippermetti lill-informatur li jkollu aċċess, l-ewwel nett, u skont l-għażla tiegħu, għal mezz intern bil-ħsieb li jidentifika u jwaqqaf ksur malajr u b’mod effettiv jew għall-awtoritajiet kompetenti; u wara, jekk hemm bżonn, għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u, jekk xieraq, għas-soċjetà ċivili/il-midja, b'ekwità u għal ċertezza ġuridika.

Raġuni

Huwa importanti li l-kumpanija jkollha l-opportunità sabiex l-ewwel issolvi l-kwistjoni internament qabel ma l-informatur jirrikorri b’mod pubbliku. Il-proċedura ta’ rappurtar f’żewġ stadji tiffaċilita l-identifikazzjoni u t-twaqqif tal-ksur malajr u b’mod effettiv f’ras il-għajn.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

89

Kontra

144

Astensjonijiet

8

Punt 1.10

Ħassar il-punt:

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li fl-Artikolu 15(5) ssir emenda tal-oneru tal-provi prima facie. Huwa biżżejjed li l-informatur “jippreżenta evidenza li jkun żvela informazzjoni”.

Raġuni

Din ir-rakkomandazzjoni mhijiex ibbażata fuq it-test tal-abbozz ta’ Opinjoni (7.1). Filwaqt li jista’ jiġi kkontestat, il-prinċipju tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi ġie ddikjarat fit-test b’mod newtrali.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

93

Kontra

148

Astensjonijiet

7

Punt 1.11

Ibdel it-test kif ġej:

1.11.

Sabiex l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv minn kwalunkwe forma ta' penali, diretta jew indiretta, l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tiġi mmonitorjata b’attenzjoni u vvalutata b’rabta mal-effettività tal-oqfsa nazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda fl-Artikolu 15(6), li r-rimedju għad-danni ma għandux jiġi rreferut għad-dritt nazzjonali (varjabbli), iżda li d-direttiva tipprevedi rimedju sħiħ għad-danni, mingħajr limitu, bħal-leġislazzjoni tal-Istati Uniti.

Raġuni

Huwa importanti li s-sistemi ta’ sanzjoni u ta’ kumpens ibbażati fuq oqfsa nazzjonali jissodisfaw l-għanijiet bażiċi tad-Direttiva fir-rigward tal-protezzjoni tal-informaturi filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sistemi legali nazzjonali. Din hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġ jiġu mmonitorjati fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

95

Kontra

143

Astensjonijiet

9

Punt 1.12

Ibdel it-test kif ġej:

1.12.

Il-KESE jitlob li jitħassar jiġi ċċarat l-Artikolu 17(2), peress li jista’ joħloq konfużjoni bejn l-infurmar responsabbli u żejjed (il-penali għal l-malafama jew u l-akkużi a foloz falza huma previsti mid-dritt nazzjonali).

Raġuni

Ara l-punt 8.1.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

96

Kontra

147

Astensjonijiet

7


Top