EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IR6047

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Tingħata spinta lill-konnettività tal-broadband fl-Ewropa”

COR 2017/06047

ĠU C 247, 13.7.2018, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/7


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Tingħata spinta lill-konnettività tal-broadband fl-Ewropa”

(2018/C 247/02)

Relatur:

Mart Võrklaev (EE/ALDE), Sindku tal-Muniċipalità ta’ Rae

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jirrimarka li skont il-Bank Dinji (1), it-tkabbir mgħaġġel tat-teknoloġiji diġitali wassal għal bidla sinifikanti tas-soċjetà madwar id-dinja u issa l-Internet sar infrastruttura fundamentali, inaqqas l-ispejjeż fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni u jġib l-innovazzjoni li tikkontribwixxi għal konnettività aħjar bejn iċ-ċittadini, in-negozji u l-gvernijiet;

2.

jilqa’ l-ħidma tal-Pjattaforma tal-Broadband flimkien mal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġu żgurati kooperazzjoni aħjar, regolamentazzjoni aħjar u l-implimentazzjoni tal-konnettività diġitali fl-Ewropa u, naturalment, il-finanzjament aħjar tagħhom;

3.

huwa konxju tal-fatt li fl-2015, il-kopertura tal-broadband fiss u d-disponibbiltà fl-UE kienet ta’ 97 % tad-djar, (b’rata medja ta’ użu ta’ 72 %) u li l-firxa ta’ servizzi bbażati fuq teknoloġija wireless kienet saħansitra ogħla. Madankollu, hemm differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ broadband fiss bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.

4.

jirrimarka li skont is-seba’ Rapport ta’ Koeżjoni, ser ikun hemm il-ħtieġa għal aktar investiment, filwaqt li s-servizzi bażiċi tal-broadband ikunu aċċessibbli għad-djar kollha fl-UE, l-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) — li huwa ferm aktar rapidu — huwa disponibbli biss għal 40 % tar-residenti rurali meta kkumparat mad-90 % ta’ dawk urbani;

5.

jinnota li l-Internet b’veloċità baxxa u b’penetrazzjoni dgħajfa fiż-żoni rurali, u l-problemi speċifiċi f’żoni ta’ popolazzjoni skarsa u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, jistgħu jkunu ta’ xkiel biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-UE għall-2020–2025, li skont il-Kummissjoni Ewropea jistgħu jħallu estimu ta’ qligħ ta’ EUR 146,5 biljun lill-UE u fl-istess ħin joħolqu sa 2,4 miljuni impjiegi ġodda;

6.

jaqbel mal-G20 (2) li l-għan aħħari li jingħeleb id-distakk diġitali huwa li tingħata opportunità ugwali liċ-ċittadini kollha biex jibbenefikaw mill-iżvilupp diġitali, li l-vantaġġi tiegħu jvarjaw minn aktar effiċjenza, permezz ta’ inklużjoni soċjali u ekonomika akbar, għal aktar opportunitajiet għall-parteċipazzjoni f’ekonomija ġdida. Id-distakk diġitali għandu żewġ dimensjonijiet: l-aċċess għal konnettività tajba tal-broadband, u l-motivazzjoni għall-użu tas-servizzi tal-Internet;

7.

jenfasizza li s-soluzzjoni tal-problema tal-hekk imsejjaħ “last mile” hija importanti għall-iżvilupp tal-UE kollha, u tirrikjedi miżuri flessibbli;

8.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwoli ta’ importanza potenzjali tal-infrastruttura tal-ICT u tal-broadband flimkien mal-bini ta’ kapaċitajiet li jista’ jkollhom fir-ristrutturar ta’ żoni rurali fir-rigward tad-depopolazzjoni u l-emarġinazzjoni ta’ żoni rurali li huma problemi li qed jikbru madwar l-Ewropa;

Problemi ta’ konnettività u soluzzjonijiet possibbli

9.

huwa tal-fehma li għadd ta’ sfidi importanti jeħtieġ li jiġu indirizzati, bħal pereżempju:

il-fatt li l-konnettività b’veloċità għolja ħafna għal infrastrutturi fissi u mobbli madwar l-UE hija limitata;

ir-riskju li ma jkunx hemm kapaċità biżżejjed biex jiġu indirizzati l-bidliet rapidi teknoloġiċi u tas-suq bħall-avvanz tal-Internet tal-oġġetti;

piżijiet amministrattivi minħabba regolamentazzjoni żejda u nuqqas ta’ koerenza, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

10.

jinsab imħasseb dwar il-konnettività f’ċerti żoni, li turi l-importanza tal-kurrikuli skolastiċi u l-programmi ta’ tagħlim elettroniku għall-adulti. Il-broadband ma jirrigwardax biss kwistjonijiet ta’ finanzjament, iżda wkoll id-domanda għall-bini u l-użu tal-infrastruttura. L-istituzzjonijiet pubbliċi kollha, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom ikunu mgħammra b’konnessjoni broadband b’veloċità għolja;

11.

jinnota li f’xi pajjiżi u reġjuni, anki l-għarfien tekniku u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament għall-infrastruttura tal-broadband kif ukoll l-hekk imsejħa l-aħjar prattiki jistgħu jkunu ta’ problema;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija taċ-ċentri ta’ eċċellenza tal-broadband kif ukoll il-kooperazzjoni tad-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jintlaħaq għan komuni. Dan għandu jiġi rifless ukoll fil-baġit tal-UE li jmiss.

13.

iqis il-ħtieġa li fl-Istati Membri kollha għandhom jitwaqqfu ċentri ta’ eċċellenza, li flimkien jiffurmaw netwerk komuni, u li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jikkuntattjaw lil dawn iċ-ċentri, qabel ma jfittxu soluzzjonijiet — il-konsultazzjonijiet għandhom isiru minn qabel u għandhom jiġu mfittxija soluzzjonijiet ottimali abbażi tal-partikolaritajiet nazzjonali u reġjonali;

14.

jilqa’ l-ħames għodod għaż-żoni rurali tal-UE, li għandhom iwasslu għal progress fir-rigward ta’ kopertura broadband aħjar;

15.

huwa konxju minn kif qed jiżviluppa l-potenzjal tal-kunċett emerġenti ta’ “raħal intelliġenti” propost bħala parti mid-“Dikjarazzjoni ta’ Cork 2.0 dwar Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali”. Dan jirrigwarda l-investiment fis-settur tal-ICT sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u jkun garantit l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-infrastrutturi filwaqt li jridu jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi territorjali;

16.

f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi msaħħa fuq ir-regolazzjoni proporzjonata u l-konkorrenza fl-infrastruttura sabiex jiġi promoss l-investiment li jikkaratterizza d-dispożizzjonijiet ta’ aċċess tan-netwerk u l-enfasi fuq soluzzjonijiet kollaborattivi msejsa fuq is-suq li jippromovu l-implimentazzjoni tal-infrastruttura f’żoni lokali u reġjuni fejn il-każ intraprenditorjali mhuwiex definit b’mod ċar. Huwa importanti li r-regolazzjoni dwar l-aċċess tikkontribwixxi biex tiġi evitata qasma diġitali għal netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna u li tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali;

17.

iqis bħala neċessarju, fl-interess tal-kompetizzjoni kemm fis-swieq fissi u kemm f’dawk tal-5G, li s-servizzi jiġu separati min-netwerks, fuq l-istess linji tas-settur tal-enerġija (unbundling). Pereżempju, f’għadd ta’ Stati Membri (l-Iżvezja, ir-Renju Unit, eċċ.) saret separazzjoni kompleta bejn is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u dawk tal-operat tan-netwerk. Fil-fehma tal-KtR, in-netwerks tal-fibrottika għandhom jappartjenu lill-kumpanniji tat-telekomunikazzjoni, li l-mudell kummerċjali tagħhom huwa bbażat fuq l-aċċess indaqs għall-fornituri ta’ servizzi kollha. Dan għandu jippermetti lil ħafna fornituri tas-servizzi biex ikunu jistgħu joperaw fis-suq, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu servizzi għall-valur mixtieq u l-iżvilupp fit-tul ta’ dan il-qasam ikun garantit ukoll;

18.

jikkunsidra li dan għandu jipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd fl-iżvilupp tan-netwerks tal-5G: m’għandux ikun hemm dipendenza fuq infrastruttura bażika ta’ kumpaniji ta’ telekomunikazzjoni li jiddominaw is-suq. Għalhekk, l-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp ta’ netwerks miftuħa u tmexxi wkoll l-Istati Membri f’din id-direzzjoni, b’tali mod li l-operaturi kollha tan-netwerks eżistenti u dawk ġodda jsiru indipendenti mill-operatur.

19.

jenfasizza l-importanza ta’ stħarriġ ġeografiku aktar preċiż minn perspettiva tal-analiżi tas-suq dwar l-infrastrutturi eżistenti u ta’ proġetti ppjanati għall-ġejjieni sabiex jiġu identifikati żoni ta’ esklużjoni diġitali. Peress li tendenzjalment dawn iż-żoni jinsabu f’reġjuni żvantaġġati u b’popolazzjoni baxxa, l-effiċjenza tal-fondi pubbliċi ta’ dawn iż-żoni għandha tiżdied permezz ta’ reġistrazzjoni korretta ta’ dawn iż-żoni;

20.

jitlob dispożizzjonijiet legali fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-infrastruttura eżistenti (netwerks tal-elettriku, piluni, eċċ.) tkun tista’ tintuża bl-aktar mod flessibbli fl-espansjoni tan-netwerk tal-broadband, u b’hekk jiġu ffrankati l-ħin u l-flus meta tiġi provduta l-kopertura ġdida tal-broadband;

21.

jenfasizza li, fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, hemm EUR 14 biljun disponibbli mill-fondi SIE għall-ħolqien ta’ infrastruttura tal-broadband;

22.

jappoġġja l-promozzjoni tat-twettiq tal-broadband permezz tat-tisħiħ tal-politika ta’ koeżjoni, fost l-oħrajn biex jiżgura li din tkun tista’ tindirizza l-fallimenti tas-suq l-aktar severi fiż-żoni rurali sparsament popolati tal-UE. Dan ma jeskludix żieda fl-istrumenti finanzjarji (bħal self finanzjarju) f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u banek promozzjonali oħrajn;

23.

Jappoġġja t-tisħiħ tar-rwol tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-FEIS fi strumenti finanzjarji ta’ finanzjament u faċilitajiet ta’ taħlit (jiġu kkombinati l-għotjiet ma’ strumenti finanzjarji) biex jindirizza tipi aktar moderati ta’ fallimenti tas-suq, bħalma hu n-nuqqas ta’ finanzjament ta’ ekwità għal proġetti iżgħar f’żoni iktar vijabbli. Tali interventi komplementari jkunu jiżguraw konnettività tal-broadband ta’ kwalità għolja fir-reġjuni kollha tal-UE;

24.

jirrakkomanda li tintuża pjattaforma tal-broadband komuni bħala strument ta’ kooperazzjoni u l-involviment tad-DĠ REGIO fil-ħidma ta’ din il-pjattaforma;

25.

jappoġġja l-promozzjoni tal-użu tal-Programmi tal-UE u l-iżvilupp ta’ kunċetti ġodda għal sħubiji pubbliċi-privati għal investimenti favur l-investimenti fit-twettiq tal-broadband;

26.

itenni li fiż-żoni fejn kumpaniji kbar mhumiex interessati jinvestu u fejn il-kumpaniji żgħar isibu diffikultajiet, għandhom jiġu żviluppati mudelli aktar sempliċi li jagħmluha aktar faċli għan-negozji ż-żgħar biex jinvestu u jipprovdu soluzzjonijiet lil dawn iż-żoni b’nuqqas ta’ kopertura, jew il-proġetti għall-iżvilupp tal-broadband jiġu rikonoxxuti bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (3);

27.

f’dan ir-rigward, jirrimarka li huwa importanti li jiġu ssemplifikati l-proċeduri, hekk kif it-teknoloġija tiżviluppa aktar malajr mill-attivazzjoni tal-istrutturi relatati;

28.

huwa tal-fehma li l-pjani tal-iżvilupp li ġenwinament jiffunzjonaw tajjeb għat-twettiq tal-broadband jistgħu jiġu żviluppati biss b’kunsens bejn il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Istati, il-bliet u r-reġjuni kollha. F’pajjiżi fejn intlaħaq ftehim bħal dan (l-Isvezja, ir-Renju Unit, eċċ.), it-twettiq tal-broadband diġà huwa aktar avvanzat. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-kopertura tal-broadband barra miż-żoni urbani tirriskja li tibqa’ inadegwata;

29.

Jilqa’ l-inizjattiva eċċellenti tal-Bank Ewropew għall-Investiment biex jistabilixxi fond għat-twettiq tal-broadband u jħeġġeġ l-implimentazzjoni tiegħu mingħajr dewmien; jispera li dan ser jgħin il-finanzjament, b’mod partikolari, ta’ proġetti żgħar u t-tneħħija tal-“white spots”;

30.

jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) dwar is-semplifikazzjoni wara l-2020, li tenfasizza l-ħtieġa biex l-għajnuna mill-Istat u r-regoli tal-akkwist pubbliku għal fondi SIE ikunu allinjati ma’ dawk għal programmi ġestiti ċentralment. Il-KtR jtenni t-talba tiegħu għal valutazzjoni ta’ jekk hux biss xi wħud min-nefqiet tal-Fondi SIE, jew kollha, jistgħu jkunu eżentati mill-proċeduri ta’ għajnuna għall-Istati wara l-2020. F’dan il-kuntest, il-KtR bi pjaċir jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ definizzjonijiet komuni biex il-fondi jkunu jistgħu jiġu mqabbla u kkombinati ġew adottati mill-HLG (4);

31.

jinsisti li l-Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu allineati mal-fondi differenti tal-UE disponibbli għal finanzjament tat-twettiq tal-broadband, b’ħarsa lejn it-twettiq rapidu ta’ netwerks tal-broadband, u jesprimi tħassib dwar in-numru ta’ prereġistrazzjonijiet mhux milqugħa, li ser inaqqsu jew saħansitra jipprevjenu ċ-ċaqliq tal-investimenti, u li għaldaqstant ser ikunu responsabbli mill-iżvilupp kajman tal-konnessjonijiet broadband f’dawn iż-żoni;

32.

jinnota bi pjaċir — kif imsemmi fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-HGL dwar is-Semplifikazzjoni — li l-prinċipju ta’ approċċ differenzjat qed jiġi kkunsidrat ukoll. Approċċ bħal dan għandu jippermetti tnaqqis sinifikanti tal-piż amministrattiv u jqis aħjar il-partikolaritajiet tal-implimentazzjoni fir-reġjuni inkwistjoni u b’hekk ikun faċilitat l-approċċ territorjali u jkun promoss l-investiment imfassal apposta għall-espansjoni tal-broadband;

33.

jissuġġerixxi li jitwettqu konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja kemm jista’ jkun malajr, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għas-soċjetà tal-gigabits biex timmassimizza l-opportunitajiet tas-suq uniku diġitali u b’hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Istati Membri kollha f’dan il-qasam. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, iridu jiġu segwiti soluzzjonijiet differenti, għaliex il-konnessjoni ta’ kull dar man-netwerk tal-fibrottika tista’ tkun għalja u tinvolvi ħafna ħin, speċjalment f’żoni skarsament popolati;

34.

huwa tal-fehma, li minbarra l-konnessjonijiet bil-kejbil, ikun utli li f’żoni abitati mifruxin u f’żoni inaċċessibbli wieħed jikkunsidra u jivvaluta l-potenzjal ta’ broadband mobbli, broadband bis-satellita u l-iżvilupp ta’ netwerks pubbliċi tal-Wi-Fi f’żoni u istituzzjonijiet pubbliċi, bħall-inizjattiva WiFi4EU. Jekk jinsabu soluzzjonijiet alternattivi titaffef l-espansjoni tan-netwerks u fl-istess ħin jiġu ffrankati l-flus, iżda huwa importanti li wieħed isegwi approċċ sistematiku u maħsub bir-reqqa biex ikun żgurat li s-soluzzjonijiet jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni u t-teknoloġiji jkunu vijabbli fuq perjodu ta’ żmien twil;

35.

jenfasizza l-importanza li jkunu indirizzati l-problemi tal-ġestjoni tal-ispettru tar-radju b’riżultat tal-iżvilupp mgħaġġel tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet tal-5G, minħabba l-fatt li t-teknoloġija tal-5G tirrikjedi netwerks bi prestazzjoni għolja fl-UE kollha. Huwa importanti ħafna li wieħed ifittex approċċ komuni għall-allokazzjoni ta’ liċenzji tal-frekwenzi ogħla (spettru) li se jintużaw fil-futur, inkluż, fejn xieraq, prevedibbiltà regolatorja akbar f’termini ta’ użu kondiviż tal-ispettru u flessibbiltà akbar, biex jirrispondu għad-differenzi fid-domanda għal meded armonizzati tal-ispettru fil-livell nazzjonali jew dak lokali;

36.

jappoġġja l-miżuri bażiċi tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, bħal pereżempju l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda biex ikun sostnut l-iżvilupp ta’ netwerks b’veloċità għolja ħafna madwar l-Ewropa, li jippermetti veloċitajiet ta’ gigabits fis-sekonda, biex jitwessa’ l-iskop tal-qafas regolatorju biex jinkludi għodod ġodda ta’ komunikazzjoni; l-hekk imsejħa servizzi “over-the-top”, u l-forniment lill-utenti finali ta’ aċċess funzjonali għall-Internet bi prezz raġonevoli;

37.

jilqa’ l-kompetizzjoni “European Broadband Awards” tal-Kummissjoni Ewropea, li tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet għall-problema ta’ kopertura tal-broadband, u għall-promozzjoni tal-aħjar prattiki.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  “World Development Report 2016: Digital dividends”.

(2)  “L-infrastruttura diġitali: Negħlbu d-Distakk Diġitali fl-Ekonomiji Emerġenti”, Ideat tal-G20, April 2017.

(3)  COR-2016-02880.

(4)  COR-2017-04842-00-00-PAC-TRA (EN).


Top