EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0099

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni

/* COM/2015/099 final */

52015PC0099

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni /* COM/2015/099 final - 2015/ () */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta' interess komuni u għandhom jikkoordinawhom l-azzjoni tagħhom fi ħdan il-Kunsill. F'żewġ artikoli distinti, dan jistipula li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika (l-Artikolu 121) u linji gwida għall-impjiegi (l-Artikolu 148), filwaqt li jagħmilha ċara li dawn il-linji gwida tal-aħħar iridu jkunu konsistenti mal-linji gwida ta' qabel. B'din il-bażi ġuridika, il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi u ekonomiċi qed jiġu ppreżentati bħala żewġ strumenti legali separati daqskemm intrinsikament interrelatati:

· Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni – Parti I tal-Linji Gwida Integrati;

· Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi – Parti II tal-Linji Gwida Integrati.

Il-linji gwida ġew adottati għall-ewwel darba fl-2010 bħala "Pakkett Integrat" li fuqu ssejset l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-2010 ġie deċiż ukoll li l-biċċa l-kbira tal-linji gwida integrati għandhom jibqgħu stabbli sal-2014. Filwaqt li linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika jibqgħu jgħoddu għal kull żmien, il-linji gwida għall-impjiegi jeħtiġilhom jitfasslu kull sena.

Minbarra li jixhdu l-ambitu u d-direzzjoni għal koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri, il-linji gwida jipprovdu wkoll il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fl-oqsma rispettivi. 

Il-ġabra ta' "linji gwida integrati" li hemm bħalissa jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020 fil-kuntest tal-metodu l-ġdid biex titfassal politika ekonomika mibnija fuq l-investiment, ir-riforma strutturali u r-responsabbiltà fiskali kif jistabbilixxi l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir. Fl-istess waqt, il-linji gwida integrati għandhom jgħinu biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jintlaħqu l-miri tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

Il-Linji Gwida Integrati huma:

Linja gwida 1: Inkattru l-investiment

Linja gwida 2:             Inżidu t-tkabbir bit-twettiq tar-riformi strutturali

Linja gwida 3:             Inxejnu l-ostakli ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi fil-livell tal-UE

Linja gwida 4:             Intejbu s-sostenibbiltà u x-xejra favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi

Linja gwida 5:             Inżidu d-domanda għax-xogħol

Linja gwida 6:             Insaħħu l-provvista tax-xogħol u l-ħiliet

Linja gwida 7:             Intejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol

Linja gwida 8:             Niżguraw l-imparzjalità, nitħabtu kontra l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs   

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Billi:

(1) L-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. Il-linji gwida għall-impjiegi u l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika għandu jadottahom il-Kunsill biex jiggwida l-politiki tal-Istati Membri.

(2) Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni Ewropea żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u politiki makrostrutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza ekonomika u baġitarja multilaterali integrata. Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, se jkompli jitjieb l-operat tiegħu.

(3) Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħjufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika kkoordinata u ambizzjuża, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta l-investiment, iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu r-responsabbiltà fiskali.

(4) L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jsawru soċjetà ta' koeżjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha.

(5) Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi strutturali kkoordinati jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.

(6) Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, biex jitqarrbu l-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(7) Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi, u jixhdu l-interdipendenza. Dawn huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn il-linji gwida għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jaf jagħti lill-Istati Membri,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) Fil-politiki ekonomiċi tagħhom, l-Istati Membri, u meta rilevanti anki l-Unjoni Ewropea, għandhom iqisu l-linji gwida stabbiliti fl-Anness. Dawn il-linji gwida għandhom jiffurmaw parti mill-"Linji Gwida Integrati".

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Parti I tal-Linji Gwida Integrati

Linja gwida 1: Inkattru l-investiment

Hu tassew meħtieġ li jiżdied il-livell ta' investiment produttiv fl-Ewropa ħalli tingħata spinta lid-domanda u jitjiebu l-kompetittività u l-potenzjal għal tkabbir fit-tul fl-Ewropa. L-isforzi għandhom jiffukaw fuq mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti għall-investiment, modi biex il-finanzjamenti jilħqu l-ekonomija reali u titjib fl-ambjent tal-investiment.

Għandu jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-fondi tal-UE, fosthom il-Fond Ewropew tal-Investiment Strateġiku u l-fondi strutturali, u tal-fondi nazzjonali biex jiġu ffinanzjati investimenti li jsaħħu t-tkabbir f'oqsma ewlenin. Għal dan il-għan hemm bżonn li l-ġestjoni tal-fondi tkun orjentata lejn ir-riżultati u li jintużaw aktar strumenti finanzjarji innovattivi.

Biex il-finanzjamenti jilħqu l-ekonomija reali jeħtieġ jiżdiedu t-trasparenza u l-għoti tal-informazzjoni, l-aktar billi jinħolqu ċentru ta' konsulenza dwar investiment Ewropew fl-awspiċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment u sensiela ta' proġetti trasparenti fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali. Hemm bżonn ukoll li l-partijiet konċernati jaħdmu id f'id mill-qrib ħalli jkun żgurat li l-operazzjonijiet isiru bla intoppi, jittieħed riskju adegwat u jinkiseb l-akbar valur miżjud.

Sabiex l-Unjoni tibqa' lok attraenti fejn isir investiment finanzjarju barrani hemm bżonn stabbiltà makroekonomika u finanzjarja, kif ukoll prevedibbiltà regolatorja, u ftuħ u trasparenza fis-settur finanzjarju tagħha.

Linja gwida 2: Inżidu t-tkabbir bit-twettiq tar-riformi strutturali tal-Istati Membri

Sabiex jissaħħaħ u jitwieżen l-irkupru ekonomiku, jissewwew l-iżbilanċi makroekonomiċi li jkunu ta' ħsara, u jinfetaħ il-potenzjal tal-ekonomiji tal-Unjoni hemm tassew bżonn li l-Istati Membri jwettqu r-riformi strutturali b'ambizzjoni kemm fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol u anki fis-sistemi tas-sigurtà soċjali. Dan jgħin ukoll biex tinkiseb koeżjoni ekonomika u soċjali. B'riformi li jsaħħu l-kompetizzjoni, speċjalment fis-settur mhux kummerċjabbli, funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol u ambjent aħjar għan-negozji, tkun qed tingħata għajnuna biex jingħeleb ix-xkiel għat-tkabbir u għall-investiment u tiżdied il-kapaċità ta' aġġustament tal-ekonomija. Dawn ir-riformi, l-Istati Membri għandhom jikkoordinawhom mill-qrib u għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni ħalli jiżdiedu kemm jista' jkun l-effetti pożittivi filwaqt li jixxejnu l-effetti negattivi.

Għandhom isiru riformi fis-sistema soċjali u tas-suq tax-xogħol ħalli jitħeġġu t-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jkun żgurat aċċess għal kulħadd għal servizzi soċjali u benefiċċji li jkunu ta' kwalità tajba ħafna, affordabbli u sostenibbli. Għandha tittieħed azzjoni fil-qasam tar-riformi fis-suq tax-xogħol, fosthom b'mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi, li tkun konformi mal-gwida fid-dettall li hemm aktar fil-linji gwida għall-impjiegi[1]. B'azzjonijiet fuq il-migrazzjoni legali l-Unjoni għandha ssir destinazzjoni attraenti għat-talent u l-ħiliet.

Għandhom jissoktaw ir-riformi u aktar integrazzjoni fis-swieq tal-prodotti ħalli jkun żgurat li l-konsumaturi u n-negozji tal-Unjoni jkollhom prodotti u servizzi bi prezzijiet orħos u varjetà usa'. Bi swieq integrati aħjar, il-kumpaniji jkollhom aċċess għal suq ferm akbar mis-suq domestiku tagħhom, u b'hekk ikollhom aktar opportunitajiet biex jikbru. Għax jekk is-swieq tal-prodotti jkunu aktar kompetittivi u integrati aħjar, dawn jgħinu biex fejn jidħlu x-xokkijiet ekonomiċi, l-aġġustament isir aktar malajr u tiżdied ir-reżiljenza.

Għandhom jitkomplew l-isforzi li jissimplifikaw l-ambjent regolatorju fejn joperaw l-intrapriżi, fosthom l-oħrajn billi tiġi modernizzata l-amministrazzjoni pubblika, tiżdied it-trasparenza, issir ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u x-xogħol bla ktieb, jitjiebu l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji, u kif ukoll permezz ta' infurzar tal-kuntratti u oqfsa ta' insolvenza li jkunu jaħdmu tajjeb.

It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ekonomija diġitali huma xprun importanti għall-produttività, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-setturi kollha tal-ekonomija. Filwaqt li jitħeġġeġ l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom isiru riformi mill-qiegħ biex jiġu modernizzati s-sistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni, titjieb il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat, u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-qafas usa’ ħalli l-kumpaniji jissaħħu fl-għarfien. Jekk titjieb il-kwalità tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni, tkompli titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi.

Linja gwida 3: Inxejnu l-ostakli ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi fil-livell tal-Unjoni

Sabiex l-Ewropa tibqa' lok attraenti għan-negozji domestiċi u barranin hemm bżonn li tkompli ssir integrazzjoni tas-Suq Uniku, tiżdied il-kompetizzjoni u jitjieb l-ambjent tan-negozju. Filwaqt li biex jitwessa' l-limitu tal-produttività tal-Ewropa hemm bżonn li jiżdiedu l-innovazzjoni u l-kapital uman u li jkun żgurat Suq Uniku Diġitali integrat u jaħdem tajjeb. Jekk in-negozji u l-konsumaturi jużaw aktar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, dan jgħin biex tissawwar Ewropa diġitali mingħajr fruntieri u tiżdied il-produttività.

Għax settur finanzjarju li jaħdem sew hu kruċjali biex l-ekonomija timxi bla skossi. Fil-qasam tas-swieq finanzjarji u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu għalkollox id-dispożizzjonijiet regolatorji u ta' superviżjoni msaħħa u l-protezzjoni għall-konsumaturi. Filwaqt li għandhom jittieħdu miżuri biex fl-Ewropa jinbena suq tat-titolizzazzjoni b'saħħtu għax dan itejjeb il-kapaċità ta' finanzjament effettiv tal-banek tal-Unjoni. Għandha ssir ħidma msejsa fuq il-kisbiet tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji u l-kapital ħalli tinħoloq Unjoni tas-Swieq tal-Kapitali ġenwina li hija tant meħtieġa.

Li tinħoloq Unjoni tal-Enerġija b'saħħitha għandu jiżgura enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi. Għandu jitwettaq il-qafas tal-2030 għall-klima u l-enerġija u ssir it-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inklużi r-riformi min-naħa tad-domanda u tal-provvista. F'dan ir-rigward, is-settur tal-enerġija u tat-trasport jeħtieġ attenzjoni partikolari.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tiffoka fuq dawk il-kwistjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati bl-aqwa mod fil-livell Ewropew, u għandha titfassal b'tali mod li tqis l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tagħhom. Jekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-fruntieri, b'aktar prevedibbiltà regolatorja u f'konformità sħiħa mar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn ikomplu jattiraw l-investiment. Ambjent tan-negozju aħjar u aktar prevedibbli hu partikolarment importanti għal industriji li jużaw netwerk għax dawn iħarsu lejn investimenti fit-tul u jagħmlu investimenti inizjali fuq skala kbira. Għandha tiġi żviluppata aktar id-dimensjoni esterna tas-suq intern.

Linja gwida 4: Intejbu s-sostenibbiltà u x-xejra favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi

Għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi neħtieġu finanzi pubbliċi stabbli. Is-sostenibbiltà fiskali hija essenzjali biex ikunu żgurati l-fiduċja tal-investituri u l-ispazju fiskali meħtieġ biex jingħelbu l-iżviluppi mhux mistennija u jiżdied kemm jista' jkun l-effett pożittiv li jħallu l-finanzi pubbliċi fuq l-ekonomija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kontroll fit-tul fuq il-livelli tad-defiċit u tad-dejn. Il-politiki fiskali għandhom jitmexxew fi ħdan il-qafas tal-Unjoni bbażat fuq ir-regoli u magħhom għandhom isiru arranġamenti baġitarji nazzjonali sodi. Il-politiki fiskali għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u r-riskji tas-sostenibbiltà fil-livell ta' Stat Membru, filwaqt li jkunu jiżguraw li ssir koordinazzjoni tajba tal-politiki ekonomiċi u qagħda fiskali koerenti madwar l-Unjoni u ż-żona tal-euro, u meta jkun disponibbli, iħaddmu l-ispazju fiskali biex jappoġġaw it-tkabbir u l-investiment.

Waqt li jkunu qed ifasslu u jwettqu l-konsolidazzjoni baġitarja, l-istrateġiji għandhom jagħtu prijorità lil partiti tan-nefqa li jżidu t-tkabbir f'oqsma bħall-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjegabbiltà, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-investiment f'netwerks b'impatti pożittivi fuq il-produttività, bħal ngħidu aħna l-internet b'veloċità għolja, l-interkonnessjonijiet tal-enerġija u tat-trasport, u l-infrastruttura. Ir-riformi fin-nefqa għandhom jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn ir-riformi jistgħu jitħejjew b'mod partikolari b'analiżi tal-infiq bil-ħsieb li tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul.

Ir-riformi fl-infiq li jippromwovu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tinżamm l-ekwità għandhom jiġu kumplimentati b'titjib fis-sistemi tad-dħul. Għandhom tibqa' titħaddem il-bażi għat-taxxa korporattiva konsolidata komuni. Jekk tonqos it-tassazzjoni fuq ix-xogħol, filwaqt li tkun żgurata n-newtralità baġitarja li tistrieħ aktar fuq taxxi fuq il-konsum, taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli u taxxi ambjentali, dan ikun ta' għajnuna biex jissewwew l-ineffiċjenzi tas-suq u jitħejjew is-sisien għal rati sostnuti ta' tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. L-effiċjenza fis-sistema tat-taxxa tista' titjieb billi jitwessgħu l-bażijiet tat-taxxa, bħal pereżempju meta jitneħħew jew jitnaqqsu l-użu u l-ġenerożità tal-eżenzjonijiet u r-reġimi preferenzjali, u billi tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa, tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa u ssir ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

[1]               [Insert cross reference to EG]

Top