EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0627(02)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, dwar linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti u finanzjament ta’ riskju u dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru

ĠU C 198, 27.6.2014, p. 30–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/30


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, dwar linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti u finanzjament ta’ riskju u dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru

(2014/C 198/02)

I.   INTRODUZZJONI

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (1) huwa li l-Kummissjoni tkun tista’ tiffoka fuq il-każijiet li joħolqu l-iktar distorsjoni filwaqt li jħallu aktar flessibilità lill-Istati Membri biex jistabbilixxu għajnuna inqas distorsiva. F’dan il-kuntest, ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (2), li għandu ambitu aktar wiesa’, jagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna fuq il-bażi ta’ kriterji definiti minn qabel mingħajr ma jkun hemm bżonn li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, u b’hekk jiġi ffrankat il-ħin, jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġi promoss mudelli ta’ għajnuna tajba li tkun imfassla tajjeb, immirata lejn nuqqasijiet identifikati tas-suq u objettivi ta’ interess komuni, u għajnuna l-anqas distorsiva (“għajnuna tajba”). It-trasparenza fir-rigward ta’ għotjiet tal-għajnuna hija element ewlieni tal-modernizzazzjoni.

It-trasparenza tippromwovi r-responsabbilità u tippermetti li ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar elementi ta’ politika pubblika. Kostitwenza li tkun infurmata aħjar tgħin fil-ħolqien ta’ djalogu aħjar bejn iċ-ċittadini u l-uffiċjali tal-gvern u dan iwassal għal deċiżjonijiet ta’ politika aħjar. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet madwar id-dinja għamlu avvanzi kbar fiż-żieda tat-trasparenza kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak nazzjonali. Madankollu għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar u akbar parteċipazzjoni sinifikanti u ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif jiġu allokati r-riżorsi pubbliċi.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, it-trasparenza hija saħansitra aktar importanti. It-trasparenza tippromwovi l-konformità, tnaqqas l-inċertezzi u tippermetti lill-kumpaniji jivverifikaw jekk l-għajnuna mogħtija lil kompetituri tkunx legali. Hija tippromwovi li jkun hemm livell ugwali fost l-Istati Membri u l-kumpaniji fis-suq intern, fattur li huwa saħansitra aktar importanti fil-kuntest ekonomiku attwali. Hija tiffaċilita l-infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali billi tiżdied il-kuxjenza ta’ għajnuna mogħtija f’diversi livelli, biex b’hekk jiġu żgurati kontroll u segwitu aħjar fil-livelli nazzjonali u lokali. Fl-aħħar nett, bi trasparenza aħjar ikun possibbli li jitnaqqsu l-obbligi tar-rappurtar u l-piż amministrattiv marbut mar-rappurtar.

Filwaqt li l-Kummissjoni diġà tippubblika l-ismijiet tal-benefiċjarji ta’ għajnuna individwali nnotifikata u l-ammont ta’ għajnuna fid-deċiżjonijiet tagħha (3), ma hemmx obbligu biex tingħata informazzjoni pubblika dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija taħt skemi notifikati jew skemi koperti minn eżenzjoni ġenerali (li jirrapprezentaw kważi 90 % tan-nefqiet totali tal-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni (4)), bl-eċċezzjoni ta’ għotjiet kbar ta’ għajnuna reġjonali u għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp (5).

Xi Stati Membri riċentement fetħu websajts li jiżvelaw informazzjoni dwar l-għotjiet ta’ għajnuna (6) jew huma obbligati biex jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku, bħal informazzjoni dwar it-tipi kollha ta’ nfiq pubbliku, jew biex jagħtu aċċess għall-informazzjoni dwar l-infieq pubbliku fuq talbiet miċ-ċittadini. L-Istati Membri wkoll jiżvelaw informazzjoni sħiħa dwar l-infiq taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (7) u l-benefiċjarji tagħhom. Fil-każ ta’ għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-ġbir ta’ informazzjoni, il-websajts dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmija f’din il-Komunikazzjoni jistgħu jieħdu l-informazzjoni rilevanti mill-istess sistemi użati għar-rappurtar dwar il-Fondi Strutturali.

L-Istati Membri diġà jiġbru informazzjoni dwar in-nefqiet kollha ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-rappurtar annwali skont ir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (8). Din l-informazzjoni (9) tiġi mbagħad mgħoddija lill-Kummissjoni biex tiġi ppubblikata permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni annwali dwar l-għajnuna mill-Istat (10) u fuq il-websajt tal-Eurostat (11).

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-Istati Membri, bħala kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna skont il-linji gwida rilevanti, jistabbilixxu websajts komprensiv ta’ għajnuna mill-Istat, fil-livell reġjonali jew nazzjonali, għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-miżuri ta’ għajnuna u l-benefiċjarji tagħhom. Skont prattika standard rigward il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni (12), jintuża format standard li jippermetti li l-informazzjoni tiġi ppubblikata faċilment fuq l-Internet, u daqstant ieħor faċilment imfittxa jew imniżżla. Ir-rekwiżit tat-transparenza japplika b’mod ġenerali għal kull għajnuna mill-Istat, ħlief għal għotjiet ta’ għajnuna iżgħar ta’ inqas minn EUR 500 000.

Barra minn hekk, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tat-taxxa u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, ma jintalabx li tiġi żvelata informazzjoni dwar il-bażi tat-taxxa tal-kumpaniji jew l-ammont eżatt ta’ ħelsien mit-taxxa tagħhom. Madankollu, peress li l-għajnuna fiskali tikkostitwixxi derogi selettivi, tagħti vantaġġ lill-impriżi u li għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-obbligu li jingħata rendikont dwar l-użu tar-riżorsi pubbliċi u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għandu wkoll jiġi ppreservat. Għaldaqstant, fil-każ ta’ għajnuna mogħtija taħt l-iskemi fiskali jew taħt skemi ta’ finanzjament ta’ riskju, l-informazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna tista’ tiġi pprovduta f’firxiet.

Huwa stabbilit perjodu tranżizzjonali ta’ sentejn sabiex jiġi żgurat li dawk l-Istati Membri li ma jkollhomx mekkaniżmi ta’ trasparenza jkollhom biżżejjed żmien biex joħolquhom. Għal dak l-iskop, sistemi ta’ informazzjoni eżistenti diġà użati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għall-għan ta’ rrappurtar dwar l-għajnuna mill-Istat (SARI (13)) se jkomplu jiġu żviluppati sabiex l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jiffaċilitaw il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni għal pubblikazzjoni sussegwenti fuq il-websajts tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-assistenza teknika bil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jistgħu jintużaw minn Stati Membri skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 59 tar- Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Permezz ta’ trasparenza akbar ikun possibbli li jiġu simplifikati l-obbligi ta’ rappurtaġġ. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi l-biċċa l-kbira tal-obbligi ta’ rapportar attwali stipulati fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat rivedut fil-kuntest tal-inizjattiva dwar l-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat. Hekk kif l-Istati Membri jibdew iħaddmu l-websajts, l-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 794/2004 jiġi ssimplifikata aktar, filwaqt li jiġi ggarantit li jinkiseb livell ta’ informazzjoni ekwivalenti mit-trasparenza: fil-prattika dan ifisser li, jekk l-Istati Membri jagħżel aktar trasparenza (pereż. permezz ta’ livell anqas ta’ għajnuna għar-rigward ta’ liema informazzjoni tkun trid tiġi ppubblikata), il-kumplament tal-obbligi ta’ rrappurtar ma jibqgħux meħtieġa; barra minn dan, jistgħu jkunu previsti wkoll azzjonijiet ta’ monitoraġġ anqas sistematiċi.

Fil-qafas tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, u sabiex ikompli jiġi żgurat li jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Kummissjoni tista’ titlob li ċerti skemi jkunu suġġetti għal evalwazzjoni. Din il-kundizzjoni tista’ tapplika b’mod partikolari għal xi skemi ta’ għajnuna li jkollhom baġit kbir kif definit mill-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament ġdid dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. Tali skemi jiġu eżentati bir-Regolament għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur, li l-Kummissjoni tista’ testendi mal-approvazzjoni tal-pjan ta’ valutazzjoni li għandu jiġi nnotifikata mill-Istat Membru. Man-notifika tal-pjan ta’ valutazzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ dawn l-iskemi biss abbażi tal-pjan ta’ valutazzjoni.

II.   EMENDA GĦALL-KOMUNIKAZZJONI

II.1   Ġustifikazzjoni tal-emendi

Il-prinċipju tat-trasparenza huwa diġà stabbilit fil-Linji Gwida marbuta mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (14), l-għajnujna mill-Istati reġjonali għall-2014-2020 (15) l-għajnuna mill-Istat għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra (16), l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti u finanzjament ta’ riskju (17), u l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (18).

Wara konsultazzjonijiet pubbliċi li saru dwar il-linji gwida (19)  (20), u dwar ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (21), l-obbligu ta’ trasparenza għandu jiġi adattat permezz ta’ din il-Komunikazzjoni biex id-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza jiġu allinjat madwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, ma jkunx hemm żvelar ta’ informazzjoni mhux relatata mal-għajnuna mill-Istat, u biex l-Istati Membri jkollhom fażi tranżitorja ta’ implimentazzjoni.

Barra minn dan, u bħala konsegwenza tal-introduzzjoni tat-trasparenza, l-obbligu fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali għall-2014-2020 biex tiġi trasmessa informazzjoni lill-Kummissjoni dwar kull individwu u li teċċedi EUR 3 miljun ukoll jista’ jiġi ssimplifikat permezz ta’ din il-Komunikazzjoni.

Il-prinċipju tal-evalwazzjoni huwa diġà stabbilit fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni marbuta mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, l-għajnuna mill-Istat reġjonali għall-2014-2020, l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju u l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru.

Wara l-adozzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa l-ġdid, id-dispożizzjoni dwar l-evalwazzjoni għandha tiġi emendata permezz ta’ din il-Komunikazzjoni sabiex jiġi speċifikat li fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna li tkun eskluża mir-Regolament esklussivament minħabba l-baġit kbir tagħha (skont id-definizzjoni fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament) u li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-eżenzjoni kif stabbilit fir-Regolament, il-Kummissjoni tevalwa l-kumpatibilità tagħha biss abbażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni nnotifikat mill-Istat Membru. Dan ma jkunx japplika fil-każ ta’ bidliet f’dawn l-iskemi, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament, peress li dawn il-bidliet jridu jieħdu f’kunsiderazzjoni r-riżultati tal-evalwazzjoni.

II.2   Emendi

(a)   Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għal Films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru

Din il-Komunikazzjoni tissostitwixxi l-paragrafi li ġejjin:

fil-paġna 20 tal-Linji Gwida tal-UE b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, l-ewwel żewġ sentenzi tal-paragrafu 78(j);

fil-paġna 24 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall- 2014-2020, il-paragrafu 141;

fil-paġna 10 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għal Films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, il-paragrafu 52(7);

fil-paġna 28 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru, il-paragrafi 162 u 163;

b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali:

it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna approvata jew id-deċiżjoni individwali għall-għoti ta’ għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew ħolqa għaliha.

l-identità tal-awtorità/jiet tal-għotja,

l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għotja, it-tip tal-impriża (SME/kumpanija kbira), ir-reġjun li fiħ jinsab il-benefiċjarju (fil-Livell II NUTS) u s-settur ekonomiku prinċipali li fih il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp NACE) (22).

Tali rekwiżit jista’ jitneħħa fir-rigward tal-għotjiet ta’ għajnuna individwali inqas minn EUR 500 000. Għal skemi fil-forma ta’ vantaġġ fiskali, informazzjoni dwar ammonti ta’ għajnuna individwali (23) tista’ tingħata fil-meded li ġejjin (f’miljuni ta’ EUR): [0,5–1]; [1–2]; [2–5]; [5–10]; [10–30]; [30 u aktar].

Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata wara li d-deċiżjoni tal-għoti tkun ittieħdet, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (24). L-Istati Membri mhux se jkunu obbligati li jipprovdu l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta’ Lulju 2016 (25).”

Fil-paġna 33 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, jitħassar il-paragrafu 193; Fil-paġna 45, jitħassar l-Anness VI.

(b)   Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju

Fil-paġna 32 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (26),

fil-paragrafu 166(v):

 

flok: “Rekwiżit bħal dan jista’ jitneħħa fir-rigward tal-SMEs li ma jwettqu l-ebda bejgħ kummerċjali fi kwalunkwe suq u għal investimenti taħt EUR 200 000 f’impriża benefiċjarja finali”

 

jidħol: “Rekwiżit bħal dan jista’ jitneħħa fir-rigward tal-SMEs li ma jkunu wettqu l-ebda bejgħ kummerċjali fi kwalunkwe suq u għal investimenti taħt EUR 500 000 f’impriża benefiċjarja finali”

fil-paragrafu 166(vi):

 

flok: l-ammont ta’ vantaġġ fiskali rċevut, fejn dan tal-aħħar jaqbeż EUR 200 000. Tali ammont jista’ jkun ipprovdut f’firxiet ta’ EUR 2 miljun.

 

jidħol: “l-ammont ta’ vantaġġ fiskali rċevut, fejn dan tal-aħħar jaqbeż EUR 500 000. Tali ammont jista’ jkun ipprovdut fil-meded li ġejjin (f’miljuni ta’ EUR): [0,5–1]; [1–2]; [2–5]; [5–10]; [10–30]; [30 u aktar].”

u fl-aħħar tal-paragrafu 166 jiżdied it-test li ġej:

“L-Istati Membri ma jkunux obbligati li jipprovdu l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta’ Lulju 2016 (27).”

(c)   Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall- 2014-2020, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-investiment finanzjament ta’ riskju

fil-paġna 12 tal-Linji Gwida tal-UE b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, fl-aħħar tal-paragrafu 53;

fil-paġna 25 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall- 2014-2020, fl-aħħar tal-paragrafu 144;

fil-paġna 29 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru, fl-aħħar tal-paragrafu 167;

fil-paġna 32 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru, fl-aħħar tal-paragrafu 172;

jidħol dan il-ġej:

“Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna esklużi mill-ambitu tal-Regolament għal eżenzjoni ġenerali biss minħabba l-baġit kbir tagħhom, il-Kummissjoni tevalwa l-kumpatibilità biss abbażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni.”


(1)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE, COM/2012/209, 8.5.2012.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sigriet Professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6).

(4)  Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/scoreboard/index_en.html

(5)  Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/register/

(6)  Ara pereżempju fl-Estonja http://www.fin.ee/riigiabi jew fir-Repubblika Ċeka (għar-riċerka u l-iżvilupp) http://www.isvav.cz/index.jsp

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(9)  Din l-informazzjoni tiġi trażmessa f’forma aggregata għal skemi, u skont il-benefiċjarji individwali fil-każ ta’ għajnuna individwali.

(10)  Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/scoreboard/index_en.html

(11)  Ara pereżempju http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm_comp/table.do?tab=table&plugin=1&language=en&pcode=comp_bex_sa_01

(12)  Ara, pereżempju, d-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90), u d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 175 27.6.2013, p. 1).

(13)  State Aid Reporting Interactive Tool (SARI).

(14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (GU C 25, 26.1.2013, p. 1).

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1).

(16)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra (ĠU C 332, 15.11.2013, p. 1).

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3)

(19)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_state_aid_environment/index_mt.html

(20)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_state_aid_environment/index_en.html

(21)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_consolidated_gber/index_en.html

(26)  ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4.


Top