EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0098

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill wara l-ewwel qari bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema billi jitjieb il-mod kif jinkisbu u kif jiġu ppreservati d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari 2005/0214 (COD)

/* COM/2014/098 final - 2005/0214 (COD) */

52014PC0098

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill wara l-ewwel qari bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema billi jitjieb il-mod kif jinkisbu u kif jiġu ppreservati d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari 2005/0214 (COD) /* COM/2014/098 final - 2005/0214 (COD) */


2005/0214 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill wara l-ewwel qari bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema billi jitjieb il-mod kif jinkisbu u kif jiġu ppreservati d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari 2005/0214 (COD)

1.           Sfond

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2005) 507 final – 2005/0214 COD): || 20/10/2005.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: (CESE 589/2006 fin) || 20/04/2006.

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:    (ir-Rapport, OOMEN-RUIJTEN – 52007AP0269) || 20/06/2007.

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata  (id-dokument COM(2007) 603 final – COD mhux mibdul): || 09/10/2007.

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || 17/02/2014.

2.           L-għan tal-proposta mill-Kummissjoni

Fid-dawl tat-tixjiħ demografiku u l-ħtieġa li tkun ippreservata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, huwa mistenni li l-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali se jkollhom rwol ikbar fl-iżgurar ta' introjtu adegwat wara l-irtirar.

Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-operat ta’ dawn l-iskemi ma jxekklux il-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri jew il-mobbiltà fl-Istati Membri, b’mod li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-ħaddiema li jiċċaqilqu minn pajjiż għall-ieħor biex dawn jakkumulaw u jippreservaw biżżejjed drittijiet għall-pensjoni sa tmiem il-karriera tagħhom. Jekk dan ma jintlaħaqx, tonqos ukoll il-flessibbiltà u l-effettività tas-suq tax-xogħol. Anke jekk hemm ħafna fatturi oħra li jistgħu jiddeterminaw l-għażla ta’ individwu biex ikun aktar mobbli, il-possibbiltà li persuna titlef id-drittijiet għall-pensjoni supplimentari tista’ tħalli impatt fuq id-deċiżjonijiet ta' individwu meta jiġi biex jibdel l-impjieg.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill hija differenti mill-proposta tal-Kummissjoni f’żewġ aspetti ewlenin. Wieħed jikkonċerna l-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva li l-Kunsill jixtieq li jitnaqqas għall-mobbiltà transfruntiera. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-ħaddiema kollha li jibdlu l-impjieg għandhom jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, kemm jekk jibdlu xogħolhom fil-pajjiż kif ukoll bejn il-fruntieri. Dan kien prinċipalment għal raġunijiet prattiċi, peress li ma kienx ċar kif, fil-prattika, l-iskemi jistgħu japplikaw regoli differenti għal persuni li jkunu qed jibdlu l-impjieg bejn il-fruntieri u dawk li jibqgħu fl-istess pajjiż. Il-Kunsill argumenta li l-Artikolu 46 tat-TFUE ma setax jintuża bħala bażi legali għall-protezzjoni ta' nies li jimxu għal impjieg differenti fl-istess pajjiż, u żviluppa mod li bis-saħħa tiegħu l-mobbiltà transfruntiera tkun differenzjata mill-mobbiltà interna, b'din tal-aħħar tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta din il-pożizzjoni, iżda tistieden lill-Istati Membri japplikaw l-istandards tad-Direttiva wkoll għal ħaddiema li jkunu qed ibiddlu l-impjieg fil-pajjiż. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li japplikaw id-Direttiva b’mod uniformi għal dawk kollha li jibdlu l-impjieg.

It-tieni bidla kbira fil-konfront tal-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-ksib tad-drittijiet ta' pensjoni okkupazzjonali. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-ksib tad-drittijiet tal-pensjoni okkupazzjonali ma jistax ikun suġġett għal perjodu ta’ stennija (qabel ma ħaddiem ikun ammess fl-iskema tal-pensjoni) ta’ aktar minn sena, u l-perjodi ta’ vestiment (it-tul ta’ żmien tal-iskema ta' sħubija li warajh id-drittijiet ma jistgħux jintilfu minħabba t-terminazzjoni bikrija tar-relazzjoni tal-impjieg) ukoll ma għandhomx ikunu itwal minn sena. Il-Kunsill ħa l-pożizzjoni li l-perjodi ta’ stennija u l-perjodi ta’ vestiment flimkien ma għandhomx ikunu itwal minn tliet snin. Fl-istess ħin, il-Kunsill għażel regola aktar favorevoli dwar l-għoli massimu tal-età minima eliġibbli biex jinkiseb id-dritt għall-pensjoni ta' vestiment. Minflok 25 sena, l-età minima ma għandhiex taqbeż il-21 sena. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-Kunsill ma tissodisfax il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-tul totali tal-perjodi ta’ stennija u ta’ vestiment, hija tirrappreżenta titjib fir-rigward tal-età minima. Għalhekk, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.

4.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li tista’ tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill sabiex il-Parlament Ewropew jadotta t-test finali fit-tieni qari qabel tmiem il-leġiżlatura fis-seħħ.

Top