EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE5117

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ipersensittività elettromanjetika” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 242, 23.7.2015, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ipersensittività elettromanjetika”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/05)

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“L-ipersensittività elettromanjetika”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2015.

Matul il-540 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irrifjuta l-abbozz ta’ opinjoni mħejji mis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni u adotta l-kontroopinjoni li ġejja b’138 vot favur, 110 voti kontra u 19-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi u jinsab imħasseb dwar il-prevalenza tas-sindromu ta’ ipersensittività elettromanjetika (EHS). Huwa inkoraġġanti josserva li bħalissa għaddejja aktar riċerka sostanzjali biex nifhmu din il-problema u l-kawżi tagħha. Huwa jinnota wkoll li l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) (Opinjoni preliminari tas-SCENIHR dwar l-effetti potenzjali għas-saħħa minħabba esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi, 29.11.2013: – http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_041.pdf) (mhux disponibbli bil-Malti) kien qed janalizza bir-reqqa din il-kwistjoni f’dawn l-aħħar snin u dalwaqt ser ilesti l-iżjed opinjoni reċenti tiegħu, wara li pparteċipa b’mod estensiv fil-konsultazzjoni pubblika.

1.2.

Il-KESE jifhem li l-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport mhux ser ivarjaw sostanzjalment mill-Opinjoni preliminari tal-2013, fejn ġie ddikjarat li ġeneralment hemm evidenza li l-esponiment għall-kampijiet tal-frekwenza tar-radju ma jikkawżax sintomi jew jaffettwa l-funzjoni konoxxittiva tal-bnedmin. L-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat Xjentifiku kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda effett ħażin fuq ir-riproduzzjoni u l-iżvilupp minn kampijiet tal-frekwenza tar-radju f’livelli ta’ esponiment li huma taħt il-limiti eżistenti. L-inklużjoni ta’ data iżjed reċenti dwar il-bnedmin u l-annimali ma tibdilx din l-evalwazzjoni. (Opinjoni preliminari dwar l-effetti potenzjali għas-saħħa minħabba esponiment għal kampijiet elettromanjetiċi SCENIHR 29.11.2013 – http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_041.pdf) (mhux disponibbli bil-Malti).

1.3.

Din l-Opinjoni preliminari tas-SCENIHR osservat ukoll li provi ġodda, meta mqabbla mal-Opinjoni preċedenti tiegħu tal-2009, isaħħu l-konklużjoni li l-esponiment għall-frekwenzi tar-radju mhijiex marbuta b’mod kawżali mas-sintomi. Hija tinnota li ħafna drabi t-twemmin li s-suġġett qed jiġi espost (meta ma jkunx) huwa suffiċjenti biex jikkawża sintomi.

1.4.

Madankollu, biex inaqqas it-tħassib pubbliku kontinwu u biex jappoġġja l-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma tagħha f’dan il-qasam, b’mod partikolari minħabba li għadha meħtieġa aktar riċerka biex tiġi akkumulata evidenza dwar kwalunkwe impatt potenzjali għas-saħħa minn esponiment fit-tul, pereżempju l-użu tal-mowbajl għal aktar minn 20 sena.

1.5.

Tibqa’ l-kwistjoni ta’ perċezzjoni pubblika. Għal xi individwi l-prevalenza tal-kampijiet elettromanjetiċi hija meqjusa bħala theddida – fuq il-post tax-xogħol, għall-familji tagħhom u fl-ispazji pubbliċi. Gruppi simili huma kkonċernati bl-istess mod dwar l-esponiment kimiku multiplu, l-intolleranza estensiva għall-ikel jew l-esponiment għall-partiċelli, il-fibri jew il-batterji fl-ambjent. Tali individwi għandhom bżonn ta’ appoġġ, mhux biss fil-kura tas-sintomi attwali ta’ mard iżda fit-tħassib tagħhom dwar is-soċjetà moderna.

1.6.

Il-Kumitat jinnota li dawk li jsofru mill-ipersensittività elettromanjetika jbatu minn sintomi veri. Għandhom isiru sforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa tagħhom b’attenzjoni fuq it-tnaqqis tad-diżabbiltà, kif dettaljat fl-attività ta’ riċerka “Biomedicine and Molecular Biosciences COST Action BM0704” (BMBS Cost Action BM0704 Emerging EMF Technologies and Health Risk Management (teknoloġiji emerġenti fil-qasam tal-kampijiet elettromanjetiċi u l-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa).

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tesplora t-tħassib espress minn gruppi fis-soċjetà ċivili dwar l-użu u l-impatt ta’ apparat li jarmi frekwenzi tar-radju użat f’tagħmir industrijali u domestiku u f’servizzi li jiddependu mill-komunikazzjoni mingħajr fili. Dan l-għan huwa kkunsidrat bħala rilevanti minn dawk li jbatu minn firxa mhux speċifika ta’ problemi tas-saħħa u li adottaw ukoll it-terminu “sindromu ta’ ipersensittività elettromanjetika” bħala definizzjoni u kawża impliċita tas-sintomi tagħhom.

3.   L-ipersensittività elettromanjetika bħala dijanjożi sintomatika tas-sindromu

3.1.

Sfortunatament, fil-fehma tagħhom, l-opinjoni tal-maġġoranza kbira fil-qasam mediku u xjentifiku hija li m’hemm l-ebda evidenza konklużiva li tistabbilixxi rabta bejn il-firxa wiesgħa ta’ sintomi attribwiti għall-ipersensittività elettromanjetika u l-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi jew tal-frekwenza tar-radju. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li kull studju li sar s’issa kkonkluda li kull esponiment taħt il-limiti rakkomandati fil-linji gwida tal-ICNIRP (1998) dwar il-kampijiet elettromanjetiċi, li jkopru l-firxa sħiħa ta’ frekwenzi minn 0-300 GHz, ma jipproduċi l-ebda effett negattiv fuq is-saħħa. (WHO: http://www.who.int/peh-emf/research/en/) Minkejja dan, kampanji minn korpi attivisti f’diversi pajjiżi jkomplu jitolbu għal aktar rikonoxximent tal-problema perċepita u aktar azzjoni preventiva u korrettiva dwar l-intensità u l-prevalenza tas-sorsi tal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi. Tali korpi jikkunsidraw in-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet bħala tal-inqas kompjaċenti jew agħar minn hekk, parti minn konfoffa usa’ influwenzata minn interessi tal-gvern, kummerċjali jew barranin, li mhumiex lesti li jiffaċċjaw li l-aġġustamenti estensivi meħtieġa li kieku l-“WiFi” (jew apparat ieħor li jaħdem bl-elettriku) kellu jiġi moderat jew limitat.

3.2.

L-UE, kemm qabel kif ukoll wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz–300 GHz) (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE) tal-1999, ikkontribwixxiet b’mod attiv għal dan is-suġġett u fittxet l-aħjar parir xjentifiku u mediku – ippreżentat permezz ta’ serje ta’ gruppi ta’ ħidma u l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) tal-Kummissjoni Ewropea. Dan wassal għal fluss kontinwu ta’ analiżi, dokumenti ta’ pożizzjoni u opinjonijiet li jirriflettu s-serjetà li biha dan jitqies mill-awtoritajiet, u l-komunitajiet mediċi, ta’ riċerka, u xjentifiċi.

3.3.

Din mhijiex biss kwistjoni Ewropea. F’Novembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ospitat it-18-il Konferenza Annwali dwar Koordinazzjoni Globali ta’ Komunikazzjonijiet fuq Frekwenzi tar-Radju dwar il-Politika tar-Riċerka u tas-Saħħa, li rrevediet ir-riċerka globali estensiva dwar dan is-suġġett. Sal-lum dawn l-opinjonijiet xjentifiċi ma wasslux għal raġunament xjentifiku li jiġġustifika reviżjoni tal-limiti ta’ esponiment (restrizzjonijiet bażiċi u livelli ta’ referenza) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-data bażika għall-valutazzjoni ta’ ċerti riskji għadha limitata, b’mod speċjali l-esponiment ta’ livell baxx fuq perjodu ta’ żmien twil, u għalhekk hemm bżonn iktar riċerka.

3.4.

Il-persuni li jbatu mis-sindromu tal-ipersensittività elettromanjetika jkomplu jsostnu li l-azzjoni dwar il-problema tagħhom, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE, hija ferm inqas min dak li jaħsbu li tkun meħtieġa. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet tas-saħħa, madankollu, ma jaqblux. (Pereżempju l-NHS tar-Renju Unit – ara: http://www.nhs.uk/Conditions/Mobile-phone-safety/Pages/QA.aspx#biological-reasons). Il-maġġoranza l-kbira ta’ provi indipendenti sal-lum sabu li dawk il-persuni li jgħidu li jbatu minn dan is-sindromu ma jistgħux jiddistingwu bejn l-esponiment għal kampijiet elettromanjetiċi reali jew foloz (jiġifieri żero). Esperimenti hekk imsejħa “double-blind” jissuġġerixxu li persuni li jirrappurtaw l-ipersensittività elettromanjetika mhumiex kapaċi jipperċepixxu l-preżenza ta’ kampijiet elettromanjetiċi u x’aktarx jirrappurtaw problemi ta’ saħħa wara esponiment ta’ żero, bl-istess mod bħal wara l-esponiment għal kampijiet elettromanjetiċi ġenwini (British Medical Journal 332 (7546): 886–889).

3.5.

Madankollu, dan ma jfissirx li tiġi negata r-realtà ta’ sintomi attribwiti għall-ipersensittività elettromanjetika; huwa ċar li ħafna nies joħorġu b’awtodijanjożi li qed ibatu minn firxa ta’ problemi ta’ saħħa li mhumiex marbuta ma’ xulxin, u li huma jorbtu mal-kampijiet elettromanjetiċi. Il-proporzjon tal-popolazzjoni li tallega din id-dijanjożi jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Id-WHO tinnota li l-ipersensittività elettromanjetika ma għandhiex kriterji dijanjostiċi ċari u m’hemm l-ebda bażi xjentifika biex is-sintomi tagħha jintrabtu mal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi. Barra minn hekk, l-ipersensittività elettromanjetika mhijiex dijanjożi medika, u lanqas m’huwa ċar li tirrappreżenta problema medika unika. (WHO: Kampijiet elettromanjetiċi u s-saħħa pubblika http://www.who.int/peh-emf/publications/facts/fs296/en/).

3.6.

Għall-kuntrarju, l-impatt termali tal-kampijiet elettromanjetiċi fuq il-ġisem tal-bniedem ilu stabbilit għal aktar minn 100 sena, u, kif ġie nnutat, huma stabbiliti u taħt reviżjoni regolari rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-UE għal kampijiet elettromanjetiċi u standards internazzjonali ta’ sigurtà dwar ir-radjazzjoni. Fil-livell tal-UE, ġew adottati l-istrumenti legali li ġejjin fil-qasam tal-kampijiet elettromanjetiċi:

Ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar l-esponiment tal-pubbliku inġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (1) għandha l-għan li tikkomplementa l-politiki nazzjonali għat-titjib tas-saħħa. L-għan tagħha huwa li toħloq qafas biex jiġi limitat l-esponiment tal-pubbliku inġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi, abbażi tal-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u biex tipprovdi bażi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni,

Id-Direttiva 1999/5/KE (2),

Id-Direttiva 2013/35/UE (3),

Id-Direttiva 2006/95/KE (4) tiżgura li l-pubbliku, inklużi l-ħaddiema, ma jkunux esposti għal livelli lil hinn minn dawk stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-1999,

Deċiżjoni Nru 243/2012/UE (5) li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP).

3.7.

Fir-rigward tar-riċerka, il-Kumitat jinnota li mis-sena 2000 ‘l hawn il-Kummissjoni Ewropea, minbarra l-impenn attiv tagħha dwar dan is-suġġett, ipprovdiet finanzjament ta’ EUR 37 miljun għar-riċerka dwar il-kampijiet elettromanjetiċi u l-mowbajls.

3.8.

Il-KESE esprima l-preokkupazzjoni tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet fl-Opinjonijiet li ħareġ dwar dawn ir-regoli waqt li kienu qed jitħejjew, u ta xhieda tal-appoġġ tiegħu għat-tnaqqis tal-esponiment għar-radjazzjoni mhux jonizzanti. Madankollu, dawk li jbatu mill-ipersensittività elettromanjetika huma kkaratterizzati billi jattribwixxu s-sintomi tagħhom għall-kampijiet elettromanjetiċi f’intensitajiet ħafna iktar baxxi mil-limiti permessi.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10) (Edizzjoni speċjali bil-Malti).

(3)  Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2006//95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10).

(5)  Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).


Top