EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0128

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar

/* SWD/2013/0128 final */

52013SC0128

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar /* SWD/2013/0128 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar

1.           Introduzzjoni

Informazzjoni mhux finanzjarja ġeneralment hija meqjusa bħala informazzjoni ambjentali, soċjali u dwar il-governanza (environmental, social and governance (ESG)) Din tinkludi informazzjoni dwar id-diversità , peress li l-kompożizzjoni ta’ bord hija element integrali tal-governanza korporattiva ta’ kumpanija. Tali informazzjoni tista’ tkun divulgata fil-forma ta’ dikjarazzjoni fir-rapporti annwali, dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva separata, rapport separat, websajt, eċċ.

Id-divulgazzjoni formali tal-informazzjoni ESG bħalissa hija indirizzata fil-leġiżlazzjoni tal-UE mid-Direttivi dwar il-Kontabbiltà[1] (minn hawn ’il quddiem Accounting Directives (AD)). Madanakollu, il-bżonn li titjieb it-trasparenza f'dan il-qasam kien enfasizzat fl-Att dwar is-Suq Uniku[2] u riċentement kien imtenni mill-Komunikazzjoni CSR[3]. Din il-Valutazzjoni tal-Impatt tqis il-każ għat-titjib tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja mill-kumpaniji tal-UE bħala part minn sett ta’ inizjattivi usa’ dwar governanza korporattiva u CSR li għandu l-għan li joħloq ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna.

2.           definizzjoni tal-problema

Is-servizzi tal-Kummissjoni identifikaw żewġ kwistjonijet ewlenin li jikkonċernaw (1) it-trasparenza inadegwata ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u (2) in-nuqqas ta’ diversità tal-bordijiet.

2.1.        Trasparenza inadegwata ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja

Għalkemm tista’ tkun osservata xejra pożittiva, il-maġġoranza tal-kumpaniji kbar tal-UE naqsu li jissodisfaw b’mod adegwat id-domanda dejjem tikber mill-partijiet interessati (inklużi investituri, azzjonisti, impjegati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) għal trasparenza mhux finanzjarja. Kienu enfasizzati kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward kemm tal-kwantità kif ukoll tal-kwantità tal-informazzjoni disponibbli.

– Kwantità: huwa stmat li 2500 biss mit-total ta’ 42000 kumpanija kbira fl-UE jiddivulgaw formalment informazzjoni mhux finanzjarja fuq bażi annwali

– Kwalità: l-informazzjoni divulgata ħafna drabi għandha nuqqas ta’ materjalità, jew mhix ibbilanċjata biżżejjed, b’mod preċiż u fil-ħin. Instabu nuqqasijiet speċifiċi ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ aspetti materjali li jikkonċernaw politiki u mmaniġġjar tar-riskju, kif ukoll dwar oqsma topiċi speċifiċi (drittijiet tal-bniedem, korruzzjoni).

Il-katalizzaturi ewlenin ta’ din il-problema huma identifikati kemm f’nuqqas tas-suq kif ukoll f’nuqqas regolatorju:

Falliment tas-Suq: L-inċentivi tas-suq jidhru insuffiċjenti jew mhux ugwali. Għalkemm kumpaniji jinstabu dejjem iktar taħt pressjoni biex isiru iktar trasparenti, il-benefiċċji relatati ma' divulgazzjoni mhux finanzjarja ħafna drabi huma meqjusa bħal għal terminu twil u inċerti, filwaqt li spejjeż għal terminu medju huma relattivament għoljin u jistgħu jitkejlu faċilment. Konsegwentement, esternalitajiet ta’ relevanza potenzjali jibqgħu esterni għar-rappurtar tan-negozji

Nuqqas Regolatorju: Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati ikkonsultati ikkunsidraw li l-obbligu stabbilit mill-AD, mhuwiex ċar biżżejjed u jippreġudika l-inċertezza legali. Il-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri diġà tmur lil hinn mit-tali obbligu[4], madankollu, rekwiżiti nazzjonali jidhru sinifikatament diversi, u jwasslu għal diffikultajiet biex il-kumpaniji jkollhom bażi referenzjarju fis-Suq Intern.

2.2.        Problema 2: Diversità insuffiċjenti tal-bord

Il-membri tal-bordijiet li għandhom sfond edukattiv u professjonali, nazzjonalità, età jew ġeneru simili, jistgħu jkunu ddominati minn “konfluwenza” limitata. Nuqqas ta’ opinjonijiet, Valuri u kompetenzi differenti jistgħu jwasslu għal inqas dibattitu, ideat u sfida fil-laqgħat tal-bordijiet. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-isfida u s-sorveljanza tad-deċiżjonijiet tal-maniġment mill-bord. Għalkemm il-frammentazzjoni tad-dejta tagħmilha diffiċli biex wieħed jivvaluta b’mod preċiż l-iskala tal-problema, jidher li d-diversità tal-bordijiet tal-kumpaniji Ewropej hija pjuttost limitata.

Nuqqas tas-Suq: Livelli inadegwati tad-diversità tal-bord huma fuq kollox marbuta ma’ inċentivi tas-suq insuffiċjenti għall-kumpaniji biex ibiddlu s-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, prattiki inadegwati ta’ reklutaġġ għall-membri tal-bord jikkontribwixxu għall-issoktar tal-għażla ta’ membri bi profili simili. Livell inadegwat ta’ trasparenza dwar id-diversità tal-bord ikabbar il-problema. L-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji ma tiżvelax l-approċċ tal-bord dwar id-diversità fil-proċess tal-għażla, l-għanijiet previsti jew kif intlaħqu.

Nuqqas Regolatorju: In-nuqqasijiet tas-suq ma kinux ikkoreġuti b’mod suffiċjenti permezz ta’ regolamentazzjoni xierqa. Fil-livell tal-UE ma hemmx regoli speċifikament rigward id-diversità tal-bord u għalkemm xi Stati membri adottaw ċerti dispożizzjonijiet (jiġifieri li jżidu d-diversità tal-ġeneru), hemm differenzi konsiderevoli bejn l-approċċi tagħhom.

Tali problemi joħolqu preġudizzju ulterjuri għal gruppi ta’ partijiet interessati speċifiċi (jiġifieri kumpaniji, investituri, NGOs, awtoritajiet pubbliċi). Huma għandhom impatt negattivi fuq il-prestazzjoni (riskji mhux finanzjarji u esternalitajiet tal-kumpaniji mhumiex ikkunsidrati b’mod xieraq); dwar ir-responsabbiltà (billi kumpaniji ma jistgħux jinżammu totalment responsabbli għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà; effiċjenza tas-swieq finanzjarji (billi investituri jonqsu milli jibnu informazzjoni relevanti fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom).

2.3.        Kif se jiżviluppaw il-problemi mingħajr azzjoni?

Fil-livell globali, diversi inizjattivi jipprovdu pjan direzzjonali mhux vinkolanti għall-kumpaniji[5]. Madankollu, b’kuntrast ma’ informazzjoni finanzjarja, bħalissa ma hemm ebda entità aċċettata li tistabbilixxi l-istandards għal informazzjoni mhux finanzjarja. Inizjattivi dwar id-diversità huma frammentati wkoll u t-titjib biż-żmien kien limitat. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni peress li l-ebda mill-inizjattivi eżistenti ma hija mistennija trendi f’terminu qasir soluzzjonijiet sinifikanti għall-problemi identifikati.

2.4.        Sussidjarjetà

Informazzjoni mhux finanzjarja diġà hija parzjalment regolata fil-livell tal-UE. Madankollu, l-approċċi diverġenti meħuda mill-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw differenzi saħansitra ikbar fis-Suq Intern u informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà, tidher min-natura tagħha, bħala kwistjoni transnazzjonali. Fir-rigwrad tad-diversità, l-inizjattivi kurrenti huma frammentati ħafna. Fin-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, f’ħafna Stati Membri mhux se jkun hemm progress jew se jkun hemm progress bil-mod ħafna fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant hija meħtieġa zzjoni koordinata fil-livell tal-UE. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti li tittiħed azzjoni li tindirizza l-problemi identifikati[6].

3.           Għanijiet

L-għan politiku kumplessiv tal-proposta huwa li jikkontribwixxi għall-potenzjal tas-Suq Uniku biex joħloq tkabbir sostenibbli u impjieg. Iktar trasparenza hija meqjusa bħala ċ-ċavetta għall-kumpaniji biex jipproduċu riżultati aħjar u hija mistennija li ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fin-negozju u fis-swieq u sadanittant tippermetti allokazzjoni iktar effiċjenti ta’ kapital. F’termini operazzjonali, l-għanijiet tal-proposta se jkunu

(1) li tiżdied il-kwantità ta’ informazzjoni (jiġifieri l-għadd ta’ kumpaniji li jirrapportaw)

(2) li tiżdied il-kwalità tal-informazzjoni divulgata, u

(3) li tissaħħaħ id-diversità tal-laqgħat tal-bordijiet.

4.           Alternattivi ta’ Politika

4.1.        Trasparenza ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati hawn fuq, is-Servizzi tal-Kummissjoni kkunsidraw għadd ta’ alternattivi ta’ poltika, bbażati b’mod partikolari fuq il-forma, il-kontenut u r-referenza tad-divulgazzjoni u fuq in-natura tar-rekwiżit inkluż:

(0) Ebda bidla fil-politika

(1) Rekwiżit ta’ dikjarazzjoni mhux finanzjarja fir-Rapport Annwali: din l-alternattiva se ssaħħaħ id-dispożizzjoni eżistenti billi tintroduċi rekwiżiti minimi dwar il-kontenut[7] tad-divulgazzjoni.

(2) Rappurtar iddettaljat: din il-fakultà se tirrikjedi kumpaniji biex jipprovdu informazzjoni fil-forma ta’ rapport awtonomu f’konformità mal-Oqfsa Internazzjonali. Minħabba l-piż amministrattiv potenzjali, kienu meqjusa tip differenti ta’ rekwiżiti:

(a) obbligatorji

(b) rapport jew spjegazzjoni

(c) Volontarji. Din l-alternattiva se teżenta lill-kumpaniji li jagħżlu li jipprovdu rapport iddettaljat minn obbligi ta’ divulgazzjoni oħra, sakemm dan ir-rapport jikkonforma ma’ kundizzjonijiet speċifiċi[8].

(3) Stabbiliment ta’ standard ta’ rappurtar tal-UE obbligatorju.

It-tabella hawn taħt tipprovd ħarsa ġenerali tal-analiżi tal-alternattivi ta' politika.

Tabella 1 – Valutazzjoni tal-Alternattivi ta’ Politiki

|| Effettività || Effiċjenza (kost tal-konformità) || Kompetittività || Koerenza mal-leġiżlazzjoni tal-UE

Kwantità || Kwalità

0. L-ebda bidla || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

1. Tirrikjedi divulgazzjoni fir-Rapport Annwali || + || + || + || + ||  +

2.Rappurtar dettaljat: || a) obbligatorju || + || ++ || -- || +/? || +

b) Rapport jew spjegazzjoni || +/? || + || - || +/? || +

c) Volontarju || ? || + || + || + || +

3. Stabbiliment ta’ standard tal-UE obbligatorju. || ++ || + || -- || ? || +

Id-daqs tal-impatt meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza (il-linja bażi hija indikata bħala 0): ++ pożittiva ħafna; + pożittiva; – – negattiva ħafna; – negattiva; ≈ marġinali/newtrali; ? inċerta; m a mhux applikabbli (Analiżi tas-Servizzi tal-Kummissjoni).

4.2.        Tisħiħ tad-diversità tal-bordijiet

Is-servizzi tal-Kummissjoni kkunsidraw għadd ta’ alternattiv ta’ politika, inklużi:

(4) Ebda bidla fil-politika

(5) Jirrikjedu kumpaniji biex jiddivulgaw il-politika tagħhom tad-diversità tal-bordijiet fir-rigward ta’ diversi aspetti, inkluża l-età, il-ġeneru, in-nazzjonalità u l-isfond edukattiv u professjonali fid-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva li għandha tkun inkluża fir-rapport annwali.

(6) Jordnaw kumpaniji biex jikkunsidraw id-diversità bħala waħda mill-kriterji għall-għażla ta’ kandidat tal-bord.

(7) Ipoġġu fuq il-kumpaniji obbligu vinkolanti li jistabbilixxi politika li tikkonċerna d-diversità għall-bordijiet[9].

Għandu jkun innutat ukoll li l-alternattiva li jiġu introdotti kwoti ġiet imwarba, billi hija soġġetta għal inizjattiva separata tal-Kummissjoni.

Tabella 4 – Valutazzjoni tal-Alternattivi ta’ Politiki

|| Effettività || Effiċjenza Kost tal-konformità || Kompetittività || Koerenza mal-leġiżlazzjoni tal-UE || Spejjeż stmati għal kull kumpanija

0. Ebda bidla fil-politika || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

1. Divulgazzjoni tal-politika interna fuq id-diversità fir-rapport annwali || + || + || + || ++ || €600/1000

2 Id-diversità għandha tkun waħda mill-kriterji tal-kompożizzjoni tal-Bord || +/? || -/? || +/? || +/? || ? spejjeż possibbli marbuta mar-rimunerazzjoni ta’ speċjalisti tar-Riżorsi Umani

3. Rekwiżit sabiex tiġi stabbilita politika fir-rigward tad-diversità || + || - || - || -/? || ? marbuta mar-rimunerazzjoni ta’ speċjalisti tar-Riżorsi Umani u żieda possibbli tal-membri tal-bord

Id-daqs tal-impatt meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza (il-linja bażi hija indikata bħala 0): ++ pożittiva ħafna; + pożittiva; + positive; – – negattiva ħafna; – negattiva; ≈ marġinali/newtrali; ? inċerta; m.a mhux applikabbli

4.3.        Alternattivi ta' politika ppreferuti

Fir-rigward tat-trasparenza ta’ informazzjoni mhux finanzjarja, wara li kienu mqabbla l-alternattivi wiesgħa ta’ politiki, l-aħjar alternattiva tidher bħala kombinazzjoni ta’ Alternattivi 1 u 2c. Il-kumpaniji se jkunu rikjesti wkoll biex jiddivulgaw informazzjoni materjali fil-forma ta’ dikjarazzjoni fir-Rapport Annwali tagħhom. Kumpaniji li huma lesti li jippreparaw rapport mhux finanzjarju ddettaljat fuq bażi volontarja se jkunu eżentati mit-tali obbligu, sakemm ir-rapport jissodisfa kundizzjonijjiet speċifiċi.

Kumpaniji kbar elenkati u mhux elenkati biss li għandhom iktar minn 500 impjegat se jkunu suġġetti għal rekwiżit ġdid. Huwa stmat li dan se jkopri ~18000 kumpanija. Sussidjarji tal-grupp se jkunu eżenti sal-punt li l-informazzjoni rilevanti tagħhom hija integrata fir-rapport konsolidat tal-kumpanija ewlenija. Tali politika hija mistennija tiddetermina żieda sodisfaċenti fit-trasparenza, filwaqt li l-piż amministrattiv jinżamm baxx.

Fir-rigward tad-diversità, l-Alternattiva 1 hija l-alternattiva preferuta. Il-kumpaniji se jkollhom jipprovdu fid-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva tagħhom informazzjoni dwar il-politika tad-diversità tagħhom, inklużi aspetti li jirrigwardaw l-età, il-ġeneru, in-nazzjonalità u l-isfond edukattiv u professjonali. Id-dikjarazzjoni se tippreżenta l-għanijiet ta’ din il-politika, l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati miksuba. Il-kumpaniji li ma għandhomx politika dwar id-diversità se jkunu obbligati biss jispjegaw għaliex dan huwa l-każ. Billi tissaħħaħ it-trasparenza, din l-alternattiva se tinkoraġġixxi kumpaniji biex jirriflettu iktar fuq il-kwistjoni u biex jikkunsidraw aħjar il-ħtieġa għal diversità ikbar fil-bordijiet tagħhom filwaqt li joffru flessibbiltà kbira.

Sabiex tinżamm il-koerenza ma’ rekwiżiti eżistenti rigward id-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva, filwaqt li jkun evitat li jitpoġġa piż addizzjonali fuq l-SMEs, kumpaniji kbar elenkati biss se jkunu rikjesti li jipprovdu informazzjoni dwar il-politika tad-diversità tal-bordijiet.

5.           analiżi tal-impatti ewlenin tal-alternattivi ta’ politika ppreferuti

5.1.        Aktar trasparenza

F’termini ġenerali, l-alternattivi preferuti se jwasslu għal żieda fil-kwantità ta’ informazzjoni disponibbli mqabbla max-xenarju ta’ bażi. Fir-rigward ta’ divulgazzjoni mhux finanzjarja, id-dipendenza fuq oqfsa internazzjonali għandha tiddetermina titjib limitat fil-kwalità u l-komparabbiltà tal-informazzjoni divulgata. Jekk il-kumpaniji jiddeċiedu wkoll li jipprovdu fuq bażi volontarja rapport mhux finanzjarju, il-livell ta’ dettall ta’ informazzjoni divulgata għandu neċessarjament jiżdied. Fir-rigward tad-diversità, il-provvediment se jagħmel disponibbli, ħafna drabi għall-ewwel darba, informazzjoni dwar sett komprensiv ta’ indikaturi tad-diversità.

5.2.        Prestazzjoni aħjar tal-kumpaniji

Minħabba n-natura tal-proposta, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huwa diffiċli li jkunu kkwantifikati l-benefiċċji. Madankollu, permezz tat-tisħiħ tat-trasparenza bi spejjeż limitati, il-proposta se jkollha impatt pożittiv kumplessiv fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji, billi r-riskji mhux finanzjarji u l-opportunitajiet se jkunu mkejla u mmaniġġjati aħjar. Prestazzjoni mhux finanzjarja aħjar hija mbagħad relatata mal-kost iktar baxx tal-kapital; Immaniġġjar aħjar tar-riżorsi (inkluż il-kapital uman); il-lealtà tal-konsumatur u maniġment aħjar.

Barra minn hekk, it-trasparenza se trawwem iktar diversità waqt il-laqgħat tal-bordijiet li mistennija twassal għal sorveljanza aħjar tal-maniġment tal-bord u proċessi kumplessivament aħjar għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

5.3.        Iktar responsabbiltà

Informazzjoni materjali mhux finanzjarja se tkun disponibbli pubblikament fuq bażi regolari u tista’ tintuża mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u komunitajiet lokali biex jivvalutaw l-impatt u r-riskji relatati mal-operazzjonijiet ta’ kumpanija. Prattiki ta’ rappurtar iktar trasparenti se jaġixxu wkoll ta’ katalizzaturi għal kumpaniji biex iżidu u jtejbu l-prestazzjoni CSR tagħhom, jew jagħtuhom inċentivi biex iwaqqfu politiki CSR għall-ewwel darba, għaldaqstant jaffettwaw b’mod pożittiv il-perċezzjoni li s-soċjetà għandha tal-kumpaniji . Iż-żieda potenzjali tal-fiduċja tal-konsumaturi jista’ jkollha effett pożittiv ukoll fuq in-naħa tad-domanda.

5.4.        Effiċjenza msaħħa tas-swieq kapitali

F’terminu qasir, il-politika proposta se tirreaġixxi għad-domanda tikber immexxija mis-suq għal informazzjoni iktar komparabbli u preċiża, li tippermetti investituri jiżviluppaw mudelli ta’ valwazzjoni iktar komprensivi. F’terminu twil, tista’ konsegwentement twassal investituri biex iqisu aħjar kunsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà u prestazzjoni ġenerali. Fir-rigward tad-diversità, il-politika proposta se tippermetti investituri biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar dwar il-prattiki ta’ governanza tal-kumpanija.

5.5.        Piż amministrattivi akbar

Ir-rekwiżit ġdid ta’ divulgazzjoni se jiswa iktar flus minn xenarju fejn kollox jibqa’ kif inhu. Spejjeż addizzjonali jistgħu jkunu relatati mal-abbozzar, il-pubblikazzjoni, it-taħriġ speċifiku tal-persunal jew il-ġbir ta’ dejta. Il-kost tad-divulgazzjoni proposta hija stmata li hija bejn EUR600 u EUR4300 fis-sena għal kull kumpanija, u għaldaqstant tiġġenera spejjeż totali ta’ bejn EUR10.5 u 75.25 miljuni. Il-kumpaniji li jagħżlu li jipprovdu rapport dettaljat fuq bażi volontarja jistgħu jkollhom isostnu spejjeż għola iżda jkunu eżentati mill-obbligu ta’ divulgazzjoni[10].

Il-kost tad-divulgazzjoni tal-politika tad-diversità hija stmata li tkun bejn EUR 600 u EUR 1000 li jiġġenera spiża totali ta’ bejn EUR 3.6 u EUR 6 miljuni. Billi l-alternattiva preferuta ma tapplikax għal SMEs elenkati, l-impatt tagħha għandu jkun limitat.

Il-politika proposta ma tintroduċix rekwiżiti ta’ verifika ġodda. Iż-żieda fl-ispejjeż għall-awditjar li waslet biex tkun proposta hija mistennija li tkun negliġibbli.

5.6.        Impatti oħra

5.6.1.     Impatti Soċjali

Il-miżura tista’ tinkoraġġixxi bordijiet biex jikkunsidraw iktar l-aspetti soċjali tal-istrateġiji tan-negozju tagħhom. Trasparenza ikbar tista’ tappoġġja aħjar ukoll ir-relazzjonijiet tax-xogħol u tikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-ispejjeż assoċjati mal-kunflitti tax-xogħol. Iktar trasparenza dwar id-diversità fl-ogħla livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumpanija tista’ tippromwovi iktar diversità fil-livelli organizzazzjonali kollha. Bord iktar divers jista’ jirrifletti aħjar id-diversità tal-partijiet interessati.

5.6.2.     Impatti fuq l-Ambjent

Ir-rekwiżit sabiex jiġu divulgati kwistjonijiet materjali relatati mal-politiki ambjentali u l-aspetti tal-immaniġġjar tar-riskju probbilment se jiskatta mmaniġġjar aħjar tar-riżorsi u sensibilizzazzjoni interna sostenibbli.

5.6.3.     Impatt fuq id-Drittijiet Fundamentali

Huwa stmat li l-alternattivi preferuti se jkollhom impatt benefiċjarju fuq id-drittijiet fundamentali billi jinkoraġixxu kumpaniji tal-UE biex jirrevedu regolarment il-politiki u l-proċeduri interni tagħhom f’iversi aspetti, speċjalment minħabba skrutinju pubbliku ikbar.

5.6.4.     Impatti Ekonomiċi Oħra

Il-miżura mhux se jkollha konsegwenzi baġitarji rilevanti għall-awtoritajiet pubbliċi u lanqas implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.6.5.     Pajjiżi terzi u aspetti internazzjonali

Il-politika proposta se tpoġġi lill-UE f’pożizzjoni quddiem nett fil-livell globali. Se tkun konsistenti ma’ inizjattivi oħra ta’ pajjiżi terzi, u potenzjalment se tiskatta l-iżvilupp ulterjuri tagħhom. Ma kienu identifikati u lanqas innutati effetti sinifikanti fuq il-flussi kummerċjali ma’ pajjiżi terzi.

6.           Monitoraġġ u Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttivi riveduti f’kooperazzjoni mal-Istati Membri matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni kollu. F’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-informazzjoni rilevanti għandha primarjament tinġabar mill-Istati Membri permezz ta’ aġenziji rilevanti jew ir-Regolaturi tas-Swieq tat-Titoli. L-evalwazzjoni tal-effetti tal-politika preferuta għandha ssir sabiex ikun determinat safejn jimmaterjalizzaw l-impatti antiċipati.

[1]               Direttivi 78/660 u 83/349

[2]               “Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja”, COM(2011) 206

[3]               “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva”, COM(2011) 681

[4]               Inklużi r-Renju Unit, l-Isvezja, Spanja, id-Danimarka u Franza

[5]               Bħall-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Linjigwida tal-OECD għall-MNEs, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-Prinċipji dwar l-MNEs, l-ISO 26000, il-Prinċipji ta’ Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tan-Negozju u tal-Bniedem, l-Inizjattiva ta’ Rappurtar Globali

[6]               Ara l-Artikoli 8, 10 u 11 tat-TFUE.

[7]               Kwistjonijiet soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u kontra l-korruzzjoni se jiżdiedu mar-referenza kurrenti (ambjent u impjegati). F’dawn l-oqsma, id-divulgazzjoni se tkopri (i) il-politiki, (ii) il-prestazzjoni, u (iii) l-immaniġġjar tar-riskju u għandha tiddependi fuq oqfsa internazzjonali eżistenti. Il-kumpaniji li ma għandhomx politika speċifika tal-anqas għandhom ikunu rikjesti li jispjegaw għalfejn dan huwa l-każ.

[8]               (i) tkopri l-kontenut meħtieġ (ii) tagħmel referenza għal oqfsa internazzjonali u (iii) hija annessa mar-Rapport Annwali

[9]               Il-kumpaniji ikollhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ din il-politika, jistabbilixxu miri u jivvalutaw il-kisbiet tagħhom.

[10]             Dawn l-ispejjeż huma stmati li jvarjaw bejn EUR33000 u EUR604000, prinċipalment skont id-daqs u l-kumplessità tal-kumpanija u l-operat tagħha

Top