EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0209(02)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq il-pakkett leġiżlattiv dwar il-vittmi tal-kriminalità, inkluża proposta għal Direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili

ĠU C 35, 9.2.2012, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/10


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq il-pakkett leġiżlattiv dwar il-vittmi tal-kriminalità, inkluża proposta għal Direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili

2012/C 35/02

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2) tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Sfont

1.

Fit-18 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ strumenti leġislattivi dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. Il-pakkett leġislattiv jinkludi proposta għal Direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (id-“Direttiva proposta”) u proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili (ir-“Regolament propost”) (3). Iż-żewġ proposti huma akkumpanjati minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE (4).

2.

Il-KEPD ma ġiex ikkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, minkejja l-fatt li l-inizjattiva leġislattiva kienet inkluża fl-Inventarju tal-KEPD ta’ prijoritajiet għal konsultazzjoni leġislattiva (5). Din l-Opinjoni għalhekk hija bbażata fuq l-Artikolu 41(2) tal-istess Regolament. Il-KEPD jirrakkomanda li referenza għall-Opinjoni hija inkluża fil-preambolu tal-istrumenti adottati.

1.2.   Għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni tal-pakkett leġislattiv

3.

Il-KEPD jilqa’ l-objettivi tal-politika tal-pakkett leġislattiv, li, f’konformità mal-Programm ta’ Stokkolma u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, huma li jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità u li jiġi żgurat li l-bżonn tagħhom għall-protezzjoni, l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja jiġi sodisfatt (6).

4.

Id-Direttiva proposta hija maħsuba biex tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (7). Hija tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. B’mod partikolari, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi jiġu trattati b’rispett, li l-bżonnijiet speċjali tal-vittmi vulnerabbli jiġu kkunsidrati, li l-vittmi jirċievu appoġġ u informazzjoni xierqa, u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri (8).

5.

Ir-Regolament propost għandu l-għan li jiżgura li l-vittmi li jibbenefikaw minn miżura ta’ protezzjoni fi kwistjoni ċivili f’wieħed mill-Istati Membri jingħatalhom l-istess livell ta’ protezzjoni jekk jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkollhom jgħaddu minn proċedura separata (9). Din il-miżura tikkumplimenta l-proposta għal Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni (l-‘inizjattiva OEP’), dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni meħuda fi kwistjonijiet kriminali. L-inizjattiva tal-OEP, li l-KEPD ħareġ Opinjoni fuqha f’Ottubru 2010 (10), bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

1.3.   L-għan ta’ din l-Opinjoni

6.

Il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali għandha rwol ċentrali fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, kif stabbilit fil-Programm ta’ Stokkolma, u b’mod partikolari fl-ambitu tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. F’Ottubru 2010, il-KEPD ħareġ Opinjoni dwar l-inizjattiva tal-OEP, li fiha enfasizza l-bżonn għal sistema konsistenti ta’ protezzjoni tad-data rigward inizjattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (11). F’din l-okkażjoni, il-KEPD enfasizza li l-ipproċessar tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali huwa kkaratterizzat mis-sensittività partikolari tad-data involuta u mill-effetti li l-ipproċessar relatat jista’ jkollu fuq is-suġġetti tad-data (12). Huwa għalhekk meħtieġ li tingħata l-attenzjoni xierqa lill-aspetti tal-protezzjoni tad-data marbuta ma’ inizjattivi f’dan il-qasam u li jiġu introdotti regoli u salvagwardji adegwati fejn ikun meħtieġ.

7.

Skont il-KEPD, ir-rispett għall-privatezza u d-data personali jikkostitwixxi element essenzjali tal-protezzjoni tal-vittmi li l-istrumenti proposti huma maħsuba li jiżguraw. Għalhekk, l-Opinjoni preżenti se tiffoka fuq l-aspetti relatati mal-privatezza tal-proposti u se jippreżenta ideat sabiex ittejjeb jew issaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi.

2.   ANALIŻI TAL-PROPOSTI

2.1.   Direttiva dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità

8.

Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta jittrattaw direttament jew indirettament il-privatezza u l-protezzjoni tad-data (13). Ġeneralment, il-KEPD jilqa’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li għandhom l-għan li jippreservaw il-privatezza tal-vittmi. Madankollu, huwa jsib li l-istandards ta’ protezzjoni f’xi każijiet jistgħu jiġu msaħħa u ċċarati, mingħajr ma tiġi ppreġudikata n-natura tagħhom bħala standards minimi.

9.

Il-kummenti tal-KEPD se jiffokaw l-aktar fuq l-aspetti li ġejjin: (1) l-Artikolu 23 tad-Direttiva proposta li jittratta d-dritt għal protezzjoni tal-privatezza u r-relazzjonijiet mal-midja, (2) id-drittijiet tal-vittmi għall-informazzjoni u l-aċċess għad-data personali tagħhom stess, u (3) il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-vittma u s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi. Dawn l-aspetti se jiġu diskussi fis-subsezzjonijiet li ġejjin.

2.1.1.   Il-protezzjoni tal-privatezza tal-vittma

10.

Id-dispożizzjoni sostantiva ewlenija tad-Direttiva proposta dwar il-privatezza huwa l-Artikolu 23 intitolat “Id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata”. L-Artikolu 23(1) jistabbilixxi li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt il-proċeduri fil-qorti, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jadottaw miżuri xierqa biex jipproteġu l-ħajja privata u r-ritratti tal-vittmi u tal-membri tal-familji tagħhom”. Il-KEPD għandu diversi osservazzjonijiet dwar din id-dispożizzjoni.

11.

L-ewwelnett, l-Artikolu 23(1) ma jkoprix id-dritt sħiħ għall-protezzjoni tal-privatezza tal-vittmi tal-kriminalità. Id-dispożizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni ħafna aktar limitat peress li hija tipprovdi sempliċiment għas-setgħa tal-“awtoritajiet ġudizzjarji” li joħorġu miżuri protettivi “matul il-proċedimenti tal-qorti”. Madankollu, il-protezzjoni tal-privatezza mhux biss għandha tiġi garantita “matul il-proċeduri tal-qorti”, iżda wkoll matul l-investigazzjoni u l-fażi ta’ qabel il-proċess. B’mod aktar ġenerali, il-privatezza għandha tiġi żgurata fejn ikun meħtieġ mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll wara t-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji.

12.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li diversi strumenti internazzjonali adottaw approċċ aktar ambizzjuż meta mqabbla mal-Artikolu 23(1). Ir-Rakkomandazzjoni Rec(2006) 8 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità, pereżempju, tistabbilixxi li ‘l-Istati għandhom jieħdu passi xierqa biex jevitaw kemm jista’ jkun l-effett fuq il-ħajja privata u tal-familja tal-vittmi kif ukoll biex jipproteġu d-data personali tal-vittmi, b’mod partikolari matul l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni’ (enfasi miżjuda) (14). Strumenti oħrajn fihom dispożizzjonijiet simili (15).

13.

Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-KEPD jirrakkomanda li mal-Artikolu 23 jiżdied paragrafu tal-ewwel li jiddikjara f’termini aktar ġenerali li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu kemm jista’ jkun il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja tal-vittmi kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali tal-vittmi mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet uffiċjali u wara l-konklużjoni tal-proċeduri kriminali. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(1) attwali għandu jiġi modifikat sabiex jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex joħorġu miżuri ta’ protezzjoni “waqt investigazzjoni kriminali” wkoll.

14.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 23(1) ma fih ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tal-miżuri speċifiċi li jistgħu jiġu adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jippreservaw id-dritt tal-vittma għall-privatezza. Il-KEPD jifhem l-intenzjoni li l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-livell massimu ta’ flessibbiltà f’dan il-qasam. Madankollu, preċiżjoni akbar tista’ tkun utli. B’mod partikolari, il-proposta tista’ tipprovdi lista ta’ miżuri minimi li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jadottaw, skont il-liġi nazzjonali, sabiex jipproteġu l-privatezza tal-vittma (16). Dan jista’ jinkludi pereżempju l-kategoriji ta’ miżuri li ġejjin:

projbizzjoni tal-iżvelar jew limitazzjonijiet fl-iżvelar ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-identità u l-post fejn ikunu jinsabu l-vittmi jew il-membri tal-familja tal-vittmi fil-każijiet xierqa u skont ċerti kundizzjonijiet partikolari (kif indikat fil-Premessa 22);

ordni biex titneħħa ċerta data kunfidenzjali mill-fajl jew jiġi pprojbit l-iżvelar ta’ informazzjoni speċifika;

limitazzjoni tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva fis-sentenzi u deċiżjonijiet oħra li normalment ikunu disponibbli għall-pubbliku.

15.

Fit-tielet lok, l-Artikolu 23 ma fih ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni Rec(2006) 8 tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija hawn fuq għal darb’oħra tipprovdi eżempji utli. Fil-punt 11, ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi li l-Istati għandhom jeħtieġu li l-aġenziji kollha f’kuntatt mal-vittmi jadottaw standards ċari li bihom ikunu jistgħu jiżvelaw biss lil parti terza informazzjoni rċevuta minn jew relatata ma’ vittma, bil-kundizzjoni li l-vittma tkun qablet b’mod espliċitu ma’ dan l-iżvelar, jew jekk ikun hemm ħtieġa jew awtorizzazzjoni legali biex isir dan. Il-KEPD iħeġġeġ lil-leġislatur biex jinkludi dispożizzjoni simili fid-Direttiva proposta.

2.1.2.   Il-privatezza u l-midja

16.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-midja biex issegwi miżuri awtoregolatorji sabiex tipproteġi l-privatezza, l-integrità personali u d-data personali tal-vittmi.” Hawnhekk ukoll il-proposta adottat approċċ minimalistiku, billi rreferiet sempliċement għall-istrument ta’ awtoregolazzjoni.

17.

Il-KEPD jifhem ir-raġunijiet għall-adozzjoni ta’ attitudni kawta rigward dan is-suġġett u ġeneralment jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni. Ir-relazzjoni bejn il-midja u l-privatezza hija estremament delikata u kumplessa. Huwa wkoll qasam fejn, fil-limiti stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tradizzjonijiet differenti u differenzi kulturali madwar l-Istati Membri jistgħu jkollhom rwol importanti. Dan l-approċċ jidher ukoll konsistenti mal-qafas attwali tal-protezzjoni tad-data (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46/KE), li jagħti libertà mdaqqsa lill-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data li jsir għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja (17).

18.

Fir-rigward tal-awtoregolamentazzjoni, il-KEPD huwa konvint li dan l-istrument jista’ jkollu rwol importanti fir-rikonċiljazzjoni tal-privatezza u l-libertà tal-espressjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) jirrifletti l-approċċ meħud mir-Rakkomandazzjoni Rec (2006) 8 li jipprovdi wkoll li l-Istati għandhom jinkoraġġixxu lill-midja biex tadotta u tirrispetta miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni sabiex tiġi protetta l-privatezza u d-data personali tal-vittmi (18). Strumenti awtoregolatorji jistgħu jaġixxu wkoll flimkien ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ qafas, iżda dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu kumpatibbli mal-ġurisprudenza tal-KEDB dwar l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (19).

2.1.3.   Informazzjoni speċifika u drittijiet ta’ aċċess

19.

Il-KEPD josserva li l-Artikolu 3 tad-Direttiva proposta, dwar id-dritt għall-informazzjoni mill-ewwel kuntatt ma’ awtorità kompetenti, ma jsemmix informazzjoni relatata mal-protezzjoni tad-data. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-data personali tagħhom, il-vittmi għandhom jirċievu fi żmien xieraq l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jifhmu bis-sħiħ kif se tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.

20.

Il-KEPD għalhekk jirrakkomanda li fl-Artikolu 3 tiġi miżjuda dispożizzjoni addizzjonali li tispeċifika li l-vittmi għandhom jingħataw l-informazzjoni rigward l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali tagħhom skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE. Barra minn hekk, il-leġislatur jista’ jikkunsidra li jinkludi regoli dwar l-aċċess tal-vittmi għad-data personali tagħhom, filwaqt li jippreserva l-interessi leġittimi relatati ma’ investigazzjoni kriminali u prosekuzzjoni.

2.1.4.   Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-vittmi u s-servizzi ta’ appoġġ

21.

Id-Direttiva proposta tirrikonoxxi d-dritt li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu appoġġ mill-mument li fih isseħħ il-kriminalità, tul il-proċeduri kriminali u wara dawn il-proċeduri skont il-bżonnijiet tal-vittmi (20). Ċerti kategoriji ta’ vittmi, bħall-vittmi ta’ vjolenza sesswali, sess, mibegħda razzjali jew delitti oħra ta’ preġudizzju, jew il-vittmi tat-terroriżmu, jistgħu jeħtieġu servizzi speċjalizzati ta’ appoġġ (21), inkluż appoġġ psikoloġiku. F’dawn il-każijiet, il-komunikazzjonijiet bejn il-vittma u l-professjonisti li jipprovdu s-servizzi ta’ appoġġ għandhom jiġu protetti b’mod adegwat mill-iżvelar. Jekk dan ma jsirx, il-vittma tista’ taqta’ qalba milli tikkomunika liberament mal-konsulent tiegħu/tagħha. Għalhekk il-KEPD jilqa’ r-rekwiżit fl-Artikolu 7 li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi għandhom ikunu “kunfidenzjali”. Madankollu, l-kamp ta’ applikazzjoni u l-konsegwenzi ta’ kunfidenzjalità bħal din jeħtieġ li jiġu ċċarati.

22.

B’mod partikolari, id-Direttiva proposta ma tispeċifikax jekk il-komunikazzjonijiet tal-vittmi ma’ fornituri tas-servizzi ta’ appoġġ għandhomx jitqiesu bħala “privileġġati” jew le, fis-sens li l-iżvelar tagħhom matul il-proċeduri tal-qorti huwa eskluż jew limitat b’xi mod ieħor. Dan normalment ikun il-każ fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ appoġġ ikun professjonista tal-kura tas-saħħa suġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali. Madankollu, wieħed jista’ jimmaġina każijiet fejn ma jingħatax appoġġ minn professjonisti bħal dawn. F’dawn is-sitwazzjonijiet, huwa dubjuż jekk il-vittma tkunx protetta mill-iżvelar jew le.

23.

Għalhekk il-KEPD jirrakkomanda li jiġi speċifikat li l-vittma ta’ dawn ir-reati partikolari għandu jkollha d-dritt li tirrifjuta l-iżvelar fi kwalunkwe proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ komunikazzjonijiet kunfidenzjali ma’ fornitur ta’ servizz ta’ appoġġ u li komunikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu żvelati minn parti terza biss bil-kunsens tiegħu/tagħha. Normalment, dan għandu jkun il-każ ukoll fi kwalunkwe proċeduri kriminali, bla ħsara għall-interessi leġittimi u fuq bażi relatati ma’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni (jiġifieri l-ġbir mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ provi indispensabbli).

2.2.   Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili

2.2.1.   Applikabbiltà tal-leġislazzjoni tal-protezzjoni tad-data

24.

Kif diġà msemmi, ir-Regolament propost jikkumplimenta l-inizjattiva tal-OEP dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet kriminali. Peress li r-Regolament propost jikkonċerna kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali (22), l-applikazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak li kien l-ewwel pilastru u għalhekk anki fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE (23). Dan ma kienx il-każ għall-inizjattiva tal-OEP.

25.

Il-KEPD għalhekk jirrakkomanda li tiġi inkluża referenza għad-Direttiva 95/46/KE mill-inqas fil-premessi tal-proposta, li tiddikjara li data personali pproċessata skont ir-regolament għandha tiġi protetta skont il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

2.2.2.   Informazzjoni li għandha tingħata lill-persuna li tikkawża r-riskju

26.

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament propost, persuna li tixtieq tinvoka ordni ta’ protezzjoni fi Stat Membru ieħor għandha tipprovdi ċertifikat lill-awtoritajiet kompetenti. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ skont il-formola standard stabbilita fl-Anness tar-Regolament propost. L-Anness fih data personali kemm tal-persuna protetta u tal-persuna li tikkawża r-riskju, bħall-identità tagħhom u l-post fejn ikunu jinsabu, u deskrizzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni. Il-KEPD jirrikonoxxi li d-data personali inkluża fiċ-ċertifikat kif meħtieġ fl-Anness fil-prinċipju hija adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva għall-finijiet li tkun inġabret għalihom.

27.

Madankollu, mhuwiex biżżejjed ċar mill-proposta liema data personali tal-persuna protetta se tiġi kkomunikata lill-persuna li tikkawża r-riskju, b’mod partikolari skont l-Artikolu 13 (24). F’dan ir-rigward, il-KEPD iqis li l-persuna li tikkawża r-riskju għandha tirċievi biss dik id-data personali li tkun strettament meħtieġa għat-twettiq tal-miżura. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni in kwistjoni għandha, kemm jista’ jkun, tevita li tiżvela l-indirizz jew dettalji ta’ kuntatt oħra dwar il-persuna protetta (25). Limitazzjoni bħal din għandha tiġi speċifikata fl-Artikolu 13.

3.   KONKLUŻJONIJIET

28.

Il-KEPD jilqa’ l-għanijiet tal-politika taż-żewġ proposti kkunsidrati u b’mod ġenerali jieħu l-istess approċċ tal-Kummissjoni. Madankollu, huwa jsib li l-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali tal-vittmi fid-Direttiva proposta f’xi każijiet tista’ tissaħħaħ u tiġi ċċarata.

29.

Fir-rigward tad-Direttiva proposta dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, il-KEPD jagħti parir lil-leġislatur biex:

jinkludi fl-Artikolu 23 dispożizzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali li tiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu kemm jista’ jkun il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja tal-vittmi u jipproteġu d-data personali tal-vittmi mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet uffiċjali, matul kwalunkwe proċeduri tal-qorti u wara proċeduri bħal dawn. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(1) attwali għandu jiġi modifikat sabiex jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex joħorġu miżuri ta’ protezzjoni ‘waqt investigazzjoni kriminali’ ukoll;

jispeċifika taħt l-Artikolu 23(1) lista ta’ miżuri minimi (kif diskuss fil-paragrafu 14), li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jadottaw sabiex jipproteġu l-ħajja privata u r-ritratti tal-vittmi u tal-membri tal-familja tagħhom;

jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-awtoritajiet kollha f’kuntatt mal-vittmi jadottaw standards ċari li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiżvelaw biss lil parti terza, informazzjoni riċevuta minn jew relatata ma’ vittma, bil-kundizzjoni li l-vittma tkun qablet b’mod espliċitu ma’ dan l-iżvelar jew li jkun hemm rekwiżit jew awtorizzazzjoni legali biex dan isir;

fl-Artikolu 3 jinkludi l-ħtieġa li tingħata informazzjoni lill-vittmi dwar l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE u jikkunsidra jekk jinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dritt għal aċċess għad-data personali tagħhom;

jiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità tas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi skont l-Artikolu 7, billi jispeċifika li l-vittma għandu jkollha d-dritt li tirrifjuta l-iżvelar fi kwalunkwe proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ komunikazzjonijiet kunfidenzjali ma’ fornitur ta’ servizz ta’ appoġġ u li fil-prinċipju komunikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu żvelati minn parti terza bil-kunsens tagħha/tiegħu biss (ara b’mod partikolari l-paragrafi 22-23).

30.

Fir-rigward tal-Regolament propost dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili, il-KEPD jagħti parir lil-leġislatur biex:

idaħħal, mill-inqas fil-premessi tal-proposta, referenza għad-Direttiva 95/46/KE li tiddikjara li d-data personali pproċessata taħt ir-regolament għandha tiġi protetta skont il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE;

jiddikjara b’mod ċar fl-Artikolu 13 li l-persuna li tikkawża r-riskju għandha tingħata biss dik id-data personali tal-persuna protetta li hija strettament meħtieġa għat-twettiq tal-miżura. Il-komunikazzjoni in kwistjoni għandha, kemm jista’ jkun, tevita li tiżvela l-indirizz jew dettalji oħra ta’ kuntatt dwar il-persuna protetta.

Magħmula fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2011.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 015 P. 355-374).

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 26 P. 102-124).

(3)  Rispettivament, COM(2011) 275 u COM(2011) 276.

(4)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE, COM(2011) 274.

(5)  Disponibbli fuq il-websajt tal-KEPD (http://www.edps.europa.eu) fit-taqsima: Konsultazzjoni/Prijoritajiet.

(6)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE, op. cit., p. 2.

(7)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1. Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jirrikonoxxi li filwaqt li sar titjib f’dan il-qasam, l-għanijiet tad-Direttiva Qafas ma twettqux kompletament.

(8)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE, op. cit., p. 8.

(9)  Ibid.

(10)  Opinjoni tal-KEPD tal-5 ta’ Ottubru 2010 dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni u l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali, (ĠU C 355, 29.12.2010, p. 1).

(11)  Ibid., ara b’mod partikolari t-Taqsima II tal-Opinjoni.

(12)  Ibid., punt 1.

(13)  Ara, b’mod partikolari, il-Premessa 22, li tirrikonoxxi li l-protezzjoni tal-privatezza tal-vittma tista’ tkun mezz importanti li jimpedixxi aktar vittimizzazzjoni; il-Premessa 27 li tirreferi għall-protezzoni ta’ data personali mogħtija lil individwi skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI għall-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa; l-Artikolu 21 li jittratta miżuri sabiex jiġu evitati l-mistoqsijiet mhux meħtieġa dwar il-ħajja privata tal-vittma u miżuri li jippermettu li ssir seduta mingħajr il-preżenza tal-pubbliku; l-Artikolu 23 li jitratta d-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza u l-komportament tal-midja.

(14)  Punt 10.8. tar-Rakkomandazzjoni Rec(2006) 8 tal-Kunsill tal-Ewropa.

(15)  Ara, eż., Abbozz tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġustizzja u l-Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità u l-Abbuż tal-Poter, Artikoli 5(2)(g), 6, 8(6)(g); Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Atti Terroristiċi, adottati fit-2 ta’ Marzu 2005, punt VIII; Linji Gwida dwar il-Ġustizzja għat-Tfal Vittmi u x-Xhieda tal-Kriminalità, ECOSOC Res 2005/20, 2005, punti 8(a), 26 sa 28.

(16)  Dan huwa konformi mal-approċċ meħud mill-Artikolu 21 rigward id-dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi vulnerabbli waqt il-proċeduri kriminali.

(17)  L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46/KE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja privata mar-regoli li jirregolaw il-libertà tal-espressjoni.

(18)  Punt 10.9. tar-Rakkomandazzjoni Rec(2006) 8 tal-Kunsill tal-Ewropa.

(19)  Artikolu 10, paragrafu 2, tal-KEDB jippermetti biss limitazzjonijiet għad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni li huma “preskritti b’liġi”, u ‘meħtieġa f’soċjetà demokratika għal interessi pubbliċi speċifiċi u importanti (bħas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali, libertà mill-kriminalità u d-diżordni, saħħa u moralità) jew għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew id-drittijiet tal-oħrajn. Fil-Konklużjonijiet Ġenerali tagħha tal-kawża Satakunnan (Kawża C-73/07, Tietosuojavaltuutettu v Satakunnan Markkinapörssi and Satamedia, [2008] Ġabra I-9831), l-Avukat Ġenerali Kokott, osservat korrettament li “l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-protezzjoni tad-data tista’ tillimita b’mod sostanzjali l-libertà tal-espressjoni. Il-ġurnaliżmu investigattiv fil-parti l-kbira jiġi eliminat jekk il-midja tkun tista’ tipproċessa u tippubblika data personali biss bil-kunsens ta’, jew f’konformità mal-informazzjoni pprovduta mill-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, huwa ovvju li l-midja tista’ tikser id-dritt tal-individwi tar-rispett għall-ħajja privata tagħhom. (17) Konsegwentment, għandu jinsab bilanċ.” (paragrafu 43).

(20)  Ara l-Premessa 13 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva proposta.

(21)  Ibid.

(22)  Ara l-Artikolu 81 TFUE, jiġifieri dak li kien l-Artikolu 65 tat-Trattat KE.

(23)  Id-Direttiva 95/46/KE m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet tal-liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali (ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva).

(24)  L-Artikolu 13 jikkonċerna l-obbligi ta’ informazzjoni vis-à-vis il-persuna li tikkawża r-riskju.

(25)  Ara f’dan ir-rigward l-Opinjoni tal-KEPD tal-5 ta’ Ottubru 2010 dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni u l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali, op. cit., paragrafi 45-49.


Top