EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0073

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

/* SEG/2012/073 final */

52012SC0073

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT /* SEG/2012/073 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta u Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta

1. Introduzzjoni

Sa mill-adozzjoni, fl-1995, tal-qafas legali ta' bħalissa tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, seħħew żviluppi rapidi fit-teknoloġija u fin-negozju li ħolqu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-dejta personali. Id-daqs tal-kondiviżjoni u tal-ġbir tad-dejta żdied b'mod drammattiku. It-teknoloġija tippermetti kemm lill-kumpaniji privati kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi biex jużaw dejta personali fuq skala mingħajr preċedent biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. In-nies qegħdin dejjem aktar jagħmlu disponibbli l-informazzjoni personali tagħhom pubblikament u globalment, mingħajr ma jkunu jafu kompletament ir-riskji involuti.

Il-bini tal-fiduċja fl-ambjent onlajn huwa importanti ħafna għall-iżvilupp ekonomiku. In-nuqqas ta' fiduċja jġiegħel lill-konsumaturi joqgħdu lura milli jixtru onlajn u milli jadottaw servizzi ġodda, inklużi servizzi pubbliċi tal-e-government. Jekk dan in-nuqqas ta' fiduċja ma jiġix indirizzat, se jibqa' jnaqqas ir-ritmu tal-iżvilupp tal-użi innovattivi tat-teknoloġiji l-ġodda, se jaġixxi bħala xkiel għat-tkabbir ekonomiku u se jimblokka s-settur pubbliku milli jgawdi mill-benefiċċji potenzjali tad-diġitizzazzjoni tas-servizzi tiegħu.

Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona waqqaf, permezz tal-Artikolu 16 tat-TFUE, bażi legali ġdida għal approċċ modernizzat u komprensiv dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-moviment ħieles tad-dejta personali, li tkopri wkoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali.

2. Id-Definizzjoni tal-Problema

Il-valutazzjoni tal-impatt tippreżenta u tanalizza tliet oqsma problematiċi ewlenin:

2.1. Problema 1: Il-barrieri għan-negozju u għall-awtoritajiet pubbliċi minħabba l-frammentazzjoni, l-inċertezza legali u l-infurzar inkonsistenti

Minkejja l-għan tad-Direttiva li tiżgura livell wieħed fl-UE kollha kemm hi għall-protezzjoni tad-dejta, xorta jifdal diverġenza konsiderevoli fir-regoli fl-Istati Membri. Bħala konsegwenza, jista’ jagħti l-każ li l-kontrolluri tad-dejta jkollhom jittrattaw ma' 27 liġi nazzjonali u rekwiżiti differenti fl-UE. Ir-riżultat huwa ambjent legali frammentat li ħoloq inċertezza legali u protezzjoni inugwali għall-individwi. Dan ħoloq kostijiet bla bżonn u piżijiet amministrattivi (li jammontaw għal madwar EUR 3 biljun fis-sena fix-xenarju bażi) għan-negozji u jikkostitwixxi diżinċentiv għall-intrapriżi, inklużi l-SMEs, li joperaw fis-suq uniku li jixtiequ li jespandu l-operati tagħhom fil-livell transkonfinali.

Barra minn hekk, ir-riżorsi u s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. F'ċerti każi dan ifisser li mhumiex kapaċi jeżegwixxu b'mod sodisfaċenti l-kompiti tagħhom ta' infurzar. Il-koperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet fil-livell Ewropew – permezz tal-Grupp Konsultattiv eżistenti (Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29) – mhux dejjem twassal għal infurzar konsistenti u għaldaqstant jeħtieġ ukoll li titjieb.

2.2. Problema 2: Diffikultajiet għall-individwi biex iżommu l-kontroll tad-dejta personali tagħhom

Minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta u s-setgħat diverġenti tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, huwa aktar diffiċli għall-individwi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'ċerti Stati Membri milli f'oħrajn, b'mod speċjali fil-kuntesti onlajn.

L-individwi tilfu wkoll il-kontroll fuq id-dejta tagħhom stess, minħabba l-volum sostanzjali tad-dejta li qiegħda tiġi kondiviża kuljum, u l-fatt li bosta drabi mhumiex kompletament konxji li d-dejta tagħhom qiegħda tinġabar. Minkejja li ħafna Ewropej iqisu li l-iżvelar tad-dejta personali qiegħed isir dejjem aktar parti mill-ħajja moderna[1], 72% ta' dawk li jużaw l-internet fl-Ewropa xorta għadhom imħassbin li qegħdin jintalbu wisq dejta personali onlajn, u bosta drabi ma jkunux jafu kif jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom onlajn.

2.3. Problema 3: Lakuni u inkonsistenzi fil-protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali

Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, li hija msejsa fuq il-bażi legali tas-suq intern, eskluda b'mod speċifiku l-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas adottata fl-2008 biex jiġi rregolat l-ipproċessar tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali tirrifletti l-ispeċifiċitajiet tal-istruttura "tal-pilastri" tal-UE ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona u hija kkaratterizzata minn kamp ta' applikazzjoni limitat u bosta lakuni oħrajn, li bosta drabi jwasslu għal inċertezza legali għall-individwi u għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll għal diffikultajiet prattiċi ta' implimentazzjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi għal possibbiltajiet wesgħin li jkun hemm deroga tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta fil-livell nazzjonali, u b'hekk ma jistax ikun hemm armonizzazzjoni tagħhom. Dan mhux biss jirriskja li jinvalida tali prinċipji mill-fini propja tagħhom – u b'hekk jolqot b'mod negattiv id-drittijiet fundamentali tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom f'dan il-qasam – iżda jfixkel ukoll l-iskambju bla xkiel tad-dejta personali bejn l-awtoritajiet nazzjonali relevanti.

3. Analiżi tas-Sussidjarjetà u tal-Proporzjonalità

Fid-dawl tal-problemi deskritti hawn fuq, l-analiżi tas-sussidjarjetà tindika l-ħtieġa ta' azzjoni fil-livell tal-UE abbażi tar-raġunijiet li ġejjin:

· Id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali jinsab fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Artikolu 16 tat-TFUE huwa l-bażi legali għall-adozzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta ;

· Id-dejta personali tista' tiġi trasferita lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, kemm dawk interni tal-UE kif ukoll lil pajjiżi terzi, b'rati li qegħdin jiżdiedu b'mod rapidu. Barra minn hekk, hemm sfidi prattiċi fir-rigward tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta u ħtieġa għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom, li jeħtieġ li tiġi organizzata fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati l-koerenza u l-livell għoli tal-protezzjoni li huma meħtieġa fl-Unjoni;

· Fis-sitwazzjoni ta' bħalissa l-Istati Membri ma jistgħux inaqqsu l-problemi waħedhom. B'mod partikolari, dan huwa l-każ għal dawk il-problemi li jinqalgħu minħabba l-frammentazzjoni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-qafas regolatorju tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta;

· Filwaqt li huwa possibbli għall-Istati Membri li jdaħħlu fis-seħħ politiki li jiżguraw li ma jinkisirx dan id-dritt, dan mhuwiex se jinkiseb b'mod uniformi fin-nuqqas ta' regoli komuni tal-UE u se joħloq restrizzjonijiet fuq il-flussi transkonfinali tad-dejta personali.

L-azzjonijiet previsti huma proporzjonati peress li qegħdin fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti fit-Trattat u huma meħtieġa biex jiżguraw uniformità tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u biex jiżguraw protezzjoni effettiva u indaqs tad-drittijiet fundamentali tal-individwi. Azzjoni fil-livell tal-UE hija essenzjali biex jissokta l-iżgurar tal-kredibbiltà u livell għoli tal-protezzjoni tad-dejta f'dinja globalizzata, filwaqt li tinżamm iċ-ċirkolazzjoni bla xkiel tad-dejta. It-tħaddim xieraq tas-suq intern jitlob li d-dispożizzjonijiet jiżguraw livell indaqs għall-operaturi ekonomiċi.

4. L-għanijiet

It-tliet għanijiet prinċipali tal-politika huma li:

· tissaħħaħ id-dimensjoni tas-suq intern tal-protezzjoni tad-dejta, billi titnaqqas il-frammentazzjoni, tissaħħaħ il-konsistenza u jiġi simplifikat l-ambjent regolatorju, biex b'hekk jitneħħew kostijiet bla bżonn u jitnaqqas il-piż amministrattiv;

· tiżdied l-effikaċja tad-dritt fundamentali fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta u li l-individwi jikkontrollaw id-dejta tagħhom;

· tissaħħaħ il-koerenza tal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, inkluż fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, filwaqt li jitqies bis-sħiħ id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

5. L-Għażliet ta' Politika 5.1. Għażla 1:      Azzjoni li ma torbotx

Din l-għażla tikkonsisti primarjament minn Komunikazzjonijiet interpretattivi mill-Kummissjoni, għodda u finanzjament għall-appoġġ tekniku – kif ukoll inkoraġġiment ta' standardizzarzzjoni u ta' awtoregolamentazzjoni – biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni prattika tar-regoli eżistenti mill-kontrolluri tad-dejta u titqajjem is-sensibilizzazzjoni individwali. Il-Kummissjoni tipproponi biss emendi leġiżlattivi li huma limitati ħafna biex tikkjarifika l-kunċetti eżistenti tad-Direttiva u tiffoka fuq kwistjonijiet speċifiċi li ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effettiv b'xi mod ieħor. Din l-għażla ta' politika tista' tkun relevanti biss għall-problemi 1 u 2.

Il-bidliet leġiżlattivi limitati jintroduċu b'mod espliċitu l-prinċipji ta' trasparenza u ta' minimizzar tad-dejta, kif ukoll bħala bażi legali għar-"Regoli Korporattivi Vinkolanti" għat-trasferimenti internazzjonali.

5.2. Għażla 2:      Qafas legali aġġornat

Il-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi biex tarmonizza aktar ir-regoli sostantivi, tikkjarifika d-dispożizzjonijiet speċifiċi, u tindirizza inkonsistenzi kkawżati minn approċċi differenti fl-Istati Membri. Dawn il-proposti jindirizzaw il-problemi 1 u 2 hekk kif dawn, minn naħa waħda, jiffaċilitaw il-flussi tad-dejta fl-UE u mill-UE lejn pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, jikkjarifikaw u jsaħħu d-drittijiet individwali (pereżempju, id-dritt għall-aċċess, "id-dritt li jintesew", modalitajiet aktar ċari għall-kunsens u għan-notifika ta' ksur tad-dejta) u jsaħħu r-responsabbiltà – u "obbligu ta' rendikont" – tal-kontrolluri u tal-proċessuri tad-dejta (pereżempju billi jintroduċu l-obbligu li jinħatru Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data - UPD jew iwettqu Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Protezzjoni tad-Dejta - VIPD). Din l-għażla tistabbilixxi, b'mod partikolari, "one stop shop" għall-kontrolluri tad-dejta (jiġifieri, liġi unika u APD (Awtorità tal-Protezzjoni tad-Dejta) unika responsabbli). Ir-rekwiżiti ġenerali ta' notifika jiġu simplifikati (jiġifieri "reġistrazzjoni bażika"). Issaħħaħ wkoll l-indipendenza tal-AtPD (Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta) u tarmonizza s-setgħat tagħhom. Il-koperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-AtPD tista' tissaħħaħ, inkluża permezz ta' "mekkaniżmu ġdid ta' konsistenza" li jinvolvi kemm "Bord Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta"- li għadu kemm ġie stabbilit – u l-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (problema 3), il-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas bi strument ġdid b'kamp ta' applikazzjoni estiż u tindirizza l-lakuni u n-nuqqassijiet l-aktar importanti, sabiex issaħħaħ id-drittijiet tal-individwi u tiffaċilità l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-infurzar tal-liġi.

5.3. Għażla 3:      Regoli legali dettaljati fil-livell tal-UE

Din l-għażla tinkludi bosta mill-elementi tal-Għażla 2 kif ukoll leġiżlazzjoni tal-UE ħafna aktar dettaljata, inkluża waħda settorjali (pereżempju, fis-settur tas-saħħa u dak mediku), u struttura ta' infurzar ċentralizzata fil-livell tal-UE (jiġifieri, l-istabbiliment ta' Awtorità tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta). Din tkun tinvolvi wkoll it-tneħħija tar-rekwiżiti ġenereali ta' notifika (għajr għal kontroll preċedenti ta' pproċessar riskjuż), l-istabbiliment ta' skema pan-Ewropea ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward il-proċessi u l-prodotti li jikkonformaw mal-protezzjoni tad-dejta u d-definizzjoni ta' sanzjonijiet kriminali armonizzati pan-Ewropej fir-rigward tal-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-kunsens ikun definit bħala "r-raġuni ewlenija" għall-ipproċessar tad-dejta.

Fir-rigward tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, flimkien mal-miżuri sostantivi skont l-għażla 2, din tkun tinkludi l-istabbiliment ta' regoli dettaljati għad-dritt tal-aċċess għall-individwi (dejjem dirett). Dan ikun jinvolvi wkoll l-emendar tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-istrumenti eżistenti kollha li qabel kienu tat-tielet pilastru, biex jiġu allineati kollha kemm huma mar-regoli armonizzati ġodda u estiżi.

6. Valutazzjoni tal-Impatti 6.1. Għażla ta' Politika 1: Azzjoni li ma torbotx

Komunikazzjonijiet Interpretattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jkunux jorbtu u għaldaqstant ikollhom biss impatt limitat fuq it-tnaqqis tal-inċertezza legali u tal-kostijiet. Aktar awtoregolamentazzjoni fil-livell tal-UE tista' tgħin biex tipprovdi aktar ċarezza ġudizzjarja għall-kontrolluri tad-dejta f'setturi speċifiċi, iżda mhijiex se tkun biżżejjed biex tinkiseb applikazzjoni effettiva u konsistenti tar-regoli fin-nuqqas ta' qafas legali tal-UE enfasizzat b'mod ċar u armonizzat.

Kampanji ta' sensibilizzazzjoni jgħinu lin-nies biex ikunu jafu aħjar id-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-dejta u jifhmu aħjar il-mezzi prattiċi biex ikunu jistgħu jeżreċitawhom. Madankollu, dan ma jkunx biżżejjed għall-individwi biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fejn tali drittijiet ma jkunux definiti b'mod ċar fil-liġi. Il-kjarifikazzjonijiet leġiżlattivi li jirrigwardaw il-prinċipji ta' trasparenza, il-minimizzazzjoni tad-dejta, l-adegwatezza u l-BCRs jżidu l-armonizzazzjoni u ċ-ċertezza legali għall-individwi u għan-negozji.

Fir-rigward tal-infurzar, il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni mhumiex se jegħlbu l-eżitazzjoni tal-Istati Membri biex ibidlu r-regoli nazzjonali biex jagħtu aktar indipendenza u setgħat armonizzati lill-AtPD. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni permezz tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u tal-iskambji bejn l-AtPD ikollhom impatt pożittiv fuq tisħiħ aktar konsistenti tar-regoli; madankollu, id-diverġenzi li għad hemm fil-liġijiet nazzjonali u fl-interpretazzjoni tagħhom jillimitaw l-effett ta' koperazzjoni mtejba bejn l-AtPD.

L-impatti finanzjarji u ekonomiċi mistennija ta' din l-għażla ta' politika huma limitati u l-parti l-kbira tal-problemi identifikati jibqgħu mhux solvuti.

6.2. Għażla ta' Politika 2: Qafas legali aġġornat

L-inċertezza legali għall-kumpaniji privati u għall-awtoritajiet pubbliċi se titnaqqas b'mod sinifikanti. Id-dispożizzjonijiet problematiċi se jiġu kkjarifikati u l-konsistenza se tiżdied minħabba l-marġini mnaqqas tal-interpretazzjoni, u l-miżuri ta' implimentazzjoni u/jew l-atti delegati adottati mill-Kummissjoni.

Is-sostituzzjoni tan-notifika ġenerali tal-attivitajiet għall-ipproċessar tad-dejta permezz ta' sistema ta' 'reġistrazzjoni' armonizzata simplifikata, filwaqt li jinżammu l-kontrolli preċedenti fir-rigward tad-dejta sensittiva u tal-ipproċessar riskjuż, se tnaqqas il-piż tal-kontrolluri tad-dejta minn obbligu implimentat bħalissa b'mod diverġenti. It-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-kontrolluri tad-dejta u tal-proċessuri tad-dejta permezz tal-introduzzjoni tal-UPD (Uffiċjali għall-Protezzjoni tad-Data) u tal-VIPD – f'ċerti każijiet u permezz ta' limiti definiti b'mod ċar u preċiżi - u permezz tal-introduzzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tad-dejta se joffru mezzi eħfef biex tiġi żgurata u tintwera konformità.

L-ikkjarifikar u l-issimplifikar tar-regoli billi tiġi identifikata liġi unika applikabbli fl-UE kollha u l-istabbiliment ta' "one-stop shop" għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta se jsaħħu s-suq intern, inkluż permezz tat-tneħħija tad-differenzi fil-formalitajiet amministrattivi tal-AtPD. Dan se jippermetti għal iffrankar globali, purament f'termini ta' piż amministrattiv, ta' madwar EUR 2.3 biljun fis-sena.

Il-konsistenza tat-tisħiħ se tiġi inkuraġġita ukoll bit-tisħiħ u bl-armonizzar tas-setgħat tal-AtPD u se toħloq koperazzjoni b'saħħitha u mekkaniżmu ta' għajnuna reċiproka għal każijiet b'dimensjoni tal-UE, u tarmonizza reati suġġetti għas-sanzjonijiet amministrattivi.

Obbligu armonizzat pan-Ewropew biex ikun hemm notifika fil-każ tal-ksur tad-dejta se jipproteġi aħjar lill-individwi, jiżgura konsistenza fis-setturi kollha kemm huma u jevita żvantaġġi kompetittivi.

Id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u l-kontroll tal-individwi fuq id-dejta tagħhom tissaħħaħ b'mod sinifikanti bl-introduzzjoni ta’ drittijiet ġodda u bit-titjib u bl-ikkjarifikar ulterjuri ta' dawk eżistenti. It-tfal se jibbenefikaw mill-miżuri li jindirizzaw b'mod speċifiku l-vulnerabbiltà tagħhom. L-assoċjazzjonijiet se jkollhom kamp ta' applikazzjoni akbar biex jappoġġaw lis-suġġetti tat-dejta fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, inkluż fl-azzjoni quddiem il-qrati.

L-applikar tal-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali jsaħħaħ il-koerenza ġenerali tal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, filwaqt li jirrispetta l-ispeċifiċitajiet inerenti tal-infurzar tal-liġi. Id-drittijiet tal-individwi, b'mod partikolari, jissaħħu billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta f'dan il-qasam fir-rigward tal-ipproċessar "domestiku", jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għall-iżgurar tad-dritt ta' aċċess u jiġu pprovduti regoli aktar stretti dwar il-limitazzjoni tal-iskop.

F'termini ta' impatt finanzjarju u ekonomiku, l-obbligu għall-operaturi ekonomiċi l-kbar (li jħaddmu aktar minn 250 ruħ) biex jinnominaw UPD mhuwiex se joħloq kostijiet sproporzjonati, peress li l-UPD huma diġà komuni f'dawn il-kumpaniji. Il-kostijiet tal-konformità jkunu jammontaw għal EUR 320 miljun fis-sena. L-obbligu jkun ikopri segment minimu neċessarju tal-kontrolluri tad-dejta, minħabba li l-SMEs jiġu esklużi, bħala regola, minn dan l-obbligu, sakemm l-attivitajiet tagħhom tal-ipproċessar tad-dejta ma jinkludux riskji sinifikanti għall-protezzjoni tad-dejta. L-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi jitħallew jaħtru UPD wieħed għal bosta entitajiet (pereżempju, biex ikopri bosta fergħat, dipartimenti, uffiċċji), filwaqt li titqies l-istruttura organizzattiva tagħhom.

Is-simplifikazzjoni tar-regoli għat-trasferimenti internazzjonali (pereżempju, bl-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-"Regoli Korporattivi Vinkolanti") jkollha wkoll impatt pożittiv fuq il-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE.

It-tisħiħ tal-indipendenza u tas-setgħat tal-AtPD, flimkien mal-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdulhom biżżejjed riżorsi, ikunu jinkludu kostijiet addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi li bħalissa ma għandhomx is-setgħat u r-riżorsi xierqa.

Il-koperazzjoni l-ġdida u l-mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka bejn l-AtPD tinkludi wkoll kostijiet addizzjonali għad-AtPD nazzjonali u għall-EDPS. Pereżempju, il-kompiti addizzjonali tal-KEPD biex jipprovdi lis-segretarjat tal-Bord tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta - li jissostitwixxi Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 - b'mod partikolari l-involviment fil-mekkaniżmu ta' konsistenza, x'aktarx se jfissru żieda tar-riżorsi tiegħu ta' bħalissa bi EUR 3 miljun oħra kull sena bħala medja għall-ewwel sitt snin, inklużi l-krediti għal għaxar riżorsi umani addizzjonali.

6.3. Għażla ta' Politika 3: Regoli legali dettaljati fil-livell tal-UE

Iż-żieda ta' aktar dispożizzjonijiet legali dettaljati, inklużi dawk settorjali, lil hinn mill-miżuri li jinsabu fl-għażla 2, iwasslu għal tnaqqis massimu ta' diverġenzi bejn l-Istati Membri. Madankollu, jista' jkun li ma jkunx hemm biżżejjed flessibbiltà għall-Istati Membri biex iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

It-tneħħija totali tan-notifiki – għajr fil-każ ta' kontrolli preċedenti – tista' tissimplifika konsiderevolment l-ambjent regolatorju u tnaqqas il-piż amministrattiv.

L-istabbiliment ta' Aġenzija tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta jista' jtejjeb konsiderevolment il-konsistenza tal-infurzar u jsolvi l-inkonsistenzi għal każijiet b'dimensjoni ċara tal-UE iżda s-setgħat ta' tali aġenzija tal-UE jistgħu jkunu lil hinn mil-liġi tal-UE. Madankollu, dan jista' jkun ta' spiża kbira fuq il-baġit tal-UE. Sanzjonijiet kriminali armonizzati jsaħħu wkoll tisħiħ konsistenti, iżda jistgħu jintlaqgħu bl-istess mod b'oppożizzjoni qawwija mill-Istati Membri.

Id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, inklużi d-drittijiet tat-tfal, jissaħħu ulterjorment, pereżempju billi tiġi estiża d-definizzjoni ta' dejta sensittiva biex tinkludi d-dejta tat-tfal, dejta bijometrika u dejta finanzjarja. L-introduzzjoni ta' dritt għal "azzjonijiet kollettivi" tista’ tippermetti l-immassimizzar tad-drittijiet permezz ta' litigazzjoni. Tisħiħ addizzjonali tad-drittijiet individwali jkun mistenni mill-armonizzar tal-livelli tas-sanzjonijiet, inklużi dawk kriminali, fil-livell tal-UE.

Emendi espliċiti tal-istrumenti kollha li jestendu r-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tal-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali jkollhom impatt pożittiv f'termini ta' konsistenza u ta' koerenza tar-regoli f'dan il-qasam u tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi. Madankollu, talli approċċ radikali jista' jiltaqa' ma' reżistenza min-naħa tal-Istati Membri' u jista' jkun politikament diffiċli biex jinkiseb.

7. It-Tqabbil tal-Għażliet

L-Għażla ta' Politika 1 twassal għal livelli baxxi ta' kostijiet tal-konformità u dawk amministrattivi, b'mod speċjali għall-kontrolluri tad-dejta privata, hekk kif bosta mill-kostijiet addizzjonali jaqgħu fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u tal-UE. Fl-istess ħin ikollha biss impatt pożittiv limitat fuq il-problemi identifikati u fuq l-ilħuq tal-għanijiet tal-politika.

F'termini ta' fattibbiltà politika, minkejja li l-proposti mhumiex kontroversjali, din l-għażla ta' politika x'aktarx taffaċċja reżistenza mill-partijiet interessati bħala riżultat tal-kamp ta' applikazzjoni limitat tagħha u l-impatt tagħha fuq il-problemi, u titqies bħala li mhijiex ambizzjuża biżżejjed.

L-Għażla ta' Politika 2 twassal għal tnaqqis sinifikanti tal-frammentazzjoni u tal-inċertezza legali. Wieħed jista’ jistenna li jkollha impatt akbar fl-indirizzar tal-problemi identifikati u fl-ilħuq tal-għanijiet ta' politika. Il-bilanċ tal-kostijiet tal-konformità u dawk amministrattivi assoċjati ma' din l-għażla ta' politika mistennija jkunu raġonevoli fid-dawl tal-benefiċċji u tal-iffrankar ta' madwar EUR 2.3 biljun f'piż amministrattiv kull sena – xi ħaġa li se tkun importanti ħafna għall-intrapriżi. Din l-Għażla se tiżgura infurzar ġenerali aħjar u aktar konsistenti. It-tneħħija tan-notifiki favur 'sistema ta' reġistrazzjoni bażika' aktar sempliċi tissimplifika wkoll l-ambjent regolatorju u tnaqqas il-piż amministrattiv.

Fir-rigward tal-aċċettazzjoni mill-partijiet interessati, din l-Għażla ġeneralment tintlaqa' b'mod pożittiv mill-operaturi ekonomiċi u mill-awtoritajiet pubbliċi peress li tista' tnaqqas b'mod ġenerali l-kostijiet ta' konformità, b'mod partikolari dawk marbuta mas-sistema ta' frammentazzjoni ta' bħalissa. It-tisħiħ tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta jintlaqa' tajjeb mill-komunità tal-protezzjoni tad-dejta u b'mod partikolari mill-AtPD. Fir-rigward tat-tielet għan ġenerali, din l-għażla tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet li jiġu żgurati aktar koerenza u konsistenza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali billi tirrevoka u "tilliżbonizza" d-Deċiżjoni Qafas, u telimina l-lakuni, b'mod partikolari billi testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha lill-ipproċessar "domestiku".

L-Għażla ta' Politika 3 tinkludi l-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-Għażla ta' Politika 2, filwaqt li tkun ħafna aktar mifruxa taħt bosta aspetti. Għaldaqstant, din ikollha impatt għoli u pożittiv f'termini kemm tat-tnaqqis tal-kostijiet marbuta mal-frammentazzjoni legali u kemm tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi.. Barra minn hekk, din timmassimizza l-konsistenza u l-koerenza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta f'dak li kien it-tielet pilastru u tgħolli l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta f'dak il-kuntest. Madankollu, uħud mill-miżuri inklużi f'din l-għażla jew għandhom kost tal-konformità għoli b'mod eżaġerat jew x'aktarx li jiltaqgħu ma' oppożizzjoni qawwija mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, l-emendar simultanju tal-istrumenti kollha li kienu t-tielet pilastru ikun kumpless ħafna u politikament kontroversjali.

L-Alternattiva Ppreferuta:

L-Alternattiva Ppreferuta tikkonsisti mill-Għażla 2 flimkien:

– mat-tneħħija tan-notifika tal-obbligi mill-Għażla 3, u

– ma’ wħud mill-'miżuri li ma' jorbtux' mill-Għażla 1: l-inkoraġġiment tat-teknoloġiji għat-titjib tal-privatezza u tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni, u kampanji ta' sensibilizzazzjoni

L-Alternattiva Ppreferuta hija l-aktar waħda li mistennija tilħaq l-għanijiet ta' politika mingħajr kostijiet tal-konformità eċċessivi, u bi tnaqqis konsiderevoli tal-piż amministrattiv.

Ir-regoli msaħħin dwar il-protezzjoni tad-dejta huma mistennija jwasslu għal xi kostijiet addizzjonali għall-konformità, b'mod partikolari għall-kontrolluri li jkunu qegħdin jagħmlu attivitajiet riskjużi dwar l-ipproċessar tad-dejta. Madankollu, skema b’saħħitha għall-protezzjoni tad-dejta tista' toffri vantaġġ kompetittiv għall-ekonomija tal-UE, hekk kif il-livell ogħla tal-protezzjoni u l-għadd imnaqqas mistenni tal-inċidenti u tal-ksur tal-protezzjoni tad-dejta jistgħu jżidu l-fiduċja tal-konsumatur. Li kumpaniji jintalbu jadottaw standards għoljin ta' protezzjoni tad-dejta jista' jwassal għal titjib fuq medda twila ta’ żmien għan-negozji Ewropej, li jistgħu jsiru mexxejja dinjija fit-teknoloġija għat-tisħiħ tal-privatezza jew inkella soluzzjonijiet ta' privatezza meqjusa fid-disinn, u b’hekk jattiraw in-negozji, l-impjiegi u l-kapital lejn l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, rigward negozji li joperaw fis-suq intern tal-UE, l-armonizzar imsaħħaħ se jagħmel l-ipproċessar transkonfinali tad-dejta personali aktar sempliċi u orħos. Dan huwa mistenni jipprovdi inċentivi konsiderevoli għal tali negozji biex jespandu b'mod transkonfinali u jgawdu mill-beneriċċji tas-suq intern, b'effetti ta' ġid kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-ekonomija Ewropea inġenerali.

L-Għażla Ppreferuta tinkludi soluzzjoni bbilanċjata wkoll fir-rigward tal-problema 3, minħabba li ssaħħaħ id-drittijiet tal-individwi, telimina l-lakuni u tnaqqas l-inkonsistenzi fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, filwaqt li tiffaċilità l-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet tas-settur u tal-ħtiġijiet operattivi tagħha.

8. Il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-alternattiva ppreferuta se jiffokaw fuq elementi bħall-użu tal-istrumenti l-ġodda introdotti mir-riformi, is-setgħat u r-riżorsi tal-AtPD nazzjonali, is-sanzjonijiet maħruġa għall-ksur tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta, iż-żmien u l-kostijiet li l-kontrolluri tad-dejta jiddedikaw għall-konformità, u l-iżvilupp tal-fiduċja tal-individwi fil-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom fl-ambjent onlajn.

[1]               Ara l-Eurobarometru Speċjali 359 – Attitudnijiet dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Identità Elettronika fl-Unjoni Ewropea, Ġunju 2011, p. 23.

Top