EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0226

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE

/* COM/2012/0226 final */

52012DC0226

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE /* COM/2012/0226 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE

1.           Introduzzjoni

Matul dawn l-aħħar snin, il-qagħda tar-Rom[1] kompliet issir iktar iċ-ċentru tal-attenzjoni politika fl-Ewropa. Ir-Rom – l-akbar minoranza fl-Ewropa b'popolazzjoni ta' bejn l-10 u t-12-il miljun ruħ – huma ħafna drabi l-vittmi ta' razziżmu, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali u jgħixu f'faqar kbir mingħajr aċċess għas-servizzi tas-saħħa u akkomodazzjoni deċenti. Ħafna nisa u tfal Rom huma l-vittmi ta' vjolenza, sfruttament u traffikar tal-bnedmin[2], inkluż fi ħdan il-komunitajiet tagħhom stess. Ħafna tfal Rom jiġru fit-toroq minflok imorru l-iskola. Livelli ta' edukazzjoni li għadhom lura u diskriminazzjoni fis-swieq tax-xogħol wasslu għal qgħad u rati ta’ inattività għoljin jew impjiegi ta' kwalità baxxa, ta' ħiliet baxxi u b’pagi baxxi għar-Rom. Dan jikkawża telf ta' potenzjal li jirrendi l-isforzi biex jiġi żgurat it-tkabbir aktar diffiċli[3]. Integrazzjoni aħjar tar-Rom hija għalhekk ħtieġa kemm morali kif ukoll ekonomika, li barra minn hekk se teħtieġ bidla fil-mentalità tal-maġġoranza tan-nies kif ukoll tal-membri tal-komunitjiet tar-Rom.

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija u l-kompetenzi li jbiddlu l-qagħda ta' popolazzjonijiet emarġinati, għaldaqstant l-azzjoni għall-appoġġ tar-Rom tinsab l-ewwel u qabel kollox f'idejhom. Biex tappoġġjahom fl-indirizzar ta' din is-sitwazzjoni, l-UE poġġiet għad-dispożizzjoni firxa wiesgħa ta' strumenti legali, ta' politika u finanzjarji. Minkejja li ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, il-bżonnijiet u s-soluzzjonijiet meħtieġa jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa, il-valuri komuni ta' libertà ta' moviment u drittijiet fundamentali u għanijiet komuni ta' stabbiltà politika, prosperità ekonomika, koeżjoni soċjali u solidarjetà bejn l-Istati Membri jsejħu għal rwol Ewropew fil-politiki għall-integrazzjoni tar-Rom. Barra minn hekk, sfidi persistenti rigward l-integrazzjoni sħiħa tar-Rom li huma ċittadini tal-UE fis-soċjetajiet tagħhom għandhom impatt dirett fuq ir-relazzjonijiet usa' tal-UE ma' pajjiżi terzi, pereżempju rigward il-ħtiġiet tal-viża applikati minn uħud minn dawn għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri[4].

Kien għalhekk li fil-5 ta' April 2011 il-Kummissjoni Ewropea adottat Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020[5], li jsejjaħ lill-Istati Membri biex iħejju jew jirrevedu l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom[6] sabiex jindirizzaw b'mod iktar effettiv l-isfidi tal-integrazzjoni tar-Rom u jagħmlu progress kostanti biex itejbu s-sitwazzjoni b'mod tanġibbli sal-aħħar ta' dan id-deċennju. L-approvazzjoni tal-Qafas mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tal-UE[7] indikat li l-inklużjoni tar-Rom hija prijorità importanti għall-Istati Membri kollha, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja.

L-għan tal-Qafas tal-UE huwa li jgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini Rom billi jbiddlu l-approċċ għall-inklużjoni tagħhom. Id-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni kif ukoll f'oqsma oħra abbażi ta' oriġini razzjali jew etnika hija diġà pprojbita mil-liġi tal-UE, iżda l-leġiżlazzjoni waħedha mhix biżżejjed: L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ integrat u sostenibbli li jgħaqqad l-isforzi madwar oqsma differenti, inklużi l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Għall-ewwel darba l-qafas tal-UE jindirizza l-inklużjoni tar-Rom fil-livell tal-UE u jorbotha b'mod ċar mal-istrateġija Ewropa 2020[8]. l-emarġinazzjoni ekonomika u soċjali persistenti tar-Rom hija relevanti b'mod dirett għall-istrateġija. Tlieta minn ħames miri ewlenin tal-Ewropa 2020 huma marbuta direttament mal-miri tal-Qafas tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom: il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, żieda fil-livelli tal-impjieg, u tnaqqis fit-tluq bikri mill-iskola filwaqt li tiżdied l-attendenza fl-edukazzjoni terzjarja. Għal Stati Membri b'popolazzjoni Rom akbar biex isir progress suffiċjenti lejn il-miri tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni tal-Ewropa 2020 se jeħtieġ li s-sitwazzjoni tar-Rom tiġi indirizzata espliċitament u malajr.

Il-fondi tal-UE (b’mod partikolari l-Fondi Strutturali) jistgħu jkunu għodda qawwija biex titjieb is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ta' gruppi żvantaġġati, bħar-Rom, iżda ftit wisq mill-EUR 26.5 biljun allokati biex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-inklużjoni soċjali għall-perjodu 2007-2013 qed jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet żvantaġġati Rom.

Il-Kummissjoni Ewropea mpenjat ruħha biex tevalwa l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li huwa l-għan ta' din il-Komunikazzjoni. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-firxa wiesgħa ta' kontributi li saru mis-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra u l-kontribuzzjonijiet magħmula fil-qafas tal-laqgħa straordinarja tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom li saret fi Brussell fit-22 ta’ Marzu 2012.

L-adozzjoni ta’ Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom se tagħti kontribut fit-twettiq ta' differenza reali fil-ħajja tal-popolazzjoni Rom. Fil-fażi li jmiss, l-isforzi għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni bbażata fuq pjanijiet ta' azzjoni b'miżuri speċifiċi li jaqblu mal-miri għall-inklużjoni tar-Rom, appoġġati minn skeda ċara u finanzjament xieraq.

2.           Valutazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali

Sa Marzu 2012 l-Istati Membri kollha kienu ppreżentaw Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom jew sett korrispondenti ta’ miżuri politiċi fi ħdan il-politiki usa' tagħhom għall-inklużjoni soċjali. Xi wħud minnhom għażlu li jirrevedu l-istrateġiji eżistenti fid-dawl tal-Qafas tal-UE, filwaqt li oħrajn żviluppaw l-ewwel strateġiji nazzjonali tagħhom. L-istrateġiji nazzjonali jvarjaw skont id-daqs tal-popolazzjoni Rom u l-isfidi li l-Istati Membri jeħtieġ jindirizzaw[9].

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq l-evalwazzjoni tal-approċċi tal-Istati Membri lejn l-erba' oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-servizzi tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, u fuq kif inhuma indirizzati r-rekwiżiti strutturali (il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-monitoraġġ, l-antidiskriminazzjoni, u t-twaqqif ta' punt ta' kuntatt nazzjonali) kif ukoll il-finanzjament. F'kull taqsima, tabella sommarja jindika l-Istati Membri li jipproponu li jdaħħlu miżuri speċifiċi meħtieġ mill-Qafas tal-UE[10]. L-Istati Membri li mhumiex elenkati ma indikawx miżuri bħal dawn u jeħtiġilhom jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet speċifiċi, jekk huma rilevanti għall-popolazzjoni Rom tagħhom.

Abbażi tal-valutazzjoni, sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta' politika f’kull taqsima jindika l-prijoritajiet li l-Istati Membri għandhom ikomplu jindirizzaw, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu integrati fil-qafas globali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

2.1.        L-Erba' Oqsma Ewlenin

(a) L-Edukazzjoni

L-għan tal-UE hu li tiżgura li t-tfal Rom kollha mill-inqas ilestu l-iskola primarja u jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità[11].

L-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-importanza tal-edukazzjoni, u ħafna minnhom stabbilixxew miri li ġeneralment imorru lil hinn mill-istandard minimu tat-tlestija ta’ skola primarja stabbilita fil-Qafas tal-UE, li jkopru firxa usa ta’ edukazzjoni mill-kindergarten[12] sal-iskola sekondarja u anke edukazzjoni terzjarja.

Skont il-liġijiet nazzjonali, it-tfal fl-UE li għandhom l-età tal-iskola jridu jattendu l-iskola primarja. Madankollu, mill-inqas 10% tat-tfal Rom li għandhom minn 7 snin sa 15-il sena f''għadd ta' Stati Membri ġew identifikati, fi stħarriġ reċenti mwettqa mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, li ma jmorrux skola[13]. Bħala l-ewwel pass biex jakkwistaw ħiliet bażiċi, l-Istati Membri għandhom ifittxu jżidu r-rati tal-attendenza. B'mod partikolari, sabiex jiżdied l-għadd ta' dawk li jlestu l-edukazzjoni primarja, l-Istati Membri għandhom iżidu l-għadd ta' dawk li jinkitbu fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, it-taħriġ tal-għalliema u medjaturi, u l-inklużjoni ta' studenti Rom fl-edukazzjoni tradizzjonali.

Miżuri bl-għan li jonqos it-tluq mill-iskola fl-edukazzjoni sekondarja huma ppjanati f’diversi Stati Membri, filwaqt li xi Stati Membri jipprevedu li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-istudenti Rom fl-edukazzjoni terzjarja.

Miżuri biex jiżdied il-ksib edukattiv tat-tfal

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom[14]

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali || BE, BG, CZ, DK, DE, EE, IE, EL, ES, IT, CY, LV, LT, LU, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, UK

Għanijiet konkreti biex jonqos id-distakk fl-edukazzjoni || BE, BG, CZ, EL, ES, IT, CY, LU, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, UK

Jitwessa' l-aċċess għal edukazzjoni u kurata' kwalità għat-tfulija bikrija || CZ, EL, ES, IT, CY, LV, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI

Miżuri biex ikun żgurat li t-tfal Rom ilestu għall-inqas l-edukazzjoni primarja || BE, BG, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, LV, LU, HU, NL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

Jonqos it-tluq mill-iskola sekondarja || BG, CZ, IE, EL, ES, FR, IT, HU, AT, PL, PT, RO, SK, FI, UK

Tiżdied l-edukazzjoni terzjarja || CZ, ES, IT, HU, PT, FI

Miżuri mmirati għall-prevenzjoni tas-segregazzjoni || CZ, EL, ES, HU, PL, RO, SK

Miżuri ta’ appoġġ || BE, CZ, EE, IE, ES, IT, CY, LV, LT, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

Diversi Stati Membri jipprovdu miżuri ta' appoġġ addizzjonali, bħal programmi ta' istruzzjoni u tagħlim fil-lingwa tar-Rom, programmi ta' appoġġ għat-tagħlim, bħal ngħidu aħna appoġġ għat-tagħlim wara l-ħinijiet tal-iskola jew klassijiet riparatorji, edukazzjoni tal-ġenituri, inkluża l-medjazzjoni, u tixrid ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-edukazzjoni.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fl-edukazzjoni

Filwaqt li tinvolvi assistenti u medjaturi Rom, is-Slovenja tfittex li tinkludi lit-tfal Rom kemm jista' jkun kmieni fil-proċessi edukattivi (preprimarja). Bi kwalità aħjar ta' taħriġ għall-fornituri tal-edukazzjoni u aktar netwerks ta’appoġġ għat-tagħlim, ir-rata tat-tlestija għal tfal Rom fl-edukazzjoni inġenerali ser titjieb b'mod sinifikanti (f' Ljubljana, medja ta' 54.3% fl-edukazzjoni sekondarja kontra 18.7% għar Rom). Barra minn hekk, qed tingħata attenzjoni għall-promozzjoni tal-kultura u l-patrimonju tar-Rom. Spanja qiegħda twaqqaf programmi ġodda ta' medjazzjoni biex jgħinu jonqos it-tluq kmieni mill-iskola u l-assenteiżmu (fl-edukazzjoni primarja, l-għan huwa li dan jitnaqqas minn 22.5% illum għal 15% sal-2015 u sa 10% sal-2020). Il-mudell Kauhajoki fil-Finlandja huwa bbażat fuq tliet għalliema li ġejjin minn sfond Rom. Għalliema tal-kindergarten jipprovdu appoġġ għat-tfal u għall-familji li jipparteċipaw f' edukazzjoni tat-tfulija bikrija; assistenti għall-bżonnijiet speċjali jipprovdu appoġġ għal tfal li jattendu l-iskola komprensiva; u amministraturi tal-każ jjagħtu appoġġ lil adulti żgħażagħ fi studji ulterjuri u t-tfittxija għal impjieg.

Barra minn hekk, l-appoġġ għall-kultura u l-istorja tar-Rom fil-kurrikulu ġenerali jissemma f'numru kbir ta' dokumenti. B’mod ġenerali, il-maġġoranza tal-istrateġiji jenfasizzaw li fehim aħjar tal-kultura hu meħtieġ għall-ġlieda kontra l-isterjotipi.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità fil-qasam tal-edukazzjoni li: · tiġi eliminata s-segregazzjoni skolastika u l-użu ħażin tal-edukazzjoni għal bżonnijiet speċjali; · tiġi infurzata bis-sħiħ l-edukazzjoni obbligatorja u tingħata promozzjoni lit-taħriġ vokazzjonali; · tiżdied ir-reġistrazzjoni għal edukazzjoni bikrija u l-kura tat-tfal żgħar; · jitjieb it-taħriġ tal-għalliema u l-medjazzjoni fl-iskejjel; · tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ġenituri dwar l-importanza tal-edukazzjoni.

(b) L-impjiegi

L-għan tal-UE huwa li jonqos id-distakk fl-impjiegi bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni[15].

L-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-ħtieġa li jnaqqsu d-distakk fl-impjiegi bejn ir-Rom u dawk li mhumiex Rom. Biex jagħmlu dan, hemm bżonn jiġi nkoraġġit approċċ integrat fl-Istati Membri kollha, partikolarment f'dawk b'popolazzjoni Rom iktar kbira jew fejn din id-differenza hija aktar sinifikanti. Barra minn hekk, il-politiki ta’ inklużjoni attiva[16] għandhom jilħqu wkoll lir-Rom. Barra minn hekk, sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli, jeħtieġ li l-Istati Membri jiddeskrivu l-għanijiet tagħhom f’termini ta’ miri kwantifikabbli sostnuti b'dejta referenzjarja sabiex il-progress ikun jista' jiġi mmonitorjat.

Notevolment f'dawk l-Istati Membri b’persentaġġ ogħla ta’ Rom, din il-popolazzjoni ġeneralment tinsab f'żoni rurali.. L-istrateġija ta' dawn l-Istati Membri għandha tqis din id-distribuzzjoni ġeografika, tidentifika attivitajiet xierqa li r-Rom jistgħu jipparteċipaw fihom (kemm fis-settur agrikolu kif ukoll dak mhux) u tiżgura opportunitajiet reali ta' impjiegi għar-Rom.

Miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali || L-Istati Membri kollha

Għanijiet konkreti għat-tnaqqis tad-distakk fl-impjiegi || BG, CZ, EL, ES, FR, HU, PL, PT, RO, SI, SK, FI

Miżuri ġenerali fi ħdan il-prinċipju tat-trattament indaqs għat-tnaqqis tad-distakk fl-impjiegi || DK, DE, EE, IE, FR, CY, LV, LU, NL, AT, PL, SE

Miżuri addizzjonali jew speċifiċi għar-Rom[17] || BG, CZ, IE, ES, HU, AT, PT, RO, SI, SK, FI, SE

Aċċess għall-mikrokreditu Ħaddiema taċ-ċivil fis-settur pubbliku Servizzi personalizzati: || IE, EL, ES, FR, IT, HU, PT, RO, SK, FI IE IE, IT, HU, PT, RO, FI, SE

Approċċ integrat || BG, CZ, ES, HU, SI, SK, FI, UK

Il-miżuri ssuġġeriti fil-Qafas tal-UE, bħal li jiġi pprovdut aċċess għall-mikrokreditu, li jiġu impjegati ħaddiema taċ-ċivil ikkwalifikati fis-settur pubbliku u jingħataw servizzi personalizzati u medjazzjoni ġew indirizzati biss minn uħud mill-Istati Membri. Diversi miżuri speċifiċi jipprevedu miżuri speċifiċi oħra biex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju tar-Rom għas-suq tax-xogħol, inkluż pereżempju taħriġ vokazzjonali u fuq il-post tax-xogħol, jew jiġi ffaċilitat l-aċċess gћall-kura tat-tfal. Bosta Stati Membru qed jippjanaw miżuri apparti dawk proposti fil-Qafas tal-UE.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fid-dinja tax-xogħol

Spanja għandha l-għan li żżid ir-rata tal-impjiegi fost il-popolazzjoni Rom minn 44% (fl-2011) għal 50% fl-2015 u 60% fl-2020, bl-għan speċifiku għall-impjieg tan-nisa Rom. Il-programmi ser jipprovdu l-ħiliet neċessarji u fl-istess ħin jiffaċilitaw aċċess għal programmi ta' taħriġ ordinarju biex wieħed jikseb impjieg. L-Awstrija tippromwovi l-aċċess taż-żgħażagħ Rom minn komunitajiet Awstrijaka u immigranti fis-suq tax-xogħol permezz tal-proġett Thara li jinkludi xogħol fil-komunità, kowċing u taħriġ. Il-proġett Thara preċedenti (2011-2012) kien iffukat fuq l-aċċess tar-Rom ċittadini u immigranti għall-impjiegi, li kien jilħaq 107 Rom u 56 parteċipant mill-amministrazzjoni pubblika u s-soċjetà ċivili. Bi tkomplija fuq ir-riżultati miksuba l-proġett attwali jimmira b'mod aktar speċifiku lejn l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol inkluż l-appoġġ gћal impjieg indipendenti. Il-Bulgarija għandha l-għan li sal-2015 iżżid il-livell tar-Rom fix-xogħol, l-aktr permezz ta' appoġġ mill-FSE, billi torganizza korsijiet ta' taħriġ għal aktar minn 28 000 persuna Rom qiegħda u impjegata sabiex ittejjeb il-kapaċità tagħhom ta' impjegabilità kif ukoll il-kwalifiki u billi tħarreġ 1 500 persuna fil-maniġment u l-intraprenditorija.

Żieda fil-parteċipazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri li għandhom popolazzjonijiet kbar Rom se tissarraf f’benefiċċji ekonomiċi ċari, b' mod partikolari fi żminijiet ta' tbatija ekonomika.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità, fil-qasam tax-xogħol: · jipprovdu assistenza mfassla apposta fit-tfittxija għax-xogħol u fis-servizzi tax-xogħol; · jagħtu sostenn lil skemi ta' xogħolijiet pubbliċi tranżnazzjonali ikkombinati mal-edukazzjoni kif ukoll lil-intrapriżi soċjali li jimpjegaw lir-Rom jew jipprovdulhom servizzi speċifiċi; · jagħtu appoġġ lill-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol; · jeliminaw l-ostakli, inkluża d-diskriminazzjoni, għad-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa; · jipprovdu appoġġ iktar b'saħħtu għal impjieg indipendenti u għall-intraprenditorija.

(c) Is-servizzi tas-saħħa

L-għan tal-UE huwa li jitnaqqas id-distakk fl-istatus tas-saħħa bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni.

Għalkemm l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa huwa universali fl-Istati Membri kollha, fir-realtà r-Rom mhux kollha għandhom aċċess għal dawn is-servizzi daqs il-bqija tal-popolazzjoni. Il-maġġoranza tal-Istati Membri qed jimmiraw biex itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa għar-Rom permezz ta’ attivitajiet ta' komunikazzjoni u metodi oħra. Xi Stati Membri inkludew miżuri biex inaqqsu l-inugwaljanzi ta' saħħa bejn il-popolazzjoni rom u dik mhux Rom li jinvolvu firxa ta' azzjonijiet preventivi li jmorru lil hinn minn dawk enfasizzati fil-Qafas tal-UE. Madankollu, ftit Stati Membri biss iddentinixxew approċċ komprensiv biex itejbu s-saħħa tar-Rom.

Bosta Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ jew qed jikkunsidraw programmi li jinvolvu Rom ikkwalifikati bħala medjaturi sabiex jitjieb l-aċċess għall-kura tas-saħħa. Dawn huma inizjattivi milqugħa ħafna. Madankollu, dawn il-miżuri jeħtieġ li jiġu ssupplimentati minn azzjonijiet oħra biex ikollhom impatt sinifikanti fuq differenzi ta' saħħa bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni.

Il-ħtieġa għal approċċ sistematiku u integrat għas-saħħa ġiet identifikata bħala sfida ewlenija. Din teħtieġ koordinazzjoni bejn is-settur tas-saħħa u setturi oħra – partikolarment l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-antidiskriminazzjoni.

Miżuri biex jitjiebu s-servizzi tas-saħħa

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali || BG, CZ, IE,, EL, ES, FR, IT, HU, RO, SI, SK, SE

Għanijiet konkreti għat-tnaqqis tad-distakk fis-saħħa || BG, CZ, IE, EL, ES, FR, IT, HU, RO, SI, SK

Miżuri ġenerali li jiddependu minn strutturi eżistenti biex jonqos id-distakk fis-saħħa || DK, DE, EE, FR, CY, LV, LU, NL, AT, PL, PT, SE

Aċċess għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità speċjalment għat-tfal u għan-nisa || EE, EL, ES, FR, IT, HU, PL, SK, SE

Miżuri addizzjonali[18] || BE, BG, CZ, EE, ES, HU, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

Diversi Stati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm attenzjoni speċjali fuq is-saħħa tat-tfal u tan-nisa[19]. Xi Stati Membri jsemmu l-importanza tat-taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa biex jaħdmu man-nies minn sfondi soċjokulturali differenti.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fis-servizzi tas-saħħa

L-Ungerija timmira li tħarreġ 2 000 mara Rom bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew u tiffaċilita l-kisba ta' esperjenza prattika rigward is-servizzi soċjali u tal-benessri tat-tfal u tal-ħarsien tat-tfal, kif ukoll ħaddiema soċjali għall-appoġġ tal-familja, żviluppaturi tal-komunità, faċilitaturi tal-impjiegi u medjaturi fis-servizzi tas-saħħa. L-Irlanda għamlet disponibbli firxa wiesgħa ta' servizzi tas-saħħa mmirati għall-Vjaġġaturi, bħal Unitajiet tas-Saħħa għall-Vjaġġaturi u Proġetti rigward Servizzi tas-Saħħa Primarja (inklużi medjaturi tas-saħħa u infermiera mill-qasam tas-saħħa pubblika għall-Vjaġġaturi). Mill-1994'l hawn, xi Vjaġġaturi nisa ġew imħarrġa bħala medjaturi tas-saħħa fil-komunità biex jiżviluppaw kura tas-saħħa primarja bbażata fuq il-valuri tal-komunitajiet tal-Vjaġġaturi. Fir-Rumanija, sabiex jiżdied l-aċċess tal-poplu Rom għas-servizzi tas-saħħa pubbliċi, sal-2011 il-gvern kien impjega madwar 450 medjatur tas-saħħa. Ir-rwol tagħhom huwa li jiffaċilitaw id-djalogu bejn ir-Rom u l-istituzzjonijiet mediċi u l-persunal mediku. Dawn jappoġġjaw attivament nies Rom fil-proċess ta' ksib tad-dokumenti ta' identifikazzjoni, l-assigurazzjonijiet tas-saħħa, ir-reġistrazzjoni fuq il-listi tat-tobba tal-familja u jagħmlu lill-ommijiet konxji tad-diversi kwistjonijiet ta' saħħa. Billi dan kien jirrappreżenta prattika pożittiva, għan wieħed għall-inklużjoni tar-Rom huwa li sal-2020 l-għadd ta' medjaturi tas-saħħa jiżdied b’25%.

Madankollu, jeħtieġ li dawn l-impenji jiġu msaħħaħ b'limiti ta' żmien ċari għall-implimentazzjoni tagħhom u billi jistabbilixxu miri miżurabbli hekk li l-progress ikun jista' jiġi segwit. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri jeħtieġ jallokaw mezzi finanzjarji aktar ċari biex inaqqsu inugwaljanzi tas-saħħa.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa: · l-estensjoni ta' kopertura u servizzi tas-sigurtà soċjali bażiċi u tas-saħħa (ukoll permezz tal-indirizzar tar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet lokali); · it-titjib tal-aċċess tar-Rom, flimkien gruppi vulnerabbli oħra, għal servizzi bażiċi, ta' emerġenza u speċjalizzati; · it-tnedija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar spezzjonijiet mediċi regolari, kura kemm ta' qabel kif ukoll ta' wara t-twelid, l-ippjanar tal-familja u t-tilqim tal-immunità; · l-iżgurar li l-miżuri tas-saħħa preventiva jilħqu lir-Rom, u b’mod partikolari n-nisa u t-tfal; · it-titjib l-kundizzjonijiet ta' għajxien b' iffukar fuq l-insedjamenti segregati.

(d) L-akkomodazzjoni u s-servizzi essenzjali

L-għan tal-UE huwa li tagħlaq id-distakk bejn il-proporzjon tar-Rom li għandhom aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-utilitajiet pubbliċi u dak tal-bqija tal-popolazzjoni.

Għalkemm l-Istati Membri kollha jaqblu mal-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni ta' ħafna Rom, ftit qed jipproponu miżuri konkreti bħala parti minn approċċ integrat biex jittrattaw is-sitwazzjoni. Miżuri indipendenti li mhumiex parti minn approċċ komprensiv ta' akkomodazzjoni inklużi miżuri oħra ta' akkumpanjament fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi u kura tas-saħħa jistgħu ma jiksbux riżultati dejjiema. L-Istati Membri għalhekk huma mħeġġa jikkunsidraw iwessgħu l-ambitu tal-interventi għall-akkomodazzjoni, l-ippjanar urban u l-iżvilupp rurali u jagħmluhom parti minn tali pjani komprensivi. Xi Stati Membri, speċjalment dawk b'popolazzjoni relattivament żgħira ta' Rom, qed jindirizzaw l-isfidi tal-akkomodazzjoni tar-Rom fi ħdan l-istrutturi eżistenti. Diversi Stati Membri qed jindirizzaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali.

Miżuri biex titjieb is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali || (L-Istati Membri kollha (minbarra LT)

Għanijiet konkreti biex inaqqsu d-distakk fl-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-utilitajiet pubbliċi || (L-Istati Membri kollha (minbarra LT)

Miżuri ġenerali li jserrħu fuq l-istrutturi eżistenti || DK, DE, EE, LV, LU, NL, AT, SE

Aċċess għal-akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali || BG, CZ, DK,DE, IE, ES, IT, CY, HU, AT, PT, SI, SK, SE,

Jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni mhux sedentarja || BE, IE, FR, AT,UK

Approċċ integrat || CZ, ES, FR, HU, PT, RO, FI,

Ftit Stati Membri biss qed jippjanaw miżuri speċifiċi li jippromwovu l-aċċess mhux diskriminatorju għall-akkomodazzjoni. Il-maġġoranza tal-Istati Membri bi Vjaġġaturi jinkludu miżuri speċifiċi għal popolazzjonijiet mhux sedentarji. L-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tal-komunitajiet lokali Rom u dawk mhux Rom huwa essenzjali għall-Istati Membri sabiex isibu soluzzjonijiet sostenibbli.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fl-akkomodazzjoni

Fir-Renju Unit, l-awtoritajiet reġjonali ta' Wales stabbilew miżuri speċifiċi biex itejbu l-akkomodazzjoni u l-aċċess tar-Rom u tal-Vjaġġaturi għas-servizzi. Il-finanzjament disponibbli lill-awtoritajiet lokali mill-gvern ta’ Wales li jippermetti għat-tiġdid u l-ħolqien ta' siti ġodda żdied minn 75% għal 100%. Fl-Ungerija, għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali ta' dawk li jgħixu f’ambjenti segregati, se jiġu implimentati programmi integrati mmirati biex jittejbu l-kundizzjonijiet soċjali, komunitarji, edukattivi, tas-servizzi tas-saħħa, tal-impjiegi u tal-akkomodazzjoni bl-użu ta' riżorsi kemm tal-FSE kif ukoll tal-FEŻR. Minbarra t-twaqqif ta’ ċentri tal-komunità biex jipprovdu servizzi iġjeniċi u servizzi oħra għall-abitanti, se jkunu mmirati wkoll il-ħtiġiet tagħhom ta' akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali. Fi Franza, bosta awtoritajiet lokali żviluppaw "insertion villages" "villaġġi ta' inseriment" sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ persuni żvantaġġjati, inklużi r-Rom, li jgħixu f'insedjamenti illegali. Proġetti bħal dawn se jiġu replikati minn awtoritajiet lokali oħra bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

B'kunsiderazzjoni għall-importanza tal-livell lokali għall-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna biex jippromwovu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u investimenti territorjali integrati appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni[20].

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità fil-qasam tal-akkomodazzjoni li: · jippromwovu d-desegregazzjoni; · jiffaċilitaw approċċi ta' akkomodazzjoni integrati lokali b'attenzjoni speċjali għall-utilità pubblika u għall-infrastrutturi tas-servizzi soċjali; · fejn applikabbli, itejbu d-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali u siti ta' waqfien b'aċċess għal servizzi affordabbli bħala parti minn approċċ integrat.

2.2.        Valutazzjoni tar-Rekwiżiti Strutturali

L-Qafas tal-UE jsejjaħ lill-Istati Membri sabiex isegwu approċċ immirat konformi mal-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-inklużjoni tar-Rom, u jiżguraw li l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom tagħhom ikunu konsistenti mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma Nazzjonali fil-qafas Ewropa 2020.

(a) Il-mobilizzazzjoni tal-livell reġjonali/lokali u tas-soċjetà ċivili

Il-Qafas tal-UE enfasizza l-ħtieġa għal djalogu kontinwu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll mas-soċjetà ċivili tar-Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali.

Filwaqt li bosta Stati Membri jenfasizzaw proġetti lokali jew inizjattivi meħuda mill-awtoritajiet lokali jew reġjonali sabiex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, huma biss ftit li espliċitament jipprevedu l-mobilizzazzjoni ta' dawn l-awtoritajiet fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji. Barra minn hekk, ftit hemm indikazzjoni tal-involviment jew konsultazzjoni ma' dawn l-atturi pubbliċi lokali fit-tfassil tal-istrateġiji. Fi ftit każijiet, l-Istati Membri ma jidentifikawx miżuri ċari fil-livell nazzjonali, iżda programmi konkreti huma implimentati fil-livelli reġjonali u lokali.

Fir-rigward tas-soċjetà ċivili, diversi Stati Membri għamlu konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ rappreżentanti tar-Rom u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tad-dokumenti ta' politika tagħhom, għalkemm il-kontributi li rċevew ma kinux dejjem aċċettati.

Il-mobilizzazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

Il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew ir-Rom/ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili meta tfasslet l-istrateġija || BE, BG, DK, DE, EE, IE, ES, FR, IT, LV, HU, NL, AT,, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

L-involviment ippjanat tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni || BE, BG, CZ, DE, IE, EL, ES, FR, CY, LV, LT, AT, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

L-involviment ippjanat tar-Rom/tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni || BE, BG, DE, IE, EL, ES, FR, LV, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

Madankollu, ħafna Stati Membri naqsu li jispjegaw kif jaraw il-koperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali fuq naħa waħda, u mas-soċjetà ċivili kif ukoll mal-komunitajiet Rom fuq l-oħra, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tagħhom. L-Istati Membri jeħtieġ jagħmlu aktar sforzi biex verament jinvolvu kemm l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll is-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-istrateġiji nazzjonali.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom, bħala prijorità: · jinvolvu mill-qrib, skont il-kompetenzi speċifiċi tagħhom, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fir-reviżjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji; · jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi r-Rom, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji; · jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-livelli differenti ta' governanza involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji; · jintegraw bħala element ewlieni l-inklużjoni tar-Rom fl-aġenda reġjonali u lokali; · jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex isaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tar-Rom.

(b) Monitoraġġ u l-evalwazzjoni effettivi tal-implimentazzjoni tal-politika

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fl-istrateġiji tagħhom metodi sodi ta' monitoraġġ biex jivvalutaw l-impatt tal-azzjonijiet rigward l-inklużjoni tar-Rom u mekkaniżmu ta' reviżjoni biex jiġu adattati l-istrateġiji.

Diversi Stati Membri jirrikonoxxu l-ħtieġa għal sistema soda ta’ monitoraġġ u xi wħud minnhom qed iħabirku biex idaħħlu fis-seħħ tali sistema jew mill-inqas qed jippjanaw biex jiżviluppaw waħda. Xi Stati Membri rnexxielhom jittestjaw approċċ territorjali għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, partikolarment f' dawk l-oqsma fejn id-deprivazzjoni hija aktar ħarxa. Madankollu, jinħtieġu sforzi sostanzjali biex jintlaħqu l-aspettativi stipulati mill-Qafas tal-UE u biex ikun żgurat rappurtaġġ xieraq dwar l-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom fil-qafas tal-proċess Ewropa 2020, fejn xieraq.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

Monitoraġġ qawwi sabiex jiġi evalwat l-impatt || IE, LV, PT, SK

Mekkaniżmu ta' reviżjoni għall-adattament tal-istrateġija || BG, IE, EL, ES, LV, SK, FI, SE

Bħala parti minn approċċ integrat l-Istati Membri għandhom: · jiżviluppaw jew jagħmlu użu minn sistemi robusti eżistenti ta' monitoraġġ billi jiffissaw linja ta' referenza, indikaturi xierqa u u miri miżurabbli f’kollaborazzjoni, fejn possibbli, mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika; · jiżguraw li kull programm jipprevedi l-evalwazzjoni tar-relevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-impatt tiegħu.

(c) L-antidiskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra r-Rom imma li dawn jiġu ttrattati daqs kwalunkwe persuna oħra b'aċċess indaqs għad-drittijiet fundamentali kollha stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

L-Istati Membri kollha ffukaw fuq il-promozzjoni tal-anti-diskriminazzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-istrateġiji tagħhom. F’diversi strateġiji, taqsima speċifika jew kapitlu huwa ddedikat biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem (inkluża l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin).

Miżuri għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u non-diskriminazzjoni

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

Sforzi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u nondiskriminazzjoni || BE, BG, CZ, DK, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, CY, LV, LT, LU, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK

Li jiġi ndirizzat in-nuqqas tar-reġistrazzjoni tar-Rom fir-reġistri nazzjonali tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta' karti tal-identità, fejn applikabbli, huma prerekwiżiti assoluti sabiex jiġi żgurat aċċess indaqs għas-servizzi pubbliċi. Dan għandu jiġi indirizzat b'mod urġenti u kif xieraq minn dawk l-Istati Membri fejn dan huwa sfida.

L-intensifikar tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu, inklużi dawk il-forom li jaffettwaw il-poplu Rom, irid ikun parti minn strateġija qawwija f’kull Stat Membru. Dan għandu jkun ibbażat fuq osservanza sħiħa tal-liġijiet tal-UE[21] u dawk nazzjonali minn kulħadd u fuq is-sensibilizzazzjoni dwar l-interess tas-soċjetà rigward l-integrazzjoni tar-Rom. Opportunitajiet għal inkontri interkulturali jistgħu jappoġġjaw din is-sensibilizzazzjoni u jiffaċilitaw biex titwarrab l-istigmatizzazzjoni.

It-tfal Rom huma grupp partikolarment vulnerabbli rigward l-aċċess għad-drittijiet fundamentali, li huwa rarament indirizzat barra fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa. Diversi strateġiji jiddedikaw attenzjoni speċifika għas-sitwazzjoni tan-nisa Rom, għalkemm jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Għadd sinifikanti ta' Rom li jgħixu fl-Istati Membri huma ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legali, li jiffaċċjaw l-istess sfidi bħall-emigranti li ġejjin minn barra l-UE. Dawn m’għandhomx jiġu diskriminati, iżda għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lil migranti li mhumiex fl-UE.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom, bħala prijorità: · jiżguraw li r-Rom kollha jkunu rreġistrati mal-awtoritajiet xierqa; · isaħħu l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni inkluża d-diskriminazzjoni multipla; · jibnu l-għarfien pubbliku rigward il-benefiċċji komuni li jirriżultaw mill-inklużjoni tar-Rom; · jiġġieldu xogħol tat-tfal u jindirizzaw b'mod iktar effettiv it-traffikar tal-bnedmin, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

(d) Punti ta' kuntatt nazzjonali

Il-Qafas tal-UE talab lill-Istati Membri biex jaħtru punt ta' kuntatt nazzjonali għal Strateġija Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom mal-awtorità nazzjonali biex jikkoordinaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Kollha segwew din it-talba u issa għandhom punti ta' kuntatt nazzjonali, ħafna minnhom fuq livell għoli[22]. L-identifikazzjoni ċara tal-awtoritajiet ta' koordinazzjoni fis-27 Stat Membru kollha hija titjib meta mqabbel mal-passat u indikatur qawwi tar-rieda politika biex jindirizzaw l-isfidi tal-integrazzjoni tar-Rom[23]. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn punti nazzjonali ta' kuntatt u l-awtoritajiet inkarigati mill-finanzjament u responsabbli għall-implimentazzjoni.

Punti ta' kuntatt nazzjonali

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

Ħatra ta' punt ta' kuntatt nazzjonali || L-Istati Membri kollha

Il-miżuri kollha għandhom jidħlu fis-seħħ sabiex il-punt nazzjonali tal-kuntatt ikun jista' jikkoordina politiki għall-inklużjoni tar-Rom b'mod effettiv.

2.3.        Valutazzjoni tal-finanzjament tal-miżuri

Il-Qafas tal-UE talab lill-Istati Membri biex jallokaw biżżejjed fondi minn baġits nazzjonali, li jiġu kkumplimentati, fejn xieraq, b'finanzjament tal-UE u internazzjonali, għal miżuri rigward l-inklużjoni tar-Rom. Il-valutazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali turi li ħafna Stati Membri naqsu milli jallokaw biżżejjed riżorsi baġitarji għall-inklużjoni tar-Roma. Ftit Stati Membri biss identifikaw ir-riżorsi baġitarji u l-ammonti konkreti għal miżuri politiċi dwar l-inklużjoni tar-Rom.

Biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ politiki għall-inklużjoni tar-Rom, bosta Stati Membri qed jippjanaw li jiddependu l-aktar fuq fondi tal-UE, speċjalment fuq il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Għalkemm jeżistu possibbiltajiet ta' appoġġ għal gruppi vulnerabbli, bħar-Rom, fl-ambitu tal-politika għall-iżvilupp rurali, il-maġġoranza tal-istrateġiji ma jagħmlu l-ebda referenza għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). L-allokazzjonijiet baġitarji għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom għandhom isegwu approċċ territorjali li jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi taż-żoni ġeografiċi l-aktar milquta mill-faqar jew gruppi mmirati fl-ogħla riskju ta' diskriminazzjoni u esklużjoni, b'attenzjoni speċjali għal komunitajiet emarġinati bħal dawk tar-Rom[24].

Għall-allokazzjoni tal-fondi

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE || L-Istati Membri li indirizzawhom

L-ebda indikazzjoni ta' finanzjament || IE, FR, CY, LU, NL, AT, FI, UK

L-ebda allokazzjonijiet tal-baġit || BE, DK, DE, EE, ES

Indikazzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi mill-baġits nazzjonali || BG, EL, LV, LT, HU, PL, RO, SI, SK, SE

Indikazzjoni ta' allokazzjoni ta' finanzjament internazzjonali/tal-UE || CZ, EL, LV, LT, HU, PL, PT, RO, SI, SK

L-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar użu u użu aħjar tal-fondi tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom bħala parti mill-isforzi tagħhom li jtejbu r-rata tagħhom tal-assorbiment.

Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sostenibbli tal-istrateġiji tagħhom rigward l-inklużjoni tar-Rom, l-Istati Membri għandhom juru impenn ċar biex jiżguraw il-finanzjament tal-istrateġiji sal-2020, u b'hekk jirriflettu r-rieda politika tagħhom biex jindirizzaw l-inklużjoni tar-Rom.

3.           L-isfidi tal-Pajjiżi ta' Tkabbir

Il-Qafas tal-UE jenfasizza li l-objettivi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom huma ugwalment relevanti għall-pajjiżi ta' tkabbir. L-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom ta' dawn il-pajjiżi jeħtieġ jiġu riveduti skont dawn l-objettivi u jirriflettu l-approċċ komprensiv meħtieġ mill-Qafas tal-UE. Dan huwa enfasizzat b'mod ċar fl-Istrateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012[25] tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi l-iżviluppi mill-qrib fir-rapporti ta' progress annwali tagħha. Barra li jiffokaw fuq l-erba' oqsma ewlenin tal-Qafas tal-UE, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija jridu jkunu partikolarment attenti biex jiffaċilitaw l-aċċess għal dokumenti personali u r-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet lokali[26]. L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġ li jibqgħu impenjati biex jieħdu passi konkreti fl-oqsma relatati kollha[27].

Għadd ta' miżuri huma diġà ffinanzjati fil-pajjiżi kandidati taħt il-komponent tal-iżvilupp tar-riżorsi umani tal-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni (IPA). Pajjiżi benefiċjarji għandhom sezzjoni ddedikata għal gruppi vulnerabbli u r-Rom fil-Programm Operazzjonali tagħhom, li jippromwovi l-inklużjoni soċjali, inkluż it-taħriġ, gwida għall-karriera, u attivitajiet għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Sabiex tkompli tgħin lil dawn il-pajjiżi ta' tkabbir fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, il-Kummissjoni ħadet passi biex ittejjeb l-użu tal-IPA sabiex dawn jindirizzaw l-inklużjoni tar-Roma fil-livell nazzjonali u reġjonali b’mod aktar strateġiku u orjentat lejn ir-riżultati[28].

L-integrazzjoni aħjar tar-Rom hija kwistjoni ta' ġustizzja soċjali u biex ikunu żgurati soċjetajiet iktar inklużivi fil-pajjiżi tat-tkabbir. Din tifforma parti mill-valuri komuni tal-UE li l-pajjiżi ta' tkabbir jiġu mħeġġa li jħaddnuhom bħala parti mill-perkors lejn l-adeżjoni. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali tar-Rom li jgħixu f' kundizzjonijiet foqra fil-pajjiżi tat-tkabbir kellha konsegwenzi f'dik li hija żjieda fin-numru ta’ Rom li jemigraw temporanjament lejn l-Istati Membri tal-UE taħt ir-reġim ħieles mill-viża u anke li japplikaw għall-asil[29]. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, li huwa wieħed mill-akbar kisbiet lejn l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fl-UE. Il-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġ iżidu l-isforzi biex ikomplu jintegraw iċ-ċittadini Rom tagħhom. Dan għandu jinkludi wkoll soluzzjonijiet sostenibbli għal refuġjati u persuni spostati internament, li ħafna minnhom huma Rom[30].

4.           It-Triq ’il Quddiem

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom turi li l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw approċċ komprensiv lejn l-integrazzjoni tar-Rom. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir fil-livell nazzjonali. L-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom tibqa' l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u se jkunu jeħtieġu sforzi ikbar biex jassumu r-responsabiltajiet tagħhom, billi jadottaw miżuri aktar konkreti, miri espliċiti għal riżultati miżurabbli, fondi mmirati b'mod ċar fuq il-livell nazzjonali kif ukoll sistema nazzjonali soda ta' monitoraġġ u evalwazzjoni.

Biex jilqgħu l-isfidi identifikati u biex titwettaq l-integrazzjoni effettiva tal-minoranzi Rom, l-Istati Membri, l-aktar dawk b'popolazzjoni Rom imdaqqsa, jeħtieġ partikolarment li:

· Ikomplu d-djalogu bilaterali regolari mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati relevanti sabiex

– jiżguraw li l-Istrateġiji Nazzjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni jkunu koerenti mal-liġijiet u l-politiki tal-UE u mas-sitwazzjoni speċifika nazzjonali, inklużi l-politiki tradizzjonali u r-riformi fis-settur pubbliku, u jqisu l-impatti tal-kriżi ekonomika;

– jiżguraw l-użu effettiv tal-fondi kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej;

– jippromwovu u jissorveljaw l-implimentazzjoni konkreta l-istrateġiji.

· Jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tkun koerenti ma' pjanijiet reġjonali u lokali. L-awtoritajiet reġjonali u lokali huma indispensabbli għall-bidla u għandhom ikunu kompletament involuti meta l-istrateġiji jiġu riveduti u implimentati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi aktar skambji ta' esperjenzi u netwerking fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

· Jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili

Is-soċjetà ċivili, u partikolarment l-organizzazzjonijiet tar-Rom, m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri passivi tal-bidla, iżda għandhom ikunu msejħa biex ikollhom rwol attiv fil-ħolqien tagħha. Huma jrid ikollhom rwol kruċjali biex jinvolvu lill-poplu Rom u fil-bini tal-fiduċja bejn l-maġġoranzi u l-minoranzi. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-reviżjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom.

· Jallokaw riżorsi finanzjarji proporzjonati

L-Istati Membri għandhom bżonn jallokaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, minħabba li dan jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-Istati Membri. Barra mill-finanzjament nazzjonali, l-azzjonijiet inklużi f'dawn l-istrateġiji ser jiffurmaw ukoll parti min-negożjati għall-Fondi Strutturali u għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-Qafas tal-Politika ta' Koeżjoni propost mill-Kummissjoni jinkludi allokazzjoni minima għall-inklużjoni soċjali u l-faqar, aċċess aħjar għall-fondi u titjib fil-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom, u prijorità ta' investiment iddedikata għall-integrazzjoni ta' komunitajiet emarġinati bħar-Rom u rekwiżiti ta' kondizzjonalità ex-ante, li jagħmlu l-investimenti tal-Fondi Strutturali kondizzjonali fuq l-eżistenza ta' Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom skont il-Qafas tal-UE.

· Jimmonitorjaw it-trasformazzjoni u jippermettu l-aġġustament tal-politika

Il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali fis-simestru Ewropew se jiġu mgħarbla għall-koerenza mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u, fejn xieraq, se jsiru referenzi speċifiċi għall-integrazzjoni tar-Rom fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, sabiex l-Istati Membri rilevanti jiġu ggwidati lejn aktar progress. Fil-futur, fi proporzjon mal-popolazzjonijiet Rom tagħhom, l-Istati Membri se jkunu mitluba biex jindirizzaw b'mod sistematiku l-kwistjoni tal-inklużjoni tar-Rom fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

Barra minn hekk, id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż ma' din il-komunikazzjoni jinkludi sommarju tal-punti ewlenin li jgħinu lill-Istati Membri biex inaqqsu d-distakki bejn il-poplu Rom u l-maġġoranza tal-popolazzjoni. Il-valutazzjoni dettaljata se titqassam lill-Istati Membri fil-kuntest ta' djalogu magħhom.

L-Istati Membri huma mistiedna wkoll biex jaqsmu mal-Kummissjoni s-sejbiet tal-monitoraġġ tagħhom tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji rispettivi tagħhom.

L-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE se tkompli l-istħarriġ tagħha madwar l-UE u se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tgħinhom jiżviluppaw sistemi ta' monitoraġġ b'saħħithom.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-kapaċità ta' mobilizzazzjoni fi ħdan l-Istati Membri. Għal dan il-għan, ser jitwaqqaf netwerk ta punti ta' kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE biex jaqsmu r-riżultati tal-miżuri tagħhom li jindirizzaw l-inklużjoni tar-Rom, jiskambjaw l-aħjar prattiki u ssir reviżjoni mill-pari tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom. Il-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom se tkompli tipprovdi forum għall-partijiet interessati biex jiskambjaw il-fehmiet tagħhom.

Il-Kummissjoni se tirrevedi kull sena l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll fi ħdan il-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020.

· Ġlieda konvinċenti kontra d-diskriminazzjoni

L-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li fit-territorji tagħhom il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni tkun infurzata b'mod effettiv. Meta jirrappurtaw fl-2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali[31], il-Kummissjoni se tindirizza kwistjonijiet legali b’enfasi partikolari fuq dawk l-aspetti rilevanti għall-integrazzjoni tar-Rom.

[1]               It-terminu "Rom" qed jintuża' hawn, kif ukoll minn għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u gruppi rappreżentattivi tar-Rom fl-Ewropa, biex jirreferi għal gruppi differenti (bħar-Rom, Sinti, Kale, Żingari, Romanichel, Boyash, Ashkali, Eġizzjani,Yenish, Dom, Lom.) u jinkludi wkoll Vjaġġaturi, mingħajr ma jiċħad l-ispeċifiċitajiet u varjetajiet ta' stili ta' ħajja u sitwazzjonijiet ta' dawn il-gruppi.

[2]               Evalwazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida tal-Kriminalità Organizzata 2011, p.26.

[3]               L-ispejjeż ekonomiċi tal-esklużjoni tar-Rom, il-Bank Dinji, April 2010 http://siteresources.worldbank.org/EXTROMA/Resources/Economic_Costs_Roma_Exclusion_Note_Final.pdf

[4]               Ara, pereżempju, it-tħassib espress mill-Kanada wara għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati minn ċittadini ta' ċerti Stati Membri.

[5]               Il-Komunikazzjoni "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020", COM(2011)173 tal-5 ta' April 2011. L-Opinjoni tal-Kunitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini Rom fl-Ewropa", CESE 998/2011 tas-16 ta' Ġunju 2011 u l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020", CdR 247-2011 tal-14 ta' Diċembru 2011 it-tnejn jagħtu appoġġ qawwi lill-Qafas tal-UE.

[6]               F'din il-komunikazzjoni, it-terminu 'strateġija' għandu jinftiehem li jkopri ż-żewġ settijiet integrati ta' miżuri u strateġiji a' politika.

[7]               Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO23/11 tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011, li segwew il-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, 106665/11 tad-19 ta' Mejju 2011.

[8]               http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm

[9]               Malta ma adottatx Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom minħabba li m'hemmx numru sinifikanti tal-populazzjoni tar-Rom fit-territorju.

[10]             It-tabelli sommarji fl-erba’ oqsma tal-politika konsistentement jindirizzaw żewġ settijiet ta' kwistjonijiet: l-għanijiet, jiġifieri jekk l-istrateġiji jikkonfermawx l-għan ġenerali tal-UE fil-qasam partikolari stabbilit mill-Qafas tal-UE u jekk dawn jiffissawx miri konkreti, speċifiċi u kwantifikabbli; u miżuri (kemm dawk tradizzjonali u speċifiċi għar-Rom).

[11]             L-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom ġew stabbiliti fil-Komunikazzjoni "Qafas tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom strateġiji nazzjonali sa l-2020", COM (2011) 173 tal-5 ta' April 2011.

[12]             Il-Prevenzjoni tal-Esklużjoni Soċjali permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 – L-Iżvilupp tat-Tfulija Bikrija u l-Inklużjoni tal-familji Rom – rapport uffiċjali tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom taħt il-Presidenza Belġjana, żviluppat mill-UNICEF u mill-Osservatorju Soċjali Ewropew b'kollaborazzjoni mas-Servizz ta' Ppjanar Federali Belġjan għall-Integrazzjoni Soċjali, 2011. http://www.ecdgroup.com/pdfs/Preventing-Social-Exclusion.pdf.

[13]             Mill-inqas 10% tat-tfal Rom li għandhom minn 7 sa 15-il sena fil-Greċja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, l-Italja u Franza kienu identifikati fl-istħarriġ li ma jmorrux skola: huma kienu jew għadhom jew fil-klassijiet preprimarji, jew mhux fis-sistema edukattiva, qabżu s-sena, waqfu jmorru l-iskola kompletament jew kienu diġà jaħdmu. Dan il-proporzjon huwa l-ogħla fil-Greċja, b'iktar minn 35% tat-tfal Rom ma jmorrux skola (The situation of Roma in 11 EU Member States; Survey results at a glance. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Bank Dinji, Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, 2012).

[14]             L-Istati Membri huma inklużi jekk l-istrateġiji rispettivi tagħhom jirreferu għat-tip ta’miżuri elenkati fit-tabella.

[15]             Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, in-numru ta' Rom li jgħidu li kienu qegħda kien tal-anqas id-doppju ta' dawk li mhumiex Rom. Fl-Italja, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja sa erba' jew saħansitra ħames darbiet iktar minn dawk li mhumiex Rom qalu li huma qiegħda (The situation of Roma in 11 EU Member States; Survey results at a glance. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Bank Dinji, Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, 2012).

[16]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE dwar l-inklużjoni attiva ta' dawk esklużi mis-suq tax-xogħol (ĠU L 307/11 tat-18/11/2008).

[17]             Miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għar-Rom għas-suq tax-xogħol, inkluż pereżempju taħriġ vokazzjonali u fuq il-post tax-xogħol, medjazzjoni, jiġi ffaċilitat l-aċċess gћall-kura tat-tfal, eċċ.

[18]             Dawn il-miżuri jimmiraw is-saħħa preventiva, bħat-titjib fir-rati ta' tilqim u kampanji fuq stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa fost ir-Rom, kif ukoll is-saħħa riproduttiva (eż. il-prevenzjoni ta’ tqala taż-żgħażagħ). Miżuri li ma jippermettux imġiba preġudikata tal-professjonisti tas-saħħa huma msemmija wkoll minn bosta Stati Membri.

[19]             Bi prijorità fuq is-saħħa riproduttiva u l-kura preventiva inkluż tilqim għal immunità aħjar.

[20]             Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014-2020, Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (2012) 61 finali, l-14 ta' Marzu 2012.

[21]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19/07/2009). Id-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328 6/12/2008).

[22]             Ara l-punti nazzjonali tal-kuntatt fi: http://ec.europa.eu/justice/discrimination/roma/national-strategies/index_en.htm.

[23]             Fil-Greċja, il-ħatra tal-punt ta' kuntatt nazzjonali huwa previst għat-tieni nofs tal-2012.

[24]             Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkollabora mal-Bank Dinji sabiex tiżviluppa metodoloġija kartografika, kif ukoll mapep li jidentifikaw il-faqar u l-esklużjoni għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew minn dakinhar. Fl-2011, in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar Spazjali sejjaħ għal proposti mmirati biex jiżviluppaw mapep tal-faqar u l-esklużjoni għal uħud mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004. Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li fil-perjodu ta’ programmar li jmiss, l-Istati Membri jippreżentaw il-kontribuzzjoni tal-Kuntratti ta' Sħubija u l-programmi operattivi tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar billi jiffokaw l-isforzi tagħhom lejn żoni ġeografiċi speċifiċi jew gruppi mmirati.

[25]             COM(2011) 666.

[26]             Id-Dikjarazzjoni ta' Żagreb tas-27 ta' Ottubru 2011, approvata fil-Konferenza dwar il-Provvediment ta' Dokumentazzjoni u Reġistrazzjoni tal-Istatus Ċivili fix-Xlokk tal-Ewropa.

[27]             Dan l-impenn jinkludi: il-ħolqien jew ir-reviżjoni ta' pjanijiet u programmi ta' azzjoni ġenerali u speċifiċi rilevanti fl-erba' oqsma ewlenin, jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dokumenti personali u r-reġistrazzjoni; it-trawwim ta' edukazzjoni bikrija fit-tfulija u t-tnaqqis ta' tluq kmieni mill-iskola għar-Rom; jiġu stimulati l-impjiegi għar-Rom fis-settur pubbliku u privat; il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tar-Rom, partikolarment dawk li jgħixu f'insedjamenti informali.

[28]             L-implimentazzjoni hija mmonitorjata permezz tal-mekkaniżmu tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tar-rapporti annwali dwar il-progress; il-konklużjonijiet operazzjonali se jiġu segwiti fl-2012 f’laqgħat tal-Kumitati FSA.

[29]             SEC(2011) 695 u SEC(2011) 1570.

[30]             Il-proċess ta' Sarajevo (id-Dikjarazzjoni ta' Belgrad tas-7 ta' Novembru 2011) jinkludi Programm Reġjonali Konġunt ta' EUR 584 miljun dwar din il-kwistjoni.

[31]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19/07/2009).

Top