EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1269

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett dwar il-protezzjoni tal-ekonomija leċita”

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 134–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/134


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett dwar il-protezzjoni tal-ekonomija leċita”

2012/C 391/14

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li jiġbru flimkien b’mod koerenti l-miżuri leġislattivi u l-istrateġiji li għandhom jiġu implimentati biex tiġi żgurata b’mod utli u rapidu l-protezzjoni tal-ekonomija leċita;

japprova l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipprevjenu prattiki ħżiena bħall-kunflitti ta’ interess, il-favoritiżmu u l-korruzzjoni permezz tal-inkriminazzjoni ta’ mġiba li għadha mhux penalizzata f’xi Stati Membri u li tfixkel l-aċċess ħieles għall-kuntratti pubbliċi;

jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ valutazzjoni fil-forma ta’ rapport futur kontra l-korruzzjoni tal-Unjoni li għandu jiġi ppubblikat kull sentejn mill-2013 ’il quddiem;

iqis b’mod pożittiv il-Proposta għal Direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-attività kriminali fl-UE li huma strumenti indispensabbli għall-protezzjoni tal-ekonomija globali, fejn il-“kriminalità ma tirrendix” u l-“proprjetà akkwistata b’mod ħażin ma tħallix qligħ”;

japprova l-loġika tal-Programm ta’ Stokkolma li jistipula li jkun aħjar jekk l-istandards minimi jkunu obbligatorji, b’konformità mal-Artikolu 83 tat-TFUE (inklużi l-konfiska estiża u ta’ valur, il-konfiska ta’ assi ta’ partijiet terzi, u l-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna), minflok jittejjeb il-mekkaniżmu attwali tal-Unjoni, li m’għandux setgħa effettiva;

jitlob lill-Istati Membri biex jipprevedu li parti mill-assi kriminali li jinqabdu jingħataw lura lill-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali (wara li jkunu ġew sodisfatti l-ħtiġiet tar-restituzzjoni legali) għaliex huma l-ewwel vittmi tal-organizzazzjonijiet kriminali li jiddestabilizzaw l-ordni soċjali tat-territorji. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu azzjonijiet lokali bil-għan li jeradikaw il-kawżi fundamentali tal-kriminalità. B’hekk tingħata viżibbiltà pożittiva lill-azzjoni tas-setgħat pubbliċi u tinħoloq sistema virtwuża li tgħaqqad lir-rappreżentanti eletti, lis-soċjetà ċivili u lill-familji;

iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali biex fil-bidu tal-mandat tagħhom jiffirmaw kodiċi ta’ etika intitolat “Obliprivatum, publicacurate” (“Ninsew l-affarijiet privati u nimpenjaw ruħna fl-affarijiet pubbliċi”) li jwassal għall-ħolqien u ż-żamma ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn iċ-ċittadini u dawk li jiggvernaw;

iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti biex iressqu quddiem awtorità pubblika indipendenti dikjarazzjoni tal-assi tagħhom dwar il-proprjetajiet u r-rabtiet kummerċjali jew ta’ negozju tagħhom.

Relatur Ġenerali

is-Sur ROUILLON (FR/PSE), Sindku ta’ Coulaines

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

COM(2012) 85 final

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi – Politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti

COM(2011) 293 final

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE

COM(2011) 308 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali

COM(2012) 363 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jistqarr li l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-frodi huma problema serja għall-Unjoni Ewropea. Skont l-NGO Transparency International, dawn il-prattiki jiġġeneraw telf ta’ EUR 120 biljun fis-sena, jiġifieri 1 % tal-PDG tal-UE. L-ekonomija illeċita taggrava d-defiċits tal-pajjiżi, tfixkel l-azzjonijiet tas-setgħat pubbliċi kontra l-kriżi, tnaqqas il-livell ta’ investiment, tippromovi d-delokalizzazzjoni tal-kapital (flight of capital) u ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fir-rappreżentanti u l-istituzzjonijiet tagħhom;

2.

ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona pprovda lill-UE mezzi addizzjonali biex tiġġieled il-kriminalità transkonfinali permezz tad-definizzjoni tar-rwol tal-Eurojust, ipprovda l-possibbiltà li jiġi stabbilit Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (Artikoli 85 u 86 tat-TFUE) u dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe tip ieħor ta’ attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE (Artikoli 310(6) u 325 tat-TFUE);

3.

jinnota li, skont il-Ewrobarometru, 75 % tal-Ewropej iqisu l-korruzzjoni bħala problema serja għall-Istati Membri;

4.

jistqarr li l-konfiska u l-iffriżar tal-assi kriminali ġew rikonoxxuti bħala strumenti effikaċi għall-ġlieda kontra l-forom gravi ta’ kriminalità organizzata u ngħataw prijorità strateġika fil-livell tal-UE;

5.

iqis li biex jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni jeħtieġ li jiġi kkontrollat aħjar l-użu tas-sussidji li jingħataw b’mod partikolari fil-kuntest tal-fondi soċjali Ewropej, tal-koeżjoni territorjali jew tal-Politika Agrikola Komuni; il-każijiet ta’ frodi jistgħu jixħtu dubju fuq il-leġittimità ta’ dawn il-politiki Ewropej integrati favur it-territorji;

6.

jenfasizza li, fil-livell lokali, il-kriminalità organizzata hija mmirata lejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet tas-servizzi pubbliċi, il-ħruġ ta’ permessi għall-bini u l-awtorizzazzjonijiet kummerċjali;

7.

jistqarr li l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata, bħat-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin, jipperikolaw fit-tul l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika u l-koeżjoni soċjali;

8.

ifakkar li bl-użu tat-tassazzjoni Ewropea b’mod li jidher legali, u xi kultant b’mod innovattiv ħafna, bħal fil-każ tat-taxxa fuq il-karbonju, il-kriminalità organizzata tisraq u tfaqqar l-Istati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom;

9.

jenfasizza li l-korruzzjoni fil-qasam tal-isport (l-imħatri bi frodi, it-tixħim għall-għażla ta’ postijiet fejn isiru l-kompetizzjonijiet ewlenin, l-għoti ta’ kummissjoni bil-moħbi għat-trasferimenti ta’ min jilgħab) hija sors ta’ inkwiet partikolari għaliex tolqot il-valuri umanistiċi ta’ miljuni ta’ prattikanti dilettanti u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ voluntiera;

10.

jikkunsidra li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet lokali huma atturi fundamentali għall-protezzjoni tal-ekonomija leċita peress li jadottaw il-politiki ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

11.

jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet tal-liġi attwali tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-konfiska tal-assi kriminali;

Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi

12.

jinnota li, fit-tieni rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (COM(2008) 77), il-Kummissjoni tikkonkludi li ħames Stati Membri biss adottaw il-miżuri “kollha” neċessarji biex ikunu konformi “b’mod sodisfaċenti” ma’ din il-Konvenzjoni;

Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni

13.

jiddispjaċih li d-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat u li tistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà tal-persuni legali għadha ma ġietx trasposta;

14.

jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-konvenzjonijiet tal-liġi kriminali internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-OECD;

Fir-rigward tal-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali

15.

jinnota n-nuqqasijiet tat-traspożizzjoni tal-ħames deċiżjonijiet qafas f’dan il-qasam:

id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, li tippermetti l-konfiska ta’ valur u estiża, ġiet adottata biss b’mod frammentat mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

filwaqt li d-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/JHA tipprevedi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ mandati ta’ ffriżar; il-Kummissjoni jiddispjaċiha li m’għandhiex wisq informazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħha;

id-Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI li tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ konfiska ma tinkludix regoli fakultattivi fir-rigward tal-konfiska estiża li ġiet stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI tapplika biss għal ordnijiet ta’ konfiska stabbiliti fil-qafas ta’ proċeduri kriminali u mhux għall-proċeduri ċivili ta’ konfiska, li madankollu qed jiżdiedu;

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu dawn l-Uffiċċji bil-għan li jkun hemm kooperazzjoni bejniethom u jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-assi, ma ġietx implimentata fil-pajjiżi kollha;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

16.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li jiġbru flimkien b’mod koerenti l-miżuri leġislattivi u l-istrateġiji li għandhom jiġu implimentati biex tiġi żgurata b’mod utli u rapidu l-protezzjoni tal-ekonomija leċita;

17.

ifakkar li l-bażijiet legali ta’ azzjoni leġislattiva f’dan il-qasam huma previsti fl-Artikoli 82, 83, 310(6) u 325 tat-TFUE;

18.

jagħti importanza kbira lill-protezzjoni tal-fondi pubbliċi tal-UE kontra l-frodi u l-miżapproprjazzjoni u fl-istess ħin jenfasizza li, minħabba raġunijiet ta’ sussidjarjetà u effikaċja, l-interventi leġislattivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-liġi kriminali huma rilevanti biss sakemm jirrettifikaw l-insuffiċjenzi li jeżistu verament fil-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tal-prosekuzzjoni kriminali;

19.

japprova d-definizzjoni fil-livell Komunitarju ta’ reati bażiċi bħall-frodi u l-miżapproprjazzjoni tal-fondi pubbliċi;

20.

japprova l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipprevjenu prattiki ħżiena bħall-kunflitti ta’ interess, il-favoritiżmu u l-korruzzjoni permezz tal-inkriminazzjoni ta’ mġiba li għadha mhux penalizzata f’xi Stati Membri u li tfixkel l-aċċess ħieles għall-kuntratti pubbliċi (1);

21.

japprova l-orjentazzjonijiet tar-riforma tal-OLAF għall-protezzjoni tal-flus tal-kontribwenti:

ir-regola de minimis fejn l-OLAF jagħti prijorità lil investigazzjonijiet li jikkonċernaw każijiet ta’ frodi gravi;

l-obbligu ta’ segwitu tal-investigazzjonijiet amministrattivi li fi tmiemhom l-Istati Membri, li s’issa mhumiex kostretti jagħtu segwitu lill-investigazzjonijiet tal-OLAF, tal-anqas ikollhom jinfurmaw lill-OLAF dwar is-segwitu li jkun ingħata lid-dossiers;

22.

jinsab kompletament sodisfatt dwar l-ispinta politika li ngħatat lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-Unjoni u l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kwistjoni;

23.

jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ valutazzjoni fil-forma ta’ rapport futur kontra l-korruzzjoni tal-Unjoni li għandu jiġi ppubblikat kull sentejn mill-2013 ’il quddiem;

24.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jsir aġġustament għall-mekkaniżmi li diġà jeżistu bħal dawk fil-livell tal-OECD u tal-Kunsill tal-Ewropa;

25.

madankollu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li, malajr kemm jista’ jkun, tislet it-tagħlimiet minn dan il-mekkaniżmu globali bbażat fuq il-fiduċja reċiproka tal-pajjiżi u jfakkar li hemm bżonn ta’ leġislazzjoni biex jiġu imponuti prattiki tajbin, b’konformità mal-Artikolu 83 tat-TFUE;

26.

jinsab kompletament sodisfatt dwar l-approċċ globali tal-Kummissjoni li wassalha wkoll biex tistabbilixxi standards tal-kontabbiltà u għall-kontroll tal-kontijiet tal-intrapriżi tal-UE;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

27.

iqis b’mod pożittiv il-Proposta għal Direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-attività kriminali fl-UE li huma strumenti indispensabbli għall-protezzjoni tal-ekonomija globali, fejn il-“kriminalità ma tirrendix” u l-“proprjetà akkwistata b’mod ħażin ma tħallix qligħ”;

28.

japprova l-loġika tal-Programm ta’ Stokkolma li jistipula li jkun aħjar jekk l-istandards minimi jkunu obbligatorji, b’konformità mal-Artikolu 83 tat-TFUE (inklużi l-konfiska estiża u ta’ valur, il-konfiska ta’ assi ta’ partijiet terzi, u l-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna), minflok jittejjeb il-mekkaniżmu attwali tal-Unjoni, li m’għandux setgħa effettiva;

29.

jappoġġja l-Proposta għal Direttiva peress li tinkludi d-dispożizzjonijiet u l-kunċetti legali li diġà ġew stabbiliti f’deċiżjonijiet qafas preċedenti dwar il-konfiska tar-rikavat u l-istrumenti ta’ atti kriminali u l-konfiska ta’ proprjetà li l-valur tagħha huwa ekwivalenti għall-valur tar-rikavat mill-attività kriminali;

30.

jilqa’ b’mod pożittiv li min-naħa l-oħra, il-Proposta tintroduċi dispożizzjonijiet biex il-kunċett ta’ rikavat mill-attività kriminali jinfiehem b’mod wiesa’ ħafna (il-kunċett ta’ użu mill-ġdid tar-rikavat f’forma ta’ drittijiet jew proprjetà) u li l-proprjetà tinġabar b’mod provviżorju fi żmien meħtieġ għas-sentenza;

31.

rigward il-konfiska estiża: filwaqt li l-KtR japprova t-tneħħija tal-possibbiltajiet li kellhom l-Istati Membri fid-Deċiżjoni Qafas tal-2005 u jqis li b’hekk jittejbu d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-konfiska estiża, iqis li hemm bżonn li jiġi emendat għall-aħjar l-Artikolu 4(1), li mhuwiex preċiż biżżejjed. Fil-każ tal-konfiska estiża, l-għan tal-liġi jkun li tippermetti l-konfiska lil hinn mir-rikavat dirett mill-attività kriminali; dan iseħħ għax tista’ tassumi rabta bejn ir-reat u l-assi jew id-drittijiet li l-liġi tkun trid tikkonfiska. Il-KtR jissuġġerixxi li “l-fatti speċifiċi” li abbażi tagħhom il-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha joħorġu fid-dieher pereżempju permezz tal-iżbilanċ bejn il-valur tal-proprjetà u d-dħul legali. Dan l-eżempju frekwenti ħafna tal-“fatti speċifiċi” jenfasizza wkoll li l-persuna kkonċernata għandha tagħti prova li l-proprjetà jew id-drittijiet li għandhom jiġu konfiskati mhumiex rikavati diretti minn reat kriminali iżda ġejjin minn sorsi oħra ta’ dħul leċitu;

32.

jilqa’ l-possibbiltà ta’ konfiska ta’ assi ta’ partijiet terzi; peress li l-kriminali qatt ma jkollhom assi jew drittijiet f’isimhom, ifakkar li l-partijiet terzi, li xogħolhom huwa li jaħbu jew jirriċiklaw l-assi, sikwit ikunu persuni ġuridiċi u li l-kriminalità organizzata ilha żmien twil tuża tekniki legali sofistikati ħafna biex tevita l-konfiska tal-assi. Għaldaqstant, il-KtR jirrakkomanda bis-sħiħ li jiżdiedu xi elementi mal-prinċipju ta’ responsabbiltà legali tal-persuni ġuridiċi u jiġi introdott il-kunċett ta’ “benefiċjarju effettiv”;

33.

jissuġġerixxi wkoll li fil-Proposta attwali jiġi inkluż kunċett biex jitqies il-fatt li l-partijiet terzi jaġixxu bħala l-proprjetarji veri u/jew l-uniċi benefiċjarji ekonomiċi. Prova ta’ dan tista’ tingħata permezz ta’ dikjarazzjonijiet: l-att ta’ ġestjoni fil-liġi jew fil-fatt ta’ persuna ġuridika għal finijiet personali, l-iffinanzjar tal-assi, il-provvediment tal-assi mingħajr kumpens finanzjarju, eċċ. Dan il-kunċett, magħruf sew il-Lussemburgu pereżempju, jippermetti li jinqabad il-benefiċjarju reali ta’ kumpanija u b’hekk jikkomplementa l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi;

34.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna għaliex fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-konfiska hija sanzjoni marbuta ma’ kundanna penali. Barra minn hekk, il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna hija konfiska bbażata fuq proċeduri ċivili u ma tidħolx fil-bażi legali mmirata: din il-Proposta hija bbażata b’mod espliċitu fuq l-Artikolu 82(2) tat-TFUE li jikkonċerna biss is-sanzjonijiet fil-qasam kriminali. Din il-konfiska tolqot ukoll it-tradizzjonijiet legali ta’ xi Stati Membri bħal dawk ta’ Franza, li tagħti valur kostituzzjonali lid-dritt għall-proprjetà;

35.

jinnota li l-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna lanqas ma tidħol taħt l-Artikolu 83(1) tat-TFUE li jistipula li l-Parlament u l-Kunsill “jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali”;

36.

jipproponi soluzzjonijiet penali biex jinkiseb livell ekwivalenti ta’ effikaċja fir-rigward tad-dritt ta’ qbid u konfiska abbażi tad-dispożizzjonijiet penali li diġà ngħatat prova tal-effikaċja tagħhom;

37.

f’dan ir-rigward ifakkar li l-konfiska ċivili hija bbażata fuq waħda mir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) (Nru 3) li tħeġġeġ lill-pajjiżi jadottaw miżuri ta’ konfiska “mingħajr ma tkun meħtieġa kundanna kriminali”. L-istess rakkomandazzjoni żżid li l-pajjiżi jistgħu wkoll jieħdu miżuri biex il-“persuna li tkun wettqet reat turi l-oriġini legali tal-proprjetà li allegatament tkun tista’ tiġi kkonfiskata”. Għalhekk jidher li l-għan hu l-inverżjoni tal-oneru tal-prova li huwa l-punt essenzjali tal-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna. Però jista’ jinkiseb l-istess riżultat bil-ħolqien ta’ reat kriminali ġdid li jikkonċerna s-sjieda “mhux ġustifikata” ta’ assi jew in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tar-riżorsi. (Ara pereżempju l-Artikolu 321-6 il-ġdid tal-Kodiċi Kriminali Franċiż li b’mod ġenerali jqis bħala reat punibbli b’tal-anqas ħames snin il-ħabs, il-fatt li persuna ma tkunx tista’ tiġġustifika s-sjieda ta’ riżorsi skont l-istil ta’ ħajja tagħha jew l-oriġini ta’ proprjetà f’każ li tkun f’kuntatt regolari ma’ dawk li jwettqu reat jew delitt.) B’hekk tinkiseb l-inverżjoni mixtieqa tal-oneru tal-prova;

38.

b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, din il-Proposta għandha tħalli l-għażla f’idejn l-Istati Membri li jżidu jew le l-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna, sakemm ikunu jistgħu juru li l-leġislazzjoni tagħhom hija ugwalment effikaċi u li ma jopponux il-prinċipju ta’ rikonoxximent;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

39.

jesprimi riżervi żgħar dwar l-għoti ta’ garanziji dettaljati wisq matul l-istadji differenti tal-proċedura ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-assi kriminali għaliex dan jirrappreżenta riskju ta’ paraliżi potenzjali tal-bażi legali l-ġdida dwar il-qbid u l-konfiska tal-assi fi ħdan l-Unjoni;

40.

madankollu jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u jenfasizza minn issa l-ħtieġa li jissaħħu l-istrutturi legali u dawk tal-pulizija ddedikati għall-kriminalità organizzata fi ħdan l-Istati Membri;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

41.

jappoġġja l-pożizzjoni li l-ħolqien ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew jikkontribwixxi biex ir-riforma tal-OLAF tkun iktar effettiva;

42.

iqis li l-investigazzjonijiet finanzjarji dwar il-korruzzjoni u l-involviment ta’ atturi ekonomiċi u politiċi influwenti jew l-investigazzjonijiet li jikkonċernaw netwerks kriminali transkonfinali jistgħu jitwettqu b’mod aktar effikaċi u sigur jekk isiru minn Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

43.

iqis li l-iżvilupp tal-Eurojust bħala l-bażi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bil-kapaċità li jniedi investigazzjonijiet kriminali, tal-inqas meta l-interessi tal-Unjoni jkunu mhedda b’mod gravi, u l-possibbiltà li jsiru investigazzjonijiet legali huma mezz effettiv biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji (COM(2011) 293 final), sitwazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ din l-Opinjoni. Il-KtR ifakkar li l-Artikoli 85 u 86 tat-TFUE jipprevedu dan l-iżvilupp neċessarju fid-dawl tal-isfida doppja tat-theddida tal-kriżi finanzjarja u tal-kriminalità fuq skala kbira;

44.

iqis li tali orjentazzjoni ma teskludix għalkollox programm Ewropew komuni ta’ taħriġ għall-investigaturi finanzjarji li għandu jitfassal u jiġi implimentat b’mod prijoritarju mill-Kummissjoni;

45.

iqis li l-protezzjoni effettiva tad-denunzjaturi kontra azzjonijiet ta’ tpattija hija aspett ċentrali tal-politika kontra l-korruzzjoni, hekk kif hi wkoll fil-qafas tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Però l-qafas legali li jirregola dan l-aspett fl-Unjoni mhuwiex ugwali. Għalhekk, il-KtR jilqa’ b’mod favorevoli ħafna l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipproteġu d-denunzjaturi;

It-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata

46.

jitlob lill-Istati Membri biex jipprevedu li parti mill-assi kriminali li jinqabdu jingħataw lura lill-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali (wara li jkunu ġew sodisfatti l-ħtiġiet tar-restituzzjoni legali) għaliex huma l-ewwel vittmi tal-organizzazzjonijiet kriminali li jiddestabilizzaw l-ordni soċjali tat-territorji. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu azzjonijiet lokali bil-għan li jeradikaw il-kawżi fundamentali tal-kriminalità. Din il-prattika diġà teżisti fl-Italja fejn terz tat-12 000 binja li ttieħdet b’riżultat tal-qbid ingħataw jew inbiegħu mill-ġdid bi profitt għall-awtoritajiet lokali bil-għan li jwettqu azzjonijiet soċjali. B’hekk tingħata viżibbiltà pożittiva lill-azzjoni tas-setgħat pubbliċi u tinħoloq sistema virtwuża li tgħaqqad lir-rappreżentanti eletti, lis-soċjetà ċivili u lill-familji;

47.

iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali biex fil-bidu tal-mandat tagħhom jiffirmaw kodiċi ta’ etika intitolat “Obliprivatum, publicacurate” (“Ninsew l-affarijiet privati u nimpenjaw ruħna fl-affarijiet pubbliċi”) li jwassal għall-ħolqien u ż-żamma ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn iċ-ċittadini u dawk li jiggvernaw. Dan il-kodiċi jistabbilixxi r-regoli ta’ imparzjalità (projbizzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, rifjut ta’ stediniet għal soġġorni privati mingħand persuna fiżika jew ġuridika li twettaq attività relatata mal-awtorità tar-rappreżentanti eletti, l-għoti lill-Istat ta’ rigali ta’ valur aktar minn EUR 150, nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-membri tal-familja tar-rappreżentanti eletti, eċċ.) u ta’ integrità (ir-riżorsi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jintużawx għal finijiet personali jew għal kampanji elettorali, ir-rispett tar-regoli tas-sejħiet għal offerti pubbliċi, eċċ.);

48.

iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti biex iressqu quddiem awtorità pubblika indipendenti dikjarazzjoni tal-assi tagħhom dwar il-proprjetajiet u r-rabtiet kummerċjali jew ta’ negozju tagħhom;

49.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mezzi ta’ finanzjament pubbliku għall-kampanji elettorali, jipprojbixxu l-għotjiet mingħand persuni ġuridiċi u jintroduċu statut tar-rappreżentant elett lokali li jiggarantixxi l-indipendenza u l-awtonomija finanzjarja tiegħu;

50.

iħeġġeġ ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus fir-rifuġji fiskali tal-flus li jinkisbu mill-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

51.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jattrezzaw lilhom innifishom b’mezzi utli għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ theddid fuq l-integrità, bħal servizzi ta’ valutazzjoni tal-mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni u ta’ kontroll tal-akkwisti pubbliċi u tad-delegi tas-servizzi pubbliċi;

52.

jitlob li jiġu stabbiliti pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ prattiki tajbin lokali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u tar-ritorn tal-assi kriminali li jkunu nqabdu, kif ukoll Konferenza Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

53.

iħeġġeġ lill-awtortitajiet lokali biex is-sussidji li jagħtu lill-isportivi ewlenin u lill-klabbs professjonali jkunu marbuta ma’ obbligi etiċi u ta’ trasparenza finanzjarja stretta;

54.

jipproponi li l-Kumitat tar-Reġjuni jaħtar osservatur fi ħdan il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-korruzzjoni u l-Grupp ta’ Stati kontra l-korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa;

55.

ser jestendi r-riflessjoni tiegħu dwar il-prattiki tajbin ta’ governanza u ta’ ġestjoni amministrattiva fir-rigward tal-protezzjoni tal-ekonomija leċita biex tinkludi l-pajjiżi msieħba tal-Politika tal-Viċinat, il-membri tal-ARLEM (l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja) u tal-CORLEAP (il-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant).

Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2007) 328 final u COM(2011) 309 final. Skont ir-rapport, 9 Stati Membri biss (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit) ittraspostaw tajjeb l-elementi kollha li jikkostitwixxu reat ta’ korruzzjoni kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-2003.


Top