EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG0708(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali: riżultati u azzjoni futura

ĠU C 202, 8.7.2011, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali: riżultati u azzjoni futura

2011/C 202/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkumplimenta l-linji politiċi nazzjonali, u għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali, u l-eliminazzjoni tas-sorsi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali; hija għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dawk l-oqsma fejn l-Istati Membri, b'kuntatt mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom l-linji politiċi u l-programmi tagħhom, u l-Kummissjoni tista', b'kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tippromwovi dan il-koordinament, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi;

2.

IFAKKAR fil-Green Paper tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2005 dwar “It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali”;

3.

IFAKKAR fid-dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewropea tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-15 ta' Jannar 2005 dwar l-ittrattar tal-isfidi tas-saħħa mentali fl-Ewropa u l-bini ta' soluzzjonijiet;

4.

IFAKKAR fil-Konferenza ta' livell għoli tal-UE “Flimkien għas-Saħħa u l-Benessri Mentali” li saret fi Brussell fit-13 ta' Ġunju 2008, li stabbiliet il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali;

5.

IFAKKAR fir-Rapport tal-WHO għas-sena 2010 dwar is-Saħħa Mentali u l-Iżvilupp: “Nindirizzaw nies b'kondizzjonijiet ta' saħħa mentali bħala grupp vulnerabbli” li ntlaqa' mir-Riżoluzzjoni 65/95 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-1 ta' Diċembru 2010 dwar is-saħħa globali u l-politika estera;

6.

IFAKKAR fl-Inizjattiva Ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar”, li tiddikjara li kważi f'kull każ nies bi problemi ta' saħħa mentali huma fost l-aktar gruppi esklużi fis-soċjetà u huma jidentifikaw b'mod konsistenti l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni bħala ostakli kbar għas-saħħa, l-benessri u l-kwalità tal-ħajja;

7.

IFAKKAR fl-Inizjattiva Ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (1), li jiddikjara li sabiex jiżdiedu r-rati ta' impjieg b'mod sostanzjali, għandu jittieħed ukoll kont tas-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema biex jiġu indirizzati t-talbiet tal-karrieri tax-xogħol tal-lum, li huma kkaratterizzati b'aktar transizzjonijiet bejn impjiegi aktar intensivi u impenjattivi u b'forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol;

8.

IFAKKAR fil-Konferenza “Riċerka ta' skoperta fin-newropsikjatrija: fokus fuq id-dipressjoni, l-ansjetà u l-iskiżofrenja” li saret f'Budapest fit-18-19 ta' Marzu 2011;

9.

JIRRIKONOXXI li l-benessri mentali huwa konstitwent ewlieni tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, u prerekwiżit għall-kapaċità għat-tagħlim, għall-ħidma u għall-kontribuzzjoni għall-ħajja soċjali;

10.

JIRRIKONOXXI li f'konformità ma' evidenza ta' riċreka reċenti, livell għoli ta' saħħa u benessri mentali tal-popolazzjoni huwa fattur importanti għall-ekonomija, u li d-disturbi mentali jwasslu għal telf ekonomiku pereżempju permezz ta' produttività kummerċjali aktar baxxa, parteċipazzjoni aktar baxxa fis-suq tax-xogħol, u spejjeż għall-individwi, l-familji u l-komunitajiet li jiffaċċjaw disturbi mentali;

11.

JIRRIKONOXXI li disturbi mentali jrendu l-persuna diżabbli u jirrapreżentaw l-akbar sehem fis-snin ta' ħajja aġġustati minħabba d-diżabbiltà fl-UE, bid-depressjoni u l-ansjetà bħala l-kawżi prinċipali ta' dak il-piż;

12.

JIRRIKONOXXI li f'konformità mal-estimi tal-WHO, id-disturbi mentali jaffettwaw wieħed minn kull erba' ċittadini tal-anqas darba f'ħajjithom u jistgħu jinstabu f'aktar minn 10 % tal-popolazzjoni tal-UE fi kwalunkwe sena;

13.

JIRRIKONOXXI li s-suwiċidju jibqa' kawża sinifikanti ta' mewt prematur fl-Ewropa, b'aktar minn 50,000 mewt fis-sena fl-UE, u li f'disa' każi minn għaxra jkun preċedut mill-iżvilupp ta' disturbi mentali;

14.

JIRRIKONOXXI li jeżistu inugwaljanzi konsiderevoli fl-istat tas-saħħa mentali bejn l-Istati Membri u ġewwa l-Istati Membri u wkoll bejn gruppi soċjali li minnhom il-gruppi l-aktar soċjoekonomikament żvantaġġati huma l-aktar vulnerabbli;

15.

JIRRIKONOXXI li l-fatturi determinanti tas-saħħa u l-benessri mentali, bħalma huma l-esklużjoni soċjali, il-faqar, il-qgħad, il-kondizzjonijiet ħżiena ta' akkomodazzjoni u ta' xogħol, problemi fl-edukazzjoni, l-abbuż, it-traskurar u t-trattament ħażin tat-tfal, inugwaljanzi bejn is-sessi kif ukoll fatturi ta' riskju bħal ma huma l-abbuż tal-alkoħol u d-drogi huma multifattorjali, u ta' spiss jistgħu jinsabu barra s-sistemi tas-saħħa, u li għalhekk it-titjib tas-saħħa u l-benessri mentali fil-popolazzjoni jeħtieġ sħubiji innovattivi bejn is-settur tas-saħħa u setturi oħra bħall-affarijiet soċjali, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-edukazzjoni;

16.

JIRRIKONOXXI l-importanza tal-istituzzjonijiet edukattivi u l-postijiet tax-xogħol bħala postijiet għall-azzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-benessri mentali, kif ukoll il-benefiċċji li huma jistgħu jiksbu minn azzjonijiet bħal dawn għall-objettivi proprji tagħhom;

17.

JIRRIKONOXXI li l-awtoritajiet u atturi oħra fil-livelli regjonali u lokali għandhom rwol ewlieni fl-azzjoni għas-saħħa u l-benessri mentali, kemm bħala agenti għat-titjib tal-benessri mentali fihom infushom, kif ukoll bħala promoturi tal-parteċipazzjoni minn setturi u kommunitajiet oħrajn;

18.

JIRRIKONOXXI li l-utenti ta' servizzi ta' saħħa mentali u l-membri tal-familji tagħhom, dawk li jieħdu ħsiebhom kif ukoll l-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom kompetenza speċifika u ta' valur x'jikkontribbwixxu u għandhom jiġu involuti f'azzjoni ta' politika dwar is-saħħa u l-benessri mentali;

19.

JIRRIKONOXXI l-ħtieġa għal riċerka dwar is-saħħa u l-benessri mentali u disturbi mentali u JILQA' l-kontribut li taw il-Programmi Qafas ta' Riċerka tal-UE għal dan;

20.

JILQA' l-eżiti tal-ħames konferenzi tematiċi organizzati taħt il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali kif ġej (2):

il-Konferenza dwar “Il-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Benessri Mentali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ - Inwettquha” li saret fi Stokkolma fid-29-30 ta' Settembru 2009,

il-Konferenza dwar “Il-Prevenzjoni tad-Depressjoni u s-Suwiċidju - Inwettquha” li saret f'Budapest f1-10-11 ta' Diċembru 2009,

il-Konferenza dwar “Is-Saħħa u l-Benessri Mentali ta' Nies Anzjani - Inwettquha” li saret f' Madrid fit-28-29 ta' Ġunju 2010,

il-Konferenza dwar “Il-Promozzjoni tal-Inklużjoni Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Istigma għal Saħħa u Benessri Mentali Aħjar” li saret f'Lisbona fit-8-9 ta' Novembru 2010,

il-Konferenza dwar “Il-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Benessri Mentali fuq il-Postijiet ta' Xogħol” li saret f'Berlin fit-3-4 ta' Marzu 2011.

21.

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex:

Jagħmlu s-saħħa u l-benessri mentali prijorità fil-linji ta' politika tagħhom dwar is-saħħa u biex jiżviluppaw strateġiji u/jew pjani ta' azzjoni dwar is-saħħa mentali li jinkludu l-prevenzjoni tad-depressjoni u s-suwiċidju;

Jinkludu l-prevenzjoni ta' disturbi mentali u l-promozzjoni tas-saħħa u l-benessri mentali bħala parti essenzjali ta' dawn l-istrateġiji u/jew pjani ta' azzjoni, li għandhom jitwettqu bi sħab mal-partijiet interessati rilevanti u ma' setturi tal-politika oħrajn;

Itejbu l-fatturi determinanti soċjali u l-infrastruttura li jagħtu appoġġ lill-benessri mentali u jtejbu l-aċċess għal din l-infrastruttura għal persuni li jbagħtu minn disturbi mentali;

Jippromwovu, fejn possibbli u rilevanti, mudelli ta' trattament u assistenza soċjalment inklużivi, li jkunu msejsa fil-komunità;

Jieħdu miżuri kontra l-istigmatizzazzjoni u l-esklużjoni ta' nies bi problemi ta' saħħa mentali, u d-diskriminazzjoni kontrihom, u biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni u x-xogħol;

Jagħmlu l-aqwa użu mill-possibilitajiet offruti mill-Fondi Strutturali fil-qasam tas-saħħa mentali b'mod partikolari għar-riforma u għat-titjib ulterjuri tas-sistemi tas-saħħa mentali tagħhom mingħajr preġudizzju għall-qafas finanzjarju futur;

Jużaw il-potenzjal offrut minn applikazzjonijiet teknologiċi, inkluż is-saħħa elettronika, għat-titjib ta' sistemi u s-servizzi tas-saħħa mentali, il-prevenzjoni tad-disturbi mentali u l-promozzjoni tal-benessri;

Jieħdu passi lejn involviment akbar tas-settur tas-saħħa u dak soċjali flimkien ma' sħab soċjali fil-qasam tas-saħħa u l-benessri mentali fuq il-post tax-xogħol, biex fejn adegwat jiġu appoġġati u kkumplimentati programmi mmexxija minn min iħaddem;

Jappoġġaw attivitajiet (eż. programmi ta' taħriġ) li jippermettu lill-professjonisti u lil min imexxi, b'mod partikolari fil-qasam tal-kura tas-saħħa, tal-kura soċjali u fuq il-postijiet tax-xogħol biex jittrattaw aspetti li jikkonċernaw il-benessri mentali u d-disturbi mentali;

Isaħħu l-promozzjoni tas-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ billi jappoġġaw ħiliet pożittivi tat-trobbija tat-tfal, approċċi olistiċi fl-iskola biex jitnaqqas il-bullying u biex jiżdiedu l-kompetenzi soċjali u emozzjonali, kif ukoll biex jiġu appoġġati familji fejn genitur ibagħti minn xi disturb mentali.

22.

JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

Ikomplu l-kooperazzjoni bħala segwitu għall-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali;

Jistabbilixxu Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali taħt il-Programm tas-Saħħa Pubblika tal-UE għas-snin 2008-2013 li jipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta' fehmiet, kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, biex jiġu identifikati l-aqwa approċċi u prattiki ta' politika li jkunu bbażati fuq l-evidenza, u jiġu analizzati attivitajiet b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

It-trattament ta' disturbi mentali permezz ta' sistemi soċjali u tas-saħħa;

It-teħid ta' miżuri kontra d-depressjoni li jkunu bbażati fuq l-evidenza;

Il-bini ta' sħubiji innovattivi bejn is-setturi tas-saħħa u oħrajn li jkunu rilevanti (eż. is-settur soċjali, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi) biex jiġi analizzat l-impatt tal-politika dwar is-saħħa mentali, jiġu indirizzati problemi ta' saħħa mentali ta' gruppi vulnerabbli u r-rabtiet bejn il-faqar u l-problemi ta' saħħa mentali, tiġi trattata l-prevenzjoni tas-suwiċidju, jiġu promossi s-saħħa u l-benessri mentali u għall-prevenzjoni ta' disturbi ta' saħħa mentali f'postijiet differenti, bħal ma huma postijiet tax-xogħol u oħrajn edukattivi;

Il-ġestjoni tal-evoluzjoni ta' approċċi għas-saħħa mentali li jkunu msejsa fil-komunità u soċjalment inklużivi;

It-titjib tad-data u l-evidenza dwar l-istat tas-saħħa mentali fil-popolazzjonijiet;

L-appoġġ ta' riċerka interdixxiplinari dwar is-saħħa mentali;

L-aħjar użu tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali fil-livell Ewropew, nazzjonali u dak regjonali permezz ta' azzjonijiet adatti li jkabbru s-sensibilizzazzjoni.

23.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:

Tkompli tindirizza s-saħħa u l-benessri mentali fi sħubija mal-politika tas-saħħa tal-UE u oqsma oħra ta' politika;

Tiżviluppa aktar l-EU Compass għall-Azzjoni dwar s-Saħħa u l-Benessri Mentali;

Tappoġġa l-Istati Membri, billi tipprovdi data dwar l-istat tas-saħħa mentali fil-popolazzjoni, u twettaq riċerka fl-oqsma tas-saħħa mentali u l-fatturi determinanti tagħha, inkluż l-ispejjeż tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali kkawżati minn problemi ta' saħħa mentali, waqt li jittieħed kont tal-ħidma mwettqa mill-WHO u l-OECD;

Tippreżenta rapport dwar l-eżiti tal-Azzjoni Konġunta, inkluż inventarju ta' azzjonijiet li jkunu bbażati fuq l-evidenza, fil-kura tas-saħħa mentali, l-inklużjoni soċjali, il-prevenzjoni u l-promozzjoni, kif ukoll riflessjoni dwar azzjonijiet ta' politika futura possibbli bħala segwitu għall-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali.


(1)  COM (2010) 682 finali.

(2)  Id-dokumenti tal-konferenzi tematiċi jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/health/mental_health/policy/conferences/index_en.htm


Top