EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0628(04)

Notifika tal-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew tal-azzar mingħajr saldaturi li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Russja u fl-Ukraina

ĠU C 187, 28.6.2011, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 187/16


Notifika tal-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew tal-azzar mingħajr saldaturi li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Russja u fl-Ukraina

2011/C 187/10

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri tal-anti-dumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Russja u fl-Ukraina (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

L-ilment ġie ppreżentat fid-29 ta’ Marzu 2011 mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon maġġuri, f'dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi.

2.   Prodott

Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, bi profil trasversali ċirkulari, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx l-406,4 mm b'Valur Ekwivalenti tal-Karbonju (CEV) li ma jaqbiżx iż-0,86 skont il-formula tal-Istitut Internazzjonali tal-Iwweldjar (IIW) u analiżi kimika (3) li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Russja u fil-Ukraina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa huwa kklassifikat fi ħdan il-kodiċi tan-NM ex 7304 11 00, ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 22 00, ex 7304 23 00, ex 7304 24 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 80, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 89, ex 7304 59 92 u ex 7304 59 93 (4).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv tal-anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 (5), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2008 (6).

4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunament li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew okkorrenza mill-ġdid ta' dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

Filwaqt li juru l-probabilità tar-rikorrenza tad-dumping għall-Kroazja u r-Russja, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-UE flimkien mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiż terz, l-Istati Uniti tal-Amerika, intużaw mill-applikant minħabba n-nuqqas attwali ta' volumi rappreżentattivi ta' importazzjoni mill-Kroazja u r-Russja lejn l-UE. Dawn il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew imqabbla ma' valur normali maħdum għall-Kroazja u mal-prezzijiet domestiċi għar-Russja. Fuq din il-bażi, l-applikant jallega li hemm probabilità ta' rikorrenza ta' dumping għall-Kroazja u r-Russja.

L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping fir-rigward tal-Ukraina hija bbażata fuq tqabbil ta' valur normali, stabbilit fuq il-bażi ta' prezzijiet domestiċi, bil-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġni ta' dumping ikkalkolata għall-Ukraina hija sinifikanti.

Fir-rigward tal-Ukraina, l-applikant jallega wkoll li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn dan il-pajjiż komplew jikkaġunaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni minħabba l-prezzijiet baxxi tagħhom. L-evidenza prima facie li pprovda l-applikant turi li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat kompla jkollu impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, fost konsegwenzi oħra, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja u fuq il-qagħda tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

L-applikant jallega wkoll il-probabilità ta' kontinwità jew ta' rikorrenza ta' dumping dannuż għall-pajjiżi kollha kkonċernati. F'dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jaqgħu, il-livell attwali tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza ta' kapaċità mhux użata fil-pajjiżi kkonċernati.

Barra minn hekk, l-applikant jallega li l-qagħda diġà fraġli tal-industrija tal-Unjoni se tmur aktar għall-agħar jekk il-miżuri jitħallew jaqgħu u li kull rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati x'aktarx twassal għal rikorrenza ta' aktar ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan il-mod qed tniedi reviżjoni f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Proċedura biex tiġi stabbilita l-probabilità ta’ dumping u ta' ħsara

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri tkunx aktarx se twassal jew ma twassalx għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' ħsara.

(a)   It-teħid ta’ kampjuni

Fir-rigward tan-numru evidentement kbir ta' partijiet involuti f'dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta' kampjuni, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   It-teħid ta' kampjuni għall-esportaturi/produtturi fir-Russja u fl-Ukraina

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta' kampjuni u, jekk dan huwa l-każ, tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha fir-Russja u fl-Ukraina, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b'dan il-mod mitluba li jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks, u l-persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2010 u l-31 ta' Marzu 2011 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (7) separatament u f'totali,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fuq is-suq domestiku waqt il-perjodu bejn l-1 ta' April 2010 u l-31 ta' Marzu 2011,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ lil pajjiżi terzi oħrajn waqt il-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2010 u l-31 ta' Marzu 2011,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji kollha relatati (8), involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (esportazzjoni u/jew lokali) tal-prodott ikkonċernat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Billi tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma tkunx ikkooperat fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi għan-nuqqas ta' kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif meqjus meħtieġ għall-għażla tal-kampjun minn fost l-esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni tista', barra minn hekk, tikkuntattja lill-awtoritajiet tar-Russja u tal-Ukraina, u kull assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

(ii)   It-teħid ta' kampjun għall-importaturi

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni hux meħtieġ u, jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

il-volum f'tunnellati u l-valur f'EUR tal-importazzjonijiet lejn is-suq tal-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid li jkun sar f'dan is-suq waqt il-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2010 u l-31 ta' Marzu 2011 tal-prodott importat ikkonċernat li joriġina fil-Kroazja, fir-Russja u fl-Ukraina,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji kollha relatati (9), involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Billi tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma tkunx ikkooperat fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi għan-nuqqas ta' kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis neċessarju għall-għażla tal-kampjun tal-importaturi, barra minn dan, il-Kummissjoni se tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

(iii)   It-teħid tal-kampjuni għall-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta' produtturi mill-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (għal dan għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni permezz tad-dettalji ta' kuntatt fit-Taqsima 7 hawn taħt) u jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar l-adegwatezza ta' din l-għażla fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jkunu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji finalment magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

(iv)   L-għażla finali tal-kampjuni

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jibagħtu xi tagħrif rilevanti dwar l-għażla tal-kampjuni għall-esportaturi/produtturi fir-Russja u fl-Ukraina u l-importaturi għandhom jagħmlu dan fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Sejba ibbażata fuq il-fatti disponibbli tista' tkun inqas vantaġġjuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni li tkun parti mill-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi fl-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi magħrufa fil-Kroazja, lill-esportaturi/produtturi li jkunu parti mill-kampjun fir-Russja u fl-Ukraina u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi li jkunu parti mill-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.

Għall-esportaturi/produtturi fil-Kroazja, il-partijiet kollha bħal dawn interessati għandhom jikkuntattjaw minnufih lill-Kummissjoni bil-faks, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 6(a)(i) ta' dan l-avviż, sabiex isiru jafu jekk humiex imniżżla fl-ilment u, jekk meħtieġ, jitolbu għal kwestjonarju, minħabba li l-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 6(a)(ii) ta' dan l-avviż japplika għal kull tali parti interessata.

(c)   Ġbir ta' tagħrif u seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati, b'dan, qed jiġu mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jissottomettu tagħrif barra mit-tweġibiet li taw fil-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn iressqu talba li turi li għandhom raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu taż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

5.2.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-probabbiltà li jissokta d-dumping u li l-kontinwazzjoni tal-ħsara jiġu kkonfermati, għandu jkun stabbilit jekk ikunx kontra l-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri anti-dumping. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista' tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Unjoni, lill-importaturi, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, lill-utenti rappreżentattivi u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi. Tali partijiet, inklużi dawk mhux magħrufa mill-Kummissjoni, kemm-il darba jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw lilhom infushom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li aġixxew f'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ, waqt li jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kull tagħrif imressaq skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se jitqies biss jekk ikun sostnut minn evidenza fattwali fil-mument meta jitressaq.

6.   Limiti ta’ żmien

(a)   Limiti ta’ żmien ġenerali

(i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Il-partijiet kollha interessati li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali għandhom jitolbu kwestjonarju jew formoli oħrajn ta’ lment mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw rwieħhom, biex jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet kollha interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati matul l-investigazzjoni, dawn għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippeżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kull tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-parti fil-limitu ta' żmien imsemmi qabel.

Il-kumpaniji li jintgħażlu f'kampjun għandhom jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien speċifikat fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

(b)   Limitu speċifiku ta' żmien fir-rigward tat-teħid ta' kampjuni

(i)

It-tagħrif speċifikat fil-punti 5.1(a)(i), 5.1(a)(ii) u 5.1(a)(iii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iv) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet li jkunu ġew inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (10) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Comission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

8.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu ta' żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dan it-tagħrif għandu jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u jintużaw il-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Il-possibilità li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Peress li din ir-reviżjoni tal-iskadenza tnediet f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jiġu rrevokati jew miżmuma f'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk kwalunkwe parti fil-proċediment tikkunsidra li reviżjoni tal-livell tal-miżuri hija neċessarja biex ikun jista' jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob li ssir reviżjoni f'konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jkunu jixtiequ jitolbu tali reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

11.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Jekk jogħġbok kun af li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (11).

12.   Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ

Huwa nnutat ukoll, li jekk il-partijiet interessati jikkunsidraw li qed jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom għal difiża, dawn jistgħu jitolbu li jsir intervent mill-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ tad-Direttorat Ġeneral għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala punt ta' interazzjoni bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun xieraq, il-medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-fajl, mal-kunfidenzjalità, mal-estensjoni tal-limiti taż-żmien u mat-trattament tas-sottomissjonijiet bil-miktub u/jew orali tal-opinjonijiet. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU C 348, 21.12.2010, p. 16.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  Il-VEK għandu jiġi ddeterminat f'konformità mar-Rapport Tekniku, 1967, IIW doc. IX-555-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Issaldjar (IIW).

(4)  Kif definit bħalissa fir-Regolament tal-Kummissjoni (EU) Nru 861/2010 tal-5 ta' Ottubru 2010, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana (ĠU L 284, 29.10.2010, p. 1). Il-kopertura tal-prodott hija ddeterminata billi jingħaqdu flimkien id-deskrizzjoni tal-prodott fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4) u d-deskrizzjoni tal-prodott tal-kodiċi NM korrispondenti meħuda flimkien.

(5)  ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4.

(6)  ĠU L 220, 15.8.2008, p. 1.

(7)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

(8)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(9)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 8.

(10)  Dan ifisser li d-dokument ikun għall-użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping).

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top