EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1602

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp ta’ żoni reġjonali għall-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-ħut u għall-kontroll tas-sajd” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp ta’ żoni reġjonali għall-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-ħut u għall-kontroll tas-sajd” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 24/09

Relatur: is-Sur BURNS

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

L-iżvilupp ta’ żoni reġjonali għall-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-ħut u għall-kontroll tas-sajd (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'147 vot favur, 6 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat bi pjaċir jilqa' l-intenzjoni tar-riforma radikali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u b'mod partikolari l-għan li tiġi stabbilita politika deċentralizzata, li tiddependi inqas mid-deċiżjonijiet dettaljati li jittieħdu Brussell u li tagħti opportunità ikbar għall-parteċipazzjoni lokali u reġjonali fil-ġestjoni tal-ħut. Madankollu, id-dettall, iċ-ċarezza u s-sistema ta’ sanzjonijiet essenzjali meħtieġa biex politika bħal din taħdem b'mod effettiv għadhom nieqsa u għandhom jiġu inklużi.

1.2   Mingħajr stokkijiet tal-ħut li jiffjorixxu ma jista' jkun hemm l-ebda industrija tal-ħut sostenibbli. Għalhekk huwa rrakkomandat li s-sostenibbiltà ambjentali tingħata prijorità bħala bażi għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali u b'mod speċifiku tiġi inkorporata fir-Regolament Bażiku. Dan ser jeħtieġ li l-politika titmexxa minn approċċ xjentifiku tal-ekosistema mmexxi mill-prinċipju tal-prekawzjoni.

1.3   Biex ikun effettiv it-tisħiħ tal-pjani ta’ ġestjoni bbażati fuq il-kwoti li huma bbażati fuq ir-rendiment massimu possibbli, hemm bżonn li jiġu stabbiliti livelli ogħla li verament iwasslu biex jiffjorixxu l-ispeċi kollha regolati u dan għandu jsir sal-2015.

1.4   Fis-sistema proposta, li hija bbażata fuq is-suq, fejn id-drittijiet tas-sajd jistgħu jiġu skambjati, b'permessi allokati skont il-parteċipazzjoni storika fis-sajd, hemm ir-riskju li dawk li kienu responsabbli għas-sajd żejjed fil-passat ikomplu f'din it-triq. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw id-dispożizzjoni li dawk li jirċievu allokazzjonijiet jinħtieġu juru li l-attivitajiet tagħhom mhumiex ta’ ħsara għall-ambjent tal-baħar u li jagħmlu kontributi sinifikanti lill-komunitajiet kostali tas-sajd. B'dan il-mod, il-privatizzazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut tkun soġġetta għall-kontrolli soċjali u ambjentali.

1.5   Il-Kumitat jilqa' l-projbizzjoni parzjali fuq l-iskartar tal-ħut iżda jissuġġerixxi li għandu jkun marbut speċifikament mat-titjib f'tekniki selettivi tas-sajd.

1.6   Is-sussidji kontinwi għandhom jintużaw biex jiġu żviluppati flotot tas-sajd li jistadu b'tali mod li ma ssirx daqshekk ħsara lill-ambjent (inqas ħsara lill-istokkijiet tal-ħut u lill-qiegħ l-oċean, inqas skartar, eċċ.) u m'għandhomx jintużaw biex tiżdied il-kapaċità għas-sajd.

1.7   L-istandards u r-regoli li skonthom jitmexxew il-flotot tal-UE meta jistadu fl-ibħra nazzjonali japplikaw ukoll meta jistadu 'l barra mill-ilmijiet tagħhom u fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. M'għandu jkun hemm l-ebda standard doppju.

2.   Introduzzjoni

2.1   Matul l-iżvilupp ta’ din l-opinjoni, ħarġu l-proposti tal-Kummssjoni għat-tieni reviżjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd. Fihom ġiet proposta riforma estensiva mill-qiegħ biex tiġi indirizzata r-realtà attwali tas-sajd żejjed, tal-kapaċità żejda tal-flotot, tas-sussidji l-kbar, tar-reżiljenza ekonomika baxxa u tat-tnaqqis fil-volum ta’ ħut li jinqabad mis-sajjieda Ewropej. Għalhekk, din l-opinjoni tressaq il-kummenti tagħha dwar l-iżvilupp ta’ żoni reġjonali għall-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ ħut fil-kuntest ġenerali tar-riforma proposta.

3.   Sfond ġenerali

3.1   It-Trattati tal-UE u l-PKS attwali jagħtu lill-Kummissjoni d-dritt tal-inizjattiva u lill-Kunsill il-kompetenza esklużiva għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Din iċ-ċentralizzazzjoni sistemika, b'mod iktar speċifiku, l-approċċ minn fuq għal isfel, li ntagħżel biex jitwettqu r-responsabbiltajiet tal-PKS, ma wasslitx għal soluzzjonijiet fattibbli għall-ħafna kundizzjonijiet u ġurisdizzjonijiet ġeografiċi differenti tal-PKS. Il-frażi “m'hemmx daqs wieħed għal kulħadd” tintuża ħafna bħala referenza ta’ kritika għall-korp sħiħ ta’ regolamenti li rriżultaw.

3.2   Il-bżonn ta’ impenn min-naħa tal-partijiet interessati ġie rikonoxxut fl-ewwel riforma fl-2002 u wassal għat-twaqqif tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali li joffru biss parir.

3.3   Hekk kif ġie adottat it-Trattat ta’ Lisbona saru bidliet materjali sinifikanti ħafna. Issa hemm il-kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill għall-kwistjonijiet kollha ta’ regolamentazzjoni tas-sajd, ħlief għad-deċiżjoni dwar l-opportunità għas-sajd, li għadha l-kompetenza esklużiva tal-Kunsill.

3.4   Bħala tentattiv biex tiġi indirizzata kull problema, il-Kummissjoni u l-Kunsill ħarġu regolamenti li huma kumplikati wisq u li ma rnexxilhomx jindirizzaw il-problemi li jeżistu fl-ilmijiet Ewropej.

3.5   Skont l-industrija tas-sajd, hemm “ammont ta’ dettall kważi komiku” - speċifikazzjonijiet tal-għodda, kompożizzjonijiet tal-permessi tal-ħatt l-art u regolazzjoni teknika, kollha inkorporati f'900 regolament. Din ir-reqqa fid-dettall qed iddewwem l-innovazzjoni għax ma tagħti l-ebda inċentiv biex jinsabu soluzzjonijiet fattibbli. Dan wassal ukoll għal telf ta’ fiduċja bejn l-industrija tas-sajd u l-mekkaniżmi u l-kumitati politiċi li suppost jikkontrollaw il-PKS. Dan iwassal bilfors għal tentattivi ta’ evitar iktar milli konformità.

3.6   Taħt il-PKS attwali, l-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni mill-industrija ma ġewx inkoraġġiti iżda hemm xi eżempji tajbin li tnedew mis-sajjieda. Fl-Iskozja, hemm rekord konsistenti ta’ innovazzjoni, pereżempju, il-konservazzjoni tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana. Id-diżattivazzjoni konsiderevoli tal-bastimenti saret flimkien ma’ Għeluq fil-Ħin Reali (Real Time Closures): ġestjoni intelliġenti ta’ għadd limitat ta’ ġranet fuq il-baħar: l-iżvilupp ta’ għodda selettiva u provi fl-użu tas-CCTV. Dan għen biex jitnaqqas l-iskartar, tittejjeb il-kompetittività u tittejjeb il-konservazzjoni. Kien hemm oħrajn ukoll li kkontribwew, pereżempju l-industrija tat-tkarkir bid-dawl (beam-trawl) tal-Pajjiżi l-Baxxi li tibdel u tiżviluppa t-tipi ta’ għodda u d-diżattivazzjoni.

3.7   Il-karatteristika prinċipali ta’ dawn l-inizjattivi kollha hija r-rikonoxximent mill-industrija tas-sajd li hemm il-problemi (pereżempju, it-tnaqqis tal-iskartar) u l-industrija għandha tkun il-kontributur ewlieni biex jinsabu u jiġu implimentati s-soluzzjonijiet. Hemm eżempji oħra disponibbli ta’ soluzzjonijiet reġjonali u dawn jagħtu prova li s-soluzzjonijiet reġjonali verament jagħtu riżultati aħjar mir-regolamenti ġeneriċi li joħorġu minn Brussell.

3.8   Madankollu, dawn il-provi kollha għandhom restrizzjoni fundamentali komuni - li fil-PKS attwali m'hemm l-ebda delega ta’ responsabbiltà. Ir-riżultat finali tal-innovazzjoni, l-esperimentazzjoni u l-iżvilupp jistgħu jinfluwenzaw ir-regolament biss jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi tadottah.

3.9   It-tendenza min-naħa tal-Kummissjoni li żżomm kontroll eċċessiv fuq ir-regolament tista' forsi tiġi spjegata mix-xewqa kbira li ma tonqosx milli taqdi r-responsabbiltajiet. Dan kien il-każ b'mod partikolari qabel ma daħal it-Trattat ta’ Lisbona, u b'xorti ħażina sar proċess li dejjem jirrepeti lilu nnifsu. Iktar ma l-leġislazzjoni ssir ċentralizzata, kumplessa u mhux adatta, iktar tintilef il-fiduċja tal-partijiet interessati, u konsegwentement, inqas ikun hemm ċans ta’ konformità sħiħa. Dan joħloq il-ġustifikazzjoni għal regolazzjoni ċentrali iktar stretta, u ċ-ċiklu jkompli.

4.   Kummenti ġenerali

Għar-raġunijiet kollha spjegati fit-taqsima 3 hawn fuq (sfond), ir-raġunament wara t-twaqqif ta’ awtoritajiet reġjonali għall-implimentazzjoni ta’ politiki tal-UE huwa ċar. Iżda dan iqajjem għadd ta’ mistoqsijiet.

4.1   Delega tal-awtorità

4.1.1   Biex l-awtoritajiet reġjonali jkollhom valur ġenwin, irid ikollhom miri strateġiċi bbażati fuq evidenza xjentifika stabbilita fi Brussell. Brussell għandu wkoll:

ikun responsabbli għall-garanzija ta’ sitwazzjoni b'kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn ir-reġjuni u l-industriji tas-sajd

jimmonitorja l-industrija biex jiżgura li hemm konformità mal-kwoti, il-miri u l-għanijiet oħra tal-UE.

4.1.2   Minħabba l-varjetà ta’ fatturi ġeografiċi u oħrajn ta’ kull qasam ta’ sajd, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw għodod tal-ġestjoni. Dan jiżgura li l-iżvilupp tar-regoli u r-regolamenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll il-livell reġjonali jsir bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-industrija tas-sajd u minn dawk l-esperti li jafu u jifhmu x'inhu fattibbli u x'mhuwiex f'kull qasam.

4.2   Ir-reġjuni tas-sajd u l-awtoritajiet reġjonali

4.2.1   Il-varjetà kbira ta’ oqsma li ser jiġu affettwati minn dawn il-bidliet ma tippermettix li din l-opinjoni tissuġġerixxi objettivi definiti ħlief li tirrakkomanda li kull reġjun għandu jkun stabbilit permezz ta’ korpi rappreżentanti li jinkludu l-Istati Membri u l-partijiet interessati; b'mod partikolari dawk il-korpi li jirrappreżentaw biss l-interess reġjonali iżda li għandhom mandat pan-Ewropew.

4.3   Skartar

4.3.1   Dan sar kwistjoni importanti. B'mod partikolari l-iskartar li jsir matul il-proċess tal-qbid. Il-Kummissarju Damanaki wieġbet għal din l-attenzjoni kollha fil-mezzi tax-xandir billi pproponiet projbizzjoni parzjali fuq l-iskartar fir-reviżjoni tal-PKS.

4.3.2   Il-konsegwenzi potenzjali ta’ approċċ mhux maħsub sew lejn l-iskartar tal-ħut jistgħu jkunu diżastrużi għall-komunitatjiet tas-sajd u għall-industrija.

4.3.3   Ir-raġuni ewlenija tal-iskartar tal-volum hija minħabba r-regoli attwali li jirregolaw is-sajd imħallat – fejn ħafna speċi bilfors jinqabdu flimkien. Il-ġestjoni bis-sistema tal-qabdiet totali permessi (total allowable catches) għal kull speċi individwali, minbarra r-regoli tal-kompożizzjoni tal-qabda li jirregolaw il-proporzjonijiet tal-ispeċi differenti li jistgħu jinħattu l-art, toħloq xibka riġida ta’ regoli li ma jirriflettux l-abbundanza u l-proporzjonijiet ta’ ċertu ħut fl-ekosistema.

4.3.4   Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-PKS riveduta għandu jkun l-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ prattiki ta’ ħidma aħjar kif issemma fit-tielet taqsima ta’ din l-opinjoni sabiex l-iskartar ikun jista' jitnaqqas għal livelli negliġibbli.

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat

L-emendi li ġejjin, li rċevew mill-inqas kwart tal-voti, ġew irrifjutati matul id-dibattitu:

Punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.6 u 1.7

Ħassar il-punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.6 u 1.7.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

46

Kontra

:

102

Astensjonijiet

:

14


Top