EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE0805

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Makkinarju agrikolu u għodda tal-kostruzzjoni u tal-manutenzjoni: liema huwa l-aħjar mod kif noħorġu mill-kriżi?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Makkinarju agrikolu u għodda tal-kostruzzjoni u tal-manutenzjoni: liema huwa l-aħjar mod kif noħorġu mill-kriżi?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 218/04

Relatur: is-Sur RANOCCHIARI

Korelatur: is-Sur PESCI

Nhar it-15 ta’ Lulju 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Makkinarju agrikolu u għodda tal-kostruzzjoni u tal-manutenzjoni: liema huwa l-aħjar mod kif noħorġu mill-kriżi?

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li hija inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-industriji Ewropej tal-għodda tal-kostruzzjoni u l-makkinarju agrikolu ntlaqtu b’mod aħrax mill-kriżi fi żmien meta qed isseħħ bidla kbira fid-domanda globali. Madankollu, dan is-settur jagħmel parti minn industrija kompetittiva u teknoloġikament avvanzata.

Iżda hemm bżonn ta’ għadd ta’ inizjattivi fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur biex fit-tul tiġi evitata l-kapaċità eċċessiva tal-produzzjoni tal-UE:

qafas legali li ma jillimitax il-ħila tal-manifatturi li jinnovaw u li jiżviluppaw għodda li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-klijenti;

kundizzjonijiet indaqs fl-Ewropa, permezz ta’ superviżjoni effettiva tas-swieq: l-awtoritajiet tas-suq u tad-dwana għandhom jinfurzaw ir-Regolament 765/2008 b’mod effettiv u jissikkaw il-kontrolli fuq is-suq Ewropew;

leġislazzjoni tal-prodotti u politika tal-kummerċ li jiżguraw aċċess ħieles għas-swieq dinjija;

leġislazzjoni Ewropea li tqis ir-rwol li relattivament qed jonqos tas-swieq Ewropej. Iċ-ċentru tas-suq dinji dejjem qed jersaq lejn l-Amerika t’Isfel u l-Asja, u għalhekk għandha tiġi prevista kull miżura, inkluż it-tnaqqis tal-burokrazija u l-promozzjoni ta’ miżuri volontarji mill-industrija, biex il-fabbriki tal-manifatturi Ewropej jinżammu fl-UE;

l-armonizzazzjoni hija s-soluzzjoni – fl-Ewropa u fid-dinja – tal-ħtiġijiet tas-sigurtà fit-triq u l-protezzjoni ambjentali;

kundizzjonijiet tax-xogħol u miżuri ta’ implimentazzjoni mtejba fl-UE kollha biex jiġu evitati kapaċitajiet eċċessivi fil-ġejjieni u biex jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u ideat ġodda dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol ibbażati fuq l-għarfien tal-partijiet interessati kollha;

programm ta’ fondi u inċentivi biex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-SMEs.

1.2   Wara s-seduta li saret fil-11 ta’ Novembru 2010 f’Bologna bħala parti mill-EIMA (Esibizzjoni Internazzjonali tal-Makkinarju Agrikolu), fejn attendew bosta partijiet interessati, fil-kapitoli li ġejjin qed jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet dettaljati oħra.

2.   Sfond għall-opinjoni

2.1   L-industrija Ewropea tal-makkinarju agrikolu u l-għodda tal-kostruzzjoni tipprovdi soluzzjonijiet tekniċi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem: li tintema l-popolazzjoni dinjija li dejjem qiegħda tikber, li jiġu pprovduti d-djar u li tiġi żgurata l-infrastruttura neċessarja.

2.2   L-ispejjeż għoljin tal-art fl-Ewropa qed jirriżultaw f’domanda Ewropea għal soluzzjonijiet effiċjenti ħafna u innovattivi għall-biedja u l-bini, u dan qed iwassal biex l-industrija Ewropea tkun mexxejja dinjija fit-teknoloġija.

2.3   Filwaqt li l-Ewropa għaddejja minn perjodu ta’ staġnar, is-swieq tal-Asja, tal-Amerika Latina, tal-Afrika u tal-pajjiżi tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti (KSI) ilhom jespandu u ser ikomplu jikbru b’rata mgħaġġla. Għalhekk, wieħed jista’ jgħid li ħarġu atturi globali oħra u dawn qed isiru kompetittivi, anke barra mis-swieq ta’ pajjiżhom.

2.4   Il-kriżi finanzjarja globali laqtet liż-żewġ setturi b’mod konsiderevoli. Meta nfaqgħet il-bużżieqa finanzjarja tal-proprjetà, waħda mill-konsegwenzi kienet tnaqqis konsiderevoli fl-attività tas-settur tal-għodda tal-kostruzzjoni fit-tieni nofs tal-2008. Dan wassal għal tnaqqis drastiku fis-settur tal-bini, bi tnaqqis ta’ 42 % fil-bejgħ fl-2009. Dan it-tnaqqis kien prinċiparjament dovut għan-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji min-naħa tal-klijenti u tnaqqis fl-attività tal-kostruzzjoni.

2.5   L-effetti tal-kriżi nħassew iktar tard fis-settur tal-makkinarju agrikolu u għalkemm it-tnaqqis fl-2009 kien inqas akut (– 22 %), l-irkupru ma bediex qabel l-ewwel nofs tal-2010 kif ġara fil-maġġoranza tas-setturi l-oħra tal-industrija, u t-tnaqqis fil-bejgħ għas-sena sħiħa tal-2010 huwa stmat li kien 9 %. L-ixprun prinċipali kien mill-ġdid in-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji min-naħa tal-klijenti, flimkien mal-inċertezza.

2.6   Bħalissa hemm bidla dejjem ikbar fid-domanda għall-prodotti. Filwaqt li s-swieq barra l-Ewropa b’rekwiżiti legali ħafna inqas stretti qed jikbru, qed tonqos id-domanda għall-prodotti tal-UE li jikkonformaw ma’ leġislazzjoni dejjem iktar stretta għas-sikurezza u l-ambjent. Dan qed iżid il-portafoll tal-prodotti li diġà huwa kumpless. U qed iwassal ukoll għal bida fil-postijiet tal-produzzjoni; il-prodotti mmirati lejn is-swieq barra l-UE qed isiru manifatturati f’postijiet eqreb tas-sors għad-domanda, b’riżultat ta’ telf ta’ impjiegi fl-UE.

3.   Il-makkinarju agrikolu u tal-kostruzzjoni: l-importanza strateġika tas-settur, l-isfidi li ġejjin, l-istruttura tas-suq

3.1   Kwantitajiet żgħar, diversità kbira ta’ prodotti – dipendenza qawwija mill-fornituri

Hemm bosta similaritajiet bejn iż-żewġ setturi f’termini tal-iskala u l-varjetà tal-produzzjoni tal-manifatturi tagħhom.

Hemm kumpaniji multinazzjonali kbar li jipproduċu firxiet wesgħin ta’ prodotti li jkopru t-tipi ta’ għodda li jintużaw l-iktar, bħat-tratturi agrikoli, l-apparat għat-tħaffir jew l-apparat għat-tagħbija bir-roti.

Fl-istess ħin, hemm manifatturi li jvarjaw minn entitajiet reġjonali mdaqqsa sal-SMEs li jkopru t-tipi ta’ għodda l-iktar komuni iżda jkomplu jeżistu billi jfornu lis-suq bi prodotti speċjalizzati ħafna.

Il-firxa tal-ispeċjalizzazzjoni u l-varjetà tal-prodotti offruti fis-suq ħafna drabi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs veru tal-manifattur. Huwa pjuttost normali li wieħed isib manifatturi b’200 mudell differenti, li joffru għodda mfassla għal finijiet speċifiċi ħafna u li jbiegħu inqas minn 1 000 prodott fis-sena; ħafna oħrajn jirnexxilhom ikomplu billi jbiegħu sensiela ta’ inqas minn 100 prodott fis-sena ta’ kull mudell.

3.2   L-impjieg u l-produzzjoni

3.2.1   Is-suq tal-makkinarju agrikolu jirrifletti mill-qrib it-tendenzi fis-settur agrikolu.

Mingħajr l-aħħar magni, is-settur agrikolu modern, effiċjenti u kompetittiv ma jeżistix. Illum il-ġurnata hemm iktar minn 10 miljun ruħ jaħdmu fl-agrikoltura. Filwaqt li l-għadd ta’ ħaddiema f’dan is-settur qed jonqos, għadhom jistgħu jiġu identifikati differenzi kbar bejn l-UE15 u l-Istati Membri “il-ġodda” li saru membri tal-UE wara l-2004.

Fl-UE-15, 4 % tal-ħaddiema “biss” huma impjegati f’dan is-settur, filwaqt li fit-12-il Stat Membru l-ġdid il-ħaddiema f’dan is-settur jirrappreżentaw 13,4 % tal-forza totali tax-xogħol.

Għalhekk, fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn PAK b’saħħitha għall-bdiewa iżda anke biex l-industrija tkompli tinvesti fir-Riċerka u l-Iżvilupp – li bis-saħħa t’hekk jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet legali u d-domanda tax-xerrejja.

Fis-settur tal-makkinarju agrikolu, hemm mal-4 500 manifattur li ġġeneraw bejgħ ta’ madwar EUR 28 biljun fl-2008. 135 000 ruħ jaħdmu f’dan is-settur u barra minn dawn hemm 125 000 persuna li jaħdmu fid-distribuzzjoni u l-manutenzjoni.

Żewġ terzi tal-produzzjoni tal-UE huma kkonċentrati fil-Ġermanja, l-Italja, Franza, Spanja u r-Renju Unit, filwaqt li t-tnax “il-ġodda” flimkien jirrappreżentaw 7 % tal-produzzjoni tal-makkinarju fl-UE biss.

3.2.2   Is-settur tal-kostruzzjoni fl-UE jimpjega 7,1 % tal-popolazzjoni attiva.

Il-produzzjoni tal-għodda tal-kostruzzjoni ssegwi l-istess tendenza bħall-makkinarju agrikolu fejn l-Italja, il-Ġermanja, Franza, Spanja u r-Renju Unit jirrappreżentaw kważi tliet kwarti tal-produzzjoni globali fl-Ewropa. B’kollox hemm madwar 1 200 kumpanija fl-Ewropa b’bejgħ globali ta’ EUR 31 biljun fl-2008, ċifra li niżlet għal 18-il biljun fl-2009. Dan jirrappreżenta nuqqas ta’ 42 %.

L-industrija impjegat 160 000 ħaddiema b’mod dirett u b’mod indirett huwa stmat li fil-katina tal-provvista, in-netwerk tad-distribuzzjoni u l-manutenzjoni hemm 450 000 impjieg li jiddependu mis-settur. Fl-2010, skont l-istimi tal-industrija, l-impjiegi diretti naqsu b’35 % u l-impjiegi indiretti b’20 %.

Madankollu, hemm nuqqas ċar ta’ persunal tas-sengħa u żgħażagħ. Stħarriġ dwar ix-xogħol fl-Industriji tat-Teknoloġija fil-Finlandja juri li d-diffikultajiet fir-reklutaġġ ta’ staff kwalifikat żdiedu. Dan in-nuqqas jikkonċerna lill-professjonijiet li ilhom fil-quċċata tal-lista għal iktar minn għaxar snin: welders, ħaddiema tal-metall, mekkaniki u inġiniera.

3.3   Id-dipendenza mill-fornituri tal-komponenti u l-muturi

Il-manifatturi Ewropej fiż-żewġ setturi minn dejjem kienu minn ta’ quddiem fil-kuntest dinji fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata u l-kwalità tal-għodod offruti. It-teknoloġija avvanzata, li tvarja minn funzjonijiet awtomatizzati ħafna u GPS b’riżoluzzjoni qawwija għall-biedja ta’ preċiżjoni, sa trasmissjonijiet kontinwi u varjabbli u s-settur elettroniku, trid tkun l-aktar avvanzata f’dawn l-oqsma.

Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jagħtu prestazzjoni tajba taħt kondizzjonijiet estremi (trab, tajn, silġ, sħana estrema u bard estrem) ifisser li l-komponenti standard mhux ser jissodisfaw il-ħtiġijiet jew jipprovdu l-iżvilupp addizzjonali speċifiku meħtieġ.

Hemm tħassib li qed jiżdied fl-industrija li l-imsieħba Ewropej neċessarji fis-settur tal-komponenti mhux ser ikunu disponibbli fil-futur, biex permezz ta’ żvilupp komuni jiżguraw li jkunu mexxejja fil-kamp tat-teknoloġija.

Il-muturi huma l-komponent kruċjali għall-iżvilupp tal-prodotti u għall-konformità mal-leġislazzjoni, iżda bil-kontra tas-settur tal-karozzi, huma biss il-kumpaniji multinazzjonali li għandhom il-faċilitajiet biex jipproduċu l-muturi.

L-għadd ta’ manifatturi indipendenti tal-muturi qed jonqos u dawn jokkupaw pożizzjoni marġinali fis-suq; il-maġġoranza tal-manifatturi tal-għodod spiss jiffaċċjaw l-isfida tad-dipendenza fuq il-provvedituri ta’ muturi kkontrollati mill-kompetituri tagħhom.

3.4   L-importanza tan-netwerk tad-distribuzzjoni u l-manutenzjoni

In-netwerk tal-intermedjarji (dealers) u tal-manutenzjoni huwa wieħed mill-fatturi li jiddeterminaw is-suċċess ta’ manifattur. Magni daqshekk kumplessi jġibu magħhom riskji għas-saħħa u s-sikurezza jekk ma jintużawx u ma jinżammux kif jixraq. Huma jeħtieġu sistema ta’ distribuzzjoni mħarrġa sew biex tassisti fl-għażla tal-iktar teknoloġija adatta u tipprovdi manutenzjoni u tiswija ta’ kwalità għolja biex jiġi żgurat servizz rapidu u affidabbli meħtieġ għat-tagħmir kumpless, l-istennijiet ta’ prestazzjoni għolja min-naħa tal-klijenti u għas-setturi fejn il-kondizzjonijiet tal-klima, il-quċċati staġjonali u l-iskadenzi stretti jkunu fatturi importanti.

3.5   L-effett tal-kriżi ekonomika fuq it-tkabbir u l-produzzjoni

Il-kriżi ekonomija laqtet liż-żewġ setturi bl-aħrax u f’mument meta d-domanda globali kienet ta’ livell għoli ħafna. Għall-għodda tal-kostruzzjoni, id-domanda niżlet għalkollox fil-livell dinji fir-raba’ kwart tal-2008. Fl-2009, il-bejgħ globali tal-manifatturi Ewropej naqas bi 42 %, u dan wassal għal stokkijiet drastiċi u użu baxx immens tal-kapaċitajiet. Għas-sena sħiħa tal-2010, kif issemma qabel, ġie reġistrat nuqqas addizzjonali ta’ 9 % filwaqt li fl-aħħar tal-2010 id-domanda fl-Asja reġgħet żdiedet.

Fis-settur tal-makkinarju agrikolu l-effetti tal-kriżi bdew iktar tard billi l-biedja hija inqas dipendenti mill-klima ekonomika ġenerali. Iżda fl-2009 il-bejgħ naqas bi 22 % u huwa stmat li fl-2010 reġa’ naqas b’9 %.

Fiż-żewġ setturi fl-2011 hija mistennija żieda b’figura waħda, bil-wisq inqas minn dak meħtieġ biex nirritornaw għal-livelli ta’ qabel il-kriżi.

L-ikbar fattur ta’ xkil matul il-kriżi kien in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kreditu – l-iktar għall-klijenti biex jiffinanzjaw magni ġodda, iżda anke għall-manifatturi. Barra minn hekk, naturalment, in-nuqqas ta’ attività, speċjalment fis-settur tal-kostruzzjoni, rażżan id-domanda għal għodda ġdida. Id-domanda fiż-żewġ setturi kienet waħda volatili ħafna.

4.   Id-diffikultajiet u l-isfidi li jridu jiġu ffaċċjati wara l-kriżi

Il-kriżi ekonomika wriet xi wħud mill-aspetti problematiċi taż-żewġ setturi u wasslet għal sitwazzjoni ferm diffiċli li biex tiġi solvuta teħtieġ intervent fil-livell politiku.

4.1   L-insuffiċjenza ta’ fornituri u kompetenzi

Huwa importanti li nenfasizzaw li l-industrija tal-għodda tal-kostruzzjoni bħalissa għaddejja minn bidliet sostanzjali u fundamentali.

Iċ-ċentru tas-suq dinji qed jaqleb dejjem iktar lejn l-Amerika t’Isfel u l-Asja.

Filwaqt li 20 % tad-domanda globali dinjija għall-għodda tal-kostruzzjoni fl-2005 ġiet mill-Ewropa, fl-2014 (1) 14 % biss tad-domanda dinjija globali ser toriġina mill-Ewropa.

L-iktar bidliet impressjonanti jinvolvu liċ-Ċina u l-Indja. Huwa mistenni li d-domanda Ċiniża għall-għodda tal-kostruzzjoni ser tirrappreżenta 34 % tad-domanda dinjija fl-2014, meta mqabbla ma’ 18 % biss fl-2005, li jfisser li d-domanda tkun irduppjat f’9 snin.

Il-konsegwenzi ta’ bidla bħal din huma tal-ikbar importanza, billi d-domanda mill-Istati Uniti u l-UE flimkien ser tirrappreżenta 29 % biss tad-domanda dinjija.

Wieħed mill-effetti tal-kriżi huwa li t-tendenza li l-produzzjoni tiċċaqlaq bi ħġarha lejn postijiet eqreb tas-swieq ġodda barra l-Ewropa aċċellerat bil-kbir. B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ fornituri kruċjali tal-komponenti fl-Ewropa naqas b’mod drastiku wkoll. Dan ma jikkonċernax biss bidla fis-siti tal-produzzjoni iżda anke l-kompetenzi neċessarji.

Billi r-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet tas-swieq barranin huma differenti minn dawk Ewropej, hemm tħassib dejjem jikber dwar in-nuqqas ta’ fornituri ta’ komponenti kruċjali Ewropej bi prezz raġonevoli li fil-ġejjieni jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet Ewropej.

Kwistjoni oħra hija d-disponibbiltà tal-azzar f’ekonomija dinjija li qed tirkurpa fejn iż-żidiet fil-prezzijiet u l-miżuri protezzjonisti jkollhom effett negattiv fuq dan is-settur kif turi l-istatistika ta’ qabel il-kriżi.

4.2   L-effetti fuq l-impjieg: forzi tax-xogħol li qed jixjieħu, nuqqas ta’ persunal kwalifikat u brain drain

L-industrija tal-inġinerija mekkanika timpjega 3,6 miljun ruħ fl-Ewropa (2).

Minn dawn, 10 % jaħdmu fl-industriji tal-makkinarju agrikolu u l-għodda tal-kostruzzjoni. B’mod ġenerali, din l-industrija għandha forza tax-xogħol li qed tixjieħ – 20,1 % tal-ħaddiema biss għandhom inqas minn 30 sena, filwaqt li l-medja fis-setturi l-oħra mhux finanzjarji hija ta’ madwar 1 minn kull 4 ħaddiema.

Min-naħa tal-utenti, anke l-bdiewa qed jiffaċċjaw l-istess problemi: fost il-bdiewa Ewropej 7 % biss għandhom inqas minn 35 sena. L-agrikoltura u l-kostruzzjoni jiġbdu inqas nies minn setturi oħra, billi x-xogħol huwa iktar iebes u l-ħlas huwa inqas minn ħafna impjiegi oħra fl-Ewropa.

Ir-reputazzjoni fqira tal-industrija, li twassal biex in-nies ma jirrikonoxxux l-importanza tagħha għall-komunità kollha kemm hi, in-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati u inġiniera, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-ħiliet meħtieġa u l-ħiliet disponibbli fis-suq tax-xogħol; id-diversità u d-diskrepanzi fin-nomenklaturi tal-kwalifiki u ċ-ċertfikati nazzjonali għal diversi lawreji; in-nuqqas ta’ edukazzjoni tal-ogħla kwalità fix-xjenzi naturali u l-inġinerija: dawn il-karatteristiċi kollha tas-settur marru għall-agħar bil-kriżi ekonomika.

L-industrija ppruvat tillimita t-tnaqqis tal-impjiegi kemm jista’ jkun. Iżda kif issemma qabel il-forza tax-xogħol impjegata mill-industrija tal-għodda tal-kostruzzjoni naqset b’35 % meta mqabbla mal-2008 (3).

Il-kriżi rriżultat ukoll fi brain drain lejn il-Lvant Imbiegħed u l-Amerika t’Isfel, fejn is-swieq qed jiffjorixxu iżjed u fejn il-kriżi kellha effetti inqas drammatiċi.

5.   Azzjoni meħtieġa fil-livell tal-UE

5.1   Naraw li l-miżuri kontra l-kompetizzjoni inġusta qed jiġu infurzati

L-importazzjoni ta’ għodda tal-kostruzzjoni fl-UE li mhijiex konformi, u l-bejgħ u l-użu tagħha, għadha problema kbira għall-industrija Ewropea tal-għodda tal-kostruzzjoni. L-għodda li titpoġġa fis-suq tal-UE għall-ewwel darba trid tikkonforma mar-rekwiżiti kollha validi tas-sikurezza u l-ambjent. Il-makkinarju li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ma jkunx konformi u l-Istati Membri għandhom iżommuh milli jitqiegħed fis-suq tal-UE.

Dan huwa sors ta’ kompetizzjoni inġusta u jikkomprometti l-ħila tal-fornituri ta’ intenzjoni tajba milli jwettqu attivitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Min-naħa tiegħu, dan jhedded il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-għodda tal-kostruzzjoni u l-impjiegi li tipprovdi. Il-probbabbiltà li l-magni mhux konformi jikkawżaw inċident hija ħafna ikbar u ħafna drabi dawn ma jilħqux l-istandards ambjentali mitluba mill-UE.

Il-manifatturi li jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-UE bħalissa qed jiġu kkonfrontati u sfidati mill-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE b’kondizzjonijiet inġusti u għal frazzjoni tal-prezz tas-suq tal-prodotti konformi. L-awtoritajiet m’għandhomx il-mezzi u r-riżorsi biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni, filwaqt li l-leġislazzjoni mhijiex dejjem ċara fid-difiża tal-prodotti legali.

Kulma jmur dejjem qed jitqiegħdu iktar magni mhux konformi b’mod illegali fis-suq tal-UE, mingħajr l-ebda azzjoni effettiva mill-awtoritajiet tal-monitoraġġ tas-suq u tad-dwana, għalkemm fl-1 ta’ Jannar 2010 daħlet fis-seħħ leġislazzjoni iktar stretta (Regolament 765/2008).

Rakkomandazzjoni: il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu kull pass neċessarju biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE u biex jiżguraw kondizzjonijiet indaqs għall-manifatturi li għandhom bżonn jikkompetu fil-livell internazzjonali.

5.2   Iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin biex jittejjeb l-ambjent

Bħalma huwa l-każ fis-settur tal-karozzi, waħda mill-ikbar sfidi għaż-żewġ setturi hija l-leġislazzjoni li tirregola l-emissjonijiet mill-magni mobbli. Meta mqabbla mas-settur tal-karozzi, l-ispejjeż ta’ konformità għal kull unità ta’ magni mobbli huma estremament għoljin, billi l-produzzjoni u l-bejgħ huma ħafna iktar baxxi u l-għadd ta’ mudelli differenti huwa ħafna ogħla.

Fl-istadju ta’ emissjonijiet li jmiss, li jibda fl-2011 (IIIB), u fl-istadju ta’ warajh, diġà ppjanat għall-2014 (Stadju IV), is-sustanzi prinċipali li jniġġsu ser jitnaqqsu b’iktar minn 90 % meta mqabbla mal-livelli eżistenti. Il-modifiki ser jolqtu lill-magni, iżda jimponu wkoll tfassil mill-ġdid fundamentali tal-magna sħiħa.

It-teknoloġiji imposti minn dawn il-livelli ta’ emissjoni jeħtieġu l-użu ta’ karburanti b’livell baxx immens ta’ kubrit, li huma diffiċli li jinkisbu fl-Ewropa għas-settur tal-vetturi li ma jintużawx fit-triq (off-road) u żgur mhumiex disponibbli barra mill-Ewropa. Dan ser ixekkel il-bejgħ barra mill-Ewropa kemm għall-għodda l-ġdida kif ukoll għal dik użata.

Bħala miżura ta’ serħan mill-kriżi, l-industrija talbet strument leġislattiv li jippermetti żieda fil-kwantitajiet ta’ magni diġà previsti skont l-iskema ta’ flessibbiltà tad-direttivi eżistenti. L-iffrankar konsegwenti fl-ispejjeż għas-settur ikun konsiderevoli bl-ispiża ta’ kumpens ta’ darba biss fl-emissjonijiet ta’ madwar 0,5 %. Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet din it-talba u ressqet żewġ proposti li jemendaw id-direttivi rilevanti. Dawn il-proposti qed jiġu kkunsidrati fil-Kunsill u l-Parlament. Madankollu, il-progress f’dan l-ambitu qed jimxi bil-mod wisq u dan jista’ jnaqqas l-effett ekonomiku pożittiv ippjanat.

Il-KESE jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-flessibbiltà għall-istadju li jmiss tal-leġislazzjoni għall-emissjonijiet tal-magni mobbli li ma jintużawx fit-triq u proposta simili għat-tratturi agrikoli jiġu adottati mill-iktar fis possibbli.

It-tnaqqis fil-ġmied u l-emissjonijiet tan-NOx fil-ġejjieni ser jeħtieġu teknoloġiji speċjali li jirriżultaw f’żieda fil-konsum tal-karburant u b’hekk fl-emissjonijiet tas-CO2. L-isforzi min-naħa tal-manifatturi żammew il-konsum tal-karburant milli jiżdied b’mod reali billi tejbu l-effiċjenza tal-magna sħiħa. Kull leġislazzjoni ġdida dwar il-limiti/it-tnaqqis tal-karbonju għandha tikkonforma mal-leġislazzjoni attwali tal-emissjonijiet u għandha tħalli biżżejjed żmien wara tmiem l-istadji attwali tal-emissjonijiet qabel ma tiġi introdotta.

Rakkomandazzjoni: Qabel ma jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni iktar stretta jew ġdida li tapplika għall-istess prodotti, għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt fil-livell tal-UE, li fiha jitqiesu l-konsegwenzi negattivi potenzjali għall-kompetittività tal-industrija fis-suq dinji u t-titjib marġinali potenzjali fil-prattika għal dawn il-magni.

5.3   L-età avvanzata tal-għodda li qed tintuża – hemm bżonn skema għall-iskartar tal-magni mobbli

Il-makkinarju li jintuża fl-agrikoltura u l-kostruzzjoni għandu tul ta’ ħajja mistennija twil. Il-medja tat-tul ta’ ħajja tat-tratturi hija ta’ iktar minn 15-il sena. It-titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali tal-għodda l-ġdida għalhekk għandu biss effett limitat u gradwali fuq il-prestazzjoni ambjentali globali tal-għodda li qed tintuża. L-aħjar mod li bih jinkiseb progress mgħaġġel huwa permezz ta’ inċentivi biex titneħħa l-għodda qadima ħafna u li tniġġes. Dan l-approċċ għandu wkoll vantaġġi ċari meta mqabbel mar-rinnovazzjoni ta’ għodda qadima b’sistemi ta’ wara t-trattament. L-adattament tal-għodda l-qadima bil-filtri joħloq ħafna sfidi u ineffiċjenzi addizzjonali rigward is-sikurezza u l-prestazzjoni.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita skema għall-iskartar li tkun soluzzjoni sostenibbli għall-problema tal-magni qodma u li jniġġsu li ser jikkontribwixxu għal ambjent iktar nadif u għal kondizzjonijiet tax-xogħol iktar sikuri.

Il-KESE jqis kwalunkwe skema tar-rinnovazzjoni tal-exhaust bħala soluzzjoni żbaljata għall-problema tal-għodda li tniġġes li tintuża f’żoni mibnija. Minflok ma jsolvu l-problema, dawn is-sistemi jżommu magni storbjużi u li mhumiex sikuri fi stat ta’ ħidma u possibbilment saħansitra jżidu r-riskji b’riżultat ta’ installazzjoni inkompetenti.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu żviluppati rekwiżiti armonizzati għas-sistemi tar-rinnovazzjoni wara t-trattament, mhux biss minħabba l-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis tal-exhaust iżda anke biex jindirizzaw ir-riskji li joħolqu meta jiġu installati fuq l-għodda agrikola u tal-kostruzzjoni.

5.4   L-isfida tas-CO2 tista’ tiġi indirizzata mill-industrija

L-istess bħas-sitwazzjoni fis-settur tal-vetturi li jintużaw fit-triq (on-road), il-kontributur prinċipali għall-emissjonijiet tas-CO2 huwa l-konsum tal-karburant. Il-possibbiltajiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jridu jiġu vvalutati f’termini tar-relazzjoni speċifika bejn il-prestazzjoni u x-xogħol tal-għodda u mhux sempliċement il-konsum tal-karburant għal kull km, kif inhu l-każ fis-settur tal-karozzi.

Diġà sar titjib konsiderevoli tul l-aħħar snin li għaddew b’magni iktar effiċjenti. Kulma jmur, l-ispejjeż ta’ tul il-ħajja, li l-biċċa l-kbira minnhom huma spejjeż tal-karburanti, qed isiru fattur iktar importanti għall-klijenti li jieħdu d-deċiżjoni tax-xiri.

Madankollu, biex jinkiseb l-aħjar livell ta’ tnaqqis tas-CO2, l-ottimizzazzjoni m’għandhiex tiffoka biss fuq il-mutur bħala s-sors tas-saħħa iżda fuq il-magna sħiħa, l-applikazzjonijiet u l-proċess, apparti mill-effiċjenza operattiva u l-użu potenzjali ta’ sorsi ta’ enerġija alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju.

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jappoġġjaw approċċ komprensiv, immexxi mis-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-magni mobbli. Billi m’hemmx soluzzjoni unika għall-problemi kollha, soluzzjoni prammatika u affidabbli tkun l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet adatti għall-magni bl-ogħla emissjonijiet (it-tratturi, il-combines, eċċ.) li jkejlu l-effiċjenza globali tal-magna (jiġifieri l-konsum tal-karburant għal kull tunnellata ta’ qamħ li jinħasad jew għal kull km ta’ triq li tinkesa).

5.5   L-armonizzazzjoni hija s-soluzzjoni – fl-Ewropa u fid-dinja – kemm għas-sigurtà fit-triq kif ukoll għall-ambjent

F’mument meta s-swieq qed jitbiegħdu mill-Ewropa, l-importanza ta’ leġislazzjoni u standardizzazzjoni ta’ prodotti armonizzati f’livell dinji qed tiżdied b’rata mgħaġġla. Dan jgħodd ukoll għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà fit-triq, li bħalissa għadha nieqsa fl-għodod tal-kostruzzjoni u f’xi vetturi agrikoli.

Barra minn hekk, l-industrija Ewropea qed tiffaċċja l-isfida tar-rekwiżiti Ewropej li qed isiru dejjem iktar stretti meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, u b’hekk il-verżjonijiet Ewropej tal-magni qed isiru jew għaljin wisq jew mhux kompatibbli.

Fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent, pereżempju, l-impatt ta’ kull deċiżjoni fil-livell tal-UE għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa qabel ma tiġi adottata u implimentata kwalunkwe leġislazzjoni fl-UE.

Is-settur tal-makkinarju agrikolu u tal-kostruzzjoni ilu jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent bit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-magni tiegħu, kif teħtieġ id-Direttiva 97/68/KE għall-makkinarju mobbli li ma jintużax fit-triq (NRMM) u d-Direttiva 2000/25/KE għat-tratturi. Dan ser iwassal għal tnaqqis konsiderevoli tal-partikoli (97 %), NOx (96 %) u CO (85 %).

L-istess sforzi saru mill-industrija fl-emissjonijiet tal-ħsejjes: l-industrija damet taħdem għaxar snin biex tikkonforma mal-leġislazzjoni rilevanti dwar l-emissjonijiet tal-ħsejjes għal 22 magna tal-kostruzzjoni.

Barra minn hekk, l-istandards internazzjonali li japplikaw għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-magni diġà nħolqu u l-istandards għall-iskemi tar-riċiklaġġ għall-għodda li ċċaqlaq il-ħamrija diġà ġew promossi mill-industrija stess.

Għalhekk, biex tiġi żgurata l-kompetittività futura tal-prodotti Ewropej, huwa tal-ikbar importanza li l-liġijiet u r-regolamenti jsiru konsistenti fil-livell internazzjonali.

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jappoġġjaw, jieħdu sehem u jaġixxu fuq l-iżvilupp tal-istandards globali. Għal dan il-għan, l-UNECE (4) tidher li hija l-laboratorju t-tajjeb għall-iżvilupp ta’ standards bħal dawn.

5.6   Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali fis-settur

Kemm is-settur tal-makkinarju agrikolu kemm dak tal-makkinarju tal-kostruzzjoni għandhom ħafna atturi ta’ daqs medju u għalhekk jeħtieġu arranġamenti speċjali rigward id-djalogu soċjali. Ir-rappreżentanza tal-persunal hija inqas importanti u l-possibbiltajiet għall-iskambju transnazzjonali tal-informazzjoni huma inqas minn dawk fis-setturi fejn jeżistu l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħol. Madankollu, id-diversi kumpaniji tas-settur juru ċerta unità u hemm bżonn ta’ koordinazzjoni organizzata u skambju bl-istess mod. Għalhekk għandu jittejjeb id-djalogu bejn il-kumpaniji u l-ħaddiema.

L-impjieg prekarju qed joħroġ fid-dieher fis-setturi tal-metall kif ukoll f’setturi oħra. Il-konsegwenzi ta’ dan, fost oħrajn, huma livell batut ta’ taħriġ professjonali kontwinu, theddida permanenti tat-telf ta’ ħaddiema bl-esperjenza u kwalifikati lil setturi oħra. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol jintlaqtu ħażin ukoll minn dan it-tip ta’ impjieg.

Rakkomandazzjoni: il-KE għandha tippromovi t-tnedija ta’ analiżi tas-settur b’enfasi speċifika fuq il-livell tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Aħna nirrakkomandaw ukoll li jiġu implimentati azzjonijiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, ikun tal-ikbar importanza li jitwaqqfu miżuri biex jiġu evitati kapaċitajiet eċċessivi fil-futur, bħal dawk li nħolqu matul il-kriżi ekonomika, u li jiġi xprunat mill-ġdid l-iżvilupp ta’ prodotti u ideat ġodda dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol ibbażata fuq l-għarfien tal-partijiet interessati kollha.

5.7   Il-forzi tax-xogħol żgħażagħ u b’ħiliet speċjalizzati għandhom jinżammu fl-Ewropa

In-nuqqas ta’ persunal b’ħiliet speċjalizzati, il-forza tax-xogħol li qed tixjieħ, il-brain drain lejn kontinenti oħra, dawn huma wħud mill-problemi li qed jolqtu lis-settur tal-makkinarju agrikolu u l-għodda tal-kostruzzjoni fil-qasam tal-impjieg. Qed isir dejjem iktar diffiċli li jinġibdu nies żgħażagħ u b’ħiliet speċjalizzati lejn dan is-settur. L-industrija u l-istituzzjonijiet għandhom ikomplu jagħmlu l-investimenti neċessarji fit-taħriġ, fl-edukazzjoni, fit-tagħlim tul il-ħajja, billi dan huwa settur fundamentali għall-industrija Ewropea.

Mingħajr edukazzjoni tal-ogħla kwalità u żgħazagħ b’ħiliet speċjalizzati m’hemm l-ebda futur, u l-innovazzjoni teknika tirrikjedi inġiniera b’edukazzjoni għolja u li jkunu kreattivi. Għandhom jiġu implimentati programmi f’diversi livelli mmirati lejn il-ħaddiema, li jippromovu l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-użu tagħhom għalihom, iżda wkoll li jispeċifikaw il-valur miżjud u l-benefiċċji li jgawdi min iħaddem meta jinvesti fil-ħaddiema u fil-kompetenzi tagħhom. L-aċċettazzjoni iktar mifruxa ta’ programmi bħal dawn tinkiseb bis-saħħa tal-partijiet interessati fid-djalogu soċjali.

Rakkomandazzjoni: l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw iktar lill-industrija fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fit-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet fil-qasam tal-inġinerija mekkanika. Il-programmi appoġġjati għar-rikonverżjoni tal-ħaddiema żejda, qabel ma naslu fis-sitwazzjoni, huma kruċjali għall-ġejjieni.

5.8   L-SMEs iridu jibqgħu fil-qalba tal-innovazzjoni

Kif tindika l-Komunikazzjoni “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni” li ħarġet dal-aħħar mid-DĠ għall-Intrapriża, waħda mill-isfidi u r-reazzjonijiet ta’ politika ewlenin biex jiġu promossi l-SMEs fid-diversi setturi (inklużi s-setturi tal-makkinarju agrikolu u tal-kostruzzjoni) hija l-aċċess għall-finanzi, li għadu mblukkat.

Filwaqt li ħafna drabi huma l-SMEs li jintroduċu l-innovazzjoni fis-suq, il-possibbiltà tal-investiment fl-innovazzjoni ġiet imxekkla mit-tnaqqis fl-aċċess għall-finanzi. Fl-Istati Membri kollha, l-aċċess għall-finanzi sar iktar diffiċli matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika. B’mod partikolari, l-SMEs ta’ dan is-settur esperjenzaw kondizzjonijiet ta’ kreditu iktar stretti. Għalhekk, ħafna gvernijiet introduċew jew espandew l-iskemi pubbliċi ta’ garanzija jew ipprovdew għajnuna mill-Istat direttament. Iżda dan mhuwiex biżżejjed.

Għalhekk, aħna nirrakkomandaw li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jappoġġjaw lill-SMEs tas-setturi agrikoli u tal-kostruzzjoni bi proġetti u fondi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Data mill-Off Highway Research: www.offhighway.co.uk.

(2)  Data tal-Eurostat: European Business Facts and Figures, ħarġa tal-2009.

(3)  Data mis-CECE (Committee for European Construction Equipment).

(4)  United Nations Economic Commission for Europe (Ġinevra, www.unece.org)


Top