EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1866

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija — Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” COM(2010) 612 finali

ĠU C 43, 15.2.2012, p. 73–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija — Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020”

COM(2010) 612 finali

2012/C 43/17

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Nhar id-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Kummerċ, tkabbir u affarijiet dinjija — Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020

COM(2010) 612 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru (seduta tas-7 ta’ Diċembru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'185 voti favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fl-aħħar tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni ġdida fi żmien meta l-kummerċ internazzjonali għaddej minn bidliet profondi li jiddistingwu l-proċess attwali mill-fażi preċedenti tal-globalizzazzjoni. Politika tal-kummerċ tal-UE, li hija wkoll dimensjoni esterna tal-Istrateġija UE 2020 (1), għandha tiżgura li l-iskambji jikkontribwixxu tajjeb għal tkabbir fit-tul - li bħalissa huwa element nieqes biex noħorġu mill-kriżi - filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-ekonomija soċjali tas-suq u billi jingħata appoġġ għal tranżizzjoni lejn ekonomija li ftit tuża karbonju.

1.2   Il-Kumitat jinnota b'interess li din il-“politika kummerċjali riveduta” ppreżentata fil-Komunikazzjoni “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija” (2) tikkostitwixxi pass 'il quddiem u tiċċara b'mod utli l-prijoritajiet kummerċjali li ġejjin b'rabta mal-Istrateġija UE 2020 tal-Unjoni:

il-ftuħ tal-kummerċ adattat għat-tibdil ġeografiku tal-iskambji lejn l-Asja,

ir-rabta kruċjali mas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima u l-enerġija,

l-importanza kbira tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment (nontariffarji jew regolatorji), inkluż fl-aċċess għall-akkwist pubbliku,

l-esiġenza tar-reċiproċità fin-negozjati multilaterali u bilaterali mal-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tal-Unjoni, inkluż fl-aspetti marbutin mal-proprjetà intelletwali,

ir-rikors għal mekkaniżmi ta’ difiża kummerċjali.

1.3   Dwar ċerti suġġetti, il-Kumitat iqis li hemm bżonn tiġi ċċarata l-leġislazzjoni attwali, b'mod partikolari fil-qasam tas-sussidji u tal-għajnuna mill-Istat, u li jiġu promossi l-valuri u l-istandards tiegħu billi f'każ ta’ ħtieġa jirrikorri għall-mekkaniżmi tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ġurisprudenza aktar konformi mal-viżjoni tiegħu ta’ kompetizzjoni ġusta, l-aktar fil-kuntest tal-pajjiżi emerġenti.

1.4   Il-multiplikazzjoni tan-negozjati bilaterali u d-diffikultà tagħhom m'għandhomx iwasslu lill-UE biex tnaqqas l-esiġenzi tagħha fil-qasam soċjali u ambjentali. Dawn iż-żewġ dimensjonijiet iridu jitqiesu tajjeb fuq l-istess livell bħad-dimensjoni ekonomika tan-negozjati. Dwar dan, il-Kumitat jiddedika monitoraġġ partikolari tal-kontenut u s-segwitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli. Huwa jenfasizza li t-tħejjija ta’ dan il-kapitlu hija marbuta mill-qrib mal-kwalità tal-istudji tal-impatt u mal-pertinenza tal-miżuri ta’ akkumpanjament.

1.5   Il-KESE jirrakkomanda li n-Nazzjonijiet Uniti tfassal karta dinjija li tistabbilixxi ammont minimu ta’ drittijiet b'rabta mal-protezzjoni soċjali bażika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u li tista' tiġi annessa mar-reviżjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju prevista għall-2015. Din il-karta għandha sservi ta’ referenza koerenti flimkien mal-impenji fil-qasam tal-kummerċ u tal-iżvilupp. Qabel xejn, l-ILO trid tiġi rikonoxxuta bħala osservatur fi ħdan id-WTO u bil-mod il-mod għandha tiġi involuta fil-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM).

1.6   Il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lit-tema tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lis-solidarjetà dinjija u lid-dibatittu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju Jipproponi li s-sena 2015 tiġi ddedikata lill-“kooperazzjoni u l-iżvilupp” (titolu proviżorju). Peress li l-UE u l-Istati Membri għamlu wkoll riżoluzzjoni li jilħqu dawn l-għanijiet sal-2015, il-Kumitat jipproponi li l-okkażjoni tas-Sena Ewropea tintuża sabiex jitħeġġu s-sensibilizzazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà kondiviża f'kull ċittadin, fis-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew rigward it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti u dawk ġodda li ser jiġu stabbiliti wara l-2015.

1.7   Il-kummerċ internazzjonali huwa parti mill-problema u parti mis-soluzzjoni għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fil-livell dinji. Ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali għandhom jaħdmu favur is-sigurtà tal-ikel, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-inqas avvanzati, u jiżguraw li dawn ikollhom aċċess bla dazji għas-swieq tal-pajjiżi żviluppati iżda wkoll tal-pajjiżi emerġenti, b'konformità mal-prinċipju tat-trattament speċjali u differenzjat.

1.8   Sabiex tiżviluppa ekonomija ekoloġika f'kuntest ta’ kompetizzjoni dinjija u żżomm ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-qasam, fl-interess tagħha stess u tal-klima, l-Ewropa għandha tibqa' ambizzjuża ħafna fil-qasam tat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Il-Kumitat jipproponi li jiġu żviluppati valutazzjonijiet tal-impatt (kompetittività, impjieg u ambjent) u li jiġu organizzati dibattiti pubbliċi sabiex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050 u biex il-proġettazzjonijiet tal-atturi ekonomiċi u dawk taċ-ċittadini jiġu stabbilizzati.

1.9   Fuq perjodu twil, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għar-riforma tad-WTO mifhuma bħala governanza multilaterali tal-globalizzazzjoni fis-sens tal-proġett oriġinali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ (ITO) kif definita fil-Karta ta’ Ħavana tal-1948, u b'hekk tinkludi b'mod espliċitu l-kwistjonijiet tal-impjiegi u tal-investiment.

1.10   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza dejjem tikber tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-twettiq u s-segwitu tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, b'mod partikolari dwar il-kapitoli tal-iżvilupp sostenibbli, bħall-ftehim reċenti dwar l-iskambju ħieles mal-Korea t'Isfel. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi attivament għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, kif ukoll tal-ftehimiet kummerċjali li jmiss. Huwa jipproponi li għar-rapport annwali jikkontribwixxi għall-mekkaniżmu ta’ segwitu billi jiġbor l-osservazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea mwessa' għall-partijiet interessati kollha. Qed jipproponi wkoll li jagħti sehmu bħala faċilitatur tal-ħidmiet konġunti mas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi msieħba bħala għajnuna fil-kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi konkreti ta’ dawn il-ftehimiet. Għall-KESE, għandhom jinbdew mill-aktar fis possibbli l-mekkaniżmi ta’ segwitu tal-ewwel ftehimiet għax dan jagħti kredibilità lill-iżvilupp tal-politika kummerċjali riveduta. Dan għandu jikkontribwixxi biex tiġi stabbilita atmosfera ta’ fiduċja bejn il-pajjiżi msieħba u għalhekk jiffaċilita l-impenn tas-soċjetà ċivili fin-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa.

2.   L-antiċipazzjoni tal-bidliet il-kbar tal-globalizzazzjoni

2.1   Kummerċ internazzjonali ġust u miftuħ huwa ġid pubbliku dinji li jrid jiġi ppreżervat u msaħħaħ. Hemm bżonn li kull pajjiż jew għaqda ta’ pajjiżi tikkontribwixxi għar-regolazzjoni sostenibbli ta’ dan il-ġid, abbażi tal-benefiċċji reċiproċi skont il-konċessjonijiet ta’ kull wieħed. Dan huwa l-pedament tal-impenn tal-UE għal-liberalizzazzjoni tal-iskambji f'qafas multilaterali, li bħalissa qed jiġi promoss mid-WTO. Fuq dawn il-linji, sa mill-2006 il-KESE appoġġja l-politika kummerċjali tal-Unjoni (3).

2.2   Fl-aħħar tas-sena 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni ġdida f'perjodu meta l-kummerċ internazzjonali għaddej minn bidliet profondi li jiddistingwu l-proċess attwali mill-fażi preċedenti tal-globalizzazzjoni. L-isfida għall-politika tal-kummerċ tal-UE bħala dimensjoni tal-Istrateġija UE 2020, hija li tiżgura li l-kummerċ jikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul u għas-sostenibbiltà tal-ekonomija soċjali tas-suq u billi jingħata appoġġ għal tranżizzjoni lejn ekonomija li ftit tuża karbonju.

2.3   Biex janalizza l-bidliet attwali tal-globalizzazzjoni, il-Kumitat jenfasizza l-ħames tendenzi l-kbar tad-deċennju li għandhom jorjentaw id-diskussjonijiet fi ħdan il-forum tas-soċjetà ċivili kemm fid-WTO kif ukoll fid-DĠ Kummerċ, u jqis li l-politika tal-kummerċ tal-UE għandha tkun aktar strateġika u aktar fuq tul ta’ żmien.

L-espansjoni tal-isfera tal-kompetizzjoni. It-teknoloġiji l-ġodda – minn dawk li jolqtu l-informazzjoni jew it-trasport sat-teknoloġiji ekoloġiċi tal-ġejjieni – ibiddlu l-mod kif tiġi prodotta r-rikkezza u kif jinqasam il-valur miżjud filwaqt li jkabbru l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi. Huma jżidu l-mobbiltà tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-fatturi tal-produzzjoni, speċjalment tal-kapital (4), u għalhekk iżidu l-għadd tas-setturi ekonomiċi u soċjali miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali.

L-għarfien u l-innovazzjoni għadhom il-fatturi li jwasslu għat-tkabbir, iżda bħalissa qed jeqilbu ta’ taħt fuq l-idea tal-kummerċ internazzjonali li ntirtet mit-teoriji klassiċi. Il-pajjiżi m'għadhomx ipartu l-inbid mal-għażel kif kien jiġri fi żmien Ricardo. Minn xi għaxar snin ilu 'l hawn, il-pajjiżi qed jispeċjalizzaw, fil-livell tal-ħaddiema, f'dawk l-impjiegi li fihom huma għandhom vantaġġ komparattiv meta mqabbel mal-kompetituri tagħhom, anke jekk dan xi drabi wassal għal dumping soċjali u fiskali. Il-“kummerċ tal-kompiti” b'mod gradwali qed jieħu post il-kummerċ tal-merkanzija industrijali, li għadu predominanti. Is-sehem tas-servizzi fil-kummerċ (20 %) qed isir dejjem aktar importanti, u qed jirrifletti aktar l-importanza tar-rikkezza nazzjonali tal-pajjiżi (70 % tal-PDG Ewropew).

Il-kompetizzjoni ta’ għadd akbar ta’ impjiegi u ta’ atturi ekonomiċi għandha l-effett li tistimola l-innovazzjoni u tkabbar l-opportunitajiet ekonomiċi u b'hekk l-effikaċja globali. Madankollu, twassal ukoll għal żieda fl-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi: inugwaljanzi fl-opportunitajiet u fir-remunerazzjoni bejn il-ħaddiema mobbli u dawk fissi, ikkwalifikati u mhux ikkwalifikati, dawk li għandhom il-kapital u dawk li għandhom biss il-forza li jaħdmu, bejn l-impjegati fis-settur tal-merkanzija u s-servizzi kummerċjabbli u dawk f'setturi oħra.

Peress li l-kummerċ internazzjonali jċaqlaq l-attivitajiet u r-riżorsi skont l-ispejjeż u l-prezzijiet, huwa qed iservi ta’ lenti: qed joħroġ aktar fid-dieher il-kwalitajiet tal-pajjiżi u fl-istess waqt qed jiġbed l-attenzjoni għal-limitazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, il-politika kummerċjali ma tistax titfassal indipendentement mill-politiki l-oħra tal-Unjoni – il-politiki ta’ tranżizzjoni u ta’ aġġustament fis-suq tax-xogħol, il-politika ta’ tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta’ serra, il-politika ta’ koeżjoni soċjali u territorjali, il-politika tas-suq uniku b'mod partikolari, u l-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni.

F'dinja li qed terġa' tiskopri r-rarità, l-isfida tas-sigurtà tal-provvista  (5) qed tiżdied ma’ dik aktar tradizzjonali tal-istabbiltà tal-aċċess għas-swieq esterni. Il-pressjoni kontinwa fuq ir-riżorsi tal-enerġija u tal-ikel u l-kompetizzjoni akbar rigward l-aċċess għar-riżorsi naturali qed isiru fatturi ewlenin determinanti fil-politika kummerċjali u dik tas-sigurtà.

3.   Punti ewlenin għat-twaqqif ta’ sistema kummerċjali miftuħa u kompatibbli ma’ tranżizzjoni ġusta

3.1   Biex l-UE tkun tista' tifluwenza r-riforma futura tad-WTO

3.1.1   Il-bidliet il-kbar marbuta mal-globalizzazzjoni u l-konsegwenzi tagħhom għall-Unjoni mhumiex ristretti għall-politika kummerċjali, iżda huma sfidi għall-UE kollha kemm hi. B'konsegwenza, l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi studji ta’ prospettiva u tiftaħ dibattitu pubbliku dwar il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni ġusta. F'dan ir-rigward, il-KESE jagħraf il-kontribut tal-grupp ta’ riflessjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ġejjieni tal-UE minn issa sal-2030 (6), li ddefinixxa u rreveda l-“kunċett strateġiku” u l-prijoritajiet ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni fit-tul.

3.1.2   L-Ewropa għandha tħares lejn il-politika kummerċjali tagħha bħala lieva fir-riforma futura tad-WTO. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni maħsuba biex toħloq “grupp ta’ persuni eminenti minn pajjiżi żviluppati u oħrajn li għadhom qed jiżviluppaw biex niksbu rakkomandazzjonijiet indipendenti biex inkunu nistgħu nfasslu l-opinjoni Ewropea tagħna dwar l-aġenda futura u l-operat tad-WTO wara r-Rawnd ta’ Doha”. Il-Kumitat jixtieq jagħti sehmu u qed jitlob opinjoni esploratorja dwar is-suġġett.

3.1.3   Fil-fehma tal-KESE, l-Unjoni trid tadotta bħala mira fit-tul li tikkontribwixxi biex id-WTO tieħu xejra ġdida, u biex il-multilateraliżmu jitfassal mill-ġdid skont il-proġett oriġinali tiegħu. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ (ITO), kif definita fil-Karta ta’ Ħavana tal-1948, kellha tkun organizzazzjoni multilaterali li tittratta l-aspetti kollha marbuta mal-kummerċ internazzjonali mingħajr eċċezzjoni, jiġifieri inklużi l-kwistjonijiet tal-impjiegi u tal-investiment.

3.1.4   L-imblukkar taċ-Ċiklu ta’ Doha u d-dewmien fin-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika jġiegħlu lill-Ewropa tikkunsidra mill-ġdid ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-kummerċ. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-valutazzjoni tal-inizjattiva “Kollox ħlief armi” u tal-EPAs għat-twaqqif tal-istrateġija tagħna fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp. Il-politika tal-kummerċ għandha titqies b'mod olistiku u l-Kumitat huwa sodisfatt bil-ħidma komplementari li saret fil-qafas tal-Komunikazzjoni attwali dwar ir-riforma tas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) u ta’ Komunikazzjoni futura dwar il-kummerċ u l-iżvilupp.

3.2   Prijorità għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel

3.2.1   Il-Kumitat, f'diversi opinjonijiet (7), ippropona xi ideat li jikkontribwixxu lejn it-tiswir ta’ viżjoni aktar strateġika tal-politika kummerċjali. Barra minn hekk, wara tmiem il-konferenza dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ikel li ġiet organizzata f'Mejju 2011, il-KESE ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jagħti kontribut għall-ħidma tal-G20. Huwa jqis li l-kummerċ internazzjonali jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi determinanti biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt għall-ikel. Il-konklużjonijiet ta’ din il-konferenza (8) jispeċifikaw l-impatt tal-kummerċ fuq is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u fuq l-iżvilupp:

3.2.2   Għandu jiġi ggarantit li r-regoli tal-kummerċ internazzjonali jiffaċilitaw is-sigurtà tal-provvista tal-ikel

3.2.3   Għandu jiġi żgurat li fir-riformi relatati mal-kummerċ u fin-negozjati kummerċjali, jitqies b'mod adatt il-bżonn ta’ kontribut għat-tnaqqis tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel u n-nutriment fl-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3.2.4   Titnaqqas b'mod sostanzjali l-għajnuna mill-Istat li toħloq distorsjonijiet kummerċjali u jiġu eliminati s-sussidji għall-esportazzjoni:

Tingħata definizzjoni aħjar ta’ meta u kif jistgħu jintużaw miżuri ta’ restrizzjoni għall-esportazzjonijiet, u fl-istess ħin jissaħħu l-proċessi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika. B'mod partikolari, issir valutazzjoni tar-riperkussjonijiet negattivi ta’ tali miżuri fuq is-sigurtà tal-provvista tal-ikel ta’ pajjiżi oħra.

Jiġu eliminati l-ostakli għall-esportazzjonijiet, għat-trasport u għall-importazzjoni tal-għajnuna umanitarja relatata mal-provvista tal-ikel fil-pajjiżi benefiċjarji u l-pajjiżi li jinsabu fil-madwar.

3.2.5   Isir sforz biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiksbu aktar benefiċċji mir-regolamenti dwar il-kummerċ:

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu awtorizzati u mħeġġa jagħmlu użu effiċjenti mid-dispożizzjonijiet dwar trattament speċjali u differenzjat biex jiġu megħjuna jipproteġu s-swieq tal-ikel tagħhom. Huwa partikolarment neċessarju li, f'oqfsa multilaterali, reġjonali u bilaterali, isir aktar faċli għalihom li jużaw miżuri ta’ salvagwardja li jippermettulhom jaġixxu f'każ ta’ żieda kbira fl-importazzjonijiet li taf tipperikola l-produzzjoni lokali tal-prodotti tal-ikel.

Jiġi żgurat li l-prodotti agrikoli li jkunu ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom aċċess aħjar għas-swieq tal-pajjiżi żviluppati. Il-pajjiżi żviluppati l-oħra għandhom isegwu l-eżempju tal-Unjoni Ewropea billi jadottaw sistema simili għall-inizjattiva “Kollox ħlief armi” u jkun tajjeb li t-tariffi doganali li japplikaw għall-prodotti pproċessati minn pajjiżi li qed jiżviluppaw jitnaqqsu b'mod sostanzjali, b'mod li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ infrastruttura lokali tal-ipproċessar.

Jiġi żgurat li jitqiegħdu riżorsi addizzjonali għad-dispożizzjoni tal-inizjattiva “Għajnuna għall-kummerċ”, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu sehem fil-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tal-ikel u biex jiksbu benefiċċji minnu. Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ l-assistenza teknika biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jikkonformaw mar-regolamentazzjonijiet u l-istandards eżistenti fil-qasam tal-agrikoltura u tal-ikel.

Titħeġġeġ l-integrazzjoni reġjonali, kif ukoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tan-Nofsinhar permezz tal-promozzjoni tar-raggruppamenti ekonomiċi reġjonali. Il-komunità internazzjonali kif ukoll l-UE, bis-saħħa tal-esperjenza prezzjuża li għandha din tal-aħħar, għandhom jappoġġjaw dan il-proċess.

3.2.6   Il-Kumitat jixtieq li dawn il-proposti jitqiesu mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp.

3.2.7   Sabiex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu enfasizzati u biex tiġi żgurata attenzjoni akbar lit-tema tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lis-solidarjetà dinjija u lid-dibatittu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, il-Kumitat jipproponi li s-sena 2015 tiġi ddedikata lill-“kooperazzjoni u l-iżvilupp” (titolu proviżorju). Peress li l-UE u l-Istati Membri għamlu wkoll riżoluzzjoni li jilħqu dawn l-għanijiet sal-2015, il-Kumitat jipproponi li l-okkażjoni tas-Sena Ewropea tintuża sabiex jitħeġġu s-sensibilizzazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà kondiviża f'kull ċittadin, fis-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew rigward it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti u tal-għanijiet il-ġodda li ser jiġu stabbiliti wara l-2015.

4.   Il-ħolqien ta’ strumenti effikaċi għal kompetizzjoni aktar ġusta

4.1   Il-governanza dinjija fil-qasam tal-kompetizzjoni qed tbati minn nuqqasijiet serji. Il-kompetizzjoni għadha tiġi ttrattata b'mod parzjali u insodisfaċenti mid-WTO. B'mod partikolari, il-problemi tal-monopolju privat, l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti u l-ostakli nontariffarji li jiġu minn inizjattivi privati (regoli u standards) ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tagħha. Il-leġislazzjoni kummerċjali dwar id-dumping, is-sussidji u l-għajnuna mill-Istat għadha miftuħa għall-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim.

4.2   La l-Unjoni ma tistax tpatti waħedha għan-nuqqasijiet fil-governanza dinjija, trid tfittex li tiċċara l-leġislazzjoni eżistenti u tippromovi l-valuri u r-regoli tagħha fl-istrumenti li jipproteġu u jassiguraw il-kompetizzjoni ġusta:

billi taħdem mas-segretarjat tad-WTO fit-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-esportazzjoni fil-qafas ta’ Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM);

billi tħeġġeġ it-tfassil ta’ rapport annwali dwar l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment;

billi tappoġġja l-inizjattivi differenti li għandhom l-għan li jinkludu 'l hekk imsejħa kwistjonijiet ta’ Singapor (investiment, akkwist pubbliku, kompetizzjoni) u tippersisti bil-faċilitazzjoni tal-kummerċ f'aġenda multilaterali ġdida. B'mod partikolari, trid tiġi affermata mill-ġdid il-ħtieġa ta’ ftehim multilaterali dwar l-akkwist pubbliku, appoġġjata f'każ ta’ bżonn b'politika tal-“karrotta” (pereżempju trasferimenti teknoloġiċi) jew tal-“bastun” (restrizzjoni fl-aċċess għall-akkwist pubbliku Komunitarju);

billi tillimita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi membri Ewropej fil-kisba tas-swieq barranin mill-intrapriżi nazzjonali rispettivi tagħhom, permezz tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-miżuri ta’ promozzjoni, ta’ assigurazzjoni u ta’ kreditu għall-esportazzjoni, u l-integrazzjoni progressiva tal-kmamar tal-kummerċ u tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi terzi. L-Ewropa tiġi mogħnija bi strumenti effikaċi f'dan ir-rigward bit-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ ċentri Ewropej ta’ appoġġ għall-SMEs fil-pajjiżi terzi (“European Business Centres” (9)) u bil-fatt li l-gruppi għall-aċċess tas-suq jibdew jaħdmu b'mod sħiħ (“Market access teams” (10));

billi tiggarantixxi r-rispett tal-proprjetà intellettwali fil-qafas tal-ftehim dwar il-proprjetà intellettwali tad-WTO (TRIPS), tal-ftehim kontra l-falsifikazzjoni (ACTA) u l-ftehimiet bilaterali;

billi tirrikorri għall-mekkaniżmi tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO malli jkun hemm bżonn, sabiex tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ġurisprudenza aktar konformi mal-viżjoni u l-valuri tal-Unjoni.

5.   Appoġġ effettiv min-naħa tal-kummerċ għal strateġija tal-inklużjoni u l-promozzjoni tad-dimensjoni soċjali fil-kummerċ

5.1   Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni tibqa' kwistjoni inevitabbli u fuq perjodu twil għandha tinstab soluzzjoni negozjata fi ħdan il-pjattaformi multilaterali u b'mod partikolari fid-WTO. Fl-immedjat, huwa essenzjali li l-ILO tingħata status ta’ osservatur fi ħdan id-WTO u l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex tipperswadi lill-pajjiżi li qed jibqgħu jopponu għal dan. Barra minn hekk, bil-mod il-mod l-ILO tista' tiġi involuta fil-ħidmiet tal-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tal-membri tad-WTO billi din tista' tkun ta’ kontribut għall-politiki soċjali tal-pajjiżi kkonċernati.

5.2   Il-KESE jsostni li l-Ewropa toffri esperjenza kostruttiva ta’ konsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali fil-kummerċ li tista' sservi ta’ punt ta’ riferiment konkret fil-livell internazzjonali mingħajr ma tkun soġġetta għall-kritika ta’ protezzjoniżmu moħbi. Għaldaqstant, il-preokkupazzjoni dejjiema tal-Kumitat hi li jibni fuq l-aspett tal-iżvilupp sostenibbli billi jinkludi d-dimensjoni soċjali f'kull ftehim kummerċjali, il-kunsiderazzjoni tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO fil-kapitolu soċjali, l-esperjenza tal-kundizzjonalità fil-mekkaniżmu tal-SPĠ, u l-eżistenza ta’ Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

5.3   Ma' din id-dinamika reċenti, ta’ min isemmi wkoll l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt li permezz ta’ metodoloġija riveduta jistgħu jippermettu li l-konsegwenzi fuq l-impjieg jiġu antiċipati aħjar u li l-miżuri ta’ akkumpanjament jitħejjew aħjar (11). Il-KESE jagħti attenzjoni partikolari għall-ħolqien ta’ kumitati ta’ segwitu previsti fil-ftehimiet kummerċjali ffirmati mill-UE, li jkunu jistgħu jiżguraw sorveljanza tad-dimensjoni soċjali u ambjentali ta’ dawn il-ftehimiet.

5.4   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jissoktaw bl-impenn finanzjarju tagħhom favur il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom li dan il-mekkaniżmu mhuwiex maħsub biex jelimina minnufih il-problemi tal-kompetittività u tal-impjieg fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-monitoraġġ bir-reqqa tal-inizjattiva meħuda mill-ILO li tistabbilixxi protezzjoni soċjali bażika u tappoġġja programmi favur ix-xogħol deċenti joffri opportunitajiet ġodda biex jikbru r-rabtiet bejn il-kummerċ u l-impjiegi. Il-KESE qed jistenna li l-G20, f'rabta mal-IMF u l-Bank dinji, jeżamina l-metodi ta’ finanzjament possibbli għal din il-protezzjoni soċjali universali.

5.5   Fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-Unjoni għandha tagħti importanza lid-djalogu soċjali settorjali fid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament b'rispons għall-effetti tal-għażliet kummerċjali tagħha. Trid ukoll iddaħħal b'mod espliċitu l-konsegwenzi tal-klawsola soċjali orizzontali (12) tat-Trattat ta’ Lisbona fil-politika kummerċjali tagħha. Waqt in-negozjati dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss, il-Fond Soċjali Ewropew irid jinżamm u jiġi orjentat lejn il-kwistjonijiet tat-tibdil industrijali marbutin mat-tranżizzjonijiet u r-ristrutturazzjonijiet. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jridu jsiru aktar flessibbli sabiex l-akbar għadd possibbli ta’ vittmi tat-tibdil kemm fl-industrija kif ukoll fis-settur agrikolu jsiru eliġibbli. Dan il-fond jista' jiffaċilita wkoll l-esperimentazzjoni soċjali.

5.6   Il-KESE jirrakkomanda li fil-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet tiddaħħal id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-miżuri ta’ akkumpanjament tal-ftehim jiġu allinjati mal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR). Applikazzjoni aħjar tal-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti tikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni rigward il-kwistjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem. B'konformità mal-komunikazzjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (Ottubru 2011) (13), dawn il-prinċipji jippreżentaw sfida essenzjali għall-kummerċ u l-iżvilupp.

6.   L-impenji favur l-ambjent għandhom jitqiegħdu fil-prattika fil-politika kummerċjali

6.1   In-negozjati dwar il-merkanzija u s-servizzi relatati mal-ambjent fil-qafas ta’ Doha jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Unjoni li jittejjeb l-aċċess għall-merkanzija u t-teknoloġija li jirrispettaw l-ambjent. Madankollu, għal firxa wiesgħa ta’ prodotti, u dan huwa l-każ b'mod partikolari għall-enerġiji rinnovabbli, l-ostakli tariffarji huma dgħajfa u moderati, filwaqt li dawk nontariffarji għadhom ixekklu t-tixrid tagħhom serjament. L-iżgurar ta’ ftehim prekoċi u iżolat fil-qasam tal-iskambju ta’ prodotti u servizzi ambjentali fid-WTO li jintegra l-aspetti tariffarji u nontariffarji tal-protezzjoni jikkostitwixxi proposta ġdida tal-Kummissjoni li għandha l-appoġġ tal-KESE.

6.2   Biex tiżviluppa ekonomija ekoloġika f'kuntest kompetittiv globalizzat u żżomm il-leadership tagħha f'dan il-qasam, l-Ewropa, kemm fl-interess tagħha u f'dak tal-klima, għandha żżomm l-ambizzjoni li tnaqqas bi 80 % l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra minn hawn u l-2050, pereżempju b'objettiv intermedju ta’ 40 % bejn l-2020 u l-2030. Il-Kumitat jipproponi li jiġu żviluppati valutazzjonijiet tal-impatt (kompetittività, impjieg u ambjent) u li jiġu organizzati dibattiti pubbliċi sabiex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050 u biex il-proġettazzjonijiet tal-atturi ekonomiċi u dawk taċ-ċittadini jiġu stabbilizzati.

6.3   L-iffissar ta’ dan l-objettiv intermedju għandu jkun akkumpanjat minn miżuri regolatorji u fiskali li jiffavorixxu ż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji nodfa. L-użu ta’ miżuri dwar l-aġġustament għall-karbonju fil-fruntieri għandu jiġi limitat b'mod strett għall-ftit każijiet ta’ telf tal-kompetittività u ta’ delokalizzazzjoni tal-emissjoninjiet tal-karbonju li jkunu seħħu tabilħaqq, u b'konformità mar-regoli tad-WTO, skont l-analiżi tal-Kummissjoni (14).

6.4   Meta wieħed iqis li l-proġetti ta’ ħolqien ta’ suq ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 fid-dinja qed jiżviluppaw bil-mod u b'mod inċert, l-Istati Membri tal-UE għal ammont ta’ snin ser ikunu fost l-uniċi pajjiżi li jistabbilixxu prezz għas-CO2. Fil-kuntest tar-riskju futur ta’ delokalizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ta’ wħud mis-setturi Ewropej soġġetti għall-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), il-Kumitat jirrakkomanda li, minbarra l-allokazzjonijiet b'xejn attwali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni, jkun hemm żieda sinifikattiva fl-investiment fuq perjodu twil favur id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u l-ħolqien ta’ qafas ta’ inċentiv prevedibbli u stabbli li jiffaċilita l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija nadifa li għadha mhijiex kkumerċjalizzata.

6.5   Fil-qasam tat-trasport, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ objettivi dinjin stabbiliti mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima ta’ anqas minn 10 % tal-emissjonijiet għat-trasport bl-ajru u ta’ anqas minn 20 % għat-trasport marittimu. Id-deċiżjoni li l-isforzi tat-tnaqqis jinqasmu hija mmirata wkoll lejn is-settur tat-trasport, peress li t-trasport bl-ajru ser jiġi integrat progressivament fl-EU ETS mill-2012 'il quddiem. Inizjattiva Ewropea maħsuba biex tistabbilixxi objettivi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija fit-trasport fl-ibħra fondi taf tikkontribwixxi għal dan l-isforz.

6.6   Fil-qasam tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-iżvilupp sostenibbli, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu attwali, bħalma semma f'opinjoni preċedenti (15). B'mod partikolari jkun tajjeb li tittejjeb l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali tal-politiki kummerċjali billi jkun hemm ħidma aktar mill-qrib mas-segretarjati tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent.

6.7   Filwaqt li inizjattiva dwar l-istandards u t-tikkettar “ambjentali” jew ta’ “żvilupp sostenibbli” għandha tibqa' privata u deċentralizzata ġewwa l-UE, huwa indispensabbli li jkun hemm qafas komuni ta’ kejl u ta’ valutazzjoni li jaqa' taħt il-Kummissjoni jew aġenzija speċifika.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-punt 3.3: L-użu tal-istrumenti ta’ politika esterna tagħna f'“Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, COM(2010) 2020 tat-3.3.2010

(2)  Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija, COM(2010) 612 finali.

(3)  Opinjonijiet tal-KESE.: ĠU C 211, 19/08/2008, pġ. 82; ĠU C 318, 29/10/2011. pġ. 150; ĠU C 255, 22/09/2010, pġ. 1.

(4)  ĠU C 318, 29/10/2011, pġ. 150.

(5)  ĠU C 132, 3/05/2011, pġ. 15. ĠU C 54, 19/02/2011, pġ. 20.

(6)  “Proġett għall-Ewropa 2030, Sfidi u Opportunitajiet”, rapport imressaq quddiem is-Sur Herman Van Rompuy fid-9 ta’ Mejju 2010: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/mt_web.pdf

(7)  ĠU C 318, 29/10/2011, pġ. 150; ĠU C 248, 25/08/2011, pġ. 55; ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 25; ĠU C 21, 21/01/2011, pġ. 15; ĠU C 255, 22/09/2010, pġ. 1; ĠU C 128, 18/05/2010, pġ. 41; ĠU C 211, 19/08/2008, pġ. 82.

(8)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/food-for-everyone-conclusions-en.pdf

(9)  Fiċ-Ċina, it-Tajlandja, l-Indja u l-Vjetnam.

(10)  ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 25;

(11)  ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 19

(12)  Opinjoni CESE, relatur: is-Sur Lechner: It-tisħiħ tal-koeżjoni tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-UE (Għada mhux ippubblikata fil-ĠU).

(13)  Com(2011) 681finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.

(14)  Il-kummerċ bħala vettur ta’ prosperità (disponibbli biss bl-Ingliż), SEC(2010)269 http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/november/tradoc_146940.pdf

(15)  ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 19.


Top