EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1850

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni — Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2010 COM(2011) 328 finali

ĠU C 43, 15.2.2012, p. 25–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni — Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2010

COM(2011) 328 finali

2012/C 43/06

Relatur: is-Sur BARROS VALE

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Rapport mill-Kummissjoni — Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2010

COM(2011) 328 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'116-il vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1   Ta' kull sena, il-KESE jivvaluta r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika dwar il-kompetizzjoni billi jieħu l-opportunità biex iressaq osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet; maż-żmien dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet, u b'hekk huwa kkontribwixxa għal diversi aġġustamenti li wasslu għal dik l-effiċjenza ikbar li qed naraw. Qed inwettqu din l-analiżi fi żmien li fih il-proġett Ewropew qed jiffaċċja sfidi kbar minħabba r-riskju tal-frammentazzjoni jew, bħalma jgħiduha ħafna nies, peress li tinsab mhedda s-sopravvivenza nnifisha tal-integrazzjoni straordinarja li ntlaħqet f'perjodu ta’ ftit aktar minn nofs seklu. Fi żmien żewġ ġenerazzjonijiet, l-Ewropej irnexxielhom jiksbu perjodu ta’ paċi u prosperità mill-aqwa, imsejjes fuq is-solidarjetà bejn il-pajjiżi u r-reġjuni u fuq proċess twil ta’ ħolqien ta’ politiki komuni. Din il-ħtieġa mela, li nagħżlu bejn l-irġigħ lura imprevedibbli u l-progress storiku, hija l-kuntest li fih għandna nħarsu lejn id-diversi politiki Ewropej, b'mod partikolari l-politika dwar il-kompetizzjoni. Il-possibilità ta’ rinazzjonalizzazzjoni tal-politiki b'riżultat tal-kriżi u l-possibilità ta’ kunflitti bejn Stati Membri, flimkien mal-interventi tal-gvernijiet fl-ekonomiji permezz ta’ miżuri protezzjonisti, huma xenarji li jaffettwaw b'mod serju s-suq intern u l-politiki dwar il-kompetizzjoni – li għall-inqas internament urew il-valur konsiderevoli tagħhom.

1.2   Dan ir-rapport, li hu l-aktar reċenti, jimmarka għeluq l-40 sena minn mindu tnediet il-politika dwar il-kompetizzjoni, u jiddeskrivi l-iżviluppi ewlenin tagħha u l-importanza ta’ dawn rigward il-kisba tal-għanijiet tal-UE: il-bini tas-suq uniku, it-twassil tal-vantaġġi tiegħu lill-konsumaturi bħala l-grupp li jista' jgawdi l-aktar minnu, u l-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva tas-suq soċjali. Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni ta’ dan ir-rapport u għall-kisbiet tagħha f'dawn l-aħħar 40 sena, iżda jixtieq jinnota li r-rapport jagħti l-impressjoni ta’ dokument li jfaħħar il-ħidma tal-Kummissjoni billi – bħalma jgħid ir-rapport – iżomm lura milli jitkellem dwar kwistjonijiet attwali. Dan id-dokument huwa bla dubju pożittiv, iżda kien ikun aktar utli kieku ppreżenta analiżi u valutazzjoni tal-punti qawwija u dgħajfa tal-ħidma mwettqa, li setgħu jinkludu saħansitra analiżijiet komparattivi bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi kbar oħra, flok sempliċiment awtoeloġju. Dan l-40 anniversarju seta' jipprovdi opportunità tad-deheb lill-Kummissjoni biex, abbażi ta’ analiżi xierqa tal-istorja, tipproponi l-immodernizzar u t-tkabbir tal-politika dwar il-kompetizzjoni billi tivvaluta l-iżviluppi b'riżultat tal-globalizzazzjoni dejjem tiżdied u tanalizza l-effetti ħżiena fuq l-Ewropa tat-tibdiliet u r-rilokazzjonijiet li ġejjin mill-isfruttament bla rażan tar-riżorsi umani, materjali u ambjentali f'partijiet tad-dinja li ma japplikawx l-istess valuri bħas-soċjetajiet Ewropej, iżda li jisfruttaw il-kapaċità tal-akkwist li l-Ewropa kienet kapaċi tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha.

1.3   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja baqgħet tħalli impatt qawwi matul l-2010, u warajha faqqgħet il-kriżi tad-dejn sovran. Il-KESE jixtieq jisħaq fuq it-tagħwiġ possibbli li t-tkomplija tal-kriżi u l-miżuri temporanji biex din tingħeleb jistgħu jikkawżaw f'termini ta’ kompetizzjoni u jenfasizza kemm hu importanti li din tiġi mmonitorjata b'mod rigoruż u li jsiru t-tiswijiet adegwati mill-aktar fis possibbli. Huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru ekonomiku u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni jkunu mmonitorjati billi jiġu vvalutati l-miżuri meħuda: dan huwa l-uniku mod ta’ kif wieħed jista' jiżgura deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur tal-miżuri temporanji kontra l-kriżi li jibqgħu jiġu applikati.

1.4   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi rigward il-kooperazzjoni internazzjonali, iżda jixtieq jenfasizza għal darb'ħra li huwa kruċjali li jkun iggarantit kummerċ barrani ġust li jiżgura li pajjiżi terzi ma jibbenefikawx b'mod artifiċjali mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ billi jipprattikaw dumping soċjali u ambjentali. Għandha tkun iggarantita l-konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali ġust u r-regoli fundamentali dwar il-protezzjoni ambjentali, kif ukoll il-libertà tal-istabbiliment u għall-assoċjazzjonijiet kummerċjali, u l-Ewropa għandha rwol kruċjali f'dan ir-rigward. L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura wkoll li r-regoli tad-WTO kontra kwalunkwe azzjoni li tista' xxekkel l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għas-swieq differenti jkunu applikati b'mod rigoruż billi hija tfassal regoli li jippromovu opportunitajiet indaqs irrispettivament mid-daqs, il-post tal-istabbiliment jew il-qafas fiskali tagħhom. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha bżonn tidħol f'fażi ġdida, billi tistabbilixxi prijoritajiet ġodda, tiddefinixxi strumenti ġodda u tieħu miżuri aktar effettivi fil-qasam tal-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-KESE jixtieq jesprimi l-frustrazzjoni tiegħu bil-fatt li t-talbiet preċedenti tiegħu f'dan il-qasam ma wasslux għall-modernizzazzjoni u t-twessigħ tal-approċċ tal-UE f'dan il-qasam.

1.5   Għandha tiġi żgurata l-konformità stretta mal-aspetti kollha tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar id-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdjunjins, ix-xogħol tat-tfal, il-kundizzjonijiet tax-xogħol inumani u d-dritt għall-istrajkjar. Fil-livell intern, jeħtieġ ukoll li jiġu armonizzati l-leġislazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u l-opportunitajiet indaqs, bil-għan li jiġi prevenut it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni. Is-suq tax-xogħol, li ntlaqat ħażin mill-kriżi, jitlob ħafna attenzjoni sabiex l-għan tat-tkabbir inklussiv, li jikkostitwixxi prijorità taħt l-Istrateġija “Ewropa 2020”, jintlaħaq billi jiġu promossi ż-żamma u l-ħolqien ta’ impjiegi u l-mobilità.

1.6   Għadd ta’ avvenimenti huma indikati b'rabta mal-Istrateġija “Ewropa 2020”, li l-iżviluppi u l-għodda tagħha speċifiċi għas-settur huma deskritti fir-rapport. Qed tinġibed l-attenzjoni għar-riskji tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, rigward kemm il-kwalità kif ukoll il-kontinwità tal-provvista, u l-prezzijiet. Fejn tidħol l-Aġenda Diġitali, jiġi enfasizzat kemm hu importanti li l-maniġers u l-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jżidu l-livell ta’ għarfien tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bl-aqwa mod possibbli mill-isforzi li jsiru f'dan il-qasam.

1.7   L-ispekulazzjoni fuq il-prezzijiet tal-komoditajiet ħalliet impatt, għalkemm ir-rapport ma jgħidilna xejn dwar din il-kwistjoni. Huwa kruċjali li wieħed jappoġġja s-suq billi jfassal jew japplika strumenti li jistgħu jikkontrollaw il-volatilità tal-prezzijiet u jtaffu l-impatt fuq il-kompetizzjoni.

1.8   Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) ma rnexxilhomx iwettqu r-rwol tagħhom ta’ regolaturi f'ċerti setturi li fihom il-prezzijiet huma influwenzati ħafna mill-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima, fejn iż-żidiet fl-ispejjeż tal-materja prima ħallew impatt dirett u immedjat fuq il-prezz finali, iżda fejn it-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż ma kellux l-effett oppost. Peress li jinsabu daqstant qrib is-suq, l-NCAs għandhom iservu ta’ għodda ta’ intervent ewlenija għall-politika dwar il-kompetizzjoni billi jiffukaw l-azzjoni fis-swieq reġjonali.

1.9   Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għall-importanza tas-superviżjoni mill-NCAs fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fih is-setgħa ta’ negozjar tal-gruppi ekonomiċi ewlenin tista' twassal għal tagħwiġ serju tal-kompetizzjoni, b'riżultat tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Filwaqt li l-kumpaniji huma liberi biex jiddeċiedu dwar kif jitqassmu l-prodotti tagħhom, hemm il-biża' li fil-prattika, il-ftehimiet jistgħu jinvolvu l-istabbiliment tal-prezzijiet mix-xerrejja l-kbar; dan jikser b'mod ċar ir-regoli dwar il-bilanċ fin-negozjar, u gradwalment iwassal biex jeqred is-settur tal-produzzjoni u l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut fuq skala żgħira.

1.10   Ma sarx progress sinifikanti fir-rigward tal-inizjattivi tal-White Paper tal-2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, u d-drittijiet tal-konsumatur issa qed jiġu mħarsa dejjem inqas f'dan il-qasam: każijiet ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet qed jiżdiedu u mhux qed jiġu kkastigati. Il-proposti Komunitarji meħtieġa għandhom jitfasslu b'mod urġenti f'dan il-qasam, sabiex jiġi ggarantit rimedju effettiv għal każijiet fejn id-dannu kkawżat huwa kollettiv jew mifrux. Il-kummerċ ġust u l-kompetizzjoni ġusta huma kruċjali għall-konsumaturi. L-informazzjoni dwar il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi għandha tkun pertinenti u l-proċeduri għall-ilmenti għandhom isiru eħfef, jekk iridu jiġu żgurati d-drittijiet tal-konsumaturi.

1.11   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma favur l-istabbiliment ta’ privattiva Ewropea bħala għodda li tiffaċilita l-aċċess għall-protezzjoni tal-proprjetà, li huwa inċentiv importanti biex isiru investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jittama li se jintlaħaq qbil dwar l-adozzjoni ta’ din is-sistema l-ġdida ta’ protezzjoni tal-proprjetà.

1.12   L-awtoregolazzjoni tista' tkun mezz effettiv kif jiġi xprunat l-iżvilupp ta’ ċerti swieq li jippromovu l-kummerċ ġust. Hija diġà tat prova li hija għodda aktar effettiva u flessibbli biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-avvenimenti fuq is-swieq u l-prodotti u s-servizzi tagħhom milli ċerti regolamenti u liġijiet. Ir-rapport tal-Kummissjoni ma jsemmix din il-possibbiltà, li għandha tiġi studjata u kkunsidrata.

1.13   L-ispejjeż tat-trasport għall-aċċess għas-swieq ċentrali ta’ spiss ifixklu l-kompetizzjoni sana bejn l-operaturi mir-reġjuni mbiegħda jew insulari tal-UE u dawk li jinsabu f'post aktar vantaġġjuż. Għal dawn il-każijiet għandhom jiġu pprovduti kumpensi u strumenti li jippromovu l-opportunitajiet indaqs.

1.14   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni mistqarra tal-Kummissjoni li tippromovi tibdiliet fir-rapport dwar il-kompetizzjoni billi titbiegħed minn mudell li sempliċiment jikkonsisti fl-elenkar ta’ punti ġeneralment magħrufa u taqleb għal wieħed li jirrispondi għad-diversi talbiet tal-Kumitat. Ta' min wieħed jenfasizza kemm hu importanti li l-kontenut tar-rapport jieħu perspettiva aktar strateġika u b'hekk iwitti t-triq għal dibattitu li jkun aktar dwar il-politika dwar il-kompetizzjoni milli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni.

1.15   Madankollu, il-KESE jistaqsi dwar in-nuqqas ta’ referenza, fir-rapport tal-Kummissjoni, għall-ħtieġa li, fl-ispirtu tat-trattati Ewropej, l-entitajiet pubbliċi li jersqu għal operazzjonijiet miftuħin għall-intrapriżi tas-settur privat jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.

2.   Il-kontenut tar-rapport tal-2010

2.1   Ir-rapport huwa organizzat f'sitt taqsimiet: l-istrumenti tal-politika dwar il-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-politika skont is-settur, in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u l-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, attivitajiet internazzjonali, inizjattivi li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-kooperazzjoni interistituzzjonali.

2.2   Strumenti

2.2.1   Segwitu għall-implimentazzjoni tal-qafas temporanju tal-kriżijiet għall-għajnuna mill-Istat

2.2.1.1   B'risposta għad-diffikultajiet li kien qed jiffaċċja s-settur finanzjarju b'riżultat tal-kriżi tad-dejn sovran, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ ġiet estiża bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-banek għall-fondi. Il-ħruġ ta’ garanziji mill-istat sabiex jiġi ffaċilitat dan l-aċċess wera li kien strument effikaċi.

2.2.1.2   Ġew estiżi wkoll il-miżuri ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu, għalkemm l-għadd ta’ miżuri kien limitat u kienu ristretti għall-SMEs.

2.2.1.3   Hemm ħtieġa urġenti biex jiġu identifikati l-impatt u l-benefiċċji ta’ dawn il-miżuri. Dan jipprovdi bażi għall-kejl tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għoti ta’ tali benefiċċji u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni kif ukoll ir-rilevanza tat-tkomplija ta’ din l-assistenza matul l-2012.

2.2.2   Programmi ta’ aġġustament ekonomiku

2.2.2.1   Il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja u l-Irlanda imponew miżuri relatati mal-kompetizzjoni. Fil-Greċja involvew ir-riforma tal-NCA, il-liberalizzazzjoni tal-professjonijiet magħluqa u liġi ġdida dwar l-investiment. Fl-Irlanda involvew bidliet leġislattivi biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-kummerċ u l-kompetizzjoni f'setturi li bħalissa huma protetti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

2.2.2.2   Dejn nazzjonali qawwi ż-żejjed jikkawża fuq kollox tagħwiġ tal-kompetizzjoni peress li jħeġġeġ l-attività ta’ ċerti atturi ekonomiċi. U t-tieni, billi ċ-ċittadini jintalbu jagħmlu sforzi ikbar li huma essenzjali biex jiġu bbilanċjati l-kontijiet pubbliċi, dan iqegħidhom f'pożizzjoni aktar dgħajfa minn oħrajn. L-appoġġ lill-Greċja u lill-Irlanda, flimkien ma’ dak lill-Portugall, għandu jitkompla u jitlob attenzjoni kbira fir-rigward tal-impatt li dawn il-miżuri jista' jkollhom fejn jidħol it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

2.2.3   L-applikazzjoni ta’ miżuri tal-antitrust

2.2.3.1   Kienet intensiva l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-antitrust wara li l-Kummissjoni kienet introduċiet modifiki rigward ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ġenerali dwar ftehimiet kemm vertikali kif ukoll orizzontali.

2.2.3.2   Fil-kuntest tal-White Paper tal-2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust – u bil-kontra tas-suġġeriment li sar f'diversi opinjonijiet tal-KESE biex tiġi stabbilita proċedura ta’ rimedju u kumpens kollettiv (azzjoni ta’ grupp fil-livell Komunitarju) -ġie deċiż li titnieda konsultazzjoni pubblika oħra li mhijiex mistennija sabiex tidentifika l-prinċipji komuni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil ta’ proposti leġislattivi dwar ir-rimedju kollettiv. F'dan ir-rigward, hemm urġenza biex jinstabu soluzzjonijiet leġislattivi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u n-negozji.

2.2.3.3   Ta' min wieħed jinnota l-impożizzjoni ta’ multi lil 70 intrapriża (27 aktar mill-2009), b'konsegwenza tas-seba' deċiżjonijiet ta’ kartell, u l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni dwar l-antitrust fis-suq tas-servizzi tas-saħħa.

2.2.3.4   Il-ġlieda kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti rriżultat f'erba' deċiżjonijiet fis-settur tal-enerġija u fil-ftuħ ta’ diversi proċedimenti fis-settur tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni (ICT).

2.2.4   Kontroll tal-amalgamazzjonijiet

B'riżultat tal-kriżi ekonomika, l-għadd ta’ amalgamazzjonijiet matul l-2010 kien relattivament baxx. Ġew innotifikati lill-Kummissjoni 274 transazzjoni, 16-il deċiżjoni ġew suġġetti għal kundizzjonijiet, u ma ġiet deċiża l-ebda projbizzjoni.

2.2.5   Kontroll tal-għajnuna mill-Istat

2.2.5.1   Il-parti l-kbira tal-għajnuna approvata fl-2010 kienet relatata mal-objettivi orizzontali ta’ interess komuni Ewropew (il-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju, il-koeżjoni reġjonali, il-protezzjoni ambjentali, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-kumpens għal ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali).

2.2.5.2   Qed tinġibed l-attenzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ manwal dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE mill-qrati nazzjonali, imfassal biex jgħin lill-imħallfin nazzjonali, b'risposta għaż-żieda fl-għadd ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat li qed jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali.

2.3   Żviluppi settorjali

2.3.1   Fis-settur tas-servizzi finanzjarji, l-attività ewlenija f'termini ta’ kompetizzjoni kienet l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju temporanju għal dan is-settur. Ġie eżaminat numru inqas ta’ każijiet ta’ amalgamazzjoni marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ ristrutturar mitluba għall-għoti ta-għajnuna mill-Istat. L-isforzi għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja huma essenzjali u għandhom jitkomplew, għalkemm il-perikli minħabba r-riskju ta’ spekulazzjoni fis-suq m'għandhomx jiġu sottovalutati, biex b'hekk nevitaw li niġu f'sitwazzjoni bħal dik li ġew fiha l-Istati Uniti.

Wara l-ħidma mwettqa preċedentement, il-Kummissjoni għamlet l-impenji offruti mill-Visa legalment vinkolanti rigward il-Ħlas Interskambjali Multilaterali (MIF) tagħha.

2.3.2   F'Novembru 2010, ġiet ippreżentata l-istrateġija tal-enerġija fil-qafas tal-Istrateġija “Ewropa 2020”, immirata biex toħloq suq uniku fis-settur tal-enerġija. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat it-tħassib tal-konsumaturi rigward il-kwalità u l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija, b'mod partikolari f'każijiet fejn is-servizzi jkunu pprovduti minn kumpaniji li jinsabu barra l-pajjiż inkwistjoni.

Il miżuri relatati mal-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija u r-rimedjar ta’ siti kkontaminati, komplew jiġu inċentivati, u dan skont l-għanijiet għall-klima u l-enerġija stipulati fl-Istrateġija “Ewropa 2020”.

2.3.3   Bħala parti mill-Istrateġija “Ewropa 2020”, il-Kummissjoni nediet l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li l-għan ewlieni tagħha huwa l-ħolqien ta’ suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, b'enfasi partikolari fuq it-tnaqqis sa kważi xejn tad-differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali u fuq il-kisba ta’ kopertura tal-broadband għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Sfida ewlenija li qed tfeġġ bħalissa tikkonsisti fl-ilħiq ta’ bilanċ fil-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-kummerċ elettroniku u l-intrapriżi ż-żgħar u l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki inġusti. Għandha tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-leġittimità tal-operaturi, is-sigurtà tal-ħlasijiet, u l-protezzjoni tad-data personali.

2.3.4   Fis-suq tal-ICT, l-azzjoni tal-Kummissjoni ffukat fuq il-provvediment ta’ linji gwida dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bħala mezz li jmexxi 'l quddiem il-kompetizzjoni fis-suq u b'hekk jikkontribwixxi lejn wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija “Ewropa 2020”, li jiġu pprovduti prodotti u servizzi effiċjenti. F'dan il-qasam, għandha tibqa' tingħata attenzjoni lit-taħriġ kemm għall-operaturi u kemm għall-utenti finali fil-għan li jiżdiedu l-ħiliet tagħhom.

2.3.5   Rigward il-midja, il-Kummissjoni kompliet tagħti assistenza għat-transizzjoni mix-xandir analoġiku għal dak diġitali.

2.3.6   Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tinħoloq privattiva Komunitarja, qed tkompli l-ħidma fuq il-ħolqien ta’ sistema unifikata tal-privattivi tal-UE għall-industrija farmaċewtika. Tħabbret ukoll reviżjoni tad-“Direttiva ta’ Trasparenza” li tistabbilixxi regoli minimi għall-proċeduri ta’ pprezzar u rimborż għal prodotti mediċinali speċjalizzati.

2.3.7   Fis-settur tal-kura tas-saħħa, ġew eżaminati diversi lmenti mressqa minn fornituri privati tas-servizzi tas-saħħa kontra trattament allegatament inġust tagħhom meta mqabbla mal-fornituri pubbliċi. Madankollu, xejn ma jintqal dwar ir-riżultati ta’ dawn l-ilmenti.

2.3.8   Għas-settur tat-trasport, l-2010 kienet sena ta’ rkupru wara li ntlaqat bil-qawwi mill-kriżi tal-2009, bil-prezzijiet fil-parti l-kbira tagħhom jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi.

2.3.8.1   Fis-settur tat-trasport bl-ajru, saru legalment vinkolanti l-impenji offruti mill-British Airways, l-American Airlines u l-Iberia rigward rotot trans-Atlantiċi, u ġew approvati l-amalgamazzjonijiet bejn il-British Airways u l-Iberia u bejn il-United Airlines u l-Continental Airlines.

2.3.8.2   Fit-trasport ferrovjarju u intern, ġiet adottata proposta għar-riformulazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, li timmira li żżid il-kompetizzjoni billi tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea.

2.3.8.3   Fejn jidħol it-trasport marittimu, ġiet approvata l-għajnuna għall-proġett tal-“awtostradi tal-baħar” abbażi tal-linji gwida tas-settur kif ukoll tal-linji gwida ta’ għajnuna kumplementari, bil-għan li jinqabad it-traffiku tat-triq bejn Franza u Spanja. Il-Kummissjoni nediet ukoll studju dwar il-funzjonament u l-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura tal-portijiet.

2.3.9   L-iskadenza għall-ftuħ sħiħ tas-suq tas-servizzi postali ġiet estiża għal ħdax-il Stat Membru, u l-Kummissjoni baqgħet timmonitorja l-liberalizzazzjoni billi tiżgura li l-fornituri tas-servizzi pubbliċi ma jingħatawx vantaġġ inġust.

2.3.10   Fis-settur awtomobilistiku, it-tħassib ewlieni f'termini ta’ kompetizzjoni jirrigwarda r-ristrutturar neċessarju tas-settur u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ karozzi aktar ekoloġiċi.

Ġie adottat Regolament Vertikali ta’ Eżenzjoni Sħiħa għas-swieq ta’ wara l-bejgħ u għall-bejgħ ta’ vetturi ġodda, li jirrigwarda l-manifatturi tal-vetturi u n-negozjanti awtorizzati, dawk li jagħmlu t-tiswijiet u d-distributuri tal-ispare parts; ġew ukoll approvati 15-il amalgamazzjoni fis-settur awtomobilistiku.

2.3.11   Ġie stabbilit il-Forum ta’ Livell Għoli għall-Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, b'risposta għall-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mid-differenzi fis-setgħa ta’ negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja fid-distribuzzjoni tal-ikel.

Dan is-settur qed jiġi ddominat aktar u aktar minn gruppi kbar, għad-detriment ċar kemm tan-negozju fuq skala żgħira, li ma jistax jikkompeti f'termini ta’ prezz, u l-bejjiegħa bl-imnut, il-manifatturi u d-distributuri ż-żgħar, li l-marġni ta’ profitt tagħhom jingħafas mis-setgħa tal-gruppi l-kbar. Hemm nuqqas ta’ azzjoni preventiva mil-lat tal-NCAs fis-settur rigward abbużi possibbli ta’ pożizzjonijiet dominanti, li huma ta’ ħsara kbira għas-suq. Mhuwiex biżżejjed li wieħed jippreżenta eżempji iżolati tal-aħjar prattika: minflok, ikun xieraq li l-azzjoni tiffoka fuq is-superviżjoni u fuq l-ippenalizzar ta’ prattiki li jippromovu l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti.

2.4   In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u l-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni kompla għaddej bl-attivitajiet tiegħu u wera l-importanza tiegħu fid-diskussjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward l-infurzar tar-regoli tal-antitrust. Ġie stabbilit grupp ta’ ħidma dwar l-amalgamazzjonijiet, u twettqet reviżjoni tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ġenerali u l-linji gwida ta’ akkumpanjament rigward il-ftehimiet orizzontali u r-restrizzjonijiet vertikali.

2.5   Attivitajiet internazzjonali

2.5.1   Tkompliet il-ħidma dwar il-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-kompetizzjoni, u l-Kummissjoni baqgħet tipparteċipa fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u fil-Kumitat tal-Kompetizzjoni tal-OECD. Il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti kienet intensiva, u tnedew negozjati mal-Konfederazzjoni Svizzera rigward il-kompetizzjoni. Ta' min wieħed jinnota l-prijorità li qed tingħata lill-kooperazzjoni maċ-Ċina u d-diskussjonijiet dwar il-liġi kontra l-monopolju, kif ukoll l-attivitajiet tad-DĠ Kompetizzjoni mal-Indja fl-oqsma tal-ftehimiet restrittivi, l-abbuż tad-dominanza u l-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

2.5.2   U fl-aħħar mill-aħħar, infetħu n-negozjati ta’ adeżjoni dwar il-kapitolu tal-kompetizzjoni mal-Kroazja filwaqt li l-Parlament Tork adotta liġi ta’ għajnuna mill-Istat.

2.6   Djalogu mal-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi u l-partijiet interessati

2.6.1   Saret disponibbli paġna għall-konsumaturi fuq il-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni b'kull lingwa uffiċjali, li tispjega r-rwol tal-politika dwar il-kompetizzjoni u l-inizjattivi u l-għanijiet ewlenin tagħha.

2.6.2   Il-Grupp Konsultattiv dwar il-Konsumaturi Ewropej (ECCG) ħareġ opinjoni dwar l-azzjonijiet għad-danni u ġie kkonsultat dwar ir-restrizzjonijiet vertikali.

2.7   Kooperazzjoni internazzjonali

2.7.1   F'Ottubru daħal fis-seħħ ftehim ta’ qafas ġdid bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

2.7.2   Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet dwar ir-Rapport fuq il-Politika tal-Kompetizzjoni 2008, dwar ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali dwar Vetturi bil-Mutur, dwar Ftehimiet Orizzontali u dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat għall-għeluq tal-minjieri tal-faħam mhux kompetittivi.

2.7.3   Il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill dwar inizjattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, b'enfasi partikolari fuq ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi.

2.7.4   Il-KESE ta l-kontribut tiegħu fil-qasam tal-politika dwar il-kompetizzjoni billi adotta opinjonijiet dwar ir-Rapport dwar Politika tal-Kompetizzjoni 2008, dwar minjieri tal-faħam mhux kompetittivi, dwar it-tarzna, u dwar il-BER tal-Vetturi bil-Mutur.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top