EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0815

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija” COM(2010) 761 finali – 2010/0266 (COD)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 126–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija”

COM(2010) 761 finali – 2010/0266 (COD)

2011/C 218/26

Relatur uniku: is-Sur LIOLIOS

Nhar l-1 ta’ Frar u nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 42, 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

COM(2010) 761 finali – 2010/0366 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'149 vot favur, 3 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Sabiex ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija jiġi allinjat mat-Trattat ta’ Lisbona, qed jiġi propost li s-setgħat ta’ implimentazzjoni li r-regolament 485/2008 jagħti lill-Kummissjoni jiġu allinjati mad-distinzjonijiet li l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jintroduċu bejn is-setgħat ta’ delega u s-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

1.2

Il-Kumitat huwa favur li jsir użu mill-proċeduri ta’ konsultazzjoni li jinvolvu partijiet interessati kif ukoll li jsir sforz biex jinkiseb u jintuża għarfien speċjalizzat waqt li jkunu qed jiġu stabbiliti atti tal-Unjoni Ewropea.

1.3

Fir-rigward tal-allinjament tar-Regolament 485/2008 mal-Artikolu 290 tat-TFUE, il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni tikkonforma mat-termini dwar id-delega tas-setgħat, hekk kif previsti mil-leġislatur fit-tieni sentenza tal-Artikolu 290(1) tat-TFUE. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar kontenut ġdid għat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(2) tal-abbozz ta’ regolament tiddefinixxi biċ-ċar l-objettivi, il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega tas-setgħat.

1.4

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni mhux qed tirrispetta l-kriterji temporali għad-delega tas-setgħat, hekk kif previst mil-leġislatur fit-tieni sentenza tal-Artikolu 290(1) tat-TFUE. Il-proposta tal-Kummissjoni, hekk kif stipulata fl-Artikolu 13a tal-proposta għal regolament ġdid, li tagħti lill-Kummissjoni s-setgħat li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ żmien indefinit, tmur lil hinn minn kif previst mil-leġislatur rigward it-tul ta’ żmien tad-delega tas-setgħat li għandu jkun definit, u tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità u tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-prinċipju ta’ leġittimità. Il-KESE huwa tal-fehma li t-tul ta’ żmien tad-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni għandu jiġi definit b'mod ċar, u għandu jkun għal perjodu ta’ żmien speċifiku.

1.5

Il-KESE jaqbel li t-tul ta’ żmien – li huwa tliet xhur inqas mis-sistema preċedenti – li fih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jifformulaw l-oġġezzjonijiet tagħhom dwar l-att delegat, jitnaqqas għal xahrejn bil-kundizzjoni li kwalunkwe estensjoni ta’ dan il-perjodu tkun ta’ xahrejn.

1.6

Il-KESE għandu r-riżervi tiegħu rigward id-deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet relatati mas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, hekk kif stipulat fl-Artikolu 13d tal-proposta. Dan l-Artikolu jirreferi għar-Regolament 1290/2005 (1), li attwalment qed jiġi emendat (2). Ir-Regolament emendat 1290/2005 huwa ta’ importanza kbira għar-Regolament 485/2008, iżda l-kontenut għadu mhux magħruf (3). Madankollu, meta wieħed iqis li l-artikolu relatat tar-Regolament emendat Nru 1290/2005 jirreferi, min-naħa tiegħu, għall-proċedura tal-komitoloġija l-ġdida, hekk kif previst fir-Regolament il-ġdid (UE) 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni (4) tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, u peress li din il-proċedura l-ġdida tissemplifika s-sistema preċedenti, l-Artikolu 13d il-ġdid, fil-fehma tal-KESE, mhux se joħloq problemi ta’ implimentazzjoni.

2.   Sfond ġenerali

2.1

Fil-proposta li temenda r-regolament ikkonċernat, il-Kummissjoni tgħid li s-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, hekk kif previst skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 485/2008, għandhom jiġu allinjati mad-distinzjonijiet li l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jistabbilixxu bejn is-setgħat ta’ delega u s-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

2.2

L-Artikolu 291 il-ġdid tat-TFUE jibbaża fuq l-Artikolu 202(3) u 211(4) l-antiki tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u jagħti lill-Kummissjoni, jew skont ċerti kundizzjonijiet lill-Kunsill, id-dritt li teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 290 tat-TFUE jippermetti li l-Kummissjoni tingħata setgħa ġdida li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv. L-Artikolu 291 tat-TFUE jirregola l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, jew f'każijiet speċifiċi, mill-Kunsill.

2.3

Fil-proposta tal-Kummissjoni, l-allinjament tar-Regolament Nru (CE) 485/2008 mal-Artikolu 290 tat-TFUE jinsab speċifikament fl-Artikolu l-ġdid 1(2) kif ukoll fl-Artikoli l-ġodda 13a, 13b u 13c tar-regolament propost. L-allinjament mal-Artikolu 291 tat-TFUE huwa msemmi speċifikament fl-Artikolu 13d il-ġdid tar-regolament propost.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat huwa favur li jsir użu mill-proċeduri ta’ konsultazzjoni li jinvolvu partijiet interessati kif ukoll li jsir sforz biex jinkiseb u jintuża għarfien speċjalizzat waqt li jkunu qed jiġu stabbiliti atti tal-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tal-KESE, dawn il-proċeduri huma partikolarment importanti fir-rigward tal-proposta attwali għall-allinjament tar-Regolament Nru 485/2008 mat-Trattat ta’ Lisbona, peress li jikkunsidra li l-emendi li huma immirati lejn semplifikazzjoni mhumiex limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, u lanqas huma ta’ natura purament teknika. Dawn jikkonċernaw is-settur tal-agrikoltura, li peress li huwa s-suġġett ta’ kompetenza maqsuma skont l-Artikolu 4(2)d tat-TFUE, u jaqa' taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 43 ta’ dan l-istess trattat, huwa settur partikolarment sensittiv.

3.2

Fir-rigward tal-allinjament tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, hekk kif stipulati fir-Regolament Nru 485/2008 bid-distinzjoni bejn is-setgħat ta’ delega u s-setgħat ta’ implimentazzjoni, għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-atti “quasi leġislattivi” tal-Artikolu 290 tat-TFUE u l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 291 tat-TFUE. Fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE (5), il-Kummissjoni tinnota li għall-finijiet ta’ effiċjenza, il-leġislatur jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati.B'dan il-mod, il-Kummisjoni tista' tikkompleta jew temenda l-ħidma tal-leġislatur. Delega bħal din hija dejjem fakultattiva u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 291 tat-TFUE jippermetti li l-Kummissjoni tadotta atti li n-natura tagħhom hija eżekuttiva u mhux leġislattiva. (B'konformità mal-Artikolu 291(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)), huma l-Istati Membri li huma responsabbli mill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni u għalhekk dawn jeżerċitaw ir-responsabbiltà proprja tagħhom u mhux dik tal-Unjoni. Din is-setgħa tal-Istati Membri tista' tiġi limitata biss meta l-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni titlob li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi. Huwa biss hawnhekk li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha skont l-Artikolu 291 tat-TFUE, li f'dan il-każ huwa obbligatorju (6).

3.3

Meta l-leġistlatur jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, jeħtieġ li jiġi determinat il-kamp ta’ applikazzjoni f'kull att. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) tat-TFUE jirrikjedi b'mod espliċitu li l-leġislatur jiddefinixxi l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata tad-delega ta’ setgħa. B'hekk jiddefinixxi żewġ tipi ta’ limiti fuq is-setgħat delegati: limitu materjali u limitu temporali (7).

3.4

Hawnhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk f'dan ir-regolament propost il-leġislatur huwiex qed jikkonforma mal-kundizzjonijiet materjali u temporali stipulati.

3.5

Il-limiti materjali fuq id-delega ta’ setgħa huma stipulati fl-Artikolu 1(2) tar-regolament propost u jirrigwarda t-tfassil mill-Kummissjoni ta’ lista ta’ miżuri li min-natura tagħhom mhumiex adatti għal kontroll ex-post permezz ta’ skrutinju tad-dokumenti kummerċjali u li għalihom ir-regolament ma japplikax.

3.6

Id-delega ta’ setgħa hija ċara u espliċita ħafna. Id-delega ma tmurx kontra l-Artikolu 290 tat-TFUE peress li tirreferi b'mod effettiv għal elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv, u l-objettivi, il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega huma definiti sew biżżejjed.

3.7

F'dak li jirrigwarda l-limiti temporali tad-delega ta’ setgħa, fl-Artikolu 13a tar-regolament propost il-Kummissjoni tipproponi li s-setgħat li tadotta l-atti delegati msemmija fir-regolament għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indefinit. Din il-proposta tal-Kummissjoni l-ewwel nett tmur kontra t-tieni sentenza tal-Artikolu 290(1) tat-TFUE li jistipula li l-atti leġislattivi jiddefinixxu b'mod espliċitu, fost elementi oħra, id-durata tad-delega ta’ setgħa.

3.8

Ġustifikazzjoni għal din il-proposta, hekk kif provduta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE (8), hija l-fehma li r-rekwiżit li bih il-leġislatur stabbilixxa skadenza ċara fuq id-delega “ma tagħtix il-prattika ta’ klawżoli ta’ estinzjoni (sunset clauses) li, jekk imdaħħla f'att leġislattiv, jinvolvu t-tmiem awtomatiku tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni, li jobbligawha, fil-prattika, li tippreżenta proposta leġislattiva ġdida ladarba jkun skada ż-żmien impost mil-leġislatur. L-Artikolu 290 jeżiġi qabel kolllox li s-setgħat delegati jkunu stabbiliti f'qafas ċar u previdibbli; iżda ma jimponix li l-Kummissjoni tingħata limiti ta’ żmien issikkati wisq.” Għal din ir-raġuni, fil-fehma tal-Kummissjoni, id-delegi ta’ setgħat għandhom, fil-prinċipju, ikunu għal perjodu ta’ żmien indefinit. Bħala ġustifika addizzjonali għal din il-fehma, il-Kummissjoni tenfasizza li skont l-Artikolu 290(2)a tat-TFUE, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw id-delega: “Legalment, revoka għandha effetti identiċi ta’ dawk ta’ klawsola ta’ estinzjoni; it-tnejn li huma jtemmu s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha, jekk ikun utli u meħtieġ, tippreżenta proposta leġislattiva oħra. Fi kliem ieħor, jekk f'ċerti oqsma l-leġislatur iqis neċessarju li jiġi evitat li d-delega ta’ setgħa ssir mandat perpetwu, jista' jingħata d-dritt ta’ revoka, li tista' tkun iktar ħafifa biex tintuża minn klawżola ta’ estinzjoni awtomatika.”

3.9

Fl-Anness għall-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipprovdi l-mudelli ta’ applikazzjoni tal-artikolu l-ġdid tat-Trattat. Fir-rigward tal-perjodi ta’ żmien għad-delega ta’ setgħat, il-Kummissjoni tipproponi jew tul indeterminat ta’ żmien jew li jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien ta’ validità li, jiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawh (9).

3.10

L-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għal tul indefinit ta’ żmien bla ebda mod ma jikkostitwixxi definizzjoni espliċita tad-durata tad-delega ta’ setgħa. It-Trattat jesiġi ċarament li d-durata tad-delega ta’ setgħa għandha tiġi definita b'mod espliċitu sabiex il-leġislatur ikun jista' jimmonitorja lill-Kummissjoni b'mod regolari u effettiv. Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 290(2)a tat-TFUE li tagħti lill-Kunsill jew lill-Parlament Ewropew id-dritt li jirtiraw id-delega ma tistax tkun sostitut għall-konformità mar-rekwiżit tal-leġislatur biex id-durata tad-delega ta’ setgħa tkun definita b'mod espliċitu. Dan id-dritt għal irtirar huwa salvagwardja addizzjonali sabiex ikun żgurat li ma ssirx ħsara lid-drittijiet tal-leġislatur. L-għoti indefinit tas-setgħat lill-Kummissjoni jaqbeż il-limiti temporali previsti fl-Artikolu 290 tat-TFUE u jeċċedi r-responsabbiltà delegata tal-Kummissjoni.

3.11

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(2)d tat-TFUE, is-settur tal-agrikoltura huwa qasam ta’ kompetenza maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Dan ifisser li l-UE għandha tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà (TUE Artikolu 5(3)) meta tkun qed tieħu inizjattivi leġislattivi f'dan il-qasam. Ir-regolament emendat inkwistjoni jirrigwarda l-kontrolli, l-assistenza u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tat-transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Il-ħtieġa għal approċċ Ewropew uniku u uniformi f'dan il-qasam iġġustifika l-adozzjoni ta’ regolament mill-Unjoni. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE), il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma jistgħux jeċċedu dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati. L-għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni għal durata indefinita biex tadotta atti delegati huwa ksur tar-rekwiżit li d-durata tal-perjodu tad-delega tkun espliċitament definita, rekwiżit maħsub sabiex jippermetti monitoraġġ regolari u effettiv tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju ta’ atti “quasi leġislattivi”. Dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b'estensjoni ta’ dan, tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 2), dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jista' jwassal għal rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (10).

3.12

Id-delega ta’ setgħa li tippermetti li l-Kummissjoni tadotta atti delegati tirrigwarda wkoll id-distinzjoni bejn is-setgħat. Filwaqt li l-korpi leġislattivi kompetenti tal-Unjoni Ewropea huma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, is-setgħa li jiġu adottati atti “quasi leġislattivi” hija mogħtija eċċezzjonalment lill-Kummissjoni, korp b'setgħat eżekuttivi. Minħabba li hawnhekk qegħdin fil-periklu kwistjonijiet ta’ legalità demokratika fundamentali, għandhom jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet li saru mil-leġislatur għall-objettivi, l-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata definiti b'mod espliċitu ta’ din is-setgħa delegata. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 290 kif ukoll l-Artikolu 291(3) tat-TFUE ma jipprevedux sistema ta’ monitoraġġ għall-atti delegati tal-Kummissjoni, m'għandhomx jitnaqqsu d-drittijiet ta’ monitoraġġ tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

3.13

L-alternattiva proposta mill-Kummissjoni għat-tiġdid awtomatiku tad-delega ta’ setgħa tagħha mhux se jkun ta’ ksur anqas gravi tal-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea mill-proposta għal durata indefinita tad-delega ta’ setgħa.

3.14

Fl-aħħar nett, l-għoti indefinit ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati ma jikkostitwix applikazzjoni konformi mal-Artikolu 290 tat-TFUE. Id-dritt tal-Kunsill u tal-Parlament li jirtiraw id-delega ta’ setgħa mhuwiex sostitut għall-intenzjoni li jkun hemm durata definita b'mod espliċitu għad-delega ta’ setgħa, bil-ħsieb ta’ monitoraġġ regolari u effettiv ta’ atti “quasi leġislattivi” tal-Kummissjoni. Meta tkun qed tadotta atti delegati, il-Kummissjoni ma tkunx qed teżerċita l-kompetenza tagħha iżda dik tas-setgħa leġislattiva. M'għandux jiġi limitat id-dritt tal-korp kompetenti, f'dan il-każ il-leġislatur, li jagħmel kontrolli regolari u effettivi fuq il-Kummissjoni. Peress li s-settur tal-agrikoltura huwa suġġett ta’ kompetenza maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri, u għaldaqstant kwalunkwe att leġislattiv tal-Unjoni għandu jikkonforma mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, il-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għoti indefinit ta’ setgħa lilha nnifisha sabiex tadotta atti delegati mhijiex aċċettabbli.

3.15

Il-perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika li ġie stabbilit mill-Artikolu 13c il-ġdid tal-proposta għal regolament fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirreġistraw l-oġġezzjonijiet tagħhom huwa iqsar minn dak ta’ tliet xhur kif inhu fis-seħħ bħalissa. Għall-finijiet ta’ tħaffif u effettività tal-proċedura, il-KESE ma jopponix dan it-tqassir tal-perjodu, bil-kundizzjoni li kwalunkwe estensjoni tkun ta’ xahrejn.

3.16

L-Artikolu 13d tal-proposta għal regolament jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 291 tat-TFUE u jikkonforma mal-kontenut tiegħu. Ser japplika wkoll ir-Regolament il-ġdid (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (11), li jissemplifika l-proċeduri ta’ komitoloġija preċedenti billi jipprovdi għal żewġ proċeduri biss: il-proċedura konsultattiva u l-proċedura ta’ eżaminazzjoni.

4.   Kummenti partikolari

4.1

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hu mistieden jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet li għadhom ma ġewx ippreċiżati sew. Pereżempju, il-Premessa 4 u l-Artikolu 13d tal-proposta tal-Kummissjoni jirreferu rispettivament għall-Artikolu 41d(1) u l-Artikolu 42d(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (12), iżda dawn l-artikoli ma jeżistux f'dan ir-regolament.

4.2

Il-Kummissjoni ressqet proposta biex temenda dan ir-regolament (13) iżda l-proċedura ta’ adozzjoni għadha ma tlestietx. La l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lanqas il-Parlament Ewropew għadhom ma adottaw il-proposta tal-Kummissjoni. Anki jekk din tiġi adottata fil-ġejjieni, l-Artikoli 41d u 42d ser jirreferu għall-kontenut il-ġdid tar-Regolament 1290/2005 li se jkun innumerat b'mod differenti. Barra minn hekk, il-punt 26 tal-Artikolu 1 ta’ din il-proposta tal-Kummissjoni jgħid li l-Artikolu 41 ser jitħassar u ma hemm l-ebda referenza għall-Artikolu 41d. Għaldaqstant huwa tal-iskantament kif il-Kummissjoni qed tagħti tant attenzjoni lill-proċess ta’ emenda tar-Regolament 485/2008 meta l-kontenut bażiku tal-proposta tagħha, jiġifieri r-Regolament Nru 1290/2005, essenzjalment għadu mhux magħruf.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Regolament (KE) Nru 1290/2005 tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209 tal-11.08.2005, p. 1), mhux disponibbli bil-Malti.

(2)  Proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 tal-Kunsill dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni u li tirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 165/94 u (KE) Nru 78/2008 tal-Kunsill.

(3)  Ara l-paragrafu 4.2.

(4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13. Dan ir-regolament jirrevoka d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28.6.1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23), mhux disponibbli bil-Malti.

(5)  COM(2009) 673 finali.

(6)  COM(2009) 673 finali, p. 4 u ta’ wara.

(7)  Il-Kummissjoni hija tal-istess opinjoni: COM(2009) 673 finali, p.6 u ta’ wara.

(8)  COM(2009) 673 finali, p. 5 u ta’ wara.

(9)  Artikolu A, COM (2009) 673 finali, p. 12.

(10)  ĠU C 83, tat-30.3.2010, p. 206.

(11)  ĠU L 55, tat-28.2.2011, p. 13. Dan ir-regolament jirrevoka d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28.6.1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23), mhux disponibbli bil-Malti.

(12)  ĠU L 209, tal-11.8.2005, p. 1.

(13)  Proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 tal-Kunsill dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni u li tirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 165/94 u (KE) Nru 78/2008 tal-Kunsill COM(2010) 745 finali.


Top