EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0795

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” COM(2010) 748 finali/2 – 2010/0383 (COD)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 78–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”

COM(2010) 748 finali/2 – 2010/0383 (COD)

2011/C 218/14

Relatur ġenerali: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar id-15 ta’ Frar 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

COM(2010) 748 finali/2 – 2010/0383 (COD).

Nhar l-1 ta’ Frar 2011 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-5 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur Bernardo Hernández Bataller bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’162 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għaliex jemmen li din tista’ tippermetti li jintlaħaq l-għan li jitneħħew l-ostakli legali. Dan jiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini u tal-intrapriżi, filwaqt li jtejjeb ir-rimedji effettivi.

1.2   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tissokta bl-azzjoni tagħha li tneħħi l-ostakli legali fl-Unjoni Ewropea, bil-għan li jinħoloq spazju ġudizzjarju Ewropew ġenwin, fid-dawl tal-kummenti kollha li l-Kumitat ippreżenta f’opinjonijiet differenti dwar din il-kwistjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Fl-1 ta’ Marzu 2002, ir-Regolament 44/2001 issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell u, b’mod ġenerali, l-istrumenti bilaterali kollha bejn l-Istati Membri differenti dwar din il-kwistjoni. Magħruf ukoll bħala r-“Regolament Brussell I”, dan huwa l-iktar att ġuridiku importanti tal-UE s’issa dwar il-kooperazzjoni legali fi kwistjonijiet ċivili.

2.2   Bażikament, ir-Regolament 44/2001 jagħmilha possibbli li, f’ċerti każi, kwalunkwe persuna fiżika jew legali involuta fi proċedura legali transnazzjonali u domiċiljata fi Stat Membru differenti minn dak li fih jitressaq każ, tista’ tibda proċeduri quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, billi tingħata preferenza lill-eqreb punt ta’ konnessjoni.

2.2.1   Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament jistabbilixxi li fi kwistjonijiet marbuta ma’ kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, huwa possibblili jinbdew proċeduri legali kontra intrapriża fl-Istat Membru li fih saret, jew li fih kellha ssir, il-konsenja tal-oġġetti.

2.2.2   L-oqsma li fihom tapplika r-regola l-ġdida huma elenkati fl-Artikolu 5 (responsabbiltà kuntrattwali u ekstrakuntrattwali, talba għad-danni jew għall-interessi, operazzjonijiet ta’ fergħat u aġenziji, eċċ.).

2.2.3   Sezzjoni sħiħa tar-Regolament – Sezzjoni 3 – hija ddedikata għall-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet dwar l-assigurazzjoni. Skont din is-sezzjoni, id-detenturi ta’ polza tal-assigurazzjoni jistgħu jressqu każ kontra l-assiguratur fil-qrati fejn ikunu domiċiljati, anke jekk l-assiguratur huwa domiċiljat fi Stat Membru differenti. Iżda jekk l-assiguratur ikun jixtieq iressaq każ kontra d-detentur tal-polza, il-persuna assigurata jew il-benefiċjarju, hu obbligat jagħmel dan quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih dawn tal-aħħar ikunu domiċiljati.

2.3   Ir-Regolament 44/2001 fih sensiela ta’ allokazzjonijiet espliċiti ta’ ġurisdizzjoni, u jagħti attenzjoni partikolari lil ċerti gruppi speċifiċi bil-għan li jipproteġihom (kuntratti tal-konsumatur, kuntratti individwali tal-impjieg). Iżda r-regoli tradizzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni jibqgħu japplikaw fil-kawżi dwar il-proprjetà immobbli, ix-xoljiment ta’ persuni legali, l-entrati fir-reġistri u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

2.4   Ir-Regolament 44/2001, wara li jiddedika żewġ sezzjonijiet twal għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi u r-rikonoxximent ta’ dokumenti pubbliċi ta’ Stati Membri oħra, jikkonkludi b’sensiela ta’ dispożizzjonijiet finali u transitorji, li jindirizzaw l-iżjed ir-rabtiet bejn dan l-istrument ġdid ta’ kooperazzjoni legali u konvenzjonijiet oħra iżjed speċifiċi li l-Istati Membri setgħu ssieħbu fihom.

2.5   Fil-21 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u Green Paper, li dwarha l-KESE ppubblika opinjoni (1), li fiha wera l-appoġġ tiegħu għal diversi proposti ta’ riforma li għamlet il-Kummissjoni.

3.   Proposta għal Regolament

3.1   L-għan ġenerali tar-reviżjoni huwa li tkompli tiġi żviluppata ż-żona Ewropea tal-ġustizzja billi jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-moviment liberu tad-deċiżjonijiet legali, b’konformità mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. L-importanza ta’ dan l-għan ġiet enfasizzata mill-Kunsill Ewropew fil-Programm ta’ Stokkolma li ġie ppubblikat fl-2009 (2). B’mod aktar speċifiku, il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita t-tilwim transkonfinali u l-moviment liberu tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea. Ir-reviżjoni għandha wkoll tikkontribwixxi biex jinħoloq l-ambjent legali meħtieġ biex tirkupra l-ekonomija Ewropea.

3.2   L-elementi proposti tar-riforma huma dawn li ġejjin:

l-abolizzjoni tal-proċedura intermedja għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi (exequatur) bl-eċċezzjoni ta’ sentenzi f’każijiet ta’ malafama u sentenzi mogħtija fi proċedimenti kompensatorji kollettivi; u għadd ta’ soluzzjonijiet biex, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, sentenza mogħtija fi Stat Membru titwaqqaf milli jkollha effett fi Stat Membru ieħor.

il-proposta tinkludi wkoll sensiela ta’ formoli standard maħsuba biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija fin-nuqqas tal-proċedura ta’ exequatur kif ukoll it-talba għal reviżjoni fil-qafas tal-proċedura msemmija hawn fuq li tissalvagwardja d-drittijiet tad-difiża.

l-estensjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament għal tilwim li jinvolvi konvenuti minn pajjiżi terzi, inkluż li jiġu rregolati dawk is-sitwazzjonijiet fejn ikun hemm l-istess kwistjoni pendenti ġewwa u barra l-UE. L-emenda se tiżgura li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jħarsu l-konsumaturi, il-ħaddiema u l-persuni assigurati japplikaw ukoll jekk il-konvenut ikun domiċiljat barra l-UE.

titjib fl-effettività tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti, b’żewġ emendi:

meta l-partijiet ikunu għażlu qorti jew qrati partikolari biex jirrisolvu t-tilwima tagħhom, il-proposta tagħti prijorità lill-qorti magħżula biex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, irrispettivament minn jekk din tkunx l-ewwel jew it-tieni qorti li quddiemha jkun tressaq il-każ;

barra minn dan, il-proposta tintroduċi regola armonizzata dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar il-validità sostantiva ta’ ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti, u b’hekk tiżgura li jkun hemm eżitu simili dwar din l-kwistjoni tkun liema tkun il-qorti li quddiemha titressaq it-tilwima.

titjib fir-rabta bejn ir-Regolament u l-arbitraġġ;

titjib fl-aċċess għall-ġustizzja għal xi tilwim speċifiku; u

kjarifika tal-kundizzjonijiet li taħthom il-miżuri provviżorji jistgħu jiċċirkulaw fl-UE.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jilaq’ b’sodisfazzjon kbir il-proposta tal-Kummissjoni u jappoġġja r-riformulazzjoni tat-test tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2011 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Brussell I).

4.2   Mill-proposta tal-Kummissjoni joħroġ biċ-ċar li din hija inizjattiva meħtieġa għat-titjib tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u s-suq intern, li tista’ titnieda biss fil-livell supranazzjonali. Din l-inizjattiva hija wkoll strument legali utli f’dinja globalizzata: ser tiffaċilita t-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u ttaffi l-kunflitti li jqumu fir-relazzjonijiet marbuta mal-pajjiżi barra l-UE.

4.2.1   Ta’ min jenfasizza f’dan ir-rigward li l-innovazzjonijiet kollha introdotti fil-mekkaniżmi legali proposti, kif ukoll il-klassifikazzjoni ta’ ċerti regoli u prinċipji f’dan il-qasam li diġà ġew applikati fl-UE, jinbtu mill-esperjenzi li l-operaturi legali transnazzjonali, l-esperti u l-korpi kompetenti tal-Istati Membri ttrasmettew pubblikament lill-Kummissjoni Ewropea.

4.2.2   Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jitqies b’mod ġenerali: l-azzjoni supranazzjonali hija ġġustifikata fid-dawl tal-fatt li mhuwiex fil-kompetenza tal-Istati Membri li jemendaw unilateralment ċerti aspetti tar-regolament Brussell I, bħall-exequatur, u d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċeduri legali tal-Istati Membri, jew bejn l-Istati Membri u l-proċeduri tal-arbitraġġ. L-importanza tal-hekk imsejħa sussidjarjetà funzjonali hija rikonoxxuta wkoll, li tagħmel parti integrali mill-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva minqux fit-TUE wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-KESE fil-passat diġà saħaq li hu favur ħafna mill-proposti li issa qed tippreżenta l-Kummissjoni (3).

4.3   Il-proposta hija realistika, flessibbli u jidher li ngħata ħafna ħsieb fil-mod li bih tirrakkomanda soluzzjonijiet tekniċi għall-problemi li qamu matul is-snin li fihom kien fis-seħħ ir-Regolament Brussell I: l-abolizzjoni tal-exequatur bl-eċċezzjoni ta’ sentenzi f’każijiet ta’ malafama u sentenzi mogħtija fi proċedimenti kompensatorji kollettivi; l-estensjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-regolament għal tilwim li jinvolvi konvenuti minn pajjiżi terzi; titjib fl-effettività tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti; titjib fir-rabta bejn ir-Regolament u l-arbitraġġ; klassifikazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom il-miżuri provviżorji u kawtelatorji maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru wieħed jistgħu japplikaw fi Stati Membri oħra; u, fil-qosor, titjib fl-aċċess għall-ġustizzja u l-funzjonament ta’ ċerti proċeduri pendenti fil-qrati nazzjonali.

4.3.1   Ma teżisti l-ebda raġuni bażika biex l-azzjonijiet kollettivi jiġu esklużi mill-abolizzjoni tal-exequatur tal-proposta. Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 37 mhix sodisfaċenti. Il-KESE diġà qal kemm-il darba li hu favur regolamentazzjoni supranazzjonali tal-azzjonijiet kollettivi. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrifletti dwar il-possibbiltà li jiġi emendat l-Artikolu 6 tar-Regolament 44/2001, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu akkumulati l-proċeduri tal-azzjonijiet li jieħdu l-konvenuti, jekk ir-raġunijiet tat-talbiet tagħhom jkunu marbuta b’mod tant strett li jkun jagħmel sens li jiġu pproċessati u jinstemgħu flimkien sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji li jistgħu jinħarġu f’sentenzi separati.

4.3.2   Rigward l-esklużjoni tal-malafama, fil-verità l-Artikolu 37(3)(a) jagħti interpretazzjoni usa’, u jinkludi s-sentenzi li jinħarġu fi Stat Membru ieħor dwar l-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw mill-ksur tal-privatezza u d-drittijiet tal-personalità. Jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-ambitu ta’ din l-eċċezzjoni u l-possibbiltà li tneħħiha, sabiex ma tkunx tapplika għal aspetti tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

4.3.3   Bil-għan li napprofondixxu d-dibattitu dwar il-bidliet li jeħtieġ isiru fil-mekkaniżmi u l-proċeduri legali indirizzati fil-proposta, ikun tajjeb li jsiru xi kummenti bil-għan li jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-ġejjieni.

4.3.4   L-Artikolu 58(3) tal-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament jistabbilixxi li l-qorti kompetenti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha “mingħajr dewmien” f’każ ta’ appelli kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tas-sentenza u s-sentenzi mogħtija fuq appell. It-tul ta’ żmien massimu jista’ jkun iżjed preċiż, bil-għan li ma jkunx hemm dewmien mhux iġġustifikat jew dewmien li jkun ta’ ħsara għall-partijiet involuti.

4.3.5   Għalhekk, jistgħu jiġu ffissati dawn l-iskadenzi: jew id-90 jum stabbiliti fl-Artikolu 58(2) f’każ ta’ deċiżjonijiet dwar appelli kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, jew tul ta’ żmien bejn is-sitt ġimgħat previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 (dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri) u l-iskadenza ta’ 90 jum.

4.3.6   Bl-istess mod, it-test dwar il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ kooperazzjoni legali – stabbilit fl-Artikolu 31 tal-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament – jista’ jiġi riformulat bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-qorti kompetenti dwar il-mertu tal-każ u jilqa’ kontra azzjonijiet b’intenzjoni ħażina li jistgħu jwasslu biex ikun hemm dewmien biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima.

4.3.7   Fil-fatt, il-kompitu ta’ “koordinazzjoni” bejn il-qorti kompetenti dwar il-mertu tal-każ u l-korp ġurisdizzjonali fi Stat Membru ieħor li titressaq quddiemu applikazzjoni għal miżuri provviżorji jew protettivi huwa pjuttost ġeneralizzat. Din id-dispożizzjoni tillimta l-kompitu tat-tieni qorti msemmija għas-sempliċi obbligu li tikseb informazzjoni fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (pereżempju, l-urġenza tal-miżura mitluba jew il-fatt li l-qorti kkonsultata dwar il-mertu tal-każ tista’ tirrifjuta kwalunkwe miżura simili). Dan il-kompitu jista’ jiġi kkomplementat b’dispożizzjoni oħra li tistabbilixxi n-natura eċċezzjonali tal-ammissibbiltà ta’ dawn il-miżuri, jew anke, b’mod ġenerali, sospensjoni favur l-imħallef li jiddeċiedi dwar il-mertu tal-każ.

4.3.8   Dan ikun ukoll għalkollox b’konformità mar-rwol ċentrali li, għall-finijiet ta’ rapidità u fir-rigward tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qorti kompetenti biex tirrisolvi tilwim dwar il-mertu tal-każ fl-interpretazzjoni tar-regolamenti konnessi, bħar-Regolament 2201/2003 msemmi hawn fuq.

4.4   Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-klawżola dwar l-istrateġija pubblika (ordre public) (Artikolu 34(1) tar-Regolament Brussell I fis-seħħ u l-Artikolu 48(1) tal-proposta tal-verżjoni riformulata) tinżamm, fil-każijiet biss li fihom il-proċedura tal-exequatur titneħħa. Din il-klawżola tippermetti lill-qrati tal-Istat Membru mitlub li ma jirrikonoxxux sentenzi maħruġa fi Stat Membru ieħor, meta dawn imorru kontra l-istrateġija pubblika tiegħu biċ-ċar.

4.4.1   Indubbjament, din hija possibbiltà li tista’ tagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti u marġni ta’ diskrezzjoni lill-imħallfin ikkkonċernati. Iżda, kif joħroġ biċ-ċar mill-fattt li din id-dispożizzjoni ntużat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Brussell I, ir-riskju bħalissa huwa żgħir ħafna minħabba, minn tal-inqas, tliet limiti legali: il-kriterji stabbiliti dwar il-kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (4), il-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija fis-seħħ u torbot bis-sħiħ, u l-konsolidazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-kunċett ta’ strateġija pubblika għall-effett utli tal-liġi tal-UE.

4.4.2   Madakollu, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lill-imġiba tal-qrati tal-Istati Membri, bil-għan li tiżgura li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi jiġi implimentat sew kull darba li jittieħdu deċiżjonijiet legali dwar ġurisdizzjoni għall-finijiet ta’ strateġija pubblika.

4.5   Il-proposta għar-riformulazzjoni tar-regolament tistabbilixxi regola ġdida dwar ir-rikonoxximent tal-konvenzjonijiet tal-arbitraġġ li jaħtru forum fi Stat Membru tal-UE bil-għan li jitnaqqas il-periklu tal-hekk imsejjaħ forum-shopping. Iżda din il-kwistjoni hija indirizzata b’mod marġinali ħafna, u qajla huwa biżżejjed.

4.5.1   Fid-dawl tal-fatt li dan l-approċċ biex jiġi riżolt it-tilwim qed isir dejjem iżjed mifrux – b’mod partikolari fi kwistjonijiet kummerċjali – u tax-xewqa li dan l-approċċ jiġi estiż għal oqsma ewlenin oħra ta’ interess għaċ-ċittadini Ewropej (pereżempju, il-liġi tal-konsumatur u l-liġi tax-xogħol), il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien, malajr kemm jista’ jkun, ta’ strument legali supranazzjonali għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-arbitraġġ. Fil-fatt, għalkemm il-proposta twitti t-triq għall-monitoraġġ legali, l-arbitraġġ huwa espliċitament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (Artikolu 1(2)(d)).

4.6   Il-Kummissjoni tista’ tħejji komunikazzjoni jew gwida dwar kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 5 tal-proposta, li huwa kważi identiku għat-termini tal-artikolu fis-seħħ tar-Regolament Brussell I. B’hekk l-Artikolu 5 jiġi ċċarat u l-proċess tal-adozzjoni tas-sentenzi jsir b’pass iżjed mgħaġġel.

4.6.1   Skont iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-qorti kompetenti fi kwistjonijiet kuntrattwali hija dik tal-post fejn ġie esegwit jew għandu jiġi esegwit l-obbligu. Hemm eċċezzjoni rigward il-bejgħ ta’ merkanzija, f’liema każ il-qorti kompetenti hija dik tal-Istat Membru fejn il-merkanzija ġiet ikkonsenjata jew kellha tiġi kkonsenjata, rigward il-provvista tas-servizzi, f’liema każ il-qorti kompetenti hija dik tal-Istat Membru fejn is-servizzi ġew ipprovduti jew kellhom jiġu pprovduti.

4.6.2   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tinterpreta l-kunċetti ta’ “servizz” u “merkanzija” b’relazzjoni mal-libertajiet tas-suq intern, ma tapplikax għar-Regolament Brussell I. Għalhekk, il-kwistjonijiet li kellha tindirizza l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 rrisolviethom billi rreferiet għal ċerti regolamenti internazzjonali li la jorbtu l-UE u lanqas l-Istati Membri kollha, u għalhekk mhumiex regoli komuni għall-kuntratti intra-Komunitarji.

4.7   Paradossalment, ir-raġuni għar-riformulazzjoni tal-Artikolu 24(2) tal-proposta hija biex jitħaffef il-pass tal-proċeduri legali: dan l-artikolu jaffettwa biss l-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) (li jgħid li qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni) bil-kundizzjoni li dokument li bih jitressqu l-proċedimenti jrid jinkludi tagħrif għall-konvenut dwar id-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-konsegwenzi jekk jidher quddiemha. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi implimentata faċilment billi jiddaħħlu klawżoli standard, iżda tista’ tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tal-partijiet l-iżjed dgħajfa f’kuntratt, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 24(2) jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kuntratti tal-assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u kuntratti individwali tal-impjieg.

4.7.1   Fid-dawl tal-fatt li huwa l-kompitu tal-qorti li jirċievi t-talba li jivverifika jekk il-konvenut ingħatax l-informazzjoni, iżda li ma ġie stabbilit l-ebda rekwiżit speċifiku dwar il-kwistjoni, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ twassal għall-inċertezza u taħti lok għad-diskrezzjoni fis-27 ġurisdizzjoni sovrana tal-UE. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummisjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bil-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni legali tal-konsumaturi u tal-ħaddiema u tiżgura li tintuża l-istess proċedura, hi liema hi l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 48.

(2)  Adottat fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009.

(3)  ĠU C 117, 26.4.2000, p. 6 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2000, kawża C-7/98, Krombach, Ġabra tal-Ġurisprudenza 2000, p. I-01935.


Top