EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AG0003

Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 3/2010 fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam Adottata mill-Kunsill fl- 1 ta' Marzu 2010 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 114E, 4.5.2010, p. 17–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 114/17


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 3/2010 FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

Adottata mill-Kunsill fl-1 ta' Marzu 2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 114 E/02

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi

(1)

Il-foresti jipprovdu varjetà wiesgħa ta' benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali inklużi prodotti tal-foresta mill-injam u mhux mill-injam u servizzi ambjentali.

(2)

Minħabba d-domanda li dejjem qed tiżdied mad-dinja kollha għall-injam u l-prodotti tal-injam, flimkien man-nuqqasijiet istituzzjonali u ta' governanza li jinsabu fis-settur tal-foresta f'għadd ta' pajjiżi li jipproduċu l-injam, il-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu saru kwistjonijiet li jagħtu lok għal dejjem aktar ta' tħassib.

(3)

Il-qtugħ illegali hu problema mifruxa ta' tħassib internazzjonali ewlieni. Huwa jippreżenta theddida sinifikanti għall-foresti għax jikkontribwixxi għall-proċess ta' deforestazzjoni, li hu responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet ta' CO2, jhedded il-bijodiversità, u jimmina l-ġestjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti inkluż il-vijabbiltà kummerċjali tal-operaturi li jaġixxu f'konformità mal-leġislazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, għandu wkoll implikazzjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2003 ntitolata “Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT): Pjan ta' Azzjoni tal-UE” ipproponiet pakkett ta' miżuri li jappoġġaw l-isforzi internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qtugħ illegali ta' siġar u l-kummerċ marbut miegħu.

(5)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laqgħu pożittivament dik il-Komunikazzjoni u rrikonoxxu l-ħtieġa li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-isforzi globali sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-qtugħ illegali.

(6)

F'konformità mal-għan ta' dik il-Komunikazzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li jidħlu biss fl-Unjoni prodotti tal-injam li ġew manifatturati skont il-leġislazzjoni nazzjonali tal-pajjiż produttur, l-Unjoni qed tinnegozja Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs, Voluntary Partnership Agreements) ma' pajjiżi li jipproduċu l-injam (pajjiżi msieħba), li jimponu obbligu legalment vinkolanti fuq il-partijiet li jimplimentaw skema ta' liċenzjar u li jirregolaw il-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam identifikati f' dawk il-VPAs.

(7)

Minħabba l-kobor u l-urġenza tal-problema, jeħtieġ li tkun appoġġata b'mod attiv il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, ikunu kkomplementati u msaħħa l-inizjattiva tal-VPAs u jittejbu s-sinerġiji bejn il-linji politiċi li għandhom l-għan li jikkonservaw il-foresti u l-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità.

(8)

Għandhom ikunu rikonoxxuti l-isforzi li saru mill-pajjiżi li kkonkludew VPAs dwar il-FLEGT mal-Unjoni u l-prinċipji inkorporati fihom, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta' injam prodott b'mod legali. Għandu jittieħed ukoll kont tal-fatt li taħt l-iskema ta' liċenzjar tal-FLEGT, huma biss l-injam li jkun ġie maħsud f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti u l-prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam li huma esportati fl-Unjoni. Għalhekk, l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar tal-FLEGT għal importazzjonijiet ta' injam fil-Komunità Ewropea (4), li joriġina fil-pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 għandhom jitqiesu li ġew maħsuda b'mod legali sakemm dawk il-prodotti tal-injam ikunu konformi ma' dak ir-Regolament u kwalunkwe dispożizzjoni implimentattiva.

(9)

Għandu jittieħed ukoll kont tal-fatt li l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) titlob mill-partijiet għall-Konvenzjoni sabiex jagħtu biss permess CITES għall-esportazzjoni meta speċi li tkun elenkata fis-CITES tkun ġiet maħsuda, inter alia, f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Għalhekk, l-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Annessi A, B jew C għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (5) għandu jkun ikkunsidrat bħala legalment maħsud sakemm dan jikkonforma ma' dak ir-Regolament u ma’ kwalunkwe dispożizzjoni implimentattiva.

(10)

Filwaqt li jittieħed kont tal-komplessità tal-qtugħ illegali fir-rigward tal-fatturi sottostanti u l-impatti, l-inċentivi għall-imġiba illegali għandhom jitnaqqsu billi tiġi mmirata l-imġiba tal-operaturi.

(11)

Fin-nuqqas ta' definizzjoni bi qbil internazzjonali, il-leġislazzjoni tal-pajjiż fejn l-injam ikun ġie maħsud għandha tkun il-bażi sabiex jiġi ddefinit dak li jikkostitwixxi qtugħ illegali.

(12)

Ħafna prodotti tal-injam jgħaddu minn għadd ta' proċessi qabel u wara li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba. Bil-għan li ma jiġix impost piż amministrattiv bla ħtieġa, dawk l-operaturi biss li jqiegħdu fis-suq intern l-injam u l-prodotti tal-injam għall-ewwel darba, flok l-operaturi kollha involuti fil-katina ta' distribuzzjoni, għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(13)

Meta jitqies li r-rekwiżit li jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini tal-injam fi prodotti magħmula minn injam riċiklat ikun qed jitfa' piż sproporzjonat fuq l-operaturi, dawn il-prodotti għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(14)

L-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta permezz ta' sistema ta' miżuri u proċeduri (is-sistema ta' diliġenza dovuta) sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' tqegħid fis-suq intern ta' injam li ġie maħsud b'mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

(15)

Is-sistema ta' diliġenza dovuta tinkludi tliet elementi li huma parti integrali mill-immaniġġar tar-riskju: l-aċċess għall-informazzjoni, l-istima tar-riskju u l-mitagazzjoni tar-riskju identifikat. Is-sistema ta' diliġenza dovuta għandha tipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar is-sorsi u l-fornituri tal-injam u l-prodotti tal-injam li jitqiegħdu fis-suq intern għall-ewwel darba, inkluża informazzjoni rilevanti bħall-konformità mal-leġislazzjoni applikabbli. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni l-operaturi għandhom iwettqu stima tar-riskju. Fejn ikun identifikat riskju, l-operaturi għandhom itaffu dak ir-riskju b'mod proporzjonat għar-riskju identifikat, bil-għan li jiġi pprevenut it-tqegħid fis-suq intern ta' injam li ġie maħsud b'mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

(16)

Biex jevitaw piżijiet amministrattivi bla bżonn, l-operaturi li diġà jużaw sistemi jew proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament ma għandhomx ikollhom rekwiżit li jistabbilixxu sistemi ġodda.

(17)

Biex tkun rikonoxxuta l-prattika korretta fis-settur tal-foresti, fil-proċedura tal-istima tar-riskju jistgħu jintużaw skemi ta' ċertifikazzjoni jew skemi oħrajn ta' verifika minn partijiet terzi li jinkludu verifika tal-konformità mal-leġislazzjoni applikabbli.

(18)

Is-settur tal-injam hu ta' importanza ewlenija għall-ekonomija tal-Unjoni. L-organizzazzjonijiet tal-operaturi huma atturi importanti fis-settur minħabba li jirrappreżentaw l-interessi ta' dan tal-aħħar fuq skala kbira u jinteraġixxu ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll il-ħila u l-kapaċità li janalizzaw il-leġislazzjoni rilevanti u jiffaċilitaw il-konformità tal-membri tagħhom, iżda m’għandhomx jużaw din il-kompetenza sabiex jiddominaw is-suq. Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jsir kontribut għall-iżvilupp ta' prattika tajba, huwa kunsiljabbli li jiġu rikonoxxuti l-organizzazzjonijiet li żviluppaw sistemi ta' diliġenza dovuta li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Lista ta' dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ser issir pubblika sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jużaw dawn l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ rikonoxxuti.

(19)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaraw li l-operaturi jissodisfaw effettivament l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali, kif ikun adatt, li jistgħu jinkludu verifiki fis-sit tal-operatur, u għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu lill-operaturi biex jieħdu azzjonijiet ta' rimedju fejn ikun meħtieġ.

(20)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistri tal-kontrolli u l-informazzjoni rilevanti għandha ssir disponibbli għal kwalunkwe applikant f'konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (6).

(21)

B'kont meħud tan-natura internazzjonali tal-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw bejniethom u mal-awtoritajiet amministrattivi ta' pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni.

(22)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta' dan ir-Regolament jiġi sanzjonat b'pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(23)

Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-proċeduri għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ, fir-rigward ta’ aktar kriterji rilevanti ta' stima tar-riskju li jistgħu jkunu neċessarji biex jissupplimentaw dawk diġà previsti f’dan ir-Regolament u fir-rigward tal-lista ta' injam u prodotti tal-injam li għaliha japplika dan ir-Regolament. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tikkonsulta l-esperti fil-fażi preparatorja f'konformità mal-impenn li ħadet fil-Komunikazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE.

(24)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (7).

(25)

L-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw perijodu ta’ żmien raġonevoli bil-għan li jkunu jistgħu jħejju lilhom infushom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

(26)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u kontra l-kummerċ relatat miegħu, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri individwalment u jista' għalhekk, minħabba d-daqs tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern, sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' tqegħid fis-suq ta' injam u prodotti tal-injam ġejjin minn dan l-injam li ġie maħsud b'mod illegali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“injam u prodotti tal-injam” tfisser l-injam u l-prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness, ħlief prodotti tal-injam li ġejjin minn injam jew minn prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq kif ukoll prodotti tal-injam jew komponenti ta' dawk il-prodotti manifatturati minn injam jew prodotti tal-injam li temmew iċ-ċiklu tagħhom tal-użu u li kieku jintremew bħala skart.

(b)

“tqegħid fis-suq” tfisser il-provvista bi kwalunkwe mezz, irrispettivament mit-teknika ta' bejgħ użata, ta' injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas. Għandha tinkludi wkoll provvista permezz ta' komunikazzjoni minn distanza kif definita fid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod (8);

(c)

“operatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq injam jew prodotti tal-injam;

(d)

“pajjiż tal-ħsad” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn ġie maħsud l-injam jew l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam;

(e)

“maħsud b'mod legali” tfisser li ġie maħsud f'konformità mal-leġislazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad;

(f)

“maħsud b'mod illegali” tfisser li ġie maħsud b'kontravenzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad;

(g)

“leġislazzjoni applikabbli” tfisser il-leġislazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż tal-ħsad, li tkopri l-oqsma tal-liġi li ġejjin:

id-drittijiet għall-ħsad ta' injam fi ħdan il-fruntieri ppubblikati;

il-ħlasijiet għad-drittijiet ta' ħsad u l-injam inklużi l-imposti relatati mal-ħsad tal-injam;

il-ħsad tal-injam, inkluża l-leġislazzjoni ambjentali u forestali direttament relatata;

id-drittijiet legali ta' partijiet terzi dwar l-użu u l-pussess li jiġu affettwati mill-ħsad tal-injam; u

il-leġislazzjoni kummerċjali u doganali, sa fejn hu kkonċernat is-settur tal-foresti.

Artikolu 3

Status tal-injam u tal-prodotti tal-injam koperti mill-FLEGT u s-CITES

L-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III għar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li joriġinaw f'pajjiżi sħab elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 u li jikkonformaw ma' dak ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu għandhom jitqiesu li ġew maħsuda b'mod legali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

L-injam tal-ispeċi elenkati fl-Annessi A, B jew C għar-Regolament (KE) Nru 338/97 u li jikkonforma ma' dak ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu għandu jitqies bħala legalment maħsud għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Obbligi tal-operaturi

1.   L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta biex jimminimizzaw ir-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam li ġie maħsud b'mod illegali jew il-prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam. Għal dak il-għan, huma għandhom jużaw qafas ta' proċeduri u miżuri, minn issa 'l quddiem imsejħa “sistema ta' diliġenza dovuta” kif dispost fl-Artikolu 5.

2.   Kull operatur għandu jżomm u jevalwa regolarment is-sistema ta' diliġenza dovuta li juża, ħlief jekk l-operatur juża sistema ta' diliġenza dovuta stabbilita minn organizzazzjoni ta' monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 5

Sistemi ta' diliġenza dovuta

1.   Is-sistema ta' diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar il-forniment ta' injam jew prodotti tal-injam tal-operatur imqiegħda fis-suq:

deskrizzjoni, inkluż l-isem xjentifiku sħiħ jew l-isem komuni tal-ispeċi tas-siġar, l-isem kummerċjali u t-tip ta' prodott;

il-pajjiż tal-ħsad, u fejn ikun applikabbli r-reġjun sub-nazzjonali fejn l-injam ġie maħsud;

il-kwantità (espressa f'volum, piż jew numru ta' unitajiet);

l-isem u l-indirizz tal-fornitur għall-operatur;

dokumenti jew informazzjoni oħra li tindika l-konformità ta' dak l-injam u tal-prodotti tal-injam mal-leġislazzjoni applikabbli;

(b)

proċeduri ta' stima tar-riskju li jippermettu lill-operatur janalizza, u jagħmel stima tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b'mod illegali jew prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

Dawk il-proċeduri għandhom jieħdu kont tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) kif ukoll ta' kriterji rilevanti ta' stima tar-riskju, li jinkludu:

garanzija ta' konformità mal-leġislazzjoni applikabbli, li tista' tinkludi ċertifikazzjoni jew skemi oħra verifikati minn parti terza li jkopru l-konformità mal-leġislazzjoni applikabbli;

prevalenza ta' ħsad illegali ta' speċi ta' siġar speċifiċi;

prevalenza ta' ħsad jew prattika illegali fil-pajjiż tal-ħsad u/jew fir-reġjun sub-nazzjonali fejn ġie maħsud l-injam;

kumplessità tal-katina ta' forniment tal-prodotti tal-injam;

(c)

ħlief fejn ikun negliġibbli r-riskju identifikat matul il-proċeduri ta' stima tar-riskju imsemmija fil-punt (b), il-proċeduri ta' mitigazzjoni tar-riskju li huma magħmulin minn sett ta' miżuri u proċeduri li huma adegwati u proporzjonati biex jimminimizzaw b'mod effettiv dak ir-riskju u li jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta' informazzjoni jew dokumenti addizzjonali u/jew il-ħtieġa ta' verifika minn parti terza.

2.   Ir-regoli dettaljati meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, ħlief fir-rigward ta' aktar kriterji ta' stima tar-riskju msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati sa … (9).

3.   Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi tas-suq u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari kif identifikati permezz tar-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 18(3), il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE rigward kriterji rilevanti oħrajn ta' stima tar-riskju li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu ssupplimentati dawk imsemmijin fit-tieni paragrafu tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fl-adozzjoni ta' dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

Għall-atti delegati msemmijin f'dan il-paragrafu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.

Artikolu 6

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sa … (10). L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibilità tal-pubbliku, inkluż fuq l-Internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment.

Artikolu 7

Organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ

1.   Organizzazzjoni ta' monitoraġġ għandha teżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

iżżomm u tevalwa regolarment sistema ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-Artikolu 5 u tagħti d-dritt lill-operaturi biex jużawha;

(b)

tivverifika l-użu korrett tas-sistema tagħha ta' diliġenza dovuta minn dawk l-operaturi;

(c)

tieħu miżuri adatti fil-każ fejn operatur jonqos milli juża korrettament is-sistema tagħha ta' diliġenza dovuta, inkluża n-notifika tal-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta' nuqqas serju jew ripetut mill-operatur.

2.   Organizzazzjoni tista' tapplika biex tiġi tikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta' monitoraġġ, jekk tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollha personalità ġuridika u tkun stabbilita legalment fl-Unjoni;

(b)

ikollha l-kapaċità li teżerċita l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1; u,

(c)

twettaq il-funzjonijiet tagħha b'manjiera li tevita kwalunkwe konflitt tal-interess.

3.   Applikant li jissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 2 għandu jkun rikonoxxut bħala organizzazzjoni ta' monitoraġġ, f'wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha tirrikonoxxi l-organizzazzjoni ta' monitoraġġ li għandha l-intenzjoni twettaq l-attivitajiet tagħha esklużivament f'dak l-Istat Membru, u wara dan tgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

(b)

il-Kummissjoni għandha, wara li tgħarraf lill-Istati Membri, tirrikonoxxi organizzazzjoni ta' monitoraġġ li jkollha l-intenzjoni twettaq l-attivitajiet f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew fl-Unjoni kollha.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli f'intervalli regolari biex jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ li joperaw fil-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti jkomplu jissodisfaw il-funzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2.

5.   Jekk awtorità kompetenti tiddetermina li organizzazzjoni ta' monitoraġġ li ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni jew ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew ma għadhiex tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

6.   L-awtoritajiet kompetenti jew il-Kummissjoni jistgħu jirtiraw rikonoxximent meta l-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni tkun iddeterminat li organizzazzjoni ta' monitoraġġ ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2. L-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni tista’ tirtira biss rikonoxximent li tkun ħarġet hija stess. Qabel l-irtirar ta’ rikonoxximent, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri konċernati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-irtirar ta' rikonoxximent.

7.   Sabiex tissupplimenta r-regoli proċedurali fir-rigward tar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ u, jekk l-esperjenza teħtieġ hekk, biex temendahom, il-Kummissjoni tista' tadotta l-atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE. Fl-adozzjoni ta' dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

Għall-atti delegati msemmijin f'dan il-paragrafu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15. Dawk l-atti għandhom jiġu adottati sa … (11).

8.   Ir-regoli dettaljati li jikkonċernaw il-frekwenza u n-natura tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 4, meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta’ dak il-paragrafu, għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati sa … (11).

Artikolu 8

Lista ta' organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, u għandha tagħmilha disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment.

Artikolu 9

Kontrolli fuq l-operaturi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk l-operaturi humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

2.   L-operaturi għandhom joffru l-għajnuna kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kontrolli msemmijin fil-paragrafu 1.

3.   Meta, wara l-kontrolli msemmijin fil-paragrafu 1, jinstabu xi nuqqasijiet, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu notifika ta' azzjonijiet ta' rimedju li jridu jittieħdu mill-operatur. Kull nuqqas mill-operatur li jieħu tali azzjoni ta' rimedju jista' jagħti lok għal pieni f'konformità mal-Artikolu 17.

Artikolu 10

Rekords tal-kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords tal-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 9(1), u jindikaw b'mod partikolari n-natura tagħhom u r-riżultati, kif ukoll ta' kwalunkwe notifika ta’ azzjonijiet ta' rimedju meħuda taħt l-Artikolu 9(3). Għandhom jinżammu rekords tal-kontrolli kollha għal mill-inqas 5 snin.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għal kwalunkwe applikant f'konformità mad-Direttiva 2003/4/KE.

Artikolu 11

Koperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw ma' xulxin, mal-awtoritajiet amministrattivi ta' pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar nuqqasijiet serji li jinstabu permezz tal-kontrolli msemmijin fl-Artikoli 7(4) u 9(1) u dwar it-tipi ta' pieni imposti f'konformità mal-Artikolu 17 mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.

Artikolu 12

Emendi tal-Anness

Sabiex jittieħed kont tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dik identifikata fir-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 18(3), u l-iżviluppi fir-rigward ta' karatteristiċi tekniċi, l-utenti finali u l-proċessi ta' produzzjoni tal-injam u l-prodotti tal-injam, il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE billi temenda u tissupplimenta l-lista ta' injam jew prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness. Dawn l-atti m’għandhomx joħolqu piż sproporzjonat fuq l-operaturi. Fl-adozzjoni ta' dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

Għall-atti delegati msemmijin f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delegazzjoni

1.   Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(3), 6(7) u 12 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport dwar is-setgħat delegati mhux iktar tard minn minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Id-delegazzjoni tas-setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahiex f'konformità mal-Artikolu 14.

2.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati għandhom jingħataw lill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15.

Artikolu 14

Revoka tad-delegazzjoni

1.   Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(3), 7(7) u 12 tista' tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk għandhiex tirrevoka d-delegazzjoni tas-setgħa għandha tinforma lil-leġislatur l-ieħor u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, fejn tiddikjara liema setgħat delegati jistgħu jkunu suġġetti għal revoka u r-raġunijiet għar-revoka.

3   Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett immedjatament jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien tliet xhur mid-data ta' notifika.

2.   Jekk, meta jiskadi dak il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, jew jekk, qabel dik id-data, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li huma ddeċidew li ma jqajmux oġġezzjonijiet, l-att delegat għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fid-dispożizzjonijiet tiegħu.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat adottat, l-att m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet tagħha għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.

Artikolu 16

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) stabbilit taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005.

2.   Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 17

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 18

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta' April ta' kull sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament matul is-sentejn ta' qabel.

2.   Abbażi ta' dawn ir-rapporti l-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jrid jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn.

3.   Sa … (12), u kull sitt snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrevedi, fuq il-bażi tar-rappurtar u l-esperjenza tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u fir-rigward tal-kopertura tal-prodott. Ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi adegwati.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn … (13). Madankollu, l-Artikoli 5(2), 6(1), 7(7) u 7(8) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Rgolament.

Artikolu 20

Pubblikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 88.

(2)  ĠU C,, p …

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1

(5)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(6)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

(9)  18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(10)  Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(11)  18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(12)  36+30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(13)  30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


ANNESS

Injam u prodotti tal-injam kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), li għalihom japplika dan ir-Regolament

4401 Ħatab, fi zkuk, fi zkuk ħoxnin, fi friegħi, f'qatet ta’ għesieleġ jew forom simili; injam f'laqx jew fi frak; serratura u rimi tal-injam u skart, kemm jekk ikunu miġbura fi zkuk, trab tal-faħam ippressat, pritkuna jew forom bħal dawn;

4403 Injam mhux irfinat, anki jekk bil-qoxra, l-ilbieba jew skwerrat b’mod mhux preċiż;

4406 Travi tal-injam mimdudin (sleepers, cross-ties) għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm;

4407 Injam isserrat jew maqtugħ f’laqx għat-tul, imfellel jew imqaxxar, huwiex jew le inċanat, xkatlat jew imġannat fit-truf, eħxen minn 6 mm;

4408 Folji għall-kisi (inklużi dawk miksubin bit-tiflil tal-injam laminat), għal plajwud jew għal injam laminat simili ieħor, isserrat mit-tul, imfellel jew imqaxxar, huwiex jew le inċanat, xkatlat, impalellat jew imġannat fit-truf, mhux eħxen minn 6 mm;

4409 Injam (inklużi strixxi u freġji għall-art tal-parkett, mhux immuntati) ta' forma kontinwa (mudullun, kanal, irbattut, ċanfrin, ingast V, biż-żibeġ, iffurmat, ittundjat jew ta' dan it-tip) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, huwiex jew le inċanat, xkatlat jew imġannat fit-truf;

4410 Twavel mill-frak tal-injam, dawk imsejħa “oriented strand board” (OSB) u twavel tal-injam simili sew jekk magħqudin bir-raża jew xi sustanza organika oħra li tgħaqqad jew le;

4411 Fibreboard tal-injam jew materjal ieħor tal-injam, sew jekk magħqud bir-raża jew sustanzi organiċi oħra jew le;

4412 Plajwud, pannelli miksija u injam laminat simili;

4413 00 00 Injam iddensifikat, fi blokki, folji, strixxi jew forom tal-profil;

4414 00 Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja jew oġġetti bħal dawn;

4415 Kontenituri għall-ippakkjar, kaxex, ċestuni, tankijiet u kontenituri simili, tal-injam; rukkelli tal-injam għall-kejbil, pallets, pallets forma ta' kaxxa jew twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-pallets tal-injam; twiebet;

(Materjal mhux tal-ippakkjar użat esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar biex jirfed, jipproteġi jew iġorr prodott ieħor imqiegħed fis-suq.)

4416 00 00 Bittiji, bramel, tankijiet, tnellijiet u prodotti oħra tal-buttar, u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż injam imqawwes;

4418 Xogħol tal-mastrudaxxa u tal-karpentrija tal-injam għall-bennejja, inklużi pannelli ċellulari tal-injam, panelli mmuntati għall-art, twavel tal-kisi u shakes, injam (inklużi strixxi u freġji għall-art tal-parkett, mhux immuntati) ta' forma kontinwa (mudullun, kanal, irbattut, ċanfrin, ingast V, biż-żibeġ, iffurmat, ittundjat jew ta' dan it-tip) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, huwiex jew le inċanat, xkatlat jew imġannat fit-truf;

Polpa u karta tal-Kapitoli 47 u 48 tan-Nomenklatura Magħquda, għajr għal prodotti li għandhom bażi ta' bambù u rkuprati (rimi u skart);

Għamara tal-injam 9403 30, 9403 40, 9403 50 00, 9403 60 u 9403 90 30;

9406 00 20 Bini prefabbrikat.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fis-17 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi ta' operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u l-prodotti tal-injam. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192 (1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-22 ta' April 2009 (1). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta' Ottubru 2009 u l-Kumitat tar-Reġjuni indika li ma kellux l-intenzjoni li jagħti opinjoni.

3.

Fl-1 ta' Marzu 2010, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f'konformità mal-Artikolu 294 TFUE.

II.   OBJETTIVI

L-għan tar-Regolament huwa li jiġi minimizzat ir-riskju li jitqiegħed fis-suq intern injam maqtugħ illegalment. Huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' diliġenza dovuta u jiffoka fuq l-ewwel darba li l-injam u l-prodotti tal-injam jitqiegħdu fis-suq intern. Il-Kunsill żamm l-ispirtu tal-approċċ sistematiku tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk iffoka fuq l-elaborazzjoni tar-rekwiżiti legali għal imġiba proattiva min-naħa tal-operatur.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

Fl-ewwel qari tiegħu fit-22 ta' April 2009, il-Parlament Ewropew (PE) adotta 75 emenda.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkorpora numru ta’ emendi tal-Parlament Ewropew, parzjalment jew fl-ispirtu. Huwa notevoli fosthom il-fatt li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt tar-Regolament fuq intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (AM 22, 29, 47, 72), li l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament m'għandux jeskludi l-injam u l-prodotti tal-injam li huma soġġetti għal kriterji obbligatorji ta' sostenibbiltà (AM 21, 32) u li l-Kummissjoni għandha tagħraf organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ li għandhom l-intenzjoni li jwettqu attivitajiet f'iktar minn Stat Membru wieħed (AM 51-56).

Madankollu, emendi oħrajn m'humiex riflessi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari minħabba li l-Kunsill ikkunsidra li kienu saru mhux meħtieġa fid-dawl ta' kif kien evolva t-test. Il-Kunsill introduċa numru ta' bidliet li rriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, b'mod partikolari l-qafas legali li ser jinbena biex jissostitwixxi s-sistema ta' komitoloġija. Peress li l-pożizzjoni tal-PE wara l-ewwel qari ngħatat bejn wieħed u ieħor seba' xhur qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ma ttiħidx kont tal-emendi relatati mal-komitoloġija peress li ma kienux għadhom rilevanti.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkludi wkoll numru ta' bidliet oħra minbarra dawk previsti fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. It-taqsimijiet li ġejjin jiddeskrivu l-bidliet sostantivi. Barra min hekk, hemm bidliet ta’ abbozzar biex jiġi kkjarifikat it-test jew biex jiġi żgurat li r-Regolament huwa ġeneralment konsistenti.

2.   Kummenti speċifiċi

Definizzjonijiet

Saru l-bidliet li ġejjin għall-proposta oriġinali:

id-definizzjoni ta' “injam u prodotti tal-injam” kienet immodifikata biex tindika li prodotti riċiklati tal-injam - jiġifieri l-prodotti tal-injam jew il-komponenti ta' tali prodotti manifatturati mill-injam u mill-prodotti tal-injam li temmew iċ-ċiklu tal-użu tagħhom u li kieku kienu ser jintremew bħala skart - mhumiex ser ikunu koperti minn dik id-definizzjoni peress li tqies li jkun sproporzjonat li l-operaturi jkunu meħtieġa jaċċertaw informazzjoni rigward is-sors oriġinali tal-injam li jinsab fi prodotti riċiklati;

l-eċċezzjoni proposta għall-injam jew prodotti tal-injam li huma soġġetti għall-kriterji obbligatorji ta' sostenibbiltà kienet imħassra (AM 21, 32);

kien ikkjarifikat li l-prodotti tal-injam li jidderivaw minn injam jew minn prodotti tal-injam li diġa' tqiegħdu fis-suq ma għandhomx ikunu koperti mid-definizzjoni ta' “injam u prodotti tal-injam” (AM 34);

il-Kunsill speċifika t-tifsira ta' “it-tqegħid fis-suq” billi żied li dan jinkludi t-tekniki kollha ta’ bejgħ. Żied ukoll li kienet koperta l-provvista permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod;

il-kunċett ta' reġjun sub-nazzjonali tal-ħsad żdied biex ikunu koperti każijiet fejn ikun hemm differenzi reġjonali f'pajjiż wieħed;

id-definizzjoni ta' “pajjiż ta' ħsad” kienet estiża biex tinkludi mhux biss pajjiżi iżda wkoll territorji;

id-definizzjonijiet ta' “ġestjoni tar-riskju” u “organizzazzjoni ta' monitoraġġ” tħassru għaliex kien kkunsidrat li dawn il-kunċetti kienu deskritti b'mod aktar komprensiv fl-Artikolu rispettiv.

Leġislazzjoni applikabbli

Id-definizzjoni ta' leġislazzjoni applikabbli hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tal-abbozz tar-Regolament peress li l-operatur ikun obbligat li jkollu aċċess għal informazzjoni dwar il-konformità tal-injam u ta' prodotti tal-injam mal-leġislazzjoni applikabbli. Il-Kunsill għamel l-almu tiegħu biex joħloq il-bilanċ korrett bejn lista estiża ta' oqsma ta' leġislazzjoni u lista li enumerat l-oqsma rilevanti ta' leġislazzjoni f'termini ġenerali. Il-Kunsill wessa' d-definizzjoni ppreżentata fil-proposta tal-Kummissjoni biex tinkludi leġislazzjoni forestali, inkluża leġislazzjoni direttament ambjentali kif ukoll leġislazzjoni rigward il-kummerċ u dik doganali, safejn jikkoċerna s-settur tal-foresti. Il-Kunsill żied “id-drittijiet legali ta' “partijiet terzi” rigward l-użu u l-pussess...” li jistgħu jitqiesu bħala li qed iqarrbu lejn l-opinjoni tal-PE meta dan isemmi “il-pussess tal-proprjetà u d-drittijiet tal-popli indiġeni” (AM 38). Madankollu, il-Kunsill ikkunsidra l-emendi tal-PE rigward l-inklużjoni tal-leġislazzjoni dwar ix-xogħol u l-benesseri tal-komunità bħala problematika, mil-lat legali u dak prattiku.

Sistemi ta' diliġenza dovuta

Il-Kunsill ikkunsidra li kien importanti li l-elementi prinċipali fl-abbozz tar-Regolament kienu ċċarati. Għalhekk huwa elabora tliet elementi tas-sistema ta' diliġenza dovuta: aċċess għal ċerta informazzjoni, il-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskju u l-proċedura ta' mitigazzjoni tar-riskju. Fl-AM 37 tiegħu l-PE ra wkoll il-ħtieġa li jistabbilixxi b'mod ċar iż-żewġ elementi tal-identifikazzjoni tar-riskju u l-minimizzazzjoni tar-riskju.

Għall-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju l-Kunsill stabbilixxa erba' kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju li jistgħu jkunu supplimentati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE.

Fl-Artikolu 5(1)(b) u (c) tiegħu l-Kunsill għamel l-almu tiegħu biex jagħmel distinzjoni bejn il-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u dawk tal-mitigazzjoni tar-riskju, skont fatturi differenti bħall-kumplessità tal-prodott u l-oriġini tiegħu, mingħajr ma indika espliċitament sitwazzjonijiet li jeħtieġu attenzjoni speċjali, fil-forma ta' ħtiġiet aktar stretti jew iħfef (AM 47).

B'differenza mill-PE, il-Kunsill ma estendiex l-obbligu ta' diliġenza dovuta lil operaturi oħra minbarra dawk li jqiegħdu l-injam u l-prodotti tal-injam fis-suq intern għall-ewwel darba (AM 15, 17, 19, 20, 31, 33, 35, 41, 42, 43, 50). Tali estensjoni kienet ikkunsidrata ta' piż mhux dovut.

Il-Kunsill introduċa l-possibbiltà għall-operatur li jagħżel bejn tliet sistemi differenti ta' diliġenza dovuta: dik tagħhom stess, sistema ta' diliġenza dovuta pprovduta minn organizzazzjoni ta' monitoraġġ jew sistema pprovduta minn parti terza.

Kamp ta' applikazzjoni

Bħall-PE, il-Kunsill ħassar ukoll l-eżenzjoni proposta għall-injam soġġett għal kriterji obbligatorji ta' sostenibbiltà fil-proposta tal-Kummissjoni (AM 21, 32).

Anness

Il-Kunsill irranġa mill-ġdid il-prodotti tal-injam fl-Anness f'konformità man-numerazzjoni tal-kodiċi CN u żied xi kategoriji ta' prodotti. Huwa qies li f'dan l-istadju l-piż fuq l-operaturi jkun wisq jekk jiżdiedu kategoriji oħra (AM 74, 75).

Organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ

Il-Kunsill qabel mal-fehma tal-PE li kien importanti li jkun hemm standards armonizzati fl-UE kollha u ssuġġerixxa li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi wkoll l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ. Il-Kunsill għamel distinzjoni bejn organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ li għandhom l-intenzjoni li jwettqu attivitajiet fi Stat Membru wieħed jew f'diversi Stati Membri. Huwa qabel li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi dawk l-organizzazzjonijiet li qed iwettqu l-attivitajiet tagħhom f'diversi Stati Membri (AM 51, 53, 54, 55, 56) cf. (Artikolu 7(3)). Madankollu kien meqjus aktar prattiku li awtorità kompetenti ta' Stat Membru tkun responsabbli biex tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet tagħhom f'dak l-Istat Membru biss. Bħall-PE, il-Kunsill qies li kien importanti li l-organizzazzjoni ta' monitoraġġ għandha twettaq il-funzjonijiet tagħha b'mod li tevita kwalunkwe kunflitt ta' interess (AM 51) (cf. Article 7(2)(c)). Ma kienx meqjus meħtieġ li ssir distinzjoni bejn jekk l-organizzazzjoni ta' monitoraġġ tkunx entità pubblika jew waħda privata (AM 51, 52).

Pieni

Il-Kunsill ikkunsidra ż-żieda ta' lista ta' pieni (AM 69) iżda wara diskussjoni estensiva ddeċieda li jżomm il-lingwa tal-proposta tal-Kummissjoni li hija l-lingwa maqbula għal-leġislazzjoni tal-UE. Ħafna Stati Membri kienu tal-opinjoni li l-livell u l-kontenut tal-pieni kienu fl-isfera ta' kompetenza tal-Istati Membri. Barra minn hekk l-istabbiliment ta' lista ta' pieni qajjem xi kwistjonijiet prattiċi bħall-kompjutezza tal-lista u d-diffikultajiet għall-identifikazzjoni tal-ksur kollu possibbli f'dan l-istadju.

Projbizzjoni

Il-Kunsill żamm l-ispirtu tal-proposta tal-Kummissjoni għal approċċ sistematiku. L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza meħtieġa biex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam maħsudin b'mod illegali. Il-Kunsill ma' jaqbilx mal-opinjoni tal-PE li għandha tiġi introdotta projbizzjoni biex tiġi żgurata l-legalità (AM 17, 19, 31, 42 (rigward l-Artikolu 3(1)), 43, 50, 71). Tali estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ma tqisitx konformi mal-ispirtu tal-proposta u għalhekk mhix aċċettabbli.

Applikazzjoni

Il-Kunsill ikkunsidra li ma jkunx realistiku jekk r-Regolament ikun applikabbli biss sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, ukoll huwa kemm huwa mixtieq dan (AM 73). Għalhekk, u sabiex l-operaturi jkollhom biżżejjed żmien biex jaġġustaw għas-sitwazzjoni l-ġdida u biex il-miżuri ta' implimentazzjoni jkunu adottati kien issuġġerit li r-Regolament għandu jibda japplika 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Sitwazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju/operaturi

Bħall-PE, il-Kunsill ħa kont tas-sitwazzjoni speċjali tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-operaturi (AM 22, 29, 47, 72). Pereżempju, huwa introduċa l-kunċett ta' riskju negliġibbli fl-Artikolu 5(1)(c). Huwa stabbilit fl-Artikolu 12 li l-atti delegati li ser jemendaw u jissupplimentaw il-lista ta' injam u prodotti tal-injam li jinsabu fl-Anness ma għandhomx joħolqu piż sproporzjonat għall-operaturi. Fl-Artikolu 18 dwar ir-rapportar, il-Kunsill żied li r-reviżjoni għandha b'mod partikolari tieħu kont tal-konsegwenzi amministrattivi għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Premessi u referenzi għal kwistjonijiet ambjentali (ġestjoni sostenibbli tal-foresti)

Il-PE żied numru konsiderevoli ta' premessi biex jieħu kont tal-ambjent forestali, il-bijodiversità, l-ekosistemi tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (AM 2-8, 10, 11, 14). Il-Kunsill jikkunsidra li peress li s-sistema ta' diliġenza dovuta u l-imġiba tal-operaturi biex jimminimizzaw ir-riskju li jqiegħdu fis-suq intern injam maqtugħ illegalment u prodotti tiegħu jinsabu fil-qofol tar-Regolament, tali referenzi huma superfluwi, huma kemm huma mixtieqa l-objettivi. Barra minn hekk, il-premessi jservu biex jiġġustifikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament waqt li ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet operattivi li magħhom jistgħu jkunu marbuta tali premessi.

Reviżjoni

Il-Kunsill qabel mal-PE li huwa meħtieġ li l-Kummissjoni twettaq reviżjoni tar-Regolament u li din ir-reviżjoni għandha, b'mod partikolari, tindirizza l-konsegwenzi amministrattivi għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (AM 72).

3.   Tibdil ieħor magħmul mill-Kunsill

Status tal-prodotti tal-injam koperti mill-FLEGT u s-CITES

Id-dispożizzjoni dwar l-injam u l-prodotti tal-injam koperta mill-FLEGT u s-CITES kienet imniżżla f'Artikolu separat peress li r-Regolament iqis il-liċenzji tal-FLEGT u ċ-ċertifikati tas-CITES bħala prova biżżejjed ta' tqegħid fis-suq legali.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

Il-Kunsill kien tal-opinjoni li nuqqasijiet serji biss kellhom ikunu soġġetti għal skambju ta' informazzjoni fl-Artikolu 11. Il-Kunsill speċifika wkoll li t-tipi ta' pieni imposti għandhom ikunu koperti mill-iskambju ta' informazzjoni.

Suġġett

Sabiex jiġi ċċarat l-għan tal-obbligi stabbiliti fir-Regolament il-Kunsill żied li l-għan huwa li jiġi minimizzat ir-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam illegali li ġejjin minn tali injam.

Bidliet skont it-Trattat ta' Lisbona

Peress li l-Kunsill jikkunsidra li s-setgħat għandhom ikunu ddelegati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa żied tliet Artikoli ġodda meħtieġa għal tali atti delegati fl-Artikoli 5(3) u 7(7) u 12, kif ukoll premessa ġdida. B'mod simili, il-Kunsill adatta d-dispożizzjonijiet għall-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari hija konformi mal-objettivi fundamentali tal-proposta tal-Kummissjoni. Hija tirrappreżenta pakkett bilanċjat ta' miżuri li jikkontribwixxu għas-segwitu tal-objettivi tal-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tal-injam.

Il-Kunsill jistenna b'interess diskussjoni kostruttiva mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jinkiseb ftehim vijabbli dwar dan ir-Regolament.


(1)  8881/09


Top