EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0006

Proposta ta’ deċiżjoni-qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

/* KUMM/2005/0006 finali - CNS 2005/0003 */

52005PC0006

Proposta ta’ deċiżjoni-qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata /* KUMM/2005/0006 finali - CNS 2005/0003 */


Brussel 19.1.2005

KUMM(2005) 6 finali

2005/0003 (CNS)

Proposta ta’

DEĊIŻJONI-QAFAS TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Matul l-għaxar snin li għaddew, il-gruppi kriminali organizzati waqqfu netwerk s internazzjonali ta’ dimensjonijiet kbar u kellhom ħafna qliegħ. Kien hemm rikkezzi kbar permezz tat-traffikar illegali tad-drogi, tat-traffikar tal-persuni, b’mod partikolari ta’ nisa u tfal, tal-kummerċ illegali ta’ armi u munizzjonijiet, tal-falsifikazzjoni u riproduzzjoni illegali ta’ prodotti, u b’mod ġenerali, tal-frodi fuq livell internazzjonali[1]. Ammonti kbar ta’ flus ġejjin minn dawn ir-reati jiġu maħsula u mibgħuta mill-ġdid fl-ekonomija. B’hekk il-kriminalità organizzata qiegħda tikber b’rata konsiderevoli.

L-Unjoni Ewropea kienet minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata minn żmien it-Trattat ta’ Amsterdam u l-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam tas-16 u s-17 ta’ Ġunju 1997 li adotta l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Fl-1998, azzjoni komuni dwar is-sehem f’organizzazzjoni kriminali ġiet adottata mill-Kunsill[2]. Madankollu, illum l-Unjoni għandha bżonn ta’ test li aktar restrittiv u ambizzjuż sabiex isir tqarrib tal-liġijiet penali ta’ l-Istati Membri u biex titjieb il-kooperazzjoni għal ġlieda aktar effikaċji kontra l-kriminalità organizzata, fosthom permezz ta’ l-armonizzazzjoni tal-limiti minimi tal-pieni.

Il-Kunsill Ewropew, miġbur fi Vjenna f’Diċembru 1998 diġà kien talab, fid-dawl tal-possibbilitajiet il-ġodda offruti mit-Trattat ta’ Amsterdam, għal tisħiħ ta’ l-azzjoni mmexxija mill-Unjoni Ewropea kontra l-kriminalità organizzata.

Skond il-punt 6 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 « iċ-ċittadini għandhom id-dritt jistennew li l-Unjoni tirreaġixxi għat-theddida li l-kriminalità tippreżenta għal-libertà tagħhom u d-drittijiet li tagħtihom il-liġi. Kontra dan it-theddid, tinħtieġ azzjoni konġunta, fl-Unjoni kollha, fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-organizzazzjonijiet kriminali … ». Il-punt 40 iżid li « l-Kunsill Ewropew hu deċiż li jsaħħaħ il-ġlieda kontra t-tipi gravi ta’ kriminalità organizzata u transnazzjonali … ».

Barra minn hekk, l-istrateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-millenju l-ġdid dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-kriminalità organizzata (2000/C 124/01) jindika li l-livell tal-kriminalità organizzata hu dinamiku minnu nnifsu. Hi mhix marbuta bi strutturi riġidi. Hi wriet kapaċità li tassumi d-dehra intraprenditorjali jew kummerċjali, kif ukoll li tadatta ruħha b’flessibbiltà kbira għall-evoluzzjoni tal-forzi u s-sitwazzjonijiet tas-suq. Ġeneralment, il-fruntieri nazzjonali ma jwaqqfux l-organizzazzjonijiet ta’ delinkwenti, li ta’ spiss jistabbilixxu sħubiji kemm fuq it-territorju ta’ l-Unjoni kif ukoll barra, kemm ma’ individwi kif ukoll ma’ netwerks oħra, milli jwettqu wieħed jew aktar reati. Jidher li dawn il-gruppi qegħdin isiru dejjem aktar attivi fuq is-swieq, legali jew illegali; huma jużaw is-servizzi ta’ l-ispeċjalisti f’affarijiet li mhumiex kriminali kif ukoll strutturi kummerċjali legali biex iwettqu l-attivitajiet kriminali tagħhom. Barra minn hekk huma japprofittaw miċ-ċirkolazzjoni tal-kapitali, tal-beni, tal-persuni u tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea. Is-sofistikazzjoni dejjem akbar tad-diversi organizzazzjonijiet kriminali tippermettilhom, bl-użu ta’ l-anomaliji tas-sistemi differenti, li jieħdu vantaġġi min-nuqqasijiet tal-liġi u mid-differenzi legali fost l-Istati Membri. Għalkemm it-theddida ta’ l-organizzazzjonijiet kriminali li jinsabu barra mit-territorju Ewropew tidher li qiegħda tiggrava, l-aktar theddida serja tidher ġejja mill-gruppi li joriġinaw mill-Ewropa u li jaħdmu fil-kontinent kollu, iffurmati l-aktar minn ċittadini u residenti ta’ l-Unjoni Ewropea. Dawn il-gruppi jsaħħu l-kuntatti kriminali internazzjonali tagħhom u jattakkaw l-istruttura soċjali u ekonomika tas-soċjetà Ewropea permezz ta’ ħasil tal-flus, traffikar ta’ droga u kriminalità ekonomika, per eżempju. Jidher li għandhom kapaċità biex jaħdmu faċilment u b’effikaċja, kemm fix-xena Ewropea kif ukoll f’partijiet oħra tad-dinja, jissodisfaw it-talba illegali permezz tal-kisba u l-forniment ta’ beni u servizzi li jvarjaw mid-droga għall-armamenti, inklużi l-vetturi misruqa u l-ħasil tal-flus. L-isforzi konġunti tagħhom maħsuba biex jinfluwenzaw u jfixklu l-applikazzjoni tal-liġijiet u s-sistema legali, juru s-saħħa u l-professjonalità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kriminali. Din is-sitwazzjoni teħtieġ risposta enerġetika u kkoordinata mill-Istati Membri kollha.

Fl-aħħar, fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu 2004 dwar ċerti azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tipi gravi oħra ta’ kriminalità[3], il-Kummissjoni qieset li l-istrument tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandu jissaħħaħ. Hi turi li se tħejji Deċiżjoni-Qafas li l-għan tagħha jkun li tieħu post l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI u li dan it-test irid b’mod partikolari :

- iwettaq tqarrib effettiv fid-definizzjoni ta’ l-akkużi u tal-pieni rigward il-persuni fiżiċi u morali,

- jipprevedi akkuża speċifika għat-"tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali",

- jiddefinixxi, jekk hemm bżonn, xi ċirkostanzi partikolari aggravanti (twettiq ta’ reat b’rabta ma’ organizzazzjoni kriminali) u li qegħdin jittaffu (tnaqqis tal-piena għad- "dispjaċuti"),

- jinkludi xi dispożizzjonijiet bil-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali u l-koordinazzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom.

Dan it-"tibdil" ta’ l-Azzjoni Komuni dwar il-perteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali f’Deċiżjoni-Qafas se jagħti lok ukoll għal użu ta’ ċertu tixbiħ meħtieġ fil-ġlieda kontra l-gruppi kriminali, kemm jekk ikunu organizzazzjonijiet terroristiċi jew tal-kriminalità organizzata.

Barra minn hekk, it-test il-ġdid jikkunsidra l-parametri li mill-1998 ’l hawn inbidlu :

- It-Trattat ta’ Amsterdam li sar wara dak ta’ Maastricht, nieda strumenti ġodda aktar effiċjenti milli "l-Azzjoni Komuni"; id-Deċiżjoni-Qafas hi l-mezz xieraq sabiex isir tqarrib tal-liġijiet penali fi ħdan l-Unjoni f’dan il-qasam.

- Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, magħrufa bħala l-"Konvenzjoni ta’ Palermo"[4] kontra l-kriminalità organizzata trnasnazzjonali toffri qafas internazzjonali li jispjega l-akkużi marbuta mal-parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat. Din il-Konvenzjoni ġiet approvata mill-Komunità Ewropea fil-21 ta’ Mejju 2004.

- Id-Deċiżjoni ta’ Qafas 2002/475/JAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[5] hi element ta’ referenza li għandu jitqies. Dan it-test jiddefinixxi b’mod partikolari “il-grupp terroristiku” b’ispirazzjoni mid-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni kriminali” li tinsab fl-Azzjoni Komuni 98/733/JAI, iżda hi strument aktar komplut[6].

Artikolu 1 (definizzjonijiet)

L-ewwel inċiż ta’ l-ewwel Artikolu jieħu parti mid-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni kriminali” li tidher fl-Artikolu 1(1) ta’ l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI.

Din hi assoċjazzjoni strutturata, b’aktar minn żewġ persuni, li ilha stabbilita , u li tieħu azzjoni b’mod premedidat bil-għan li twettaq reati li jeħlu b’piena ta’ ħabs jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-anqas erba’ snin, jew piena aktar ħarxa.

Bħalma hu speċifikat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, l-għan ta’ l-organizzazzjoni hu t-teħid ta’ vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor. Il-ħsieb li akkuża ta’ parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat timplika li l-għan imfittex hu dak ta’ twettiq ta’ “reat gravi” hu miżmum. Il-kriterju meqjus, bħal fl-Azzjoni Komuni, hu dak ta’ reat li jeħel b’piena ta’ ħabs ta’ mill-anqas erba’ snin, jew b’piena aktar ħarxa.

Dan il-metodu hu preferut minn dak li kien se jwassal għal lista tar-reati kkonċernati. Il-perijodu minimu ta’ erba’ snin ħabs jaqbel ukoll ma’ dak użat min-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali. Bl-istess mod, l-għan ta’ l-organizzazzjoni li tieħu vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor jaqbel mal-kriterji użati mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Unit.

Skond l-Artikolu 2 b) ta’ din il-konvenzjoni, “l-espressjoni “reat gravi” tfisser att li jeħel b’piena ta’ ħabs ta’ mill-anqas erba’ snin, jew b’piena aktar ħarxa”.

Barra minn hekk, l-adozzjoni mill-ġdid tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel Artikolu ta’ l-Azzjoni Komuni, li hu maħsub għar-reati li għalihom l-Ewropol hi kompetenti, ma dehritx utli f’din id-Deċiżjoni-Qafas, peress li l-perjodu minimu ta’ piena ta’ ħabs imposta hi applikabbli wkoll għalihom. Iż-żamma ta’ dan il-perijodu minimu tidher meħtieġa. It-tneħħija ta’ din il-kondizzjoni sabiex jinżammu r-reati msemmija fil-Konvenzjoni Ewropol tkabbar il-kunċett ta’ organizzazzjoni kriminali b’tali mod li tirriskja li ttaffi l-piż tal-kunċett. Fil-fatt il-kunċett ta’ organizzazzjoni kriminali għandha tibqa’ marbuta mal-kunċett ta’ akkuża gravi. Dan jaqbel bis-sħiħ mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali.

Madankollu, it-test jerġa’ juża d-definizzjoni ta’ l-assoċjazzjoni strutturata li hi inkluża fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI. It-terminu “assoċjazzjoni strutturata” jindika assoċjazzjoni li ma tinħoloqx b’kumbinazzjoni biex jitwettaq reat immedjat.

Artikolu 2 (reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali)

L-Artikolu 2 jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jqisu bħala reat id-diversi tipi ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.

Hu jqis bħala reat diversi tipi ta’ parteċipazzjoni li ma kienux ġew stipulati b’mod ċar fl-Azzjoni Komuni 98/733/JAI iżda li, taħt formola identika jew simili, fil-punti ewlenin, jidhru fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali.

B’hekk, kull Stat Membru jrid jieħu l-miżuri meħtieġa biex it-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali titqies bħala reat. Barra minn hekk, kull Stat Membru se jkollu jqis bħala reat l-imġieba ta’ kull persuna li, b’intenzjoni u b’għarfien kemm ta’ l-għan u ta’ l-attività kriminali ġenerali ta’ l-organizzazzjoni, kif ukoll ta’ l-intenzjoni ta’ l-organizzazzjoni li twettaq ir-reati msemmija, tieħu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni, skond l-Artikolu 1, anke jekk din il-persuna ma tieħux sehem fit-twettiq effettiv tar-reati kkonċernati u anke jekk dawn ir-reati ma jitwettqux, jew f’attivitajiet oħra ta’ l-organizzazzjoni, inkluż l-għotja ta’ tagħrif jew mezzi materjali, billi jimpjegaw parteċipanti ġodda kif ukoll kull tip ta’ finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet, bl-għarfien li din il-parteċipazzjoni se tikkontribwixxu għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kriminali ta’ din l-organizzazzjoni.

Artikolu 3 ( pieni)

L-Artikolu 3 huwa dwar il-pieni. Hu maħsub biex isir tqarrib tal-liġijiet penali fi ħdan l-Unjoni.

Kontra dak li kienet tagħmel l-Azzjoni Komuni, li kienet titlob li l-Istati Membri jistipulaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, jaqbel li wieħed imur lil hinn u jistipula l-perjodi minimi ta’ piena ta’ ħabs imposta skond il-gradi differenti ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.

Il-paragrafu 1 jistipula l-piena minima imposta għar-reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali konformi għall-metodu ta’ ”minimu sa massimu” użat s’issa fid-deċiżjonijiet ta’ qafas: Għat-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali, il-piena ta’ ħabs m’għandiex tkun inqas minn 10 snin. Għal reati oħra, il-piena ta’ ħabs m’għandiex tkun inqas minn 5 snin.

Il-paragrafu 2 jistipula ż-żieda tal-piena imposta għal diversi reati mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali.

Dan il-paragrafu jsemmi l-atti ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali li fihom infushom jikkonsistu fit-twettiq tar-reati u mhux l-atti l-oħra li jistgħu jkunu ta’ diversi tipi : ħolqien, tmexxija, reklutaġġ, għajnuna materjali jew finanzjarja. L-għan tiegħu hu li jistipula l-eħrex pieni għar-reati gravi jekk dawn jitwettqu fil-qafas ta’ assoċjazzjoni strutturata li taġixxi flimkien. Hu jisħaq fuq il-periklu partikolari ta’ twettiq ta’ reat f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Hu stipulat ukoll li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ir-reati msemmija fl-Artikolu 1, peress li dawn huma marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, jeħlu pieni ta’ ħabs aktar ħorox minn dawk stipulati mil-liġi nazzjonali għal dawn it-tipi ta’ reati meta jkunu twettqu fi ħdan organizzazzjoni kriminali, ħlief fil-każ fejn il-pieni stipulati jkunu dawk massimi possibli fil-qafas tal-liġi nazzjoni (il-Paragrafu 1).

Din hi tip ta’ ċirkostanza aggravanti li tqis, fir-ripressjoni tat-twettiq ta’ reati gravi, il-periklu partikolari ta’ l-individwi li jieħdu azzjoni fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, kemm jekk din tkun assoċjazzjoni ta’ tip “mafjuż” kif ukoll ta’ grupp organizzat.

Dan il-metodu ta’ aggravament tal-piena mogħtija ġie meqjus ukoll fid-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda għall-każ tat-terroriżmu, il-piena hi miżjuda b’lista ta’ reati, filwaqt li għall-każ ta’ qabel, iċ-ċirkostanza aggravanti tapplika għar-reatii kollha peress li l-perjodu minimu ta’ ħabs impost hu ta’ erba’ snin.

Artikolu 4 (ċirkostanzi partikolari)

L-Artikolu 4li jikkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kollaboraturi tal-ġustizzja fil-qafas tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, isemmi ċ-ċirkostanzi ta’ tnaqqis meta l-awtur tar-reati jċħad l-attivitajiet kriminali tiegħu u jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji b’tagħrif li jgħinhom, , iwaqqfu fil-ħin l-effetti tar-reat, b’mod li r-reat, li hu kien jaf li kien ippjanat, jista’ jitwaqqaf; jekk jgħinhom jidentifikaw jew jarrestaw awturi oħra ta’ reati, fis-sejbien ta’ provi ta’ reati jew fil-prevenzjoni ta’ twettiq ta’ reati oħra.

Dan it-test isemmi t-termini ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI. Dan l-Artikolu jimplimenta miżuri maħsuba biex isaħħu l-kooperazzjoni mas-servizzi ta’ sejbien u ripressjoni hekk kif stipulati fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata.

Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni Nru 25 ta’ l-istrateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-millenju l-ġdid dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Kriminalità organizzata (2000/C 124/01) tistipula tħejjija ta’ strument relatat mal-persuni li jieħdu sehem jew li jkunu ħadu sehem f‘organizzazzjonijiet kriminali u li jkunu lesti jikkooperaw mal-ġustizzja billi jipprovdu tagħrif utli għall-fini ta’ l-istħarriġ u tas-sejbien tal-provi jew tagħrif li kapaċi jgħin fit-tneħħija tar-riżorsi kriminali jew il-prodotti tar-reati mill-organizzazzjonijiet kriminali. Din il-proposta għandha tistipula b’mod partikolari, jekk dan hu maħsub, it-tnaqqis tal-piena mogħtija lil persuna akkużata meta din tikkoopera sew fil-qafas ta’ l-affarijiet ta’ din ix-xorta…”

Artikolu 5 (responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi)

Skond l-istrateġija ta’ diversi mezzi legalii adottati fuq livell ta’ l-UE għall-ġlieda kontra d-diversi tipi ta’ kriminalità, jeħtieġ li jissemma l-każ fejn persuni ġuridiċi huma involuti fil-kriminalità organizzata. F’dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni Nru 9 ta’ l-istrateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-millenju l-ġdid dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Kriminalità organizzata (2000/C 124/01) tħabbar li l-Kummissjoni hi mitluba tħejji proposta maħsuba biex toħloq strument dwar l-istipular ta’ responsabbiltà penali, ċivili jew amministrattiva tal-persuni ġuridiċi li huma involuti f’fatti marbuta mal-kriminalità organizzata.

Għalhekk l-Artikolu 5 jinkludi d-dispożizzjonijiet li jippermettu li persuna ġuridika tinżamm responsabbli ta’ reati jew imġieba msemmija fl-Artikolu 2, ir-reati jitwettqu jew l-imġieba ssir f’isimhom minn kull persuna oħra, kemm jekk din taġixxi b’mod individwali, kif ukoll bħala membru ta’ organizzazzjoni tal-persuna ġuridika ikkonċernata, fejn din ikollha rwol ta’ tmexxija (fil-fatt jew fid-dritt)fi ħdanha. Il-kelma “responsabilità” għandha tkun interpretata b’mod li tkopri kemm ir-responsabbilià penali kif ukoll dik ċivili.

Barra minn hekk, skond prattika normali, il-paragrafu 2 jistipula li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli jekk in-nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll minn naħa tal-persuna responsabbli mill-kontroll ikun ta lok għat-twettiq ta’ reati f’isem il-persuna ġuridika. Il-paragrafu 3 jindika li proċedura mibdija kontra persuna ġuridika ma teskludix il-bidu ta’ proċedura parallela kontra persuna fiżika.

Dan l-Artikolu isemmi t-termini ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI u mhux dawk ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI biex tiġi stipulata s-sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi fit-test l-aktar riċenti, u biex issir ħidma parallela mat-test relatat mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Artikolu 6 (pieni fil-konfront ta’ persuni ġuridiċi)

Għandhom jiġu stipulati pieni fil-konfront ta’ persuni ġuridiċi ddikjarati responsabbli tar-reati jew imġieba msemmija fl-Artikolu 2. Dawn il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi u għandhom jikkonsistu f’minimu ta’ pieni kriminali jew non-kriminali.

Pieni oħra li s-soltu jistgħu jingħataw lill-persuni ġuridiċi jissemmew ukoll.

Dan l-Artikolu jsemmi t-terimini ta’ l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI u mhux dawk ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI, għall-istess raġunijiet bħal fl-Artikolu ta’ qabel.

Artikolu 7 (koordinazzjoni ta’ proċeduri)

Dan hu Artikolu ġdid meta mqabbel ma’ l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI. Dan l-Artikolu jsemmi xi prinċipji msemmija fid-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI.

Għalkemm ma jsolvix il-kwistjonijiet marbuta mal-kompetenza, madankollu t-test jistipula regola minima li tgħid li kull Stat Membru għandu jieħu ħsieb li l-kompetenza tiegħu tkopri mill-inqas il-każi li fihom reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikun twettaq bis-sħiħ jew parzjalment fit-territorju tiegħu, ikun xi jkun il-post fejn l-organizzazzjoni kriminali tkun imsejsa jew twettaq l-attivitajiet kriminali tagħha.

Jekk diversi Stati Membri jkunu kompetenti, huma għandhom jikkooperaw u jikkonsultaw wieħed lill-ieħor bil-għan li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom u biex jiddeċiedu liema Stat Membru se jieħu passi legali kontra l-awturi tar-reat. Għalhekk, huma għandhom jużaw, fejn meħtieġ u skond il-każ, is-servizz ta’ l-Eurojust.

L-elementi ta’ konnessjoni li ġejjin huma meqjusa b’ordni:

- l-Istat Membru fejn il-fatti jkunu twettqu;

- l-Istat Membru li l-awtur hu ċittadin jew resident tiegħu;

- l-Istat Membru minn fejn ikunu joriġinaw il-vittmi ;

- l-Istat Membru fejn l-awtur ikun instab.

Artikolu 8 (ħarsien u għajnuna lill-vittmi)

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza partikolari lill-ħarsien u l-għajnuna lill-vittmi. Il-Kunsill adotta Deċiżjoni-Qafas, fil-15 ta’ Marzu 2001, dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-qafas tal-proċeduri penali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħejjiet “ Green Paper ” dwar il-kumpens lill-vittmi tar-reati.

Fil-qasam tal-kriminalità organizzata u b’mod partikolari f’dak tat-traffikar tal-persuni, jeħtieġ li jiġi assigurat li l-vittma li tressaq ilment jew tagħmel dikjarazzjoni ma tiġix ipproċessata. F’ħafna każi, il-vittmi jibżgħu minn azzjonijiet ta’ tpattija fuqhom jew fuq il-familji tagħhom min-naħa ta’ organizzazzjonijiet mafjużi.

Dan l-Artikolu jidħol fis-sens ta’ l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, rigward l-għoti ta’ għajnuna u ħarsien lill-vittmi, kif ukoll l-Artikoli 6 sa 8 tal-Protokoll addizzjonali dwar it-traffikar ta’ persuni, b’mod partikolari ta’ nisa u tfal, li jipprovdu għall-ħarsien tal-vittmi.

Il-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ reati mwettqa minn organizzazzjonijiet (per eżempju: theddid, rikatti, trafikkar tal-persuni) huma vulnerabbli ħafna. Għaldaqstant, kull Stat Membru għandu jagħmel l-almu tiegħu biex l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri ma jiddependux minn akkuża min-naħa tal-persuna li kienet vittma tar-reat.

Dan l-Artikolu jadotta t-test ta’ l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI.

Artikolu 9 (Revoka tad-dispożizzjonijiet eżistenti)

Dan l-Artikolu jirrevoka l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI li hi sosstitwitab’din id-Deċiżjoni-Qafas u li minnha tieħu ħafna tajjeb bħal fir-referenza għal din l-Azzjoni Komuni li saret fl-atti adottati fuq il-bażi tat-Trattati ta’ l-Unjoni u tal-KE. Il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni-Qafas tieħu post ir-referenzi għall-perteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fis-sens ta’ l-Azzjoni Komuni fl-atti adottati bl-applikazzjoni tat-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 10 (twettiq u rapporti)

L-Artikolu 10 jikkonċerna l-applikazzjoni u s-segwitu ta’ din id-Deċiżjoni-Qafas. L-ewwel paragrafu jistipula d-data li fiha l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni-Qafas.

It-tieni paragrafu jistipula li l-Istati Membri jgħarrfu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, fl-istess żmien stipulat, it-test tad-dispożizzjonijiet li jinkludu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-obbligi imposti lilhom minn din id-Deċiżjoni-Qafas. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-twettiq tad-Deċiżjoni-Qafas. Fl-aħħar, il-Kunsill jivverifika jekk l-Istati Membri jkunux ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 11 (dħul fis-seħħ)

2005/0003 (CNS)

Proposta ta’

DEĊIŻJONI-QAFAS TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1)(e), u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[7],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[8],

Billi:

(1) L-għan tal-programm ta’ The Hague huwa t-titjib tal-kapaċitajiet komuni ta’ l-unjoni u ta’ l-Istati Membri tagħha sabiex, b’mod partikolari, jiġġileda kontra l-kriminalità organizzata minn fruntiera għall-oħra. Dan il-għan għandu jintlaħaq b’mod partikolari bis-saħħa tat-tqarrib tal-leġiżlazzjonijiet[9]. Il-periklu u l-iżvilupp ta’ l-organizzazzjonijiet kriminali jeħtieġu risposta effiċjenti għall-istennija taċ-ċittadini u għall-ħtiġijiet ta’ l-Istati Membri permezz ta’ tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-punt 14 tal-konlużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 juru liċ-ċittadini ta’ l-Ewropa jistennew li l-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiggarantixxi r-rispett tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, tadotta strateġija komuni aktar effettiva għall-problemi minn fruntiera għall-oħra bħal ma hija dik tal-kriminalità organizzata.

(2) Fil-Komunikazzjoni tad-29 ta’ Marzu 2004 dwar ċerti azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tipi oħra gravi ta’ kriminalità[10], il-Kummissjoni qieset li l-istrument ta’ ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandu jissaħħaħ u wriet li se tħejji Deċiżjoni-Qafas bil-għan li tieħu post l-Azzjoni Komuni 98/733/JAI tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar l-akkużi tal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea[11].

(3) Skond il-punt 3.3.2 tal-programm ta’ The Hague, it-tqarrib tad-dritt penali materjali jikkonċerna l-oqsma marbuta mal-kriminalità partikolarment gravi li għandhom dimensjoni li tmur lil hinn mill-fruntieri u jeħtieġ li tingħata l-prijorità lill-oqsma tal-kriminalità li huma msemmija speċifikament fit-Trattati. Id-definizzjoni tar-reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali għandha għalhekk tiġi armonizzata fl-Istati Membri kollha. Min-naħa l-oħra, pieni u sanzjonijiet relatati mal-gravità ta’ dawn ir-reati għandhom ikunu maħsuba kontra l-persuni fiżiċi u morali li jkunu wettqu tali reati jew li jkunu responsabbli għalihom.

(4) Jaqbel li tiġi stipulata akkuża speċifika għat-“tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali” u li jiġu inklużi dispożizzjonijiet sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali u l-koordinazzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom permezz ta’ l-Eurojust.

(5) Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni-Qafas 2001/221/JAI tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-qafas tal-proċeduri penali[12]. Peress li l-vittmi ta’ reati mwettqa fil-qafas ta’ l-organizzazzjonijiet kriminali huma partikolarment vulnerabbli, miżuri speċifiċi fir-rigward tagħhom għandhom jiġu adottati.

(6) L-Unjoni għandha tlesti x-xogħol importanti mwettaq mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti msejħa “Konvenzjoni ta’ Palermo”[13] li kienet approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/579/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-għeluq, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali[14].

(7) Peress li l-għanijiet ta’ l-azzjoni msemmija ma jistgħux jitwettqu kif mixtieq mill-Istati Membri, u jistgħu jitwettqu aħjar fuq livell ta’ l-Unjoni, din tista’ tieħu l-miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif imsemmi fl-istess Artikolu, din id-Deċiżjoni-Qafas ma taqbiżx dak li hu meħtieġ sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu.

(8) Din id-Deċiżjoni-Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji magħrufa mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 49.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ din id-Deċiżjoni-Qafas, “organizzazzjoni kriminali” tfisser assoċjazzjoni strutturata, b’aktar minn żewġ persuni, li ilha stabbilita, u li tieħu azzjoni b’mod kompatt sabiex twettaq reati li jeħlu piena ta’ ħabs jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-anqas erba’ snin, jew pieni aktar ħorox, biex tieħu, direttament jew indirettament, vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjal ieħor.

It-terminu “assoċjazzjoni strutturata” ifisser assoċjazzjoni li mhix magħmula kif ġie ġie biex jitwettaq reat immedjatament u li mhux bil-fors għandha rwoli definiti formalment għall-membri tagħha, tkomplija fil-kompożizzjoni jew struttura elaborata tagħha”.

Artikolu 2

Reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali

Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex dawn li ġejjin jitqiesu bħala reati :

it-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali

l-imġiba ta’ kull persuna li, b’intenzjoni u b’għarfien kemm ta’ l-għan u ta’ l-attività kriminali ġenerali ta’ l-organizzazzjoni, kif ukoll ta’ l-intenzjoni ta’ l-organizzazzjoni li twettaq ir-reati msemmija, tieħu sehem attiv: fl-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni, kif ukoll jekk jagħti xi tagħrif jew mezzi materjali, fir-reklutaġġ ta’ parteċipanti ġodda kif ukoll kull forma ta’ finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet, bl-għarfien li dan is-sehem se jwassal għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kriminali ta’ din l-organizzazzjoni.

Artikolu 3

Pieni

1. Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2a) jeħel piena ta’ ħabs ta’ mhux anqas minn 10 snin u li r-reati msemmija fl-Artikolu 2b) u c) jitpattew b’piena ta’ ħabs ta’ mhux inqas minn 5 snin.

2. Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ir-reati msemmija fl-Artikolu 1, imwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, jiġu kkastigati b’pieni ta’ ħabs aktar ħarxa minn dawk stipulati mil-liġi nazzjonali għal reati bħal dawn, ħlief fil-każ fejn il-pieni stipulati huma diġà dawk massimi possibbli fil-qafas tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 4

Ċirkostanzi partikolari

Kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex il-pieni msemmija fl-Artikolu 3 jistgħu jitnaqqsu jekk l-awtur tar-reat:

jiċħad l-attivitajiet kriminali tiegħu u

jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi u legali b’xi tagħrif, li huma ma setgħux jiksbu b’mod ieħor, li jgħinuhom biex:

jipprevjenu jew jillimitaw l-effetti tar-reat;

jidentifikaw jew iressqu quddiem il-qorti l-awturi l-oħra tar-reat;

isibu xi provi

jieħdu riżorsi illegali jew profitti miġbura minn attivitajiet kriminali mingħand xi organizzazzjonijiet kriminali

iwaqqfu milli xi reati oħra fost dawk imsemmija fl-Artikolu 2 jitwettqu.

Artikolu 5

Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

1. Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex il-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 2, jekk dawn jitwettqu f”isimhom minn kull persuna li tieħu azzjoni kemm b’mod individwali, kif ukoll bħala membru ta’ l-organizzazzjoni tal-persuna ġuridika involuta, li jkollha saħħa ta’ tmexxija fi ħdanha, fuq waħda mill-bażijiet li ġejjin:

awtorità ta’ rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika;

awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika;

awtorità li tikkontrolla lill-persuna ġuridika.

2. Minbarra għall-każi stipulati fl-ewwel paragrafu, kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex il-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli jekk in-nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll minn naħa tal-persuna imsemmija fl-ewwel paragrafu jkun ta lok għat-twettiq ta’ waħda mir-reati msemmija fl-Artikolu 2, f’isem din il-persuna ġuridika, minn persuna suġġetta għall-awtorità tagħha.

3. Ir-responsabbilià tal-persuni ġuridiċi skond il-paragrafi (1) u (2) ma teskludix proċeduri penali kontra l-persuni fiżiċi li huma awturi, jew kompliċi, ta’ wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 6

Pieni għall-persuni ġuridiċi

Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex kull persuna ġuridika ddikajarata responsabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tingħata pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinkludu multi kriminali jew li mhumiex kriminali u eventwalment, sanzjonijiet oħra, b’mod partikolari :

miżuri ta’ esklużjoni tal-benefiċċji ta’ vantaġġ jew għajnuna pubblika;

ma jingħatax permess temporanju jew definittiv li titwettaq attività kummerċjali;

sorveljanza legali;

ordni għal stralċ mill-qorti;

għeluq temporanju jew definittiv ta’ stabbilimenti li jkunu servew għat-twettiq tar-reat.

Artikolu 7

Kompetenza u koordinazzjoni tal-proċeduri

Kull Stat Membru għandu jieħu ħsieb li l-kompetenza tiegħu tkopri mill-inqas il-każijiet li fihom reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikun twettaq, jew kollu jew parti minnu, fit-territorju tiegħu, ikun xi jkun il-post fejn l-organizzazzjoni kriminali tkun ibbażata jew twettaq l-attivitajiet kriminali tagħha.

Jekk diversi Stati Membri jkunu kompetenti għal reat imsemmi fl-Artikolu 2, u jekk kwalunkwe wieħed minn dawn l-Istati, ikun jista’ jniedi proċeduri imsejsa fuq l-istess fatti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jiddeċiedu liema Stat Membru sejjer jieħu passi legali kontra l-awturi tar-reat, bil-għan, jekk dan ikun possibbli, li l-proċeduri jiġu ċentralizzati fi Stat Membru wieħed. Għalhekk, skond il-każ, huma għandhom jużaw is-servizz ta’ l-Eurojust.

L-elementi ta’ konnessjoni li ġejjin huma meqjusa b’ordni:

l-Istat Membru fejn il-fatti jkunu twettqu;

l-Istat Membru li l-awtur hu ċittadin jew resident tiegħu;

l-Istat Membru minn fejn ikunu joriġinaw il-vittmi

l-Istat Membru fejn l-awtur ikun instab.

Artikolu 8

Ħarsien u għajnuna mogħtija lill-vittmi

4. L-Istati Membri jiżguraw li l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri rigward ir-reati msemmija f’din id-Deċiżjoni-Qafas ma jiddependux mid-dikjarazzjoni jew l-akkuża mressqa mill-vittma tar-reat, għall-anqas jekk ir-reati kunu twettqu fuq it-territorju ta’ l-IStat Membru.

5. Minbarra l-miżuri stipulati mid-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2001/220/JAI tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-qafas tal-proċeduri penali[15], kull Stat Membru jieħu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri kollha possibbli biex jiggarantixxi għajnuna xierqa lill-familja tal-vittma fil-qafas tal-proċedura penali.

Artikolu 9

Revoka tad-dispożizzjonijiet eżistenti

L-Azzjoni Komuni 98/733/JAI hi rrevokata. Il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni-Qafas tieħu post il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fis-sens ta’ l-Azzjoni Komuni msemmija qabel fl-atti adottati bl-applikazzjoni tat-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 10

Twettiq u rapporti

6. L-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni-Qafas mhux aktar tard minn (…).

7. L-Istati Membri jgħarfu, mhux aktar tard minn (...), lis-segretarjat ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, it-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-obbligi imposti lilhom minn din id-Deċiżjoni-Qafas. Fuq il-bażi ta’ rapport stipulat minn dan it-tagħrif u minn rapport miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsilljivverifika, sa (…) l-aktar tard jekk l-Istati Membri jkunux ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni-Qafas.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni-Qafas tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussell, fil-

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Madankollu hu diffiċli biex il-kriminalità organizzata tiġi meqjusa b’mod preċiż peress li l-Istati Membri ma jippubblikawx b’mod sistematiku ċ-ċifri fuq il-bażi ta’ definizzjoni komuni.

[2] ĠU L 251 tad-29.12.1998, p.1. Dan it-test jiddefinixxi l-organizzazzjoni kriminali bħala « assoċjazzjoni strutturata, b’aktar minn żewġ persuni, li ilha stabbilita, u li tieħu azzjoni b’mod kompatt bil-għan li twettaq delitt li jeħel piena ta’ ħabs jew miżura ta’ sigurtà mingħajr libertà ta’ mill-anqas erba’ snin, jew pieni aktar ħorox, li dawn ir-reati huma tali jew inkella jsiru biex jinkisbu vantaġġi patrimonjali, u, jekk ikun il-każ, jinfluwenzaw il-funzjonament ta’ l-awtoritajiet pubbliċi ».

[3] KOM(2004) 221.

[4] Din hi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali li ġiet adottata mir-Riżoluzzjoni A/RES/55/25 tal-15 ta’ Novembru 2000 fl-okkażjoni tal-55 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Peress li l-erbgħin strument ta’ ratifika tressaq quddiem is-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1 ta’ Lulju 2003, hi daħlet fis-seħħ bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu fid-29 ta’ Settembru 2003.

[5] ĠU L 164 du 26.6.2002, p. 3.

[6] Skond d-Deċiżjoni-Qafas 2002/475/JAI, it-tmexxija ta’ grupp terroristiku hi delitt, id-diversi tipi ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku (kemm jekk dan ikun jikkonsisti f’għoti ta’ tagħrif jew mezzi materjali jew inkella kull tip ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet ta’ grupp terroristiku) huma ksur tal-liġi; hi tipprevedi t-tħeġġiġ, il-kompliċità, u fil-maġġoranza tal-każi t-tentattiv ta’ dawn ir-reati. Peress li l-pieni huma involuti, hi tniedi l-prinċipju ta’ "ċirkostanza aggravanti" billi tipprevedi li "ir-reati terroristiċi" u xi reati marbuta mat-terroriżmu għandhom jeħlu pieni ta’ ħabs aktar ħorox minn dawk stipulati mill-liġi nazzjonali meta dawn jitwettqu barra mill-kuntest terroristiku; hi tistipula l-limitu minimu ta’ pieni ta’ ħabs massimi imposti sa 15-il sena għat-tmexxija ta’ grupp terroristiku u għal 8 snin għas-sehem fi grupp terroristiku, hi tagħti lista ta’ numru ta’ pieni li jistgħu jingħataw lill-persuni ġuridiċi (b’mod partikolari il-miżuri ta’ esklużjoni tal-benefiċċji ta’ vantaġġ jew għajnuna pubblika, ma jingħatax permess li titwettaq attività kummerċjali, is-sorveljanza ġudizzjarja, id-dissoluzzjoni u l-għeluq ta’ l-istabbiliment), hi tistipula sistema ta’ "dispjaċuti" billi tintegra ċirkostanzi partikolari li jippermettu lill-Istati Membri biex inaqqsu l-pieni tal-ħabs jekk terrorista jiċħad l-attivitajiet tiegħu u jagħti xi tagħrif lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji. Fl-aħħar, dan it-test jistipula regoli ta’ kompetenza u jipprevedi xi dispożizzjonijiet biex jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u ċ-ċentralizzazzjoni tal-prosekuzzjoni.

[7] ĠU C [] ta’ [], p. [].

[8] ĠU C [] ta’ [], p. [].

[9] Anness 1 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 (Introduzzjoni paragrafu 6).

[10] KOM(2004) 221.

[11] ĠU L 351 tad-29.12.1998, p. 1.

[12] ĠU L 82 tat-22.3.2001, p. 1.

[13] Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali ġiet adottata mir-Riżoluzzjoni A/RES/55/25 tal-15 ta’ Novembru 2000 fl-okkażjoni tal-55 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Peress li l-erbgħin strument ta’ ratifika tressaq quddiem is-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1 ta’ Lulju 2003, hi daħlet fis-seħħ bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu fid-29 ta’ Settembru 2003.

[14] ĠU L 261 tas-6.8.2004, p. 69.

[15] ĠU L 82 tat-22.3.2001, p. 1.

Top