EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42000A0922(03)

Ftehim dwar l-isħubija tar-Repubblika Taljana għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990

ĠU L 239, 22.9.2000, p. 63–68 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/922(2)/oj

42000A0922(03)



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0063 - 0068


Ftehim dwar l-isħubija tar-Repubblika Taljana

għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990

IR-RENJU TAL-BELĠJU, IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU u R-RENJU TA' l-OLANDA, Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, minnhawni ‘l quddiem imsejjħa "il-Konvenzjoni ta' l-1990," kif ukoll ir-Repubblika Taljana, li ssieħbet fil-Konvenzjoni ta' l-1990 bi Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, minn naħa waħda,

u r-REPUBBLIKA TALJANA, minn naħa l-oħra,

Wara li kkunsidraw l-iffirmar li sar f'Bonn f'dan il-ħames u għoxrin jum ta' Ġunju fis-sena elf disa' mija wieħed u disgħin tal-Protokoll dwar l-Isħubija tal-Gvern tar-Repubblika Taljana fil-Ftehim Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom,

Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 140 tal-Konvenzjoni ta' l -1990,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Taljana qiegħda tissieħeb mal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Artikolu 2

1. L-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 40(4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Repubblika Taljana għandhom ikunu: uffiċjali tal-pulizija kriminali tal-Polizia di Stato u ta' l-Arma dei Carabinieri, u, fir-rigward tal-poteri tagħhom fir-rigward ta' l-iffalsifikar ta' flus, l-ittraffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar f'armi u splussivi, u t-trasportazzjoni illeċita ta' skart tossiku u perikoluż, uffiċjali tal-pulizija kriminali tal-Guardia di Finanza, kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fi ftehim bilaterali xierqa msemmija fl-Artikolu 40(6) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tal-poteri li jirrigwardaw l-ittraffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u fi splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż.

2. L-awtorità msemmija fl-Artikolu 40(5) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Repubblika Taljana għandha tkun id-Direzione Centrale della Polizia Criminale fil-Ministeru ta' l-Intern.

Artikolu 3

1. L-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 41(7) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Repubblika Taljana għandhom ikunu: uffiċjali tal-pulizija kriminali tal-Polizia di Stato u ta' l-Arma dei Carabinieri, u, fir-rigward tal-poteri tagħhom fir-rigward ta' l-iffalsifikar ta' flus, l-ittraffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotrpoiċi, traffikar f'armi u splussivi, u t-trasportazzjoni illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż, uffiċjali tal-pulizija kriminali tal-Guardia di Finanza, kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fi ftehim bilaterali xierqa msemmija fl-Artikolu 41(10) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tal-poteri li jirrigwardaw l-ittraffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u fi splussivi, u t-trasportazzjoni illeċita ta' skart tossiku u perikoluż.

2. Fil-ħin ta' l-iffirmar ta' dan il-ftehim, il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Repubblika Taljana għandhom jagħmlu dikjarazzjoni li tiddefinixxi, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 41(2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, il-proċeduri ta' kif għandu jsir ġiri wara xi ħadd fit-territorji tagħhom.

Artikolu 4

Il-Ministeru kompetenti msemmi fl-Artikolu 65(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Repubblika Taljana għandu jkun il-Ministeru tal-Ġustizzja:

Artikolu 5

1. Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifikazzjoni, aċċettanza jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depositati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar dan.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-aħħar strument ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, u l-iktar kmieni fil-jum ta' meta il-Konvenzjoni ta' l-1990 tidħol fis-seħħ.

3. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jinnotifika lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 6

1. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jittrasmetti lill-Gvern tar-Repubblika Taljana kopja ċertifikata tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fil-lingwa Olandiża, Franċiża u Ġermaniża.

2. It-test tal-Konvenzjoni ta' l-1990 abbozzat fil-lingwa Taljana huwa anness ma' dan il-Ftehim u għandu jkun awtentiku taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi oriġinali tal-Konvenzjoni ta' l-1990 miktuba fil-lingwa Olandiża, Franċiża, u Ġermaniża.

Bħala xhieda ta' dan, is-sottoskritti li huma awtorizzati għal dan il-għan iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f'Pariġi f'dan is-seba' u għoxrin jum ta' Novembru fis-sena elf disa' mija u disgħin f'oriġinal wieħed bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, u Taljana, li minnhom il-ħames testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depożitat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jittrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Taljana

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ATT FINALI

I. Fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Isħubija tar-Repubblika Taljana għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, ir-Repubblka Taljana hija sottoskritta għall-Att Finali, għall-Minuti u għad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat li ġew iffirmati fl-istess ħin mal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Ir-Repubblika Taljana hija sottoskritta għad-Dikjarazzjonijiet konġunti u ħadet nota tad-Dikjarazzjonijiet Unilaterali li jinsabu fih.

Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jittrasmetti lill-Gvern tar-Repubblika Taljana kopja ċertifikata ta' l-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat, li ġew iffirmati fl-istess ħin meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta' l-1990, bil-lingwa Olandiża, Franċiża, u Ġermaniża.

It-testi ta' l-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat li ġew iffirmati fl-istess ħin ta' meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta' l-1990, magħmula bil-lingwa Taljana, huma annessi ma' dan l-Att Finali u għandhom ikunu awtentiċi taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi miktuba bil-lingwa Olandiża, Franċiża, u Ġermaniża.

II. Fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Isħubija tar-Repubblika Taljana għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, il-Partijiet Kontraenti adottaw id-Dikjarazzjonijiet li ġejjin:

1. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta' Sħubija

L-Istati Firmatarji għandhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Adeżjoni, jinfurmaw lil xulxin dwar iċ-ċirkostanzi kollha li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq l-oqsma li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta' l-1990 u fuq id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija.

Dan il-Ftehim ta' Sħubija m'għandux jiddaħħal fis-seħħ sakemm il-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew sodisfatti fl-Istati Firmatarji u l-kontrolli fuq il-fruntjieri esterni jkunu effettivi.

2. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990

Il-Partijiet Kontraenti jispeċifikaw li fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Isħubija tar-Repubblika Taljana fil-Konvenzjoni ta' l-1990, l-arranġamenti komuni tal-viża msemmija fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għandhom jittieħdu li jfissru l-arranġamenti komuni applikati mill-Partijiet Firmatarji tal-Konvenzjoni msemmija mid-19 ta' Ġunju 1990.

3. Dikjarazzjoni konġunta dwar ħarsien ta' informazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw li l-Gvern tar-Repubblika Taljana jimpenja ruħu li jieħu l-passi kollha meħtieġa qabel ir-ratifikazzjoni tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' l-1990, sabiex jassigura li l-leġislazzjoni Spanjola tiġi supplimentata b'mod konformi mal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali tat-28 ta' Jannar 1981 u b'mod konformi mar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 ta' l-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tirregola l-użu ta' informazzjoni personali fis-settur tal-pulizija, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni bis-sħiħ tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 117 u 126 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u d-disposizzjonijiet l-oħrajn ta' l-imsemmija Konvenzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' informazzjoni personali, bil-għan li jinkiseb livell ta' ħarsien li huwa kompatibbli mad-disposizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Magħmul f'Pariġi f'dan is-sebgħa u għoxrin jum ta' Novembru fis-sena elf disa' mija u disgħin f'oriġinal wieħed bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, u Taljana, li minnhom il-ħames testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depożitat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jittrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Taljana

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLI 2 U 3 TAL-FTEHIM DWAR L-ISĦUBIJA TAR-REPUBBLIKA TALJANA GĦALL-KONVENZJONI LI TIMPLIMENTA L-FTEHIM TA' SCHENGEN TA' L-14 TA' ĠUNJU 1985

Fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Isħubija tar-Repubblika Taljana għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, il-Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmi Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-poteri li l-Guardi di Finanza hija mogħtija mil-liġi Taljana u li teżerċita fuq territorju Taljan.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI TAL-MINISTRI U TAS-SEGRETARJI TA' L-ISTAT

Fis-sebgħa u għoxrin jum ta' Novembru fis-sena elf disa' mija u disgħin, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' l-Ispanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda iffirmaw f'Pariġi il-ftehim dwar l-isħubija tar-Repubblika Taljana għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntjieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990.

Huma nnutaw li r-rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika Taljana iddikjara l-appoġġ tiegħu għad-Dikjarazzjoni magħmula f'Schengen fis-19 ta' Ġunju 1990 mill-Ministri u mis-Segretarji ta' l-Istat li jirrappreżentaw il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda u għad-deċiżjoni ikkonfermata fl-istess data ma' l-iffirmar tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen.

--------------------------------------------------

Top