EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1781

Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/28/2023/INIT

ĠU L 229, 18.9.2023, p. 1–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1781/oj

18.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/1


REGOLAMENT (UE) 2023/1781 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Settembru 2023

dwar li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Is-semikondutturi huma ċentrali għal kwalunkwe apparat diġitali u għat-tranżizzjoni diġitali tal-Unjoni: mill-ismartphones u l-karozzi, sal-applikazzjonijiet u l-infrastrutturi kritiċi fl-oqsma tas-saħħa, tal-enerġija, tal-komunikazzjonijiet u tal-awtomatizzazzjoni u l-biċċa l-kbira tas-setturi industrijali l-oħrajn. Peress li s-semikondutturi huma ċentrali għall-ekonomija diġitali, huma faċilitaturi b’saħħithom għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni ekoloġika, u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’. Filwaqt li s-semikondutturi huma essenzjali għall-funzjonament tal-ekonomija tal-lum u s-soċjetà kif ukoll id-difiża u s-sigurtà, l-Unjoni rat tfixkil bla preċedent fil-provvista tagħhom, u l-konsegwenzi ta’ dan huma sinifikanti. It-tfixkil attwali kixef vulnerabbiltajiet fit-tul f’dan ir-rigward, b’mod partikolari dipendenza qawwija fuq pajjiżi terzi f’dak li jikkonċerna l-manifattura u d-disinn taċ-ċipep. L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għaż-żamma ta’ bażi industrijali, kompetittiva u sostenibbli b’saħħitha fl-Unjoni li tippromwovi l-innovazzjoni f’firxa sħiħa ta’ ċipep.

(2)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas għaż-żieda tar-reżiljenza tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, li jsaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni billi jnaqqas id-dipendenzi, isaħħaħ is-sovranità diġitali, jistimula l-investiment, isaħħaħ il-kapaċitajiet, is-sigurtà, l-adattabbiltà u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, u jżid il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-sħab strateġiċi internazzjonali.

(3)

Dan il-qafas għandu żewġ objettivi ġenerali. L-ewwel objettiv huwa li jiġu żgurati l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività u għall-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Unjoni, li jiġi żgurat l-aġġustament tal-industrija għal bidliet strutturali minħabba ċikli rapidi ta’ innovazzjoni u l-ħtieġa għal sostenibbiltà, u li tissaħħaħ l-ekosistema fl-Unjoni kollha tas-semikondutturi b’ġabra ta’ għarfien, għarfien espert, riżorsi u b’punti tajbin komuni. It-tieni objettiv, li huwa separat minn u li jikkumplimenta lill-ewwel wieħed, huwa li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-istabbiliment ta’ qafas legali uniformi tal-Unjoni għaż-żieda tar-reżiljenza fit-tul tal-Unjoni u l-kapaċità tagħha li tinnova u tipprovdi sigurtà tal-provvista fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi bil-ħsieb li tiżdied ir-robustezza sabiex tiġġieled kontra t-tfixkil.

(4)

Jeħtieġ jittieħdu miżuri biex tinbena l-kapaċità u tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jinvolvux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. F’dan ir-rigward, l-Unjoni jenħtieġ li ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-bażi teknoloġika u industrijali tas-semikondutturi, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekosistema tas-semikondutturi tagħha madwar l-Unjoni, tnaqqas id-dipendenza fuq għadd limitat ta’ kumpaniji u ta’ ġeografiji ta’ pajjiżi terzi, u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddisinja u tipproduċi, tinkapsula, tuża mill-ġdid u tirriċikla semikondutturi avvanzati. L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (l-“Inizjattiva”) stabbilita b’dan ir-Regolament jenħtieġ li tappoġġa dawk l-għanijiet billi tnaqqas id-distakk bejn il-kapaċitajiet avvanzati ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni u l-isfruttament industrijali sostenibbli tagħhom. L-Inizjattiva jenħtieġ li tippromwovi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex tippermetti l-integrazzjoni tad-disinn, tal-produzzjoni u tas-sistemi fit-teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss, u jenħtieġ li itejjeb il-kollaborazzjoni fost l-atturi ewlenin madwar l-Unjoni, isaħħaħ il-ktajjen tal-provvista u tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni, filwaqt li taqdi setturi industrijali ewlenin u toħloq swieq ġodda.

(5)

Minħabba l-ubikwità tas-semikondutturi, in-nuqqasijiet reċenti affettwaw b’mod negattiv direttament jew indirettament lin-negozji madwar l-Unjoni u wasslu għal riperkussjonijiet ekonomiċi qawwija. L-impatt ekonomiku u soċjali wassal għal sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku u tal-operaturi ekonomiċi u għal pressjoni fuq l-Istati Membri sabiex jindirizzaw id-dipendenzi strateġiċi fir-rigward tas-semikondutturi. Fl-istess ħin, is-settur tas-semikondutturi huwa kkaratterizzat minn interdipendenzi tul il-katina tal-valur, fejn l-ebda ġeografija unika ma tiddomina l-istadji kollha tal-katina tal-valur. Din in-natura transfruntiera hija enfasizzata aktar min-natura tal-prodotti tas-semikondutturi bħala faċilitaturi għall-industriji downstream. Filwaqt li l-manifattura tas-semikondutturi tista’ tkun ikkonċentrata f’xi reġjuni, l-industriji tal-utenti huma mifruxa madwar l-Unjoni. F’dan il-kuntest, is-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod permezz tal-liġi ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE. Huwa meħtieġ qafas regolatorju koerenti uniku li jarmonizza ċerti kondizzjonijiet għall-operaturi biex iwettqu proġetti speċifiċi li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu koordinat għall-monitoraġġ, l-immappjar strateġiku, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-rispons għalihom biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-provvista u jiġu pprevenuti l-ostakli għall-unità tas-suq intern, filwaqt li jiġu evitati differenzi fir-rispons fost l-Istati Membri.

(6)

It-tisħiħ tal-infrastruttura kritika u tas-sigurtà tal-Unjoni kif ukoll tat-tmexxija teknoloġika tagħha jirrikjedi kemm ċipep mill-aktar avvanzati u maturi, b’mod partikolari biex setturi strateġiċi jibqgħu validi fil-futur.

(7)

L-ilħuq ta’ dawk l-objettivi jenħtieġ li jkun appoġġat minn mekkaniżmu ta’ governanza. Fil-livell tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni, biex jiffaċilita implimentazzjoni bla xkiel, effettiva u armonizzata ta’ dan ir-Regolament, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jipprovdi pariri u jassisti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi, inkluż l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ ukoll li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kooperazzjoni internazzjonali relatata mas-semikondutturi. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jorganizza laqgħat separati għall-kompiti tiegħu skont il-kapitoli differenti ta’ dan ir-Regolament. Il-laqgħat differenti jistgħu jinkludu kompożizzjonijiet differenti tar-rappreżentanti ta’ livell għoli u l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi sottogruppi.

(8)

Minħabba n-natura globalizzata tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi, il-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi hija element importanti biex tinkiseb reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. L-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermettu wkoll lill-Unjoni jkollha rwol aktar b’saħħtu, bħala ċentru ta’ eċċellenza, f’ekosistema ta’ semikondutturi globali u interdipendenti li taħdem aħjar. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ dawk l-isforzi u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur globali tas-semikondutturi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, filwaqt li jqis, fejn rilevanti, il-fehmiet tal-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi u ta’ partijiet ikkonċernati oħra.

(9)

F’konformità mal-obbligi internazzjonali u r-rekwiżiti proċedurali applikabbli, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jidħlu f’djalogu, inkluż diplomatikament, ma’ sħab strateġiċi internazzjonali li għandhom vantaġġi fl-industrija tas-semikondutturi, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u biex jiġi indirizzat it-tfixkil futur fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi, bħal dawk li jirriżultaw minn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi, u biex tiġi identifikata d-disponibbiltà tal-materja prima u tal-prodotti intermedji. Dan jista’ jinvolvi, meta jkun xieraq, koordinazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti, il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment u ta’ kummerċ jew sforzi diplomatiċi oħra f’konformità mar-rekwiżiti proċedurali applikabbli jew djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

(10)

Sabiex tibni fuq l-impenn li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura sinerġiji mal-programmi eżistenti tal-Unjoni u jenħtieġ li tappoġġa u tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu inizjattivi li jikkontribwixxu għall-iskambju tal-għarfien akkademiku, mas-sħab strateġiċi internazzjonali.

(11)

Huwa objettiv ċar tal-Unjoni li tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju tal-għarfien abbażi tal-interessi tal-Unjoni, il-benefiċċji reċiproċi, l-impenji internazzjonali, u, sa fejn ikun possibbli, ir-reċiproċità. Madankollu, il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI), l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ sigrieti kummerċjali, jew il-kxif ta’ teknoloġiji emerġenti sensittivi fis-settur tas-semikondutturi jistgħu jikkompromettu l-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tesplora proposti konkreti biex issaħħaħ l-oqfsa tal-Unjoni dwar l-investiment u l-kontroll tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkooperaw mas-sħab strateġiċi biex tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika u industrijali konġunta f’konformità mar-rekwiżiti proċedurali applikabbli.

(12)

Is-settur tas-semikondutturi huwa kkaratterizzat minn spejjeż għoljin ħafna ta’ żvilupp u innovazzjoni u kostijiet għoljin ħafna għall-bini ta’ faċilitajiet għall-ittestjar u l-validazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex tiġi appoġġata l-produzzjoni industrijali. Dan għandu impatt dirett fuq il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll fuq is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda minn nuqqasijiet reċenti fl-Unjoni u madwar id-dinja u l-evoluzzjoni rapida tal-isfidi tat-teknoloġija u taċ-ċikli ta’ innovazzjoni li jaffettwaw il-katina tal-valur tas-semikondutturi, huwa meħtieġ li jissaħħu l-punti tajbin eżistenti tal-Unjoni, biex b’hekk jiżdiedu l-kompetittività, ir-reżiljenza u l-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni tagħha billi tiġi stabbilita l-Inizjattiva.

(13)

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sostenn ta’ bażi industrijali, kompetittiva, sostenibbli u innovattiva b’saħħitha tal-Unjoni. Madankollu, in-natura u l-iskala tal-isfidi tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi jeħtieġu azzjoni li trid tittieħed b’mod kollaborattiv fil-livell tal-Unjoni.

(14)

Sabiex l-Unjoni jkollha l-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tat-teknoloġija tas-semikondutturi meħtieġa biex iżżomm ir-rwol mexxej tagħha fl-investimenti fir-riċerka u fl-industrija mill-aktar avvanzati, u biex tnaqqas id-distakk attwali bejn ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-manifattura, l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom u jikkoinvestu. L-isfidi attwali tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni jitolbu l-kisba ta’ kapaċità fuq skala kbira u jeħtieġu sforz kollettiv mill-Istati Membri, bl-Unjoni isservi ta’ appoġġ għall-iżvilupp u l-użu ta’ kapaċità fuq skala kbira. Dak l-iżvilupp kollettiv jinkludi l-għoti ta’ riżorsi finanzjarji f’konformità mal-ambizzjoni tal-Inizjattiva biex jiġu appoġġati l-iżvilupp u d-disponibbiltà mifruxa ta’ kapaċitajiet innovattivi u infrastrutturi diġitali estensivi, inkluż pjattaforma tad-disinn virtwali, linji pilota, inkluż għaċ-ċipep kwantistiċi, u t-tixrid tal-għarfien, ħiliet u kompetenzi għall-benefiċċju tal-ekosistema kollha tas-semikondutturi. Sabiex jinkiseb dan, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jqisu l-għanijiet ta’ tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. F’dan ir-rigward, l-apparati tas-semikondutturi u l-proċessi tal-manifattura joffru opportunitajiet sinifikanti biex jitnaqqas l-impatt ambjentali, u, b’mod partikolari dak tal-karbonju, tal-industriji, u b’hekk jikkontribwixxu għall-ambizzjonijiet ta’, pereżempju, il-komunikazzjoni tal-Kummissjonital-14 ta’ Lulju 2021 intitolata “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika’, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolata ‘l-pjan REPowerEU’. Jenħtieġ li l-Inizjattiva, fil-komponenti u fl-azzjonijiet kollha, sa fejn ikun possibbli, tintegra u timmassimizza l-benefiċċji tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji tas-semikondutturi bħala xprunaturi b’saħħithom għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà li jistgħu jwasslu għal prodotti ġodda u għal użu aktar effiċjenti, effikaċi, nadif u durabbli tar-riżorsi, inkluż l-enerġija u l-materjali meħtieġa għall-produzzjoni u l-użu taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-semikondutturi.

(15)

Sabiex tilħaq l-objettiv ġenerali tagħha, u tindirizza kemm l-isfidi min-naħa tal-provvista kif ukoll dawk min-naħa tad-domanda tal-ekosistema tas-semikondutturi attwali, jenħtieġ li l-Inizjattiva tinkludi ħames objettivi operazzjonali. L-ewwel nett, biex tissaħħaħ il-kapaċità tad-disinn tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Inizjattiva tappoġġa azzjonijiet favur il-bini ta’ pjattaforma tad-disinn virtwali li hija disponibbli madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li l-pjattaforma tad-disinn virtwali tgħaqqad il-komunitajiet tad-djar tad-disinn, tan-negozji ġodda, tal-SMEs u tal-PI u tal-fornituri tal-għodod u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija biex jipprovdu soluzzjonijiet ta’ prototip virtwali bbażati fuq il-kożvilupp tat-teknoloġija.

(16)

It-tieni nett, biex tipprovdi l-bażi għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista u l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Inizjattiva tappoġġa t-tisħiħ tal-linji pilota avvanzati eżistenti u l-iżvilupp tagħhom biex jippermettu l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati u ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss. Jenħtieġ li l-linji pilota jipprovdu lill-industrija b’faċilità għall-ittestjar, għall-esperimentazzjoni u għall-validazzjoni tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u kunċetti tad-disinn tas-sistema f’livelli ogħla ta’ prontezza teknoloġika ’l fuq mil-livell 3 iżda taħt il-livell 8, filwaqt li tnaqqas kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali. L-investimenti mill-Unjoni, flimkien mal-investiment mill-Istati Membri u s-settur privat, fil-linji pilota huma meħtieġa biex tiġi indirizzata l-isfida strutturali eżistenti u l-falliment tas-suq fejn tali faċilitajiet ma jkunux disponibbli fl-Unjoni u dan ifixkel il-potenzjal tal-innovazzjoni u l-kompetittività globali tal-Unjoni.

(17)

It-tielet, sabiex jitħaffef l-iżvilupp innovattiv taċ-ċipep kwantistiċi u tat-teknoloġiji tas-semikondutturi assoċjati, inkluż dawk ibbażati fuq materjal semikonduttur jew integrati mal-fotonika, li jwasslu għall-iżvilupp tas-settur tas-semikondutturi, jenħtieġ li l-Inizjattiva tappoġġa azzjonijiet inkluż dwar il-libreriji tad-disinn għaċ-ċipep kwantistiċi, linji pilota għall-bini ta’ ċipep kwantistiċi u faċilitajiet għall-ittestjar u l-validazzjoni għaċ-ċipep kwantistiċi prodotti mil-linji pilota.

(18)

Ir-raba’, bl-għan li jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi, sabiex jiġi pprovdut aċċess għad-disinn u għall-faċilitajiet tal-linji pilota, u sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-ħiliet li jeżistu fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Inizjattiva tipprovdi l-possibilità lill-Istati Membri li jistabbilixxu tal-anqas ċentru ta’ kompetenza wieħed dwar is-semikondutturi f’kull Stat Membru, billi jissaħħu ċ-ċentri eżistenti jew jinħolqu faċilitajiet ġodda. L-aċċess għal infrastruttura ffinanzjata pubblikament, bħal faċilitajiet pilota u ta’ ttestjar, u għaċ-ċentri ta’ kompetenza, jenħtieġ li jkun miftuħ għal firxa wiesgħa ta’ utenti u jenħtieġ li jingħata fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja u fuq termini tas-suq (jew bażi ta’ kost flimkien ma’ marġini raġonevoli) għal impriżi kbar, filwaqt li l-SMEs u l-istituti akkademiċi jistgħu jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali jew minn prezzijiet imnaqqsa. Tali aċċess, inkluż għas-sħab internazzjonali tar-riċerka u kummerċjali, jista’ jwassal għal arrikkiment reċiproku usa’ u għal kisbiet fl-għarfien espert u fl-eċċellenza, filwaqt li jikkontribwixxi għall-irkupru tal-kostijiet.

(19)

Il-ħames, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi appoġġ dedikat għall-faċilità ta’ investiment tas-semikondutturi,bħala parti mill-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni tal-investiment deskritti b’mod kollettiv bħala l-“Fond għaċ-Ċipep”, li jipproponi soluzzjonijiet kemm ta’ ekwità kif ukoll ta’ dejn, inkluż faċilità ta’ taħlit permezz tal-Fond InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u flimkien ma’ sħab ta’ implimentazzjoni oħrajn bħall-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tal-“Fond għaċ-Ċipep” jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekosistema tas-semikondutturi dinamika u reżiljenti billi jipprovdu opportunitajiet għal disponibbiltà akbar ta’ fondi sabiex jappoġġaw it-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs kif ukoll investimenti fil-katina tal-valur, fosthom għal kumpaniji oħrajn fil-katina tal-valur tas-semikondutturi. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu pprovduti appoġġ u gwida ċara, b’mod partikolari lill-SMEs, bl-għan li jassistuhomfil-proċess ta’ applikazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni huwa mistenni li jipprovdi aktar appoġġ dedikat permezz ta’ għotjiet u investimenti ta’ ekwità għal innovaturi b’riskju għoli li joħolqu s-swieq.

(20)

Sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet tal-isforzi frammentati attwali tal-investiment pubbliku u privati, biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni, l-iskambju ta’ ideat u r-redditu fuq l-investiment fuq il-programmi li għaddejjin u biex tiġi segwita viżjoni strateġika komuni tal-Unjoni dwar is-semikondutturi bħala mezz biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jiġi żgurat rwol ewlieni fl-ekonomija diġitali, jenħtieġ li l-Inizjattiva tiffaċilita koordinazzjoni aħjar u sinerġiji aktar mill-qrib bejn il-programmi ta’ finanzjament eżistenti fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, koordinazzjoni u kollaborazzjoni aħjar mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-settur privat u investimenti konġunti addizzjonali mal-Istati Membri. L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva hija mfassla biex tiġbor flimkien ir-riżorsi mill-Unjoni, mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-programmi eżistenti tal-Unjoni, kif ukoll mis-settur privat. Għalhekk, is-suċċess tal-Inizjattiva jista’ jinbena biss fuq sforz kollettiv tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jiġu appoġġati kemm il-kostijiet kapitali sinifikanti kif ukoll id-disponibbiltà wiesgħa tad-disinn virtwali, l-ittestjar u l-pilotaġġ tar-riżorsi u t-tixrid tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi. Fejn xieraq, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-azzjonijiet ikkonċernati, l-objettivi tal-Inizjattiva, b’mod partikolari l-attivitajiet tal-“Fond għaċ-Ċipep”, jenħtieġ li jiġu appoġġati wkoll permezz ta’ faċilità ta’ taħlit mill-Fond InvestEU.

(21)

Jenħtieġ li l-appoġġ mill-Inizjattiva jintuża biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali b’konsegwenza tal-intensità kapitali għolja, ir-riskju għoli, u l-ambjent kumpless tal-ekosistema tas-semikondutturi b’mod proporzjonat u kosteffettiv, u jenħtieġ li l-azzjonijiet ma jidduplikawx jew jeskludu l-finanzjament privat jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern. Jenħtieġ li l-azzjonijiet ikollhom valur miżjud ċar madwar l-Unjoni kollha.

(22)

L-implimentazzjoni primarja tal-Inizjattiva jenħtieġ li tiġi fdata lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (l-“Impriża Konġunta taċ-Ċipep”) (6).

(23)

Jenħtieġ li l-Inizjattiva tibni fuq il-bażi b’saħħitha ta’ għarfien u ttejjeb is-sinerġiji ma’ azzjonijiet attwalment appoġġati mill-Unjoni u mill-Istati Membri permezz ta’ programmi u azzjonijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi u fl-iżviluppi ta’ parti mill-katina tal-provvista, b’mod partikolari Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (Orizzont Ewropa) u l-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) bl-għan li sal-2030 l-Unjoni tissaħħaħ bħala attur globali fit-teknoloġija tas-semikondutturi u fl-applikazzjonijiet tagħha, b’sehem globali dejjem akbar fil-manifattura, f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021 intitolata ‘Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali’. Barra minn hekk, l-investimenti privati huma mistennija li jiġu mobilizzati biex jikkumplimentaw il-finanzjament tal-Inizjattiva u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tagħha. Filwaqt li tikkumplimenta dawk l-attivitajiet, l-Inizjattiva tikkollabora mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, inkluż mal-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi.

(24)

Sabiex ikunu jistgħu jsiru sinerġiji bejn il-programmi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep fil-qafas tal-Inizjattiva, f’konformità mal-Artikolu 17(2), il-punt (k), u l-Artikolu 137, il-punt (aa), tar-Regolament (UE) 2021/2085 jiddifferenzjaw b’mod ċar l-azzjonijiet li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi minn dawk li jimmiraw li jiżviluppaw partijiet mill-katina tal-provvista, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni xierqa tal-entitajiet pubbliċi u privati.

(25)

Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi li huma appoġġati mill-Inizjattiva, bħall-pjattaforma tad-disinn virtwali jew il-linji pilota, huwa meħtieġ li bħala opzjoni jiġi pprovdut strument legali ġdid, il-konsorzju Ewropew għall-infrastruttura relatata maċ-ċipep (ECIC). L-ECIC jenħtieġ li jkollu personalità ġuridika. Dan ifisser li meta ssir applikazzjoni għal azzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu ffinanzjati mill-Inizjattiva, l-ECIC innifsu, u mhux entitajiet individwali li jiffurmaw l-ECIC, jista’ jkun l-applikant. Madankollu, skont l-Artikolu 134(3) tar-Regolament (UE) 2021/2085, s-sejħiet għal proposti tal-programm ta’ ħidma taħt l-Inizjattiva huma miftuħa għal forom legali differenti ta’ kooperazzjoni u għal parteċipanti oħra, u l-għażla tal-proposti għall-finanzjament mhijiex ibbażata fuq forma legali speċifika ta’ kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-għan ewlieni tal-ECIC jkun li jħeġġeġ il-kollaborazzjoni effettiva u strutturali bejn l-entitajiet legali, inkluż l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, l-industrija u l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-ECIC jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas tliet membri, jiġifieri Stati Membri, jew entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati minn tal-inqas tliet Stati Membri, jew kombinament tagħhom, biex tinkiseb rappreżentanza wiesgħa madwar l-Unjoni. B’personalità ġuridika, ECIC ikollu biżżejjed awtonomija biex jistabbilixxi s-sħubija, il-governanza, il-finanzjament, il-baġit tiegħu, l-arranġamenti għal kontribuzzjonijiet finanzjarji u oħrajn in natura mill-membri tiegħu, u l-koordinazzjoni, il-ġestjoni tal-PI u l-metodi ta’ ħidma. Jenħtieġ li l-membri tal-ECIC ikollhom flessibbiltà sħiħa fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, is-sede statutorja u d-drittijiet tal-vot. Jenħtieġ li l-għażla ta’ entitajiet legali pubbliċi u privati li jimplimentaw il-pjan ta’ ħidma tal-ECIC tkun ġusta, trasparenti u miftuħa. Sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u ugwali għall-parteċipazzjoni, jenħtieġ li kull ECIC ikun miftuħ għal membri ġodda, jiġifieri Stati Membri jew entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati, matul il-ħajja tiegħu. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’mod partikolari jkunu jistgħu jissieħbu f’ECIC fi kwalunkwe ħin jew bħala membri sħaħ jew bħala osservaturi, filwaqt li entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati oħra jenħtieġ li jkunu jistgħu jissieħbu fi kwalunkwe ħin b’termini ġusti u raġonevoli speċifikati fl-istatuti tal-ECIC. Jenħtieġ li l-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep ikun jista’ jivverifika kemm ECIC huwa miftuħ u jirrakkomanda li jittieħdu ċerti miżuri ta’ rimedju fejn meħtieġ. Jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ ECIC ma jinvolvix l-istabbiliment proprju ta’ korp ġdid tal-Unjoni. Dan jenħtieġ li jindirizza d-distakk fis-sett ta’ għodod tal-Unjoni biex jikkombina l-finanzjament mill-Istati Membri, il-baġit tal-Unjoni u l-investiment privat għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi li huma appoġġati mill-Inizjattiva. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx membru tal-ECIC.

(26)

ECIC li s-sħubija tiegħu ma tinkludix entitajiet privati jrid jiġi rikonoxxut bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g), u l-Artikolu 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (9) u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (10). ECIC li jinkludi entitajiet privati fost il-membri tiegħu jenħtieġ li ma jiġix rikonoxxut bħala tali korp internazzjonali jew bħala tali organizzazzjoni internazzjonali.

(27)

Ir-R&Ż fl-Unjoni qed issir dejjem aktar esposta għal prattiki mmirati lejn il-miżapproprjazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali, u data protetta, bħas-serq tal-PI, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija u l-ispjunaġġ ekonomiku. Sabiex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni u l-objettivi tal-Inizjattiva, huwa meħtieġ li jiġi adottat approċċ biex jiġi żgurat li l-aċċess għal informazzjoni jew riżultati sensittivi u l-użu tagħhom, inkluż data u għarfien prattiku, sigurtà u trasferiment tas-sjieda tar-riżultati kif ukoll kontenut protett mid-drittijiet tal-PI ġġenerati b’rabta ma’ azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva jew b’riżultat tagħhom, ikunu protetti. Sabiex tiġi żgurata dik il-protezzjoni, jenħtieġ li kwalunkwe azzjoni appoġġata mill-Inizjattiva u ffinanzjata minn Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali ssegwi d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-Programmi, bħal dawk dwar il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi assoċjati mal-programm, ftehimiet ta’ għotja, sjieda u protezzjoni, sigurtà, sfruttament u disseminazzjoni, trasferiment u liċenzjar u drittijiet ta’ aċċess. Huwa possibbli li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi meta jiġu implimentati dawk il-Programmib’mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjonijiet għat-trasferimenti u l-liċenzjar f’konformità mal-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2021/695, u l-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi assoċjati jew oħrajn speċifikati minħabba raġunijiet ibbażati fuq l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-trattament ta’ informazzjoni sensittiva, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u d-drittijiet tal-PI jkunu rregolati mil-liġi tal-Unjoni, inkluż id-Direttivi (UE) 2016/943 (11) u 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u l-liġi nazzjonali. Huwa possibbli li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproteġu t-trasferimenti tat-teknoloġija għal raġunijiet relatati mal-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni u nazzjonali fir-rigward ta’ investimenti magħmula f’faċilitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(28)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għarfien espert tekniku u tiġi żgurata d-disseminazzjoni tal-għarfien madwar l-Unjoni, kif ukoll l-appoġġ għal diversi inizjattivi ta’ ħiliet, jenħtieġ li jiġi stabbilit network ta’ ċentri ta’ kompetenza. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment ta’ ċentri ta’ kompetenza, inkluż il-kriterji tal-għażla, kif ukoll aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti u tal-funzjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li ċ-ċentri ta’ kompetenza li jiffurmaw in-network jintgħażlu mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u jenħtieġ li jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament u ma’ din l-Inizjattiva u jikkontribwixxu għall-objettivi tagħhom.

(29)

Jenħtieġ li ċ-ċentri ta’ kompetenza jikkontribwixxu għaż-żamma tar-rwol mexxej tal-Unjoni fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni u disinn taċ-ċipep billi jiffukaw fuq il-promozzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u d-disinn, filwaqt li jiffukaw ukoll fuq il-manifattura. Il-promozzjoni tal-potenzjal u l-ħiliet tal-bniedem permezz tal-edukazzjoni fis-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) sal-livell postdottorali hija kruċjali biex jintlaħaq dak l-objettiv. B’mod partikolari, iċ-ċentri ta’ kompetenza jenħtieġ li jipprovdu servizzi lill-partijiet ikkonċernati tas-semikondutturi, inkluż in-negozji ġodda u l-SMEs. Eżempji jinkludu l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal-linji pilota u għall-pjattaforma tad-disinn virtwali, l-għoti ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-appoġġ biex jinstabu l-investituri, l-użu tal-kompetenzi lokali eżistenti jew l-ilħuq tal-vertikali rilevanti. Jenħtieġ li s-servizzi jiġu pprovduti fuq bażi miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Jenħtieġ li kull ċentru ta’ kompetenza jikkonnettja u jkun parti min-network Ewropew ta’ ċentri ta’ kompetenza fis-semikondutturi u jenħtieġ li jaġixxi bħala punt ta’ aċċess għal nodi oħra tan-network. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu massimizzati s-sinerġiji ma’ strutturi simili eżistenti, bħaċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej stabbilit skont il-Programm Ewropa Diġitali. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni Diġitali eżistenti ffukat fuq is-semikondutturi bħala ċentru ta’ kompetenza għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dment li ma tinkisirx il-projbizzjoni tal-finanzjament doppju.

(30)

Id-disinn taċ-ċipep huwa kapaċità potenzjali kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe innovazzjoni u funzjonalità f’soluzzjonijiet elettroniċi adattati għal applikazzjonijiet differenti u għall-ħtiġijiet tal-utenti ta’ semikundutturi. Bħala tali, id-disinn huwa fil-qalba tal-katina tal-valur tas-semikondutturi u l-appoġġ għall-espansjoni tal-kapaċitajiet tad-disinn fl-Unjoni huwa ta’ importanza kritika. Biex tirrikonoxxi r-rwol ewlieni taċ-ċentri tad-disinn u l-kontribut tagħhom għall-eċċellenza Ewropea fid-disinn avvanzat taċ-ċipep permezz ta’ offerti ta’ servizz jew it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tad-disinn fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħti tikketta għal “ċentru tad-disinn ta’ eċċellenza”. Fid-dawl tal-importanza tagħhom biex tkun tista’ ssir ekosistema tas-semikondutturi reżiljenti, jenħtieġ li ċ-ċentri tad-disinn ta’ eċċellenza jitqiesu li huma fl-interess pubbliku. Biex jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw miżuri ta’ appoġġ, b’mod proporzjonali, jekk tali ċentri tad-disinn ta’ eċċellenza jkunu SMEs. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, fejn rilevanti, u għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2022 intiolata ‘il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni’ (Il-‘qafas RŻI tal-għajnuna mill-Istat’). Il-qafas RŻI tal-għajnuna mill-Istat għandu l-għan li jiffaċilita l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni li, minħabba fallimenti tas-suq, ma jseħħux mingħajr appoġġ pubbliku. F’dan ir-rigward, abbażi tal-qafas RŻI tal-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, jistgħu jipprovdu l-inċentivi meħtieġa lill-kumpaniji u lill-komunità tar-riċerka biex iwettqu dawn l-attivitajiet u investimenti importanti f’dan il-qasam. Skont il-qafas RŻI tal-għajnuna mill-Istat, jistgħu jiġu permessi intensitajiet massimi tal-għajnuna sal-livell ta’ 80 % għall-għajnuna għal proġetti ta’ R&Ż ta’ intrapriżi ta’ daqs medju u sa 90 % għal dawk ta’ intrapriżi żgħar. Barra minn hekk, sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji, iċ-ċentri ta’ kompetenza stabbiliti taħt l-Inizjattiva li jiffukaw fuq id-disinn taċ-ċipep tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw biex jirċievu t-tikketta ta’ “ċ-ċentru tad-disinn ta’ eċċellenza”. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw ċentru tad-disinn ta’ eċċellenza bħala ċ-ċentru ta’ kompetenza kandidat tagħhom.

(31)

Sabiex jitħeġġeġ l-istabbiliment tal-kapaċitajiet ta’ manifattura u ta’ disinn relatati meħtieġa, u b’hekk tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-appoġġ pubbliku jista’ jkun xieraq, dment li dan ma jwassalx għal distorsjonijiet fis-suq intern. F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġu armonizzati ċerti kondizzjonijiet biex l-operaturi jwettqu proġetti speċifiċi fil-livell tal-Unjoni li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ faċilitajiet, jiġifieri, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE. Il-fattur li jiddistingwi għall-kwalifika bħala wieħed miż-żewġ tipi ta’ faċilità jenħtieġ li jkun il-mudell ta’ negozju. Il-fonderiji miftuħa tal-UE joffru kapaċità ta’ produzzjoni lil impriżi oħra. Il-Faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata jipproduċu għall-finijiet kummerċjali tagħhom stess u jistgħu jintegraw passi oħra tal-katina tal-provvista minbarra l-manifattura fil-mudell ta’ negozju tagħhom, bħad-disinn u l-bejgħ tal-prodotti.

(32)

Jenħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jipprovdu kapaċitajiet potenzjali fil-manifattura tas-semikondutturi jew fil-produzzjoni ta’ tagħmir jew komponenti ewlenin għal tali tagħmir użat b’mod predominanti fil-manifattura tas-semikondutturi li huma “l-ewwel tat-tip tagħhom” fl-Unjoni u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista u għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi fis-suq intern. Il-fattur kwalifikanti biex tkun faċilità “l-ewwel tat-tip” huwa li jingħata element innovattiv lis-suq intern fir-rigward tal-proċessi ta’ manifattura jew tal-prodott finali, li jista’ jkun ibbażat fuq nodi tat-teknoloġija ġodda jew eżistenti. Elementi innovattivi rilevanti jistgħu jkunu fir-rigward tan-nodu tat-teknoloġija jew tal-materjal tas-substrat, jew approċċi li jwasslu għal titjib fil-qawwa komputazzjonali jew attributi ta’ prestazzjoni oħrajn, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-livell ta’ sigurtà, sikurezza jew affidabbiltà, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), il-kapaċità tal-memorja jew oħrajn. L-integrazzjoni ta’ proċessi differenti li jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza jew l-awtomazzjoni tal-inkapsulament u l-assemblaġġ huma wkoll eżempji ta’ innovazzjoni. Fir-rigward tal-kisbiet ambjentali, l-elementi ta’ innovazzjoni jinkludu t-tnaqqis b’mod kwantifikabbli tal-ammont ta’ enerġija, ilma jew kimiċi użat, jew it-titjib tar-riċiklabbiltà. Dawk l-elementi ta’ innovazzjoni jistgħu japplikaw kemm għan-nodi tat-teknoloġija maturi kif ukoll għal dawk l-aktar avvanzati. Jenħtieġ li tali innovazzjoni ma tkunx għadha sostantivament preżenti jew ma jkunx hemm impenn li tinbena fl-Unjoni. Pereżempju, innovazzjoni simili fir-R&Ż jew fil-produzzjoni fuq skala żgħira mhux neċessarjament teskludi li sussegwentement tikkwalifika bħala faċilità “l-ewwel tat-tip tagħha”. Kemm l-installazzjoni ta’ faċilità ġdida kif ukoll dik imtejba b’mod sostanzjali tista’ twassal għal kwalifika bħala faċilità “l-ewwel tat-tip tagħha”.

(33)

Meta fonderija miftuħa tal-UE toffri kapaċità ta’ produzzjoni lil impriżi mhux relatati mal-operatur tal-faċilità, il-fonderija miftuħa tal-UE jenħtieġ li tistabbilixxi, timplimenta u żżomm separazzjoni funzjonali adegwata u effikaċi sabiex tipprevjeni l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-produzzjoni interna u esterna. Dan jenħtieġ li japplika għal kwalunkwe informazzjoni miksuba fid-disinn u fil-proċessi ta’ manifattura front-end u back-end.

(34)

Sabiex jikkwalifika bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata jew fonderiji miftuħa tal-UE, jenħtieġ li l-istabbiliment tal-faċilità jkollu impatt pożittiv ċar b’effetti kollaterali lil hinn mill-impriża jew l-Istat Membru kkonċernat fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni fuq terminu medju sa twil bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi u li jsir kontribut għat-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni. Diversi attivitajiet immirati lejn il-ħolqien ta’ effetti kollaterali pożittivi jistgħu jiġu kkunsidrati għall-fini li jikkwalifikaw bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata jew fonderiji miftuħa tal-UE. Eżempji jinkludu l-għoti ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ manifattura bi ħlas tas-suq; l-għoti ta’ kits tal-proċess tad-disinn lil kumpaniji iżgħar tad-disinn jew lill-pjattaforma tad-disinn virtwali; id-disseminazzjoni tar-riżultati mill-attivitajiet tagħhom ta’ R&Ż; l-involviment f’kollaborazzjoni ta’ riċerka ma’ universitajiet u istituti ta’ riċerka Ewropej; il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet edukattivi u vokazzjonali biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet; il-kontribut għal proġetti ta’ riċerka fl-Unjoni kollha; jew l-offerta ta’ opportunitajiet ta’ appoġġ dedikati għal negozji ġodda u SMEs. L-impatt fuq diversi Stati Membri, inkluż fir-rigward tal-objettivi ta’ koeżjoni, jenħtieġ li jitqies bħala wieħed mill-indikaturi ta’ impatt pożittiv ċar ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata jew ta’ fonderija miftuħa fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni.

(35)

Huwa importanti li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE ma jkunux soġġetti għal applikazzjoni ekstraterritorjali tal-obbligi tas-servizz pubbliku imposti minn pajjiżi terzi li jistgħu jimminaw il-kapaċità tagħhom li jużaw l-infrastruttura, is-software, is-servizzi, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-PI jew il-kompetenza meħtieġa tagħhom biex jiġi ssodisfat l-obbligu fuq l-ordnijiet klassifikati bħala prijorità skont dan ir-Regolament, li dawn ikollhom jikkommettu għalihom.

(36)

Fid-dawl tal-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u biex tissaħħaħ il-kompetittività industrijali futura tal-Unjoni, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jenħtieġ li jinvestu f’innovazzjoni kontinwa fl-Unjoni bil-ħsieb li jinkisbu avvanzi konkreti fit-teknoloġija tas-semikondutturi jew fit-tħejjija ta’ teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jkunu jistgħu jittestjaw u jesperimentaw żviluppi ġodda permezz ta’ aċċess preferenzjali għal-linji pilota stabbiliti mill-Inizjattiva permezz ta’ applikazzjonijiet rapidi għas-servizzi tagħhom. Jenħtieġ li kwalunkwe aċċess preferenzjali bħal dan la jeskludi u lanqas jipprevjeni aċċess effettiv fuq termini ġusti għal-linji pilota minn impriżi interessati oħra, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs.

(37)

Filwaqt li titqies l-importanza ta’ forza tax-xogħol kwalifikata u b’ħiliet speċjalizzati biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jappoġġaw ir-riżerva ta’ talenti tal-Unjoni billi jiżviluppaw u jużaw taħriġ edukattiv u tal-ħiliet u billi jżidu r-riżerva tal-forza tax-xogħol ikkwalifikata u b’ħiliet speċjalizzati.

(38)

Sabiex tippermetti proċedura uniformi u trasparenti biex jinkiseb l-istatus bħala faċilità ta’ produzzjoni integrata jew bħala fonderija miftuħa tal-UE, jenħtieġ li d-deċiżjoni li jingħata l-istatus tiġi adottata mill-Kummissjoni wara l-applikazzjoni minn impriża individwali jew konsorzju ta’ diversi impriżi. Jenħtieġ li l-istatus ikun miftuħ kemm għall-installazzjoni ta’ faċilità tal-manifattura tas-semikondutturi ġdida kif ukoll għall-iskalar sinifikanti jew għat-trasformazzjoni innovattiva ta’ faċilità tal-manifattura tas-semikondutturi eżistenti. Sabiex jittieħed kont tal-importanza ta’ implimentazzjoni koordinata u b’kooperazzjoni tal-faċilità ppjanata, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis fil-valutazzjoni tagħha l-istat ta’ tħejjija ta’ Stat Membru wieħed jew aktar fejn l-applikant ikollu l-ħsieb li jistabbilixxi l-faċilitajiet tiegħu biex jappoġġa l-istabbiliment ta’ tali faċilitajiet. Barra minn hekk, meta tivvaluta l-vijabbiltà tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, il-Kummissjoni tista’ tqis ir-rekord ġenerali tal-applikant.

(39)

Fid-dawl tad-drittijiet marbuta mar-rikonoxximent bħala faċilità ta’ produzzjoni integrata jew bħala fonderija miftuħa tal-UE, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja jekk il-faċilitajiet li ngħataw dak l-istatus għadhomx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jekk dan ma jibqax il-każ, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha d-dritt li teżamina mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, tħassar l-istatus u, għaldaqstant, id-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus. Kwalunkwe deċiżjoni dwar it-tħassir tal-istatus jenħtieġ li tittieħed biss wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u jenħtieġ li tkun motivata kif xieraq. B’mod korrispondenti, l-impriża li topera faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li titlob b’mod proattiv rieżami tat-tul ta’ żmien tal-istatus jew tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni meta ċirkostanzi esterni mhux previsti, bħal disturbi serji b’impatt ekonomiku dirett fuq il-faċilità rikonoxxuta, jista’ jkollhom impatt fuq il-kapaċità tagħha li tikkonforma mal-kriterji. Sabiex jitqies il-fatt li l-biċċa l-kbira tad-drittijiet jingħataw fil-perjodu ta’ stabbiliment, jenħtieġ li l-faċilitajiet jibqgħu soġġetti għall-obbligu li jikkonformaw ma’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità anke f’każ ta’ revoka tal-istatus għaż-żmien li jifdal sakemm l-istatus ikun skada.

(40)

Fid-dawl tal-importanza tagħhom biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u biex tkun tista’ ssir ekosistema tas-semikondutturi reżiljenti, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jenħtieġ li jitqiesu li huma fl-interess pubbliku. L-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi huwa importanti wkoll għad-diġitalizzazzjoni, li tippermetti t-tranżizzjoni ekoloġika ta’ ħafna setturi oħra. Sabiex jattiraw l-investimenti lejn is-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi u għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ appoġġ, inkluż inċentivi, u jipprevedu appoġġ amministrattiv fil-proċeduri nazzjonali għall-għoti tal-permessi għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, fejn rilevanti. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u effiċjenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Frar 2022 intitolata “Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa”, il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet il-ħtieġa ta’ valutazzjoni każ b’każ rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil faċilitajiet avvanzati ta’ produzzjoni tas-semikondutturi bl-għan li tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista filwaqt li jiġu ġġenerati impatti pożittivi sinifikanti fuq l-ekonomija usa’. Barra minn hekk, il-proċeduri għar-rikonoxximent bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata jew fonderiji miftuħa tal-UE u għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, ser jitwettqu b’mod parallel sabiex jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u ta’ fonderiji miftuħa tal-UE f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Meta jipprovdu miżuri ta’ appoġġ għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ rekwiżiti nondiskriminatorji relatati mal-protezzjoni intellettwali u s-sigurtà, inkluż iċ-ċibersigurtà, u l-kunfidenzjalità u jistgħu jirrakkomandaw miżuri ta’ mitigazzjoni biex jindirizzaw riskji speċifiċi relatati mal-interferenza, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, u s-serq tal-PI minn entitajiet minn pajjiżi terzi.

(41)

Sabiex jinkoraġġixxu l-istabbiliment tal-kapaċitajiet ta’ disinn relatati meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ għal tali attivitajiet f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, inkluż taħt il-qafas RŻI tal-għajnuna mill-Istat jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (14).

(42)

Huwa meħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jiġu stabbiliti mill-aktar fis possibbli, filwaqt li l-piż amministrattiv jinżamm għal minimu. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jipproċessaw applikazzjonijiet relatati mal-ippjanar, mal-bini u mat-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE bl-aktar mod rapidu possibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtru awtorità li tiffaċilita u tikkoordina l-proċessi għall-għoti tal-permessi u li tista’ taħtar koordinatur, li jservi bħala punt ta’ kuntatt uniku għall-proġett. Barra minn hekk, fejn meħtieġ għall-għoti ta’ deroga skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (15) u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ dawn il-faċilitajiet jistgħu jitqiesu bħala ta’ interess pubbliku prevalenti skont it-tifsira ta’ dawk id-Direttivi, dment li l-kondizzjonijiet l-oħrajn stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfati. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà jew l-implimentazzjoni ta’ liġi ambjentali oħra tal-Unjoni.

(43)

In-negozji innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata huma dejjem aktar esposti għal prattiki mmirati lejn il-miżapproprjazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali u data protetta, bħas-serq tal-PI, l-ikkupjar mhux awtorizzat, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, l-ispjunaġġ ekonomiku jew il-ksur tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità, kemm minn ġewwa u b’mod partikolari minn barra l-Unjoni. Żviluppi reċenti, bħaż-żieda fl-esternalizzazzjoni, ktajjen ta’ valur mondjali itwal, u ż-żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jikkontribwixxu biex jiżdied ir-riskju ta’ dawk il-prattiki. Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali, u data protetta jikkompromettu l-abbiltà li jinkiseb redditu ta’ min jidħol l-ewwel mill-isforzi relatati mal-innovazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali, u data protetta, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat b’mod li jirrispetta bis-sħiħ il-qafas tal-Unjoni u dak internazzjonali tad-data u l-protezzjoni u l-infurzar tal-PI, inkluż id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), id-Direttivi 2004/48/KE u (UE) 2016/943, u d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Biex ikomplu jindirizzaw ir-riskji ewlenin tal-katina tal-provvista, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista mid-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà kkoordinati tal-ktajjen tal-provvista kritiċi, kif imwettqa għan-networks 5G skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 (20), bl-għan li jidentifikaw, għal kull settur, it-theddid u l-vulnerabbiltajiet rilevanti u jidentifikaw il-miżuri, il-pjanijiet ta’ mitigazzjoni u l-aħjar prattiki biex jiġu miġġielda d-dipendenzi kritiċi, il-punti uniċi potenzjali ta’ falliment, it-theddid, il-vulnerabbiltajiet u riskji oħra assoċjati mal-katina tal-provvista.

(44)

Is-suq intern jibbenefika ħafna minn standards komuni għal ċipep ekoloġiċi, immanifatturati b’mod sostenibbli, affidabbli u siguri. L-apparati intelliġenti, is-sistemi u l-pjattaformi ta’ konnettività futuri ser ikollhom jiddependu fuq ċipep tas-semikondutturi avvanzati u ser ikollhom jissodisfaw rekwiżiti ekoloġiċi, ta’ fiduċja u ta’ ċibersigurtà li fil-biċċa l-kbira ser jiddependu fuq il-karatteristiċi tat-teknoloġija sottostanti. Għal dak il-għan, l-Unjoni jenħtieġ li tiżviluppa proċeduri ta’ ċertifikazzjoni ta’ referenza u tirrikjedi li l-industrija tiżviluppa b’mod konġunt tali proċeduri għal setturi u teknoloġiji speċifiċi b’impatt soċjali għoli potenzjali.

(45)

Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u bl-involviment dovut tal-partijiet ikkonċernati, tidentifika s-setturi u l-prodotti li jiddependu mit-teknoloġiji tas-semikondutturi jew li jagħmlu użu estensiv minnhom u li jeħtieġu ċipep ekoloġiċi, affidabbli u siguri ċċertifikati. Din l-identifikazzjoni ta’ tali setturi u prodotti tista’ tistimula l-adozzjoni ta’ standards Ewropej u internazzjonali għall-ġestjoni tar-riskju.

(46)

Fid-dawl tal-kumplessitajiet tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi u r-riskju ta’ nuqqasijiet futuri, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi strumenti għal approċċ ikkoordinat għall-immappjar strateġiku u l-monitoraġġ tas-settur tas-semikondutturi u għall-indirizzar effettiv tat-tfixkil possibbli tas-suq b’mod proporzjonat.

(47)

Jenħtieġ li l-objettiv ta’ mmappjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi jkun li jipprovdi analiżi tal-punti tajbin u d-dgħufijiet tal-Unjoni fis-setturi globali tas-semikondutturi bil-ħsieb li tiġi pprovduta bażi għal miżuri li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-immappjar strateġiku jidentifika fatturi bħal prodotti ewlenin u infrastrutturi kritiċi fis-suq intern li jiddependu mill-provvista ta’ semikondutturi, l-industriji tal-utenti ewlenin u l-ħtiġijiet attwali u mistennija tagħhom, segmenti ewlenin tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, karatteristiċi teknoloġiċi, dipendenzi fuq teknoloġija u fornituri ta’ pajjiżi terzi, u konġestjonijiet tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni, ħtiġijiet attwali u mistennija għall-ħiliet u aċċess għal forza tax-xogħol kwalifikata u, fejn xieraq, l-impatt potenzjali tal-miżuri tas-sett ta’ għodod ta’ emerġenza. Jenħtieġ li l-immappjar strateġiku jkun ibbażat fuq data disponibbli pubblikament u kummerċjalment u, jekk ikun meħtieġ, fuq data miksuba permezz ta’ talbiet volontarji għal informazzjoni tal-impriżi, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.

(48)

Sabiex tipprevedi u tħejji għal tfixkil futur tal-istadji differenti tal-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni u tal-kummerċ fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u abbażi tal-eżitu tal-immappjar strateġiku, tidentifika u tiżviluppa lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija. Indikaturi bħal dawn jistgħu jinkludu żidiet atipiċi fil-ħin ta’ tħejjija, id-disponibbiltà ta’ materja prima, prodotti intermedji u kapital uman meħtieġa għall-manifattura tas-semikondutturi, jew tagħmir tal-manifattura xieraq, id-domanda prevista għas-semikondutturi fis-swieq tal-Unjoni u dawk globali, iż-żidiet fil-prezzijiet li jaqbżu l-fluttwazzjonijiet normali fil-prezzijiet, l-effett ta’ inċidenti, attakki, diżastri naturali jew avvenimenti serji oħra, l-effett tal-politiki kummerċjali, it-tariffi, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-ostakli kummerċjali u miżuri oħra relatati mal-kummerċ, u l-effett tal-għeluq tan-negozju, tad-delokalizzazzjonijiet jew tal-akkwiżizzjonijiet ta’ atturi ewlenin tas-suq. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni jiffukaw fuq dawn l-indikaturi ta’ twissija bikrija.

(49)

Minħabba l-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi kumplessi, li qed jevolvu malajr u li huma interkonnessi ma’ diversi atturi, huwa meħtieġ approċċ koordinat għal monitoraġġ biex tiżdied il-kapaċità li jittaffew ir-riskji li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista tas-semikondutturi u biex jitjieb il-fehim tad-dinamiċi tal-katina tal-valur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, timmonitorja l-katina tal-valur tas-semikondutturi b’enfasi fuq l-indikaturi ta’ twissija bikrija u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki għall-mitigazzjoni tar-riskju u trasparenza ikbar fil-katina tal-valur tas-semikondutturi, b’tali mod li ma jkunx jirrappreżenta piż amministrattiv eċċessiv għall-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

(50)

Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż għall-impriżi li jwieġbu għall-monitoraġġ u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miksuba tkun tista’ tinġabar b’mod sinifikanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi mezzi standardizzati u siguri għal kwalunkwe ġbir ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li dawn il-mezzi jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni miġbura tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali, filwaqt li jiġu żgurati s-segretezza tan-negozju u ċ-ċibersigurtà.

(51)

Sejbiet rilevanti, inkluż informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati rilevanti u mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija, jenħtieġ li jiġu pprovduti lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi biex ikun jista’ jsir skambju regolari ta’ informazzjoni u għall-integrazzjoni tal-informazzjoni f’ħarsa ġenerali ta’ monitoraġġ tal-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi.

(52)

Sabiex jippermettu dawk l-attivitajiet ta’ monitoraġġ, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri jistabbilixxu lista ta’ kuntatti tal-impriżi rilevanti kollha li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fit-territorju nazzjonali tagħhom. Dik il-lista jenħtieġ li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ rispondenti xierqa għal talbiet volontarji għal informazzjoni. Jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li l-lista tkun eżawrjenti. Jenħtieġ li l-lista tiġi ttrattata b’mod li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

(53)

Id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi adegwati tippermetti implimentazzjoni effiċjenti tal-kompiti skont dan ir-Regolament u twassal għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fih. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja u għall-awtonomija amministrattiva tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi biex tiżgura li tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv u teżerċita s-setgħat tagħha skont dan ir-Regolament.

(54)

Għadd ta’ impriżi li jipprovdu servizzi jew oġġetti tas-semikondutturi huma preżunti li huma essenzjali għal katina tal-provvista tas-semikondutturi effikaċi fl-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, minħabba l-għadd ta’ impriżi tal-Unjoni li jiddependu fuq il-prodotti tagħhom, is-sehem tagħhom mis-suq tal-Unjoni jew globali, l-importanza tagħhom li jiżguraw livell suffiċjenti ta’ provvista jew l-impatt possibbli tat-tfixkil fil-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jidentifikaw dawk l-atturi ewlenin tas-suq fit-territorji tagħhom.

(55)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/452, fid-determinazzjoni ta’ jekk investiment dirett barrani huwiex probabbli li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkunsidraw l-effetti potenzjali tiegħu fuq teknoloġiji kritiċi u oġġetti b’użu doppju kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (21), inkluż is-semikondutturi.

(56)

Bħala parti mill-monitoraġġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw b’mod speċifiku l-integrità tal-attivitajiet imwettqa minn atturi ewlenin tas-swieq. Kwistjonijiet bħal dawn jistgħu jitressqu għall-attenzjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi mill-Istat Membru kkonċernat.

(57)

Sabiex jippermettu l-antiċipazzjoni ta’ nuqqasijiet potenzjali, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jenħtieġ li javżaw lill-Kummissjoni jekk isiru konxji ta’ riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli li jista’ jimmaterjalizza kwalunkwe fattur ta’ riskju jew avveniment rilevanti ieħor. Sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat, jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta ssir taf b’riskju ta’ tfixkil serju fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollha informazzjoni konkreta jew affidabbli li jista’ jimmaterjalizza xi fattur ta’ riskju jew avveniment rilevanti ieħor, fuq twissija jew mis-sħab internazzjonali, issejjaħ laqgħa straordinarja tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi biex jiġu diskussi s-severità tat-tfixkil u l-bidu possibbli tal-proċedura għall-attivazzjoni tal-fażi tal-kriżi, u jekk ikunx xieraq, meħtieġ u proporzjonat għall-Istati Membri li jwettqu akkwist konġunt koordinat bħala miżura preventiva, kif ukoll biex tidħol fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati, bil-ħsieb li jiġu identifikati, imħejjija u possibbilment ikkoordinati tali miżuri preventivi. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u l-Kummissjoni, fi ħdan dak id-djalogu, iqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-valur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta u tikkoopera ma’ pajjiżi terzi rilevanti bil-ħsieb li jiġi indirizzat b’mod konġunt tfixkil fil-katina tal-provvista, f’konformità mal-obbligi internazzjonali u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proċedurali.

(58)

Il-fażi ta’ kriżi tas-semikondutturi jenħtieġ li tiġi attivata fil-preżenza ta’ evidenza konkreta, serja u affidabbli ta’ tali kriżi. Kriżi tas-semikondutturi sseħħ fejn ikun hemm tfixkil serju fil-provvista tas-semikondutturi jew ostakli serji għall-kummerċ fis-semikondutturi fl-Unjoni li jikkawżaw nuqqasijiet sinifikanti ta’ semikondutturi, prodotti intermedji jew materja prima jew ipproċessata, u tali nuqqasijiet sinifikanti jipprevjenu l-provvista, it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ prodotti essenzjali użati minn setturi kritiċi, pereżempju tagħmir mediku u dijanjostiku, sal-punt li dan ikollu effetti detrimentali serji fuq il-funzjonament tas-setturi kritiċi minħabba l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, l-ekonomija u s-sigurtà tal-Unjoni.

(59)

Sabiex jiġi żgurat rispons aġli u effettiv għal tali kriżi tas-semikondutturi, fejn il-Kummissjoni ssir konxja ta’ kriżi potenzjali tas-semikondutturi, jenħtieġ li tivvaluta dwar jekk il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi humiex issodisfati. Jekk din il-valutazzjoni tipproduċi evidenza konkreta, serja u affidabbli ta’ kriżi tas-semikondutturi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta lill-Kunsill proposta għall-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi għal perjodu ta’ durata predeterminat ta’ mhux iktar minn 12-il xahar, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta’ estensjoni jew terminazzjoni bikrija tal-fażi ta’ kriżi u tibda tali proċedura, jekk tali ħtieġa tiġi aċċertata, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.

(60)

Minħabba n-natura sensittiva tal-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi u tal-miżuri potenzjali li jistgħu jittieħdu b’reazzjoni għalihom, inkluż l-impatt sinifikanti li tali miżuri jista’ jkollhom fuq l-impriżi privati fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jadotta att ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-attivazzjoni, l-estensjoni u t-tmiem tal-fażi ta’ kriżi fi kriżi tas-semikondutturi.

(61)

Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-koordinazzjoni ta’ kull miżura nazzjonali meħuda fir-rigward tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi huma indispensabbli tul il-fażi ta’ kriżi bl-għan li jiġi indirizzat it-tfixkil bil-koerenza, bir-reżiljenza u bl-effettività meħtieġa. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jorganizza laqgħat straordinarji kif meħtieġ. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura meħuda tkun strettament limitata għall-perjodu ta’ żmien tal-fażi ta’ kriżi.

(62)

Għal rispons rapidu, effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-Unjoni għal kriżi tas-semikondutturi, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni f’waqtha u aġġornata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri permezz tal-Bord Ewropew dwar is-Semikundutturi dwar is-sitwazzjoni operazzjonali li qiegħda tiżviluppa kif ukoll biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri effikaċi biex tiġi żgurata l-provvista ta’ semikondutturi lis-setturi kritiċi affettwati. Jenħtieġ li jiġu identifikati u implimentati miżuri xierqa, effikaċi u proporzjonati meta tiġi attivata l-fażi ta’ kriżi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ involviment internazzjonali kontinwu mas-sħab rilevanti bl-għan li tiġi mmitigata s-sitwazzjoni ta’ kriżi li tkun qiegħda tevolvi. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand l-impriżi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, fejn meħtieġ u proporzjonat, teżiġi li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordni tal-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet, u taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti meta tingħata mandat mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tillimita l-miżuri għal ċerti setturi kritiċi. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jivvaluta u jagħti pariri wkoll dwar miżuri xierqa u effettivi. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jagħti pariri dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Jenħtieġ li l-użu tal-miżuri ta’ emerġenza kollha jkun proporzjonat u ristrett għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-semikondutturi fl-aqwa interess tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda u r-raġunijiet sottostanti. Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, toħroġ gwida ulterjuri dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-miżuri ta’ emerġenza.

(63)

Għadd ta’ setturi huma kritiċi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk is-setturi kritiċi jiġu elenkati f’Anness għal dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-lista tkun limitata għas-setturi u s-subsetturi elenkati fl-Anness għad-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), fil-verżjoni fis-seħħ fid-19 ta’ Settembru 2023, biż-żieda tas-setturi tad-difiża u s-sigurtà, abbażi tar-rwol importanti tagħhom fl-iżgurar tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Jenħtieġ li ċerti miżuri jittieħdu biss bl-għan li tiġi żgurata l-provvista lejn setturi kritiċi. Il-Kummissjoni tista’ tillimita l-miżuri ta’ emerġenza għal uħud minn dawk is-setturi jew għal ċerti partijiet minnhom meta l-kriżi tas-semikondutturi tkun iddisturbat jew tkun qed thedded li tħarbat it-tħaddim tagħhom.

(64)

L-għan tat-talbiet għal informazzjoni minn impriżi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fl-Unjoni fil-fażi ta’ kriżi huwa li jkunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet preċiżi tal-kriżi tas-semikondutturi jew sabiex jiġu identifikati u mħejjija miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni jew ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. Tali informazzjoni tista’ tinkludi l-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u t-tfixkil u l-konġestjonijiet primarji li jkunu għaddejjin. Dawk l-aspetti jistgħu jinkludu l-istokk attwali tipiku u kurrenti ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu fl-Unjoni kif ukoll il-faċilitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu f’pajjiżi terzi fejn joperaw dawk l-impriżi li magħhom jikkuntrattaw jew li mingħandhom jixtru l-provvisti; il-ħin medju tipiku u attwali ta’ tħejjija għall-aktar prodotti komuni manifatturati; l-output tal-produzzjoni mistenni għat-tliet xhur ta’ wara għal kull faċilità ta’ produzzjoni tal-Unjoni; jew raġunijiet li jipprevjenu l-kapaċità tal-produzzjoni milli timtela. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-valutazzjoni tan-natura tal-kriżi tas-semikondutturi jew tal-miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni jew ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. It-talbiet għal informazzjoni jenħtieġ li ma jinvolvux il-forniment ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri. L-informazzjoni konkreta li għandha tintalab tista’ tiġi żviluppata abbażi ta’ parir minn qabel minn għadd rappreżentattiv ta’ impriżi rilevanti permezz ta’ konsultazzjoni volontarja, f’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li kwalunkwe talba tkun proporzjonata, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet leġittimi tal-impriża u l-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli, kif ukoll jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien xierqa għall-għoti tal-informazzjoni mitluba. Jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jikkonformaw mat-talba u jistgħu jkunu soġġetti għal penali jekk jonqsu milli jikkonformaw jew jipprovdu informazzjoni skorretta. Jenħtieġ li kwalunkwe informazzjoni miksuba tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u tkun soġġetta għal regoli ta’ kunfidenzjalità. Sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-Istat Membru fejn l-impriża jkollha s-sit tal-produzzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba għal informazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti u, jekk l-awtorità kompetenti nazzjonali titlob dan, taqsam l-informazzjoni miksuba mal-awtorità kompetenti nazzjonali permezz ta’ mezzi siguri. Jekk impriża tirċievi talba għal informazzjoni relatata mal-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-semikondutturi minn pajjiż terz, din jenħtieġ li tinforma lill-Kummissjoni b’dan biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni hix ġustifikata.

(65)

Bħala strument tal-aħħar istanza biex jiġi żgurat li s-setturi kritiċi jkunu jistgħu jkomplu joperaw fi żmien ta’ kriżi u biss meta jkun meħtieġ u proporzjonat għal dak il-għan, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jistgħu jkunu meħtieġa mill-Kummissjoni li jaċċettaw u li jagħtu prijorità lill-ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet. Il-benefiċjarji potenzjali ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jenħtieġ li jkunu entitajiet minn setturi kritiċi jew impriżi li jfornu lil setturi kritiċi li l-attivitajiet tagħhom huma mfixkla jew f’riskju ta’ tfixkil minħabba n-nuqqas. Sabiex jiġi żgurat li l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jintużaw biss meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li dawn ikunu ristretti għall-benefiċjarji li, għalkemm ikunu implimentaw miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji, ma setgħux jevitaw, pereżempju permezz tal-prattiki tal-akkwist tagħhom, u ma setgħux itaffu l-impatt tan-nuqqas permezz ta’ mezzi oħra, bħall-użu ta’ ħażniet eżistenti. Dak l-obbligu jista’ jiġi estiż ukoll għal faċilitajiet tal-manifattura tas-semikondutturi li jkunu aċċettaw tali possibbiltà fil-kuntest li jirċievu appoġġ pubbliku, jekk tali appoġġ pubbliku jkollu l-għan li jrawwem il-kapaċità li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni. Id-deċiżjoni dwar ordni kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li tittieħed f’konformità mal-obbligi legali applikabbli kollha tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ. Jenħtieġ li l-obbligu għal ordnijiet kklassifikati bħala prijorità jieħu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu ta’ prestazzjoni skont il-liġi privata jew pubblika filwaqt li jenħtieġ li jqis ukoll l-għanijiet leġittimi tal-impriżi u l-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Jenħtieġ li kull ordni kklassifikata bħala prijorità titqiegħed bi prezz ġust u raġonevoli. Il-kalkolu ta’ tali prezz jista’ jitwettaq fuq il-bażi tal-prezzijiet medji tas-suq matul dawn l-aħħar snin, soġġett għall-għoti ta’ raġunijiet għal kwalunkwe żieda, pereżempju billi titqies l-inflazzjoni jew iż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija. L-impriżi jistgħu jkunu soġġetti għal penali jekk jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu għal ordnijiet klassifikati bħala prijorità.

(66)

Għal faċilitajiet li jwettqu ordni klassifikata bħala prijorità, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-Kummissjoni, assistita mill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, u għall-Istati Membri li jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-ordnijiet, inkluż l-aħjar prattiki amministrattivi.

(67)

Jenħtieġ li l-impriża kkonċernata tkun meħtieġa taċċetta u tipprijoritizza ordni klassifikata bħala prijorità. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jkunu allinjati mal-kapaċitajiet u mal-portafoll tal-produzzjoni tal-faċilità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-faċilità kkonċernata l-opportunità li tinstema’ dwar il-fattibbiltà u d-dettalji tal-ordni kklassifikata bħala prijorità. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma toħroġx l-ordni kklassifikata bħala prijorità meta l-faċilità ma tkunx tista’ tissodisfa l-ordni anki jekk tingħata prijorità, kemm jekk minħabba kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni jew kapaċità ta’ produzzjoni insuffiċjenti jew minħabba raġunijiet tekniċi, jew meta l-prodott ma jiġix fornut jew is-servizz ma jitwettaqx mill-faċilità jew minħabba li dan ipoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli u jinvolvi diffikultà partikolari għall-impriża, inkluż riskju sostanzjali relatat mal-kontinwità tal-operat.

(68)

Sabiex jiġi żgurat qafas trasparenti u ċar għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali. Jenħtieġ li dak l-att ta’ implimentazzjoni jkun fih salvagwardji biex jiġi żgurat li l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità, bħal mekkaniżmu li jqis l-ordnijiet eżistenti u mekkaniżmu li jiżgura li l-volumi ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ.

(69)

Fiċ-ċirkostanza eċċezzjonali li impriża li topera tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni tirċievi talba għal ordni klassifikata bħala prijorità minn pajjiż terz, hija jenħtieġ li tinforma lill-Kummissjoni b’tali talba, sabiex din l-informazzjoni tintuża f’valutazzjoni dwar jekk, f’każ li jkun hemm impatt sinifikanti fuq is-sigurtà tal-provvista lejn setturi kritiċi, u r-rekwiżiti l-oħrajn ta’ ħtieġa, proporzjonalità u legalità jiġu ssodisfati fiċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Kummissjoni jenħtieġ li wkoll timponi obbligu ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità.

(70)

Fid-dawl tal-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista għal setturi kritiċi li jwettqu funzjonijiet vitali tas-soċjetà, il-konformità mal-obbligu li titwettaq ordni klassifikata bħala prijorità jenħtieġ li ma tinvolvix responsabbiltà għad-danni lil partijiet terzi għal kwalunkwe ksur tal-obbligi kuntrattwali li jista’ jirriżulta mill-bidliet temporanji meħtieġa tal-proċessi operazzjonali tal-manifattur ikkonċernat, dment li l-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni ordnata. L-impriżi li potenzjalment jaqgħu fl-ambitu ta’ ordni klassifikata bħala prijorità jenħtieġ li jantiċipaw din il-possibbiltà fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti kummerċjali tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi, kif previst mid-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE (24), mhix affettwata minn din l-eżenzjoni ta’ responsabbiltà.

(71)

L-obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti jirrispetta l-essenza tal-libertà ta’ intrapriża u l-libertà ta’ kuntratt stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, u ma jaffettwahomx b’mod sproporzjonat. Kwalunkwe limitazzjoni ta’ dawk id-drittijiet f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ser tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet, u tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(72)

Meta tiġi attivata l-fażi ta’ kriżi, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex taggrega d-domanda u taġixxi f’isimhom għall-akkwist pubbliku tagħhom fl-interess pubbliku, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri eżistenti tal-Unjoni, u b’hekk tingrana l-kapaċità tal-akkwist tagħha. Jenħtieġ li x-xiri komuni jintuża biss biex jiġi indirizzat it-tfixkil fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi matul kriżi. Il-mandat jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni tidħol fi ftehimiet dwar ix-xiri ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet għal ċerti setturi kritiċi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li, għal kull talba, tivvaluta l-utilità, in-neċessità u l-proporzjonalità f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta tkun biħsiebha ma ssegwix it-talba, jenħtieġ li tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u tagħti r-raġunijiet tagħha. Jenħtieġ li d-dettalji proċedurali jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti, inkluż raġunijiet għall-użu tal-mekkaniżmu komuni ta’ xiri u r-responsabbiltajiet li għandhom jiġu assunti. Tali ftehim jista’ jinkludi l-għadd ta’ kuntratti li għandhom jiġu konklużi u l-kondizzjonijiet ta’ xiri komuni, bħall-prezzijiet, il-perjodi ta’ żmien għall-konsenja, il-kwantitajiet u l-klawżoli ta’ inklużjoni fakultattiva jew ta’ esklużjoni fakultattiva. Ix-xiri komuni jista’ jirriżulta fl-iffirmar ta’ kuntratt wieħed li jkopri l-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha jew diversi kuntratti li kull wieħed minnhom ikopri l-ħtiġijiet ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Barra minn hekk, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jkunu intitolati jaħtru rappreżentanti biex jipprovdu gwida u pariri matul il-proċeduri ta’ akkwist u fin-negozjar tal-ftehimiet ta’ xiri. Jenħtieġ li t-tħejjija għall-użu, l-użu jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti mixtrija jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri parteċipanti.

(73)

Matul kriżi ta’ nuqqas ta’ semikondutturi, jaf ikun meħtieġ li l-Unjoni tqis miżuri protettivi. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jkun jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu li jinforma l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tas-suq tikkostitwixxix nuqqas sinifikanti ta’ prodotti essenzjali skont ir-Regolament (UE) 2015/479.

(74)

Jenħtieġ li l-qafas istituzzjonali għall-gruppi ta’ esperti, inkluż ir-regoli dwar it-trasparenza għall-entità u s-sottogruppi tagħha, japplika għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jipprovdi pariri u jassisti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi. Dawk il-mistoqsijiet jenħtieġ li jinkludu l-għoti ta’ pariri dwar l-Inizjattiva lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep; l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE; id-diskussjoni u t-tħejjija tal-identifikazzjoni ta’ setturi u teknoloġiji speċifiċi b’impatt soċjali għoli potenzjali u b’sinifikat mil-lat ta’ sigurtà li jeħtieġu ċertifikazzjoni għal prodotti fdati u l-indirizzar ta’ monitoraġġ ikkoordinat u rispons għall-kriżijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jiskambja wkoll fehmiet mal-Kummissjoni dwar l-aħjar modi biex jiġu żgurati protezzjoni u infurzar effettivi tad-drittijiet tal-PI, informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali bl-involviment dovut tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tas-settur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jappoġġa lill-Kummissjoni f’kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Jenħtieġ li jservi bħala forum għal diskussjoni dwar, fost l-oħrajn, kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur globali tas-semikondutturi mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’konformità mat-Trattati. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jqis il-fehmiet tal-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi u ta’ partijiet ikkonċernati oħra. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jikkoordina, jikkoopera u jiskambja informazzjoni ma’ strutturi oħrajn tal-Unjoni ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ tħejjija għall-kriżijiet bl-għan li jiġi żgurat approċċ koerenti u kkoordinat tal-Unjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ tħejjija għall-kriżijiet, għall-kriżijiet tas-semikondutturi.

(75)

Jenħtieġ li rappreżentant tal-Kummissjoni jippresiedi l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar minn tal-inqas rappreżentant wieħed ta’ livell għoli għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Dawn jistgħu jaħtru wkoll rappreżentanti differenti b’rabta ma’ kompiti differenti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, pereżempju, skont liema parti ta’ dan ir-Regolament jiġi diskuss fil-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Biex jirċievi pariri importanti dwar l-attivitajiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u biex jippermetti parteċipazzjoni xierqa tal-partijiet ikkonċernati, il-President jenħtieġ li jkun jista’ jistabbilixxi sottogruppi u jenħtieġ li jkun intitolat jistabbilixxi arranġamenti tax-xogħol billi jistieden esperti u osservaturi biex jieħdu sehem fil-laqgħat fuq bażi ad hoc jew billi jistieden partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija tas-semikondutturi tal-Unjoni bħall-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, fis-sottogruppi tiegħu bħala osservaturi.

(76)

Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jkollu laqgħat separati għall-kompiti tiegħu fir-rigward tal-Inizjattiva u għall-kompiti tiegħu fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza kif ukoll bħala monitoraġġ u rispons għal kriżijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw kooperazzjoni effikaċi u effiċjenti fil-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li l-President ikun jista’ jiffaċilita l-iskambji bejn il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi u ta’ esperti oħrajn tal-Unjoni. Fid-dawl tal-importanza tal-provvista tas-semikondutturi għal setturi oħra u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni li tirriżulta minnha, jenħtieġ li l-President jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fejn rilevanti u xieraq fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-kriżijiet stabbilit f’dan ir-Regolament. Sabiex ikompli l-ħidma, u jagħmel użu minnha, wara l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/210 (25), jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jwettaq il-kompiti tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi. Ladarba l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jkun operazzjonali, dan il-grupp ta’ esperti jenħtieġ li ma jibqax jeżisti.

(77)

L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fl-applikazzjoni u fl-infurzar ta’ dan ir-Regolament. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li kull Stat Membru jiddeżinja awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiżgura li dawk l-awtoritajiet jingħataw is-setgħa u jkollhom ir-riżorsi adegwati. L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw awtorità jew awtoritajiet eżistenti. Sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-organizzazzjoni fl-Istati Membri u biex jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt uffiċjali għall-pubbliku u kontropartijiet oħrajn fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, jenħtieġ li kull Stat Membru jiddeżinja, f’xi waħda mill-awtoritajiet li jiddeżinja bħala awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament, punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali wieħed responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni transfruntiera mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra.

(78)

Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni ta’ fiduċja u kostruttiva tal-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, jenħtieġ li l-partijiet kollha involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data li jiksbu huma u jwettqu dmirijiethom biex jipproteġu b’mod partikolari d-drittijiet tal-PI, informazzjoni sensittiva dwar in-negozju u sigrieti kummerċjali. Jenħtieġ li kwalunkwe informazzjoni miksuba fl-applikazzjoni għar-rikonoxximent bħala faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE, fil-kuntest ta’ talbiet għal informazzjoni jew obbligi ta’ notifika skont dan ir-Regolament, tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 TFUE, kif ukoll mar-regoli interni tal-Kummissjoni dwar it-trattament sigur tad-data, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (26). Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-uffiċjali tagħhom, l-impjegati u persuni oħra li jaħdmu fis-superviżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll uffiċjali u impjegati taċ-ċivil ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba fit-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet tagħhom. Dan jenħtieġ li japplika wkoll għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u għall-Kumitat tas-Semikondutturi stabbiliti b’dan ir-Regolament. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-arranġamenti prattiċi għat-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest tal-ġbir ta’ informazzjoni.

(79)

Jenħtieġ li l-konformità mal-obbligi imposti skont dan ir-Regolament tkun infurzabbli permezz ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli xierqa ta’ multi għan-nuqqas ta’ konformità mat-talbiet għal informazzjoni u mal-obbligi ta’ notifika skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ gravità tan-nuqqas ta’ konformità bejn iż-żewġ obbligi u ma’ limiti massimi differenti għall-SMEs. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti pagamenti perjodiċi ta’ penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jiġu aċċettati u mwettqa ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, li jenħtieġ li jkunu proporzjonati u jirriflettu l-livelli tal-prezzijiet fis-suq matul l-aħħar 90 jum, b’limiti massimi differenti għall-SMEs. Jenħtieġ li japplikaw perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjonijiet ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali, minbarra l-perjodi ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża jew lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-impriżi kkonċernati d-dritt li jinstemgħu.

(80)

Sabiex jiġu riflessi l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq, sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni effettivi tal-Inizjattiva u sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati għat-tikketta taċ-ċentri tad-disinn ta’ eċċellenza, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE bil-ħsieb li jiġi emendat dan ir-Regolament fir-rigward tal-azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva b’mod konsistenti mal-objettivi tagħha u fir-rigward tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva u għar-rappurtar dwar il-progress tagħha lejn il-kisba tal-objettivi tagħha, u bil-ħsieb li jiġi ssupplimentat dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti l-proċedura għall-applikazzjonijiet u r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-għoti, il-monitoraġġ u l-irtirar tat-tikketta tad-disinn taċ-ċentri ta’ eċċellenza.. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (27). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(81)

Biex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-ECICs, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Inizjattiva, filwaqt li jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, u jiġu speċifikati l-arranġamenti prattiċi għat-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28).

(82)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi fil-livell tal-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(83)

Sabiex l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibda malajr kemm jista’ jkun, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tiegħu, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u objettivi ġenerali

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (l-“Inizjattiva”);

(b)

l-istabbiliment tal-kriterji għar-rikonoxximent u għall-appoġġ ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE li huma l-ewwel tat-tip tagħhom u li jrawmu s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni;

(c)

l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-immappjar u l-monitoraġġ tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-rispons għal nuqqasijiet ta’ semikondutturi u, fejn rilevanti, il-konsultazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati mis-settur tas-semikondutturi.

2.   L-ewwel objettiv ġenerali ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġu żgurati l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività u għall-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Unjoni u li jiġi żgurat l-aġġustament tal-industrija għal bidliet strutturali.

3.   It-tieni objettiv ġenerali, separat minn u li jikkumplimenta lill-ewwel objettiv ġenerali stabbilit fil-paragrafu 2, huwa li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-istabbiliment ta’ qafas legali uniformi tal-Unjoni għaż-żieda tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“semikonduttur” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

materjal, inkluż materjali ġodda, jew elementali jew kompost, li l-konduttività elettrika tiegħu tista’ tiġi mmodifikata; jew

(b)

komponent li jikkonsisti minn sensiela ta’ saffi ta’ materjali semikondutturi, insulanti u kondutturi definiti skont disinn determinat minn qabel, u maħsub biex iwettaq funzjonijiet elettroniċi jew fotoniċi definiti sew jew it-tnejn;

(2)

“ċippa” tfisser apparat elettroniku li jinkludi diversi elementi funzjonali fuq biċċa waħda ta’ materjal semikonduttur, li tipikament jieħu l-forma ta’ apparati ta’ memorja, ta’ loġika, proċessuri, ottoelettroniċi u analogiċi;

(3)

“ċippa kwantistika” tfisser apparat li jipproċessa l-informazzjoni fil-livell ta’ sistemi kwantistiċi individwali, b’livell li jvarja ta’ integrazzjoni tal-komponenti fuq iċ-ċippa skont il-pjattaforma kwantistika użata, inkluż pjattaformi għall-computing kwantistiku, għall-komunikazzjoni, għar-rilevament jew għall-metroloġija;

(4)

“nodu tat-teknoloġija” tfisser proċess speċifiku ta’ manifattura tas-semikondutturi u r-regoli tad-disinn tiegħu;

(5)

“katina tal-provvista tas-semikondutturi” tfisser is-sistema ta’ attivitajiet, organizzazzjonijiet, atturi, teknoloġija, informazzjoni, riżorsi u servizzi involuti fil-produzzjoni tas-semikondutturi, inkluż il-materja prima u l-materjali pproċessati, bħal gassijiet, it-tagħmir għall-manifattura, id-disinn, inkluż l-iżvilupp tas-software relatat, il-fabbrikazzjoni, l-assemblaġġ, l-ittestjar u l-inkapsulament;

(6)

“katina tal-valur tas-semikondutturi” tfisser is-sett ta’ attivitajiet fir-rigward ta’ prodott semikonduttur mill-bidu tiegħu sal-użu finali tiegħu, inkluż il-materja prima u l-materjali pproċessati, bħal gassijiet, it-tagħmir għall-manifattura, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, id-disinn, inkluż l-iżvilupp ta’ software relatat, il-fabbrikazzjoni, l-ittestjar, l-assemblaġġ u l-inkapsulament sal-impjantazzjoni u l-integrazzjoni fil-prodotti finali, kif ukoll il-proċessi ta’ tmiem il-ħajja, bħall-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ;

(7)

“linja pilota” tfisser proġett sperimentali jew azzjoni li tindirizza livelli ogħla ta’ prontezza teknoloġika mil-livelli 3 sa 8 biex tkompli tiġi żviluppata infrastruttura abilitanti meħtieġa biex jiġi ttestjat, muri, ivvalidat u kkalibrat prodott jew sistema bl-ipoteżi tal-mudell;

(8)

“koordinatur” tfisser entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun membru ta’ Konsorzju Ewropew għall-infrastruttura relatata maċ-ċipep u li tkun ġiet maħtura mill-membri kollha tal-konsorzju bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-Kummissjoni;

(9)

“intrapriżi żgħar u medji” jew “SMEs” tfisser intrapriżi żgħar u medji kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (29);

(10)

“mid-cap żgħira” tfisser mid-cap żgħira kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2021/695;

(11)

“faċilità li hija l-ewwel tat-tip tagħha” tfisser faċilità ġdida jew sostanzjalment modernizzata ta’ manifattura ta’ semikondutturi, jew faċilità għall-produzzjoni ta’ tagħmir, jew komponenti ewlenin għal tali tagħmir użat b’mod predominanti fil-manifattura ta’ semikondutturi, li tipprovdi innovazzjoni fir-rigward tal-proċess ta’ manifattura jew ta’ prodott finali li tkun għadha ma teżistix b’mod konkret jew għadha mhix prevista li tinbena fl-Unjoni, inkluż l-innovazzjoni li tikkonċerna t-titjib fil-qawwa komputazzjonali jew fil-livell ta’ sigurtà, sikurezza jew affidabbiltà, prestazzjoni enerġetika u ambjentali, in-nodu tat-teknoloġija jew materjali sottostrati, jew fl-implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni li jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza, jew itejbu r-riċiklabbiltà, jew inaqqsu l-inputs tal-produzzjoni;

(12)

“ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss” tfisser ċipep li jmorru lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex joffru titjib sinifikanti fil-prestazzjoni funzjonali, fil-qawwa komputazzjonali jew fl-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll titjib sinifikanti ieħor f’dak li jikkonċerna l-enerġija u l-ambjent;

(13)

“teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss” tfisser teknoloġiji tas-semikondutturi li jmorru lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex joffru titjib sinifikanti fil-prestazzjoni funzjonali, fil-qawwa komputazzjonali jew fl-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll titjib sinifikanti ieħor f’dak li jikkonċerna l-enerġija u l-ambjent;

(14)

“teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati” tfisser innovazzjoni tal-ogħla livell fit-teknoloġiji taċ-ċipep u tas-semikondutturi meta jitwettqu l-proġetti;

(15)

“manifattura ta’ semikondutturi” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istadji tal-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ wafers tas-semikondutturi, inkluż il-materjali ta’ substrat, front-end u back-end, meħtieġa biex jitwassal prodott semikonduttur lest;

(16)

“front-end” tfisser l-ipproċessar kollu ta’ wafer ta’ semikonduttur;

(17)

“back-end” tfisser l-inkapsulament, l-assemblaġġ u l-ittestjar tal-prodott semikonduttur;

(18)

“utenti tas-semikondutturi” tfisser impriżi li jipproduċu prodotti li fihom jiġu inkorporati s-semikondutturi;

(19)

“atturi ewlenin tas-suq” tfisser impriżi fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, li l-funzjonament affidabbli tagħhom huwa essenzjali għall-provvista ta’ semikondutturi;

(20)

“settur kritiku” tfisser kwalunkwe settur imsemmi fl-Anness IV;

(21)

“prodott rilevanti għall-kriżi” tfisser semikondutturi, prodotti intermedji u materja prima u pproċessata li jew jintużaw direttament minn setturi kritiċi jew jintużaw sabiex jipproduċu apparati użati minn setturi kritiċi meħtieġa għall-produzzjoni ta’ semikondutturi jew prodotti intermedji, li huma affettwati minn kriżi tas-semikondutturi u rilevanti fl-iżgurar tal-funzjonijiet kruċjali ta’ settur kritiku;

(22)

“kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni” tfisser l-abbiltà ta’ faċilità li tipproduċi ċerti tipi ta’ prodotti;

(23)

“kapaċità tal-produzzjoni” tfisser loutput potenzjali massimuta’ faċilità;

(24)

“sigriet kummerċjali” tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943.

KAPITOLU II

Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa

Artikolu 3

Stabbiliment tal-Inizjattiva

1.   L-Inizjattiva hija stabbilita għat-tul ta’ żmien tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (30).

2.   L-Inizjattiva għandha tkun appoġġata minn finanzjament minn Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali, u b’mod partikolari l-Objettiv Speċifiku 6 tal-Programm Ewropa Diġitali, għal ammont indikattiv massimu ta’ EUR 1,725 biljun u EUR 1,575 biljun, rispettivament. Dak il-finanzjament għandu jiġi implimentat f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/694 u (UE) 2021/695.

Artikolu 4

Objettivi tal-Inizjattiva

1.   L-objettiv ġenerali tal-Inizjattiva huwa li tikseb it-tisħiħ tal-kapaċitajiet teknoloġiċi fuq skala kbira u tappoġġa attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni biex tippermetti l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati, teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u teknoloġiji u kwantistiċi mill-aktar avvanżati u l-innovazzjoni ta’ teknoloġiji stabbiliti li ser isaħħu l-kapaċitajiet avvanzati tad-disinn, tal-integrazzjoni tas-sistemi u tal-produzzjoni taċ-ċipep fl-Unjoni, u b’hekk iżżid il-kompetittività tal-Unjoni. Għandha tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari billi tnaqqas l-impatt fuq il-klima tas-sistemi elettroniċi, ittejjeb is-sostenibbiltà taċ-ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss u ssaħħaħ il-proċessi tal-ekonomija ċirkolari, tikkontribwixxi għal impjiegi ta’ kwalità fl-ekosistema tas-semikondutturi u tindirizza l-prinċipji tas-sigurtà sa mit-tfassil, li jipprovdu protezzjoni kontra t-theddid għaċ-ċibersigurtà.

2.   L-Inizjattiva għandu jkollha l-ħames objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

objettiv operazzjonali 1: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet avvanzati ta’ disinn għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi;

(b)

objettiv operazzjonali 2: it-tisħiħ ta’ linji pilota avvanzati eżistenti u l-iżvilupp ta’ dawk ġodda madwar l-Unjoni li jippermettu l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati u ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss;

(c)

objettiv operazzjonali 3: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet avvanzati fit-teknoloġija u fl-inġinerija għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp innovattiv taċ-ċipep kwantistiċi u teknoloġiji tas-semikondutturi assoċjati mill-aktar avvanzati;

(d)

objettiv operazzjonali 4: l-istabbiliment ta’ network ta’ ċentri ta’ kompetenza fl-Unjoni kollha permezz tat-tisħiħ ta’ faċilitajiet eżistenti jew il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda;

(e)

objettiv operazzjonali 5: it-twettiq ta’ attivitajiet, li jiġu deskritti kollettivament bħala attivitajiet tal-“Fond għaċ-Ċipep”, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament b’dejn u l-ekwità, inkluż billi tiġi pprovduta gwida ċara, b’mod partikolari għan-negozji ġodda, in-negozji li qed jespandu, l-SMEs u l-mid-caps żgħar fil-katina tal-valur tas-semikondutturi, permezz ta’ faċilità ta’ taħlit taħt il-Fond InvestEU u permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

3.   L-objettivi operazzjonali tal-Inizjattiva jistgħu jinkludu attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati. L-attivitajiet kollha ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-Programm Ewropa Diġitali u l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ Orizzont Ewropa.

Artikolu 5

Kontenut tal-Inizjattiva

L-Inizjattiva għandha:

(a)

taħt l-objettiv operazzjonali 1:

(i)

tibni u tmantni pjattaforma tad-disinn virtwali innovattiva, disponibbli madwar l-Unjoni, li tintegra l-faċilitajiet għad-disinjar kemm eżistenti kif ukoll ġodda b’libreriji estiżi u għodod ta’ awtomatizzazzjoni tad-disinn elettroniku (ADE);

(ii)

testendi l-kapaċitajiet potenzjali tad-disinn billi trawwem żviluppi innovattivi, bħal arkitetturi tal-proċessuri b’sors miftuħ u arkitetturi innovattivi oħra, ċippetti, ċipep programmabbli, tipi ġodda ta’ memorja, proċessuri, aċċelleraturi jew ċipep b’potenza baxxa, li huma mibnija f’konformità mal-prinċipji ta’ sigurtà sa mit-tfassil;

(iii)

tkabbar l-ekosistema tas-semikondutturi billi tintegra s-setturi tas-suq vertikali, bħas-saħħa, il-mobbiltà, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, is-sigurtà, id-difiża u l-ispazju, filwaqt li tikkontribwixxi għall-aġendi ekoloġiċi, diġitali u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni;

(b)

taħt l-objettiv operazzjonali 2 tagħha:

(i)

issaħħaħ il-kapaċitajiet fit-teknoloġiji tal-produzzjoni taċ-ċipep u tagħmir tal-manifattura tal-ġenerazzjoni li jmiss, bl-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u t-tħejjija tal-iżvilupp ta’ nodi teknoloġiċi futuri, bħal nodi mill-aktar avvanzati, teknoloġiji ta’ siliċju kompletament użat fuq iżolatur, materjali ġodda tas-semikondutturi jew integrazzjoni tas-sistemi eteroġeni u imballaġġ avvanzat għall-assemblaġġ tal-moduli u inkapsulament għal volumi għoljin, medji jew baxxi;

(ii)

tappoġġa l-innovazzjoni fuq skala kbira permezz tal-aċċess għal linji pilota ġodda jew eżistenti għall-esperimentazzjoni, l-ittestjar, il-kontroll tal-proċess, l-affidabbiltà tal-apparat finali u l-validazzjoni ta’ kunċetti ġodda tad-disinn li jintegraw funzjonalitajiet ewlenin;

(iii)

tagħti appoġġ lill-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE permezz ta’ aċċess preferenzjali għal-linji pilota l-ġodda, kif ukoll tassigura aċċess fuq termini ekwi għal-linji pilota l-ġodda għal firxa wiesgħa ta’ utenti tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni;

(c)

taħt l-objettiv operazzjonali 3 tagħha:

(i)

tiżviluppa libreriji tad-disinn innovattivi għaċ-ċipep kwantistiċi;

(ii)

tappoġġa l-iżvilupp ta’ linji pilota ġodda jew eżistenti, kmamar nodfa u fonderiji għall-prototipar u l-produzzjoni ta’ ċipep kwantistiċi għall-integrazzjoni ta’ ċirkwiti kwantistiċi u l-elettronika tal-kontroll;

(iii)

tiżviluppa faċilitajiet għall-ittestjar u l-validazzjoni ta’ ċipep kwantistiċi avvanzati prodotti mil-linji pilota, bil-ħsieb li jingħalaq iċ-ċirku tar-rispons dwar l-innovazzjoni bejn id-disinjaturi, il-produtturi u l-utenti tal-komponenti kwantistiċi;

(d)

taħt l-objettiv operazzjonali 4 tagħha:

(i)

issaħħaħ il-kapaċitajiet u toffri firxa wiesgħa ta’ għarfien espert lill-partijiet involuti, inkluż n-negozji ġodda u l-SMEs tal-utenti finali, biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapaċitajiet u għall-faċilitajiet kif ukoll l-użu effettiv tagħhom imsemmija f‘dan l-Artikolu;

(ii)

tindirizza n-nuqqas u l-ispariġġ fl-għarfien u l-ħiliet billi tattira, timmobilizza u żżomm talent ġdid fir-riċerka, id-disinn u l-produzzjoni u tappoġġa l-ħolqien ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet xierqa fis-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) sal-livell postdottorali għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi, inkluż billi toffri opportunitajiet ta’ taħriġ xierqa għall-istudenti, pereżempju programmi ta’ studju doppju u orjentazzjoni tal-istudenti, minbarra t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema;

(e)

taħt l-objettiv operazzjonali 5 tagħha:

(i)

ittejjeb l-effett ta’ ingranaġġ tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni u tikseb effett multiplikatur ogħla f’termini ta’ attrazzjoni ta’ finanzjament mis-settur privat;

(ii)

tagħti appoġġ lill-kumpaniji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament, u tindirizza l-ħtieġa li r-reżiljenza ekonomika madwar l-Unjoni u l-Istati Membri tiġi sostnuta;

(iii)

taċċellera u ttejjeb l-aċċessibilità għal investiment fil-qasam tad-disinn taċ-ċipep, il-manifattura tas-semikondutturi u t-teknoloġiji tal-integrazzjoni, u tagħmel ingranaġġ tal-finanzjament kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, filwaqt li żżid is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi għall-katina tal-valur tas-semikondutturi kollha.

Artikolu 6

Sinerġiji mal-programmi tal-Unjoni

L-Inizjattiva għandha tiġi implimentata f’sinerġija mal-programmi tal-Unjoni f’konformità mal-Anness III. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ilħuq tal-objettivi ma jixxekkilx meta jiġi ingranat il-karattru kumplimentari tal-Inizjattiva mal-programmi tal-Unjoni.

Artikolu 7

Konsorzji Ewropej għall-infrastruttura relatata maċ-ċipep

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ffinanzjati skont l-Inizjattiva, tista’ tiġi stabbilita entità ġuridika fil-forma ta’ Konsorzju Ewropew għall-infrastruttura relatata maċ-ċipep (“ECIC”) f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Aktar minn ECIC wieħed jista’ jiġi stabbilit.

2.   ECIC għandu:

(a)

ikollu personalità ġuridika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 5;

(b)

ikollu, f’kull Stat Membru kkonċernat, l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru u, b’mod partikolari, l-kapaċità li jakkwista, jippossjedi u jiddisponi minn proprjetà mobbli, proprjetà immobbli u PI, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċedimenti legali;

(c)

ikollu sede statutorja unika, li għandha tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru;

(d)

jiġi stabbilit minn tal-inqas tliet membri (membri fundaturi), jiġifieri Stati Membri, jew entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati minn tal-inqas tliet Stati Membri, jew kombinament tagħhom, bil-għan li tinkiseb rappreżentanza wiesgħa madwar l-Unjoni;

(e)

jiżgura li, wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 li jistabbilixxi l-ECIC, Stati Membri oħra jkunu jistgħu jissieħbu miegħu bħala membri fi kwalunkwe ħin, Li entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati oħra jistgħu jissieħbu miegħu bħala membri fi kwalunkwe ħin b’termini ġusti u raġonevoli speċifikati fl-istatuti tal-ECIC u li. l-Istati Membri li ma jipprovdux kontribuzzjoni finanzjarja jew mhux finanzjarja jistgħu jissieħbu miegħu bħala osservaturi mingħajr drittijiet tal-vot billi jinnotifikaw l-ECIC;

(f)

jaħtar koordinatur.

3.   Il-koordinatur ta’ ECIC potenzjali għandu, f’isem il-membri fundaturi kollha, jissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni bil-miktub. Dik l-applikazzjoni għandu jkun fiha dan li ġej:

(a)

talba lill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit ECIC, inkluż lista tal-membri fundaturi li jkunu qed jiffurmaw il-konsorzju;

(b)

deskrizzjoni tal-kompiti prinċipali, l-attivitajiet u r-riżorsi meħtieġa li huma bżonnjużi biex jitlestew l-azzjonijiet stabbiliti fl-applikazzjoni;

(c)

l-abbozz tal-istatuti tal-ECIC, li għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(i)

it-tul ta’ żmien u l-proċedura għax-xoljiment f’konformità mal-Artikolu 10;

(ii)

ir-reġim ta’ responsabbiltà skont l-Artikolu 8;

(iii)

is-sede statutorja u l-isem tal-ECIC;

(iv)

l-ambitu tal-kompiti u l-attiviajiet tal-ECIC;

(v)

is-sħubija, inkluż il-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-bidliet fis-sħubija;

(vi)

il-baġit, inkluż l-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura mill-membri tiegħu;

(vii)

is-sjieda tar-riżultati;

(viii)

il-governanza, inkluż il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rwoli speċifiċi;

(ix)

jekk applikabbli, id-drittijiet tal-vot;

(d)

dikjarazzjoni mill-Istat Membru ospitanti dwar jekk jirrikonoxxix l-ECIC bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g), u l-Artikolu 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE, u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2020/262, mid-data tal-istabbiliment tiegħu, Soġġett għal-limiti u l-kondizzjonijiet tal-eżenzjonijiet previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-membri tal-ECIC;

(e)

deskrizzjoni li tagħti dettalji dwar kif l-azzjonijiet meħuda mill-ECIC jikkontribwixxu għall-objettivi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4, inkluż ħarsa ġenerali lejn l-impatt mistenni tal-finanzjament pubbliku potenzjali;

(f)

dikjarazzjoni li l-ECIC irid iwettaq l-attivitajiet tiegħu f’konformità ma’ prinċipji baġitarji sodi għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

il-kompetenzi, l-għarfien espert u l-kapaċitajiet xierqa tal-membri fundaturi tal-ECIC propost dwar is-semikondutturi;

(b)

il-kapaċità ta’ ġestjoni, persunal u riżorsi xierqa meħtieġa għat-twettiq tal-għan statutorju tiegħu;

(c)

il-mezzi operazzjonali u legali biex jiġu applikati r-regoli amministrattivi, kuntrattwali u ta’ ġestjoni finanzjarja stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;

(d)

il-vijabbiltà finanzjarja xierqa li tikkorrispondi għal-livell ta’ fondi tal-Unjoni li huwa ser jintalab jimmaniġġja u juri, fejn xieraq, permezz ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà u rendikonti bankarji;

(e)

il-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-ECIC li jkunu disponibbli għall-ECIC, u arranġamenti relatati;

(f)

l-aċċess miftuħ tal-ECIC għal membri ġodda;

(g)

l-abbiltà tal-ECIC li jiżgura kopertura tal-ħtiġijiet tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni., inkluż negozji ġodda u SMEs;

(h)

il-kontribut għall-objettivi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-azzjoni proposta li tiġi implimentata, b’mod partikolari l-kontribut tagħha biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni abbażi tal-kriterji stipulati fil-paragrafu 4 li jew tirrikonoxxi applikant bħala ECIC jew tiċħad l-applikazzjoni.. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-membri fundaturi kif meħtieġ. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

6.   L-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ECIC għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Emendi għall-istatuti tal-ECIC għandhom jikkonformaw mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. L-ECIC għandu jinnotifika tali emendi lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni. In-notifiki għandujkun fihom dan li ġej:

(a)

it-test tal-emendi proposti jew, fejn xieraq, adottati, inkluż id-data li fihom jidħlu fis-seħħ; u

(b)

il-verżjoni kkonsolidata emendata tal-istatuti tal-ECIC.

Il-Kummissjoni tista’ toġġezzjona għal tali emendi fi żmien 60 jum minn meta tirċievi tali notifika, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għaliex l-emendi ma tissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

L-emendi għandhom isiru effettivi wara l-iskadenza tal-perjodu msemmi fit-tieni subparagrafu, wara li l-Kummissjoni tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha li toġġezzjona jew wara li l-Kummissjoni tkun irtirat l-oġġezzjoni tagħha.

8.   ECIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jkun fih deskrizzjoni teknika tal-attivitajiet u r-rapport finanzjarju tiegħu. Ir-rapport annwali tal-attività għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali tal-azzjonijiet iffinanzjati u għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni u jsir disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet koperti fir-rapport annwali tal-attività. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti annwali tal-attività tal-ECICs lill-Parlament Ewropew u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi mingħajr dewmien żejjed.

9.   Fejn Stat Membru jqis li l-ECIC irrifjuta li jaċċetta membru ġdid għall-konsorzju mingħajr ma pprovda raġunijiet suffiċjenti għal tali rifjut abbażi tat-termini ġusti u raġonevoli speċifikati fl-istatuti tiegħu, dak l-Istat Membru jista’ jressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandu, jekk ikun meħtieġ, jirrakkomanda li l-ECIC jieħu azzjoni ta’ rimedju, bħal emenda għall-istatuti, f’konformità mal-Artikolu 137, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2085.

Artikolu 8

Responsabbiltà tal-ECIC

1.   ECIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-ECIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom ipprovduti lill-ECIC. Il-membri jistgħu jispeċifikaw fl-istatuti tal-ECIC li huma ser jassumu responsabbiltà fissa ’l fuq mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom jew responsabbiltà illimitata.

3.   L-Unjoni ma għandhiex tkun responsabbli għad-djun ta’ ECIC.

Artikolu 9

Il-liġi applikabbli u l-ġuriżdizzjoni tal-ECIC

1.   L-istabbiliment u l-funzjonament intern ta’ ECIC għandhom ikunu regolati:

(a)

mil-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dan ir-Regolament;

(b)

mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-ECIC ikollu s-sede statutorja tiegħu fil-każ ta’ kwistjonijiet mhux regolati, jew regolati parzjalment biss, mil-liġi tal-Unjoni);

(c)

mill-istatuti tal-ECIC u mir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) jkollha ġuriżdizzjoni skont it-Trattati, il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-ECIC ikollu s-sede statutorja tiegħu għandha tiddetermina l-ġuriżdizzjoni kompetenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim fost il-membri b’rabta mal-ECIC, bejn il-membri u l-ECIC, u bejn ECIC u partijiet terzi.

Artikolu 10

Ix-xoljiment tal-ECIC

1.   L-istatuti ta’ ECIC għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi segwita għax-xoljiment ta’ ECIC wara deċiżjoni tal-membri tiegħu.

2.   Ir-regoli ta’ insolvenza tal-Istat Membru fejn l-ECIC ikollu s-sede statutorja tiegħu għandhom japplikaw fil-każ li l-ECIC ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu.

Artikolu 11

Network Ewropew ta’ ċentri ta’ kompetenza fis-semikondutturi

1.   Għall-finijiet tal-objettiv operazzjonali 4 tal-Inizjattiva, għandu jiġi stabbilit network Ewropew ta’ ċentri ta’ kompetenza fis-semikondutturi, l-integrazzjoni tas-sistema u d-disinn (in-“network”). In-network għandu jkun magħmul miċ-ċentri ta’ kompetenza magħżula mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep f’konformità mal-paragrafu 3.

2.   Iċ-ċentri ta’ kompetenza għandhom iwettqu l-attivitajiet kollha li ġejjin jew uħud minnhom għall-benefiċċju tal-industrija tal-Unjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib magħha, b’mod partikolari l-SMEs u l-mid-caps, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, l-universitajiet u s-settur pubbliku u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-katina tal-valur kollha tas-semikondutturi:

(a)

l-għoti ta’ aċċess għas-servizzi tad-disinjar u għall-għodod tad-disinn skont l-objettiv operazzjonali 1 tal-Inizjattiva, kif ukoll għal-linji pilota appoġġati skont l-objettiv operazzjonali 2;

(b)

is-sensibilizzazzjoni u l-għoti tal-għarfien prattiku, l-għarfien espert u l-ħiliet meħtieġa lill-partijiet ikkonċernati biex jgħinuhom jaċċelleraw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi, il-manifattura tas-semikondutturi, it-tagħmir, l-għażliet tad-disinn u l-kunċetti tas-sistemi kif ukoll l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi, billi jużaw b’mod effettiv l-infrastruttura u riżorsi oħra disponibbli tan-network;

(c)

is-sensibilizzazzjoni u l-għoti jew l-iżgurar tal-aċċess għall-għarfien espert, l-għarfien speċjalizzat u s-servizzi, inkluż it-tħejjija għat-tfassil tas-sistema, linji pilota ġodda u eżistenti u l-appoġġ tal-azzjonijiet meħtieġa biex jinbnew ħiliet u kompetenzi appoġġati mill-Inizjattiva;

(d)

l-iffaċilitar tat-trasferiment ta’ għarfien espert u għarfien prattiku bejn l-Istati Membri u r-reġjuni li jħeġġu l-iskambji ta’ ħiliet, għarfien u prattiki tajbin u l-inkoraġġiment ta’ programmi konġunti;

(e)

l-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar it-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-applikazzjonijiet tagħhom biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tar-riżerva ta’ talent, permezz tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, u biex jiżdied l-għadd ta’ studenti kif ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni f’oqsma rilevanti ta’ studji sal-livell ta’ PhD fl-iskejjel u l-universitajiet li jinsabu fl-Unjoni billi jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet bejn l-istudenti u l-kumpaniji tas-semikondutturi madwar l-Unjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tan-nisa.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw ċentri ta’ kompetenza kandidati f’konformità mal-proċeduri, l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali nazzjonali tagħhom permezz ta’ proċess miftuħ u kompetittiv.

Il-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandu jistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment ta’ ċentri ta’ kompetenza, inkluż il-kriterji tal-għażla, kif ukoll aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti u tal-funzjonijiet imsemmija f’dan l-Artiklu.

L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandha tagħżel iċ-ċentri ta’ kompetenza li jiffurmaw in-network.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jimmassimizzaw is-sinerġiji maċ-ċentri ta’ kompetenza eżistenti stabbiliti skont inizjattivi oħra tal-Unjoni bħaċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali.

4.   Iċ-ċentri ta’ kompetenza għandu jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom. L-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma taċ-ċentri ta’ kompetenza għandhom ikunu konformi ma’ u jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-Inizjattiva.

Artikolu 12

Implimentazzjoni

1.   L-objettivi operazzjonali 1 sa 4 tal-Inizjattiva għandhom jiġu fdati lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u għandhom jiġu implimentati permezz ta’ azzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep.

2.   Sabiex jiġu riflessi l-bidliet teknoloġiċi u l-iżviluppi tas-suq, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-azzjonijiet stabbiliti fih b’mod konsistenti mal-objettivi tal-Inizjattiva stabbiliti fl-Artikolu 4.

3.   Sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u evalwazzjoni effettivi tal-Inizjattiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37 biex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u biex tirrapporta dwar il-progress tal-Inizjattiva lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 4.

4.   Sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi tal-Inizjattiva, ir-rapport annwali tal-attività tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandu jinkludi informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-objettivi operazzjonali 1 sa 4 tal-Inizjattiva, abbażi tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu stabbiliti fl-Anness II.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-objettiv operazzjonali 5 tal-Inizjattiva fuq bażi regolari.

KAPITOLU III

Sigurtà tal-provvista u reżiljenza

Artikolu 13

Faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata

1.   Il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata għandhom ikunu faċilitajiet li huma l-ewwel tat-tip tagħhom għall-manifattura tas-semikondutturi, u, fejn rilevanti, inkluż id-disinn jew il-produzzjoni ta’ tagħmir jew komponenti ewlenin għal tali tagħmir użat b’mod predominanti fil-manifattura tas-semikondutturi fl-Unjoni, li jistgħu jintegraw passi oħra tal-katina tal-provvista, u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni u barra minn hekk huma jistgħu, fejn rilevanti, jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista globali tas-semikondutturi.

2.   Fil-mument li tissottometti l-applikazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 15(1), faċilità ta’ produzzjoni integrata għandha tikkwalifika bħala faċilità li hija l-ewwel tat-tip tagħha.

3.   Faċilità ta’ produzzjoni integrata għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment tagħha jkollu impatt pożittiv ċar b’effetti kollaterali lil hinn mill-impriża jew l-Istat Membru kkonċernat, fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni fuq terminu medju sa twil, bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi, inkluż it-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs, u li jsir kontribut għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni;

(b)

tipprovdi assigurazzjoni li mhijiex soġġetta għall-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ pajjiżi terzi b’mod li jista’ jimmina l-kapaċità tal-impriża li tikkonforma mal-obbligi stiabbiliti fl-Artikolu 26(1) u timpenja ruħha li tinforma lill-Kummissjoni meta jinqala’ tali obbligu;

(c)

tinvesti fl-Unjoni f’innovazzjoni kontinwa bil-ħsieb li jinkisbu avvanzi konkreti fit-teknoloġija tas-semikondutturi jew fit-tħejjija ta’ teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss;

(d)

tappoġġa r-riżerva ta’ talent tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ taħriġ edukattiv u tal-ħiliet u billi żżid ir-riżerva ta’ forza tax-xogħol kwalifikata u tas-sengħa.

4.   Għall-fini ta’ investiment f’innovazzjoni kontinwa f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata għandu jkollhom aċċess preferenzjali għal-linji pilota stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5, il-punt (b). Kwalunkwe aċċess preferenzjali bħal dan la għandu jeskludi u lanqas jipprevjeni aċċess effettiv fuq termini ġusti għal-linji pilota minn impriżi interessati oħra, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs.

Artikolu 14

Fonderiji miftuħa tal-UE

1.   Il-Fonderiji miftuħa tal-UE għandhom faċilitajiet għall-manifattura tas-semikondutturi li huma l-ewwel tat-tip tagħhom fl-Unjoni li joffru kapaċità ta’ produzzjoni lil impriżi mhux relatati u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista għas-suq intern u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni u, barra minn hekk huma jistgħu, fejn rilevanti, jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-katina tal-provvista globali tas-semikondutturi.

2.   Fil-mument li tissottometti applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15(1), fonderija miftuħa tal-UE għandha tkun meħtieġa tikkwalifika bħala faċilità li hija l-ewwel tat-tip tagħha.

3.   Fonderija miftuħa tal-UE għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment tagħha jkollu impatt pożittiv ċar, b’effetti kollaterali lil hinn mill-impriża jew l-Istat Membru kkonċernat, fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni fuq terminu medju sa twil, bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi, inkluż it-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs, u li jsir kontribut għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, il-punt sa fejn din toffri kapaċità ta’ produzzjoni front-end jew back-end, jew it-tnejn, lil impriżi li ma jkunuxx relatati mal-faċilità, jekk ikun hemm domanda suffiċjenti;

(b)

tipprovdi assigurazzjoni li ma tkunx soġġetta għall-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ pajjiżi terzi b’mod li jista’ jimmina l-kapaċità tal-impriża li tikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 26(1) u timpenja ruħha li tinforma lill-Kummissjoni meta jinqala’ tali obbligu;

(c)

tinvesti fl-Unjoni f’innovazzjoni kontinwa bil-ħsieb li jinkisbu avvanzi konkreti fit-teknoloġija tas-semikondutturi jew fit-tħejjija ta’ teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss;

(d)

tappoġġa r-riżerva ta’ talent tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ taħriġ edukattiv u tal-ħiliet u billi żżid ir-riżerva ta’ forza tax-xogħol kwalifikata u tas-sengħa.

4.   Meta fonderija miftuħa tal-UE toffri kapaċità ta’ produzzjoni lil impriżi mhux relatati mal-operatur tal-faċilità, hija għandha tistabbilixxi u żżomm separazzjoni funzjonali adegwata u effettiva tal-proċessi tad-disinn u tal-manifattura sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni li tinkiseb f’kull stadju.

5.   Għall-finijiet ta’ investiment fl-innovazzjoni kontinwa f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, fonderija miftuħa tal-UE għandu jkollha aċċess preferenzjali għal-linji pilota stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5, il-punt (b). Kwalunkwe aċċess preferenzjali bħal dan la għandu jeskludi u lanqas jipprevjeni aċċess effettiv fuq termini ġusti għal-linji pilota minn impriżi interessati oħra, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs.

Artikolu 15

Applikazzjoni għall-istatus bħala faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE

1.   Kwalunkwe impriża jew kwalunkwe konsorzju ta’ impriżi jista’ jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jagħti lil proġett l-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE.

2.   Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tivvaluta l-applikazzjoni permezz ta’ proċess ġust u trasparenti abbażi tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) jew l-Artikolu 14(2), rispettivament, u impenn ta’ konformità mal-Artikolu 13(3) jew l-Artikolu 14(3), rispettivament;

(b)

pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja u teknika tal-proġett, b’kont meħud tal-ħajja kollha tiegħu, inkluż informazzjoni dwar kwalunkwe sostenn pubbliku ppjanat;

(c)

esperjenza mixhuda bi prova tal-applikant fl-installazzjoni u fl-operat ta’ faċilitajiet simili;

(d)

l-għoti ta’ dokument ta’ appoġġ xieraq li juri li l-Istat Membru jew l-Istati Membri huma lesti li jistabbilixxu l-faċilità tagħhom biex jappoġġaw l-istabbiliment ta’ tali faċilità;

(e)

l-eżistenza ta’ politiki xierqa, inkluż protezzjoni teknika u miżuri ta’ implimentazzjoni, bl-għan li jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux żvelata u d-drittijiet tal-PI, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi evitat l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ sigrieti kummerċjali jew il-kxif ta’ teknoloġiji emerġenti sensittivi.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar l-informazzjoni meħtieġa u l-format rilevanti tagħha.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipproċessa applikazzjonijiet, tadotta d-deċiżjonijiet tagħha u tinnotifika lill-applikanti fi żmien sitt xhur mir-riċevuta ta’ applikazzjoni kompluta. Meta l-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni ma tkunx kompluta, hija għandha tipprovdi lill-applikant l-opportunità li jissottometti l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jimla l-applikazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiddetermina t-tul ta’ żmien tal-istatus abbażi tal-ħajja mbassra tal-proġett.

4.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress miksub fl-istabbiliment u t-tħaddim tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE u għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fuq bażi regolari.

5.   L-operatur tal-faċilità jista’ jitlob lill-Kummissjoni twettaq rieżami tatt-tul ta’ żmien tal-istatus jew timmodifika l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 13(3) jew l-Artikolu 14(3) rispettivament, fejn tqis li tali rieżami jkun debitament iġġustifikat minħabba ċirkostanzi esterni mhux previsti. Abbażi ta’ tali rieżami, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi t-tul ta’ żmien tal-istatus mogħti f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew taċċetta l-modifika tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni.

6.   Meta l-Kummissjoni ssib li faċilità ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(3) jew l-Artikolu 14(3), hija għandha tagħti lill-operatur tal-faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE l-opportunità li jikkummenta u li jipproponi miżuri xierqa.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tħassar deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE jekk ir-rikonoxximent kien ibbażat fuq applikazzjoni li kien fiha informazzjoni skorretta jew fejn, minkejja li tlestiet il-proċedura fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(3) jew l-Artikolu 14(3), rispettivament. Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi wara li tipprovdilu r-raġunijiet għat-tħassir propost. Kwalunkwe deċiżjoni li tirtira l-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE għandha tkun motivata kif xieraq u soġġetta għal dritt ta’ appell mill-operatur.

8.   Il-faċilitajiet li l-istatus tagħhom ta’ fċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitilfu d-drittijiet kollha marbuta mar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus li jirriżultaw minn dan ir-Regolament. Madankollu, tali -faċilitajiet għandhom jibqgħu soġġetti għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 26(1) għal perjodu ekwivalenti għal dak li kien inizjalment previst meta l-istatus ingħata f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jew, fejn l-istatus ġie rieżaminat, id-durata applikabbli f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 16

L-interess pubbliku u s-sostenn pubbliku

1.   Il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi u għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni u għaldaqstant li huma fl-interess pubbliku.

2.   Sabiex jaslu għas-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE, japplikaw miżuri ta’ appoġġ u jipprevedu appoġġ amministrattiv għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE f’konformità mal-Artikolu 18.

Artikolu 17

Ċentri ta’ eċċellenza tad-disinn

1.   Il-Kummissjoni tista’ tagħti tikketta ta’ “ċentru ta’ eċċellenza tad-disinn” lil ċentri tad-disinn stabbiliti fl-Unjoni li jtejbu b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet potenzjali tal-Unjoni fid-disinn innovattiv taċ-ċipep permezz tal-offerti tas-servizz tagħhom jew permezz tal-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tad-disinn.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta ‘atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjonijiet u r-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għall-għoti, il-monitoraġġ u l-irtirar tat-tikketta msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Iċ-ċentri ta’ eċċellenza tad-disinn għandhom jitqiesu li huma fl-interess pubbliku, u b’hekk jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE, japplikaw miżuri ta’ appoġġ għal ċentri ta’ eċċellenza tad-disinn, b’mod partikolari jekk tali ċentri ta’ eċċellenza tad-disinn huma SMEs.

Artikolu 18

Aċċellerazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, il-bini u t-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u fonderiji miftuħa tal-UE jiġu pproċessati b’mod effiċjenti, trasparenti u f’waqtu. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kollha kkonċernati għandhom jiżguraw li jingħata l-aktar trattament rapidu legalment possibbli lil dawn l-applikazzjonijiet b’mod li jirrispetta bis-sħiħ il-liġi u l-proċedura nazzjonali.

2.   Meta jeżisti tali status fil-liġi nazzjonali, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE għandhom jiġu allokati l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli u jiġu ttrattati bħala tali fil-proċessi tal-għoti tal-permessi. Dan il-paragrafu għandu japplika biss fejn tali status tal-ogħla sinifikat nazzjonali jeżisti fil-liġi nazzjonali u ma joħloqx obbligu għall-Istati Membri biex jintroduċu tali status.

3.   Is-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 16(1), il-punt (c), tad-Direttiva 92/43/KEE u ta’ interess pubbliku prevalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE. Għalhekk, l-ippjanar, il-bini u t-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u fonderiji miftuħa tal-UE jistgħu jitqiesu bħala ta’ interess pubbliku prevalenti, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà jew l-implimentazzjoni ta’ liġi ambjentali oħra tal-Unjoni.

4.   Għal kull faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE, kull Stat Membru kkonċernat jista’ jiddeżinja awtorità responsabbli għall-iffaċilitar u għall-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, mal-bini u mat-tħaddim.

Kull awtorità deżinjata tista’ taħtar koordinatur li għandu jservi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt għall-faċilità ta’ produzzjoni integrata jew għall-fonderija miftuħa tal-UE.

Jekk l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE jirrikjedi li jittieħdu deċiżjonijiet f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet deżinjati rilevanti jistgħu jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti u effikaċi bejniethom.

KAPITOLU IV

Il-Monitoraġġ u r-rispons għall-kriżijiet

Taqsima 1

Monitoraġġ

Artikolu 19

Immappjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq immappjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni f’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. L-immappjar strateġiku għandu jipprovdi analiżi tal-punti tajbin u d-dgħufijiet tal-Unjoni fis-settur globali tas-semikondutturi u jidentifika fatturi bħal:

(a)

prodotti ewlenin u infrastrutturi kritiċi fis-suq intern li jiddependu fuq il-provvista tas-semikondutturi;

(b)

industriji tal-utenti ewlenin fl-Unjoni u l-ħtiġijiet u d-dipendenzi attwali u mistennija tagħhom, inkluż analiżi tar-riskji possibbli għas-sigurtà tal-provvista marbuta wkoll ma’ investiment insuffiċjenti;

(c)

segmenti ewlenin tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, inkluż id-disinn, is-software għad-disinn, il-materjali, it-tagħmir tal-manifattura, il-manifattura tas-semikondutturi, u back-end esternalizzat;

(d)

il-karatteristiċi teknoloġiċi, id-dipendenzi fuq teknoloġija u fornituri ta’ pajjiżi terzi, u l-konġestjonijiet tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni inkluż l-aċċess għal inputs;

(e)

il-ħtiġijiet attwali u mistennija għall-ħiliet u l-aċċess effettiv għal forza tax-xogħol kwalifikata fis-settur tas-semikondutturi;

(f)

fejn xieraq, l-impatt potenzjali tal-miżuri ta’ kriżi msemmija fl-Artikoli 25, 26 u 27 fuq is-settur tas-semikondutturi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi dwar ir-riżultati aggregati tal-immappjar strateġiku fuq bażi regolari.

3.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-eżitu tal-immappjar strateġiku mwettaq skont il-paragrafu 1 u wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tiżviluppa lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, għandha tirrieżamina l-lista ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija fuq bażi regolari, mill-inqas kull sentejn.

4.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tiżviluppa qafas u metodoloġija għal immappjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi. Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-qafas u l-metodoloġija fejn meħtieġ.

5.   L-immappjar strateġiku għandu jkun ibbażat, fost l-oħrajn, fuq data pubblikament u kummerċjalment disponibbli u fuq informazzjoni mhux kunfidenzjali rilevanti minn impriżi, fuq riżultati ta’ analiżi simili mwettqa, inkluż fil-kuntest tal-liIġi tal-Unjoni dwar il-materja prima u l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll fuq l-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 40(1). Fejn dan ma jkunx biżżejjed biex jiġi żviluppat l-immappjar strateġiku skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ toħroġ talbiet volontarji għal informazzjoni lill-atturi fil-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Il-Kummissjoni għandha tuża l-mezzi standardizzati u siguri għall-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 32(4), għall-finijiet ta’ tali talbiet għal informazzjoni.

6.   Kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan l-Artiklu għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-obbligi ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 32.

7.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tadotta gwida għall-għoti ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 5. Il-Kummissjoni għandha taġġorna dik il-gwida meta jkun meħtieġ.

Artikolu 20

Monitoraġġ u antiċipazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, għandha twettaq monitoraġġ regolari tal-katina tal-valur tas-semikondutturi bil-ħsieb li tidentifika fatturi li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista tas-semikondutturi jew il-kummerċ fis-semikondutturi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-monitoraġġ għandu jikkonsisti fl-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-monitoraġġ tal-indikaturi ta’ twissija bikrija identifikati skont l-Artikolu 19;

(b)

il-monitoraġġ mill-Istati Membri tal-integrità tal-attivitajiet imwettqa mill-atturi ewlenin tas-suq identifikati skont l-Artikolu 21 u r-rappurtar mill-Istati Membri dwar avvenimenti kbar li jistgħu jfixklu l-operazzjonijiet regolari ta’ tali attivitajiet;

(c)

l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki għall-mitigazzjoni tar-riskju preventiva u għal żieda fit-trasparenza fil-katina tal-valur tas-semikondutturi.

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, għandha tiddefinixxi l-frekwenza tal-monitoraġġ abbażi tal-ħtiġijiet tas-settur tas-semikondutturi.

Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet relatati mal-monitoraġġ tas-settur tas-semikondutturi, abbażi tal-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 19 jew minn sorsi oħra, bħal sħab internazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-SMEs biex jitnaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-ġbir tal-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-atturi ewlenin tas-suq, sett rappreżentattiv ta’ utenti ta’ semikondutturi mis-setturi kritiċi, organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-katina tal-valur tas-semikondutturi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jipprovdu informazzjoni, fuq bażi volontarja, għall-fini tat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni, fuq bażi volontarja, minn atturi ewlenin tas-suq fejn meħtieġ u proporzjonat.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu u jżommu lista ta’ kuntatti tal-impriżi rilevanti kollha li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dik il-lista għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi format standardizzat għal-lista ta’ kuntatti bil-ħsieb li tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

6.   Kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikolu 32.

7.   Abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-attivitajiet skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport tas-sejbiet aggregati lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fil-forma ta’ aġġornamenti regolari. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jiltaqa’ biex jivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ. Il-Kummissjoni għandha tistieden organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur tas-semikondutturi għal tali laqgħat. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tistieden atturi ewlenin tas-suq, utenti ta’ semikondutturi mis-setturi kritiċi, awtoritajiet jew organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ pajjiżi terzi sħab, u esperti mill-akkademja u s-soċjetà ċivili għal tali laqgħat.

Artikolu 21

Atturi ewlenin tas-suq

L-Istati Membri għandhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 19, jidentifikaw l-atturi ewlenin tas-suq tul il-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fit-territorju tagħhom, filwaqt li jqisu l-elementi li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ impriżi oħra tal-Unjoni li jiddependu fuq is-servizz jew fuq l-oġġett ipprovdut minn attur tas-suq;

(b)

is-sehem mis-suq tal-Unjoni jew mis-suq globali tal-attur ewlieni tas-suq għal tali servizzi jew oġġetti;

(c)

l-importanza ta’ attur tas-suq fiż-żamma ta’ livell suffiċjenti ta’ provvista ta’ servizz jew ta’ oġġett fl-Unjoni, filwaqt li titqies id-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi għall-forniment ta’ dak is-servizz jew ta’ dak l-oġġett;

(d)

l-impatt li tfixkil fil-provvista tas-servizz jew tal-oġġett ipprovdut mill-attur tas-suq jista’ jkollu fuq il-katina tal-provvista tas-semikondutturi u fuq is-swieq dipendenti tal-Unjoni.

Taqsima 2

Twissijiet u l-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi

Artikolu 22

Twissijiet u azzjoni preventiva

1.   Meta awtorità nazzjonali kompetenti ssir konxja ta’ riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista tas-semikondutturi, jew ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli li ser jimmaterjalizza xi fattur ta’ riskju jew avveniment rilevanti ieħor, hija għandha twissi lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

2.   Meta l-Kummissjoni ssir taf b’riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli li ser jimmaterjalizza xi fattur ta’ riskju jew avveniment rilevanti ieħor, inkluż abbażi ta’ indikaturi ta’ twissija bikrija, wara twissija skont il-paragrafu 1 jew minn sħab internazzjonali, hija għandha, mingħajr dewmien żejjed, twettaq l-azzjonijiet preventivi li ġejjin:

(a)

issejjaħ laqgħa straordinarja tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi biex tikkoordina l-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

tiddiskuti s-severità tal-interruzzjonijiet fil-provvista tas-semikondutturi;

(ii)

tiddiskuti jekk il-bidu tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23 ikunx meħtieġ u proporzjonat;

(iii)

tiddiskuti jekk ikunx xieraq, meħtieġ u proporzjonat għall-Istati Membri li jixtru b’mod konġunt semikondutturi, prodotti intermedji jew materja prima bħala miżura preventiva (“akkwist konġunt”);

(iv)

tidħol fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-valur tas-semikondutturi bil-ħsieb li jiġu identifikati, imħejjija u possibbilment ikkoordinati miżuri preventivi;

(b)

f’isem l-Unjoni, tidħol f’konsultazzjonijiet jew f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti bl-għan li tfittex soluzzjonijiet kooperattivi biex tindirizza t-tfixkil fil-katina tal-provvista, f’konformità mal-obbligi internazzjonali li jista’ jinvolvi, fejn xieraq, it-twettiq ta’ koordinazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti;

(c)

titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jivvalutaw l-istat ta’ tħejjija tal-atturi ewlenin tas-suq.

3.   Kwalunkwe akkwist konġunt li jitwettaq wara d-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a)(iii), għandu jitwettaq mill-Istati Membri f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 38 u 39 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u fl-Artikoli 56 u 57 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).

Artikolu 23

L-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi

1.   Kriżi tas-semikondutturi għandha titqies li sseħħ meta:

(a)

ikun hemm tfixkil serju fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi jew ostakli serji għall-kummerċ fis-semikondutturi fl-Unjoni li jikkawżaw nuqqasijiet sinifikanti ta’ semikondutturi, prodotti intermedji jew materja prima jew ipproċessata; u

(b)

tali nuqqasijiet sinifikanti jipprevjenu l-provvista, it-tiswija jew il-manutenzjoni ta’ prodotti essenzjali użati minn setturi kritiċi sal-punt li jkollhom effett detrimentali serju fuq il-funzjonament tas-setturi kritiċi minħabba l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, l-ekonomija u s-sigurtà tal-Unjoni.

2.   Meta l-Kummissjoni ssir konxja ta’ kriżi potenzjali tas-semikondutturi skont l-Artikolu 22(2), hija għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu humiex issodisfati. Dik il-valutazzjoni għandha tqis l-impatti u l-konsegwenzi pożittivi u negattivi potenzjali tal-fażi ta’ kriżi fuq l-industrija tas-semikondutturi u fuq is-setturi kritiċi tal-Unjoni. Meta dik il-valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tipproponi lill-Kunsill biex jattiva l-fażi ta’ kriżi.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jattiva l-fażi ta’ kriżi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Id-durata tal-fażi ta’ kriżi għandu jiġi speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni u ma għandux ikun aktar minn 12-il xahar.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull tliet xhur lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u lill-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-kriżi.

4.   Qabel l-iskadenza tad-durata li għaliha tkun ġiet attivata fażi ta’ kriżi, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk mhux xieraq li tiġi estiża l-fażi ta’ kriżi. Meta tali valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli li l-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-kriżi għadhom issodisfati, u wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itawwal il-fażi ta’ kriżi.

Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jtawwal il-fażi ta’ kriżi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. It-tul ta’ żmien tal-estensjoni għandu jkun limitat u speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li ttawwal il-fażi ta’ kriżi darba waħda jew b’mod aktar frekwenti fejn ikun debitament ġustifikat.

5.   Matul il-fażi ta’ kriżi, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tivvaluta l-adegwatezza ta’ terminazzjoni bikrija tal-fażi ta’ kriżi. Jekk il-valutazzjoni tindika hekk, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itemm il-fażi ta’ kriżi.

Il-Kunsill jista’ jittermina l-fażi ta’ kriżi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

6.   Matul il-fażi ta’ kriżi, il-Kummissjoni għandha, fuq talba minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, tlaqqa’ laqgħat straordinarji tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi kif meħtieġ.

L-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni, jinfurmaw f’waqtu dwar kwalunkwe miżura nazzjonali meħuda fir-rigward tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi fi ħdan il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u jikkoordinawhom.

7.   Mal-iskadenza tal-perjodu li għalih jiġi attivat il-fażi ta’ kriżi jew fil-każ tat-terminazzjoni bikrija tiegħu skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-miżuri meħuda f’konformità mal-Artikoli 25, 26 u 27 għandhom jieqfu japplikaw immedjatament.

8.   Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-immappjar u l-monitoraġġ tal-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi skont l-Artikoli 19 u 20 filwaqt li tqis l-esperjenza mill-kriżi, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tad-durata tal-fażi ta’ kriżi.

Taqsima 3

Rispons għal nuqqasijiet

Artikolu 24

Sett ta’ għodod ta’ emerġenza

1.   Meta l-fażi ta’ kriżi tiġi attivata skont l-Artikolu 23 u fejn meħtieġ sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tas-semikondutturi fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżura prevista fl-Artikolu 25, 26 jew 27, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

2.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, għandha tillimita l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mill-Artikoli 26 u 27 għas-setturi kritiċi li l-operat tagħhom hu mfixkel jew mhedded minn tfixkil minħabba l-kriżi tas-semikondutturi. L-użu tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun proporzjonat u ristrett għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat tfixkil serju li jaffettwa setturi kritiċi fl-Unjoni u jrid ikun fl-aqwa interess tal-Unjoni. L-użu ta’ dawk il-miżuri għandu jevita t-tqegħid ta’ piż amministrattiv sproporzjonat b’mod partikolari fuq l-SMEs.

3.   Meta l-fażi ta’ kriżi tiġi attivata skont l-Artikolu 23 u fejn xieraq sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tas-semikondutturi fl-Unjoni, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’:

(a)

jivvaluta u jagħti pariri dwar miżuri ta’ emerġenza xierqa u effettivi;

(b)

jivvaluta l-impatt mistenni tal-impożizzjoni possibbli ta’ miżuri protettivi fuq is-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni, filwaqt li jqis jekk is-sitwazzjoni tas-suq tikkorrispondix għal nuqqas sinifikanti ta’ prodott essenzjali skont ir-Regolament (UE) 2015/479 u jipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe miżura meħuda f’konformità mal-paragrafu 1 u tispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

5.   Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, toħroġ gwida dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-miżuri ta’ emerġenza.

Artikolu 25

Ġbir ta’ informazzjoni

1.   Meta l-fażi ta’ kriżi jiġi attivat skont l-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriżi li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċitajiet potenzjali tal-produzzjoni, il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u t-tfixkil primarju attwali tagħhom. L-informazzjoni mitluba għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi vvalutata n-natura tal-kriżi tas-semikondutturi jew biex jiġi identifikati u vvalutati miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni jew ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. It-talbiet għall-informazzjoni m’għandhomx jinvolvu l-forniment ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

2.   Qabel ma tniedi talba għal informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ twettaq konsultazzjoni volontarja ta’ għadd rappreżentattiv ta’ impriżi rilevanti bil-ħsieb li tidentifika l-kontenut xieraq u proporzjonat ta’ tali talba. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa t-talba għal informazzjoni f’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tuża mezzi siguri u timmaniġġja kwalunkwe informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 32 biex tniedi t-talba għall-informazzjoni. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni l-lista ta’ kuntatti stabbiliti skont l-Artikolu 20(5).

Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tibgħat kopja tat-talba għal informazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-impriża indirizzata. Jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti titlob dan, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni miksuba mill-impriża rilevanti f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.   It-talba għall-informazzjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tagħha, tkun limitata għall-minimu meħtieġ u tkun proporzjonata mil-lat tal-granularità u l-volum tad-data u l-frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba, tqis l-għanijiet leġittimi tal-impriża u l-ispiża u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli, u tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni. Għandha tindika wkoll il-penali previsti fl-Artikolu 33.

5.   Is-sidien tal-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma jkollhom l-ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew mill-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati.

6.   Jekk impriża tipprovdi informazzjoni skorretta, inkompleta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba magħmula skont dan l-Artikolu, jew ma tipprovdix l-informazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt, din għandha tkun soġġetta għal multi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 33, ħlief fejn l-impriża jkollha raġunijiet suffiċjenti biex ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba.

7.   Jekk impriża stabbilita fl-Unjoni tkun soġġetta għal talba għal informazzjoni minn pajjiż terz, relatata mal-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-semikondutturi, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien xieraq, b’tali mod li tippermetti lill-Kummissjoni titlob informazzjoni simili mill-impriża. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fuq l-eżistenza ta’ tali talba minn pajjiż terz.

Artikolu 26

Ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità

1.   Fejn il-fażi ta’ kriżi jiġi attivat skont l-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi (ordni klassifikata bħala prijorità). Tali obbligu għandu jieħu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu ta’ prestazzjoni skont id-dritt privat jew pubbliku.

2.   Fejn applikabbli, l-obbligu skont il-paragrafu 1 jista’ jiġi impost fuq impriżi oħra tas-semikondutturi li jkunu aċċettaw tali possibbiltà fil-kuntest li jirċievu sostenn pubbliku.

3.   Meta impriża tas-semikondutturi stabbilita fl-Unjoni tkun soġġetta għal miżura ta’ ordni klassifikata bħala prijorità ta’ pajjiż terz, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni. Jekk dak l-obbligu jkollu impatt sinifikanti fuq l-operat ta’ ċerti setturi kritiċi, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ lil dik l-impriża, meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat, taċċetta u tipprijoritizza ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi f’konformità mal-paragrafi 5, 6 u 7.

4.   L-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità għandhom ikunu ristretti għall-benefiċjarji li huma utenti ta’ semikondutturi minn setturi kritiċi jew impriżi li jfornu setturi kritiċi li l-attivitajiet tagħhom huma mfixkla jew f’riskju ta’ tfixkil u li, wara li jkunu implimentaw miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju, ma setgħux jevitaw u jtaffu l-impatt tan-nuqqas. Il-Kummissjoni tista’ titlob mingħand benefiċjarju biex jissottometti evidenza xierqa ta’ dan.

5.   L-obbligi skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati bħala miżura tal-aħħar istanza mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu dik id-deċiżjoni wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u f’konformità mal-obbligi legali applikabbli kollha tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ, inkluż il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Id-deċiżjoni għandha, b’mod partikolari, tqis l-għanijiet leġittimi tal-impriża kkonċernata u l-kost, l-isforz u l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tal-ordni kklassifikata bħala prijorità, tistabbilixxi t-terminu li fih għandha titwettaq l-ordni, u, fejn applikabbli, tispeċifika l-prodott u l-kwantità, u fejn applikabbli, tiddikjara l-penali previsti fl-Artikolu 33 għan-nuqqas ta’ konformità ma’ tali obbligu. L-ordni kklassifikata bħala prijorità għandha titressaq bi prezz ġust u raġonevoli.

6.   Qabel ma toħroġ ordnijiet klassifikati bħala prijorità f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħti lir-riċevitur ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità l-opportunità li jinstema’ dwar il-fattibbiltà u d-dettalji tal-ordni. Il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ l-ordni kklassifikata bħala prijorità meta:

(a)

l-impriża ma tkunx tista’ twettaq l-ordni klassifikata bħala prijorità minħabba nuqqas ta’ kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni jew kapaċità potenzjali, jew abbażi ta’ raġunijiet tekniċi, anke jekk l-ordni tingħata trattament preferenzjali;

(b)

l-aċċettazzjoni tal-ordni tpoġġi piż irraġonevoli u tinvolvi diffikultà partikolari għall-impriża, inkluż riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat.

7.   Meta impriża tkun meħtieġa taċċetta u tipprijoritizza ordni klassifikata bħala prijorità, din ma għandha tkun responsabbli għall-ebda ksur tal-obbligi kuntrattwali li jkun meħtieġ biex din tkun tista’ tikkonforma mal-ordnijiet klassifikati bħala prijorità. Ir-responsabbiltà għandha tiġi eskluża biss sal-punt li l-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni li ngħatat il-mandat.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tal-ordnijiet kklassifikati bħala prijorità. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

Artikolu 27

Xiri komuni

1.   Meta l-fażi ta’ kriżi jiġi attivat skont l-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti f’isem l-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw (Stati Membri parteċipanti) għall-akkwist pubbliku tagħhom ta’ prodotti rilevanti għas-setturi kritiċi (xiri komuni). Il-parteċipazzjoni fix-xiri komuni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal proċeduri oħra ta’ akkwist. It-talba għax-xiri komuni għandha tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata u għandha tintuża b’mod esklużiv biex tindirizza t-tfixkil fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi li jwassal għall-kriżi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-utilità, in-neċessità u l-proporzjonalità tat-talba, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma ssegwix it-talba, hija għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u tagħti r-raġunijiet għar-rifjut tagħha.

3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal proposta għal ftehim li jiġi ffirmat mill-Istati Membri parteċipanti. Tali ftehim għandu jorganizza fid-dettall ix-xiri komuni msemmi fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-użu tal-mekkaniżmi tax-xiri komuni u r-responsabbiltajiet li għandhom jittieħdu, u jistabbilixxi l-mandat għall-Kummissjoni biex taġixxi f’isem l-Istati Membri parteċipanti.

4.   L-akkwist skont dan ir-Regolament għandu jitwettaq mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli li jinsabu fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33) (ir-Regolament Finanzjarju) għall-akkwist tagħha stess. Il-Kummissjoni jista’ jkollha l-kapaċità u r-responsabbiltà, f’isem l-Istati Membri parteċipanti kollha, li tidħol f’kuntratti mal-operaturi ekonomiċi, inkluż produtturi individwali ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet, rigward ix-xiri ta’ tali prodotti jew dwar il-finanzjament tal-produzzjoni jew l-iżvilupp ta’ tali prodotti bi skambju għal dritt ta’ prijorità għar-riżultat.

5.   Fejn l-akkwist ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet jinkludi finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, jistgħu jiġu stabbiliti kondizzjonijiet speċifiċi fi ftehimiet speċifiċi mal-operaturi ekonomiċi.

6.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri ta’ akkwist u tikkonkludi l-kuntratti mal-operaturi ekonomiċi f’isem l-Istati Membri parteċipanti. Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri parteċipanti jaħtru rappreżentanti biex jieħdu sehem fit-tħejjija tal-proċeduri ta’ akkwist. It-tħejjija għall-użu, l-użu jew l-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti mixtrija għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mal-ftehim msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-użu ta’ xiri komuni skont dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal strumenti oħra previsti fir-Regolament Finanzjarju.

KAPITOLU V

Governanza

Taqsima 1

Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi

Artikolu 28

L-istabbiliment u l-kompiti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi

1.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi huwa stabbilit.

2.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jipprovdi lill-Kummissjoni pariri, assistenza u rakkomandazzjonijiet skont dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, billi:

(a)

jipprovdi pariri dwar l-Inizjattiva lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep;

(b)

jipprovdi pariri lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE;

(c)

jaqsam il-fehmiet tiegħu mal-Kummissjoni dwar l-aħjar modi biex jiġu żgurati, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, il-protezzjoni u l-infurzar effettivi tad-drittijiet tal-PI, informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali, bl-involviment dovut tal-partijiet ikkonċernati, fir-rigward tas-settur tas-semikondutturi;

(d)

jiddiskuti u jħejji l-identifikazzjoni ta’ setturi u teknoloġiji speċifiċi b’impatt soċjali jew ambjentali potenzjali għoli, jew b’sinifikat mil-lat ta’ sigurtà, u li għalhekk jeħtieġu ċertifikazzjoni bħala prodotti ekoloġiċi, affidabbli u siguri;

(e)

jindirizza kwistjonijiet relatati mal-immappjar strateġiku, il-monitoraġġ, it-twissija u l-azzjoni preventiva u r-rispons għall-kriżijiet;

(f)

jagħti pariri dwar l-għodod tal-fażi tal-kriżi skont l-Artikoli 24 sa 27;

(g)

jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet rigward l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni internazzjonali relatata mas-semikondutturi. Għal dak il-għan, jista’ jikkunsidra l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, inkluż dawk tal-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jiddiskuti perjodikament dan li ġej, u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-eżitu ta’ tali diskussjoni:

(a)

kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur globali tas-semikondutturi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali eżistenti ma’ pajjiżi terzi;

(b)

liema pajjiżi terzi jistgħu jingħataw prijorità għal kooperazzjoni internazzjonali msaħħa relatata mas-semikondutturi, filwaqt li jitqiesu:

(i)

il-komplementarjetajiet u l-interdipendenzi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi;

(ii)

l-effett fuq il-provvista tas-semikondutturi ta’ politiki kummerċjali, tariffi, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, ostakli għall-kummerċ, kif ukoll l-effett tal-għeluq ta’ negozji, delokalizzazzjoni jew akkwiżizzjonijiet ta’ atturi ewlenin tas-suq tal-Unjoni minn entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament;

(iii)

il-kontribut potenzjali għas-sigurtà tal-provvista, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom tas-semikondutturi, tal-prodotti intermedji u tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tas-semikondutturi jew tal-prodotti intermedji;

(iv)

ftehimiet ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn dak il-pajjiż terz u l-Unjoni.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skont it-Trattati.

4.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jiżgura l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, fejn xieraq, mal-istrutturi rilevanti ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ tħejjija għall-kriżijiet stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 29

L-istruttura tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi

1.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha. Rappreżentant tal-Kumissjoni għandu jkun il-President tal- Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant ta’ livell għoli fil-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Fejn rilevanti fir-rigward tal-funzjoni u l-għarfien espert, Stat Membru jista’ jkollu aktar minn rappreżentant wieħed fir-rigward ta’ kompiti differenti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Kull membru tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkollu sostitut. L-Istati Membri biss għandu jkollhom drittijiet tal-vot. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed biss irrispettivament min-numru ta’ rappreżentanti li jkollu.

3.   Fl-ewwel laqgħa tiegħu, fuq proposta tal-Kummissjoni u bi ftehim mal-President, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4.   Il-President jista’ jistabbilixxi sottogruppi permanenti jew temporanji għall-finijiet tal-eżami ta’ kwistjonijiet speċifiċi.

Fejn xieraq, il-President għandha tistieden organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, l-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, it-trade unions u l-utenti tas-semikondutturi fil-livell tal-Unjoni biex jipprovdu kontribut għal tali sottogruppi fil-kapaċità ta’ osservaturi.

Għandu jiġi stabbilit sottogrupp li jinkludi l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija tal-Unjoni bl-għan li jiġu eżaminati aspetti speċifiċi dwar id-direzzjonijiet strateġiċi tat-teknoloġija u biex isir rapportar dwar dan lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.

Artikolu 30

L-operat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi

1.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkollu laqgħat ordinarji mill-inqas darba fis-sena. Jista’ jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru u kif imsemmi fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 23.

2.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkollu laqgħat separati għall-kompiti tiegħu msemmija fl-Artikolu 28(2), il-punt (a), u għall-kompiti tiegħu msemmija fl-Artikolu 28(2), il-punti (b), (d), (e) u (f).

3.   Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat u jħejji l-aġenda, wara li jikkonsulta lill-membri tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, f’konformità mal-kompiti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv u analitiku għall-attivitajiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi skont l-Artikolu 28.

4.   Fejn xieraq, il-President għandu jinvolvi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur tas-semikondutturi u għandu jistieden esperti b’għarfien espert speċifiku fis-suġġett, inkluż minn organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, u jaħtar osservaturi biex jieħdu sehem fil-laqgħat, inkluż fuq suġġeriment mill-membri. Il-President jista’ jiffaċilita skambji bejn il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi u ta’ esperti oħra tal-Unjoni. Għal dak l-għan, il-President għandu jistieden rappreżentant mill-Parlament Ewropew bħala osservatur permanenti għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, b’mod partikolari għal-laqgħat li jikkonċernaw il-Kapitolu IV dwar il-monitoraġġ u r-rispons għall-kriżijiet. Il-President għandu jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet u korpi rilevanti oħrajn tal-Unjoni bħala osservaturi għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fir-rigward ta’ laqgħat li jikkonċernaw il-Kapitolu IV dwar il-monitoraġġ u r-rispons għall-kriżijiet.

L-osservaturi u l-esperti ma għandux ikollhom drittijiet tal-vot u ma għandhomx jipparteċipaw fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u tas-sottogruppi tiegħu. Fejn xieraq, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jistieden lil dawk l-osservaturi u l-esperti biex jikkontribwixxu b’informazzjoni u għarfien.

5.   Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-immaniġġjar u l-ipproċessar sikur ta’ informazzjoni kunfidenzjali, f’konformità mal-Artikolu 32.

Taqsima 2

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

Artikolu 31

Id-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-punti uniċi ta’ kuntatt

1.   Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar bl-għan li jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali.

2.   Fejn l-Istat Membru jiddeżinja aktar minn awtorità kompetenti nazzjonali waħda, huwa għandu jistabbilixxi b’mod ċar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-awtoritajiet ikkonċernati u għandu jiżgura li jikkooperaw b’mod effettiv u effiċjenti sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-ħatra u l-attivitajiet tal-punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3.

3.   Kull Stat Membru għandu jiddeżinja punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali wieħed biex jeżerċita funzjoni ta’ kollegament biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni transfruntiera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri oħra, mal-Kummissjoni u mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi (punt uniku ta’ kuntatt). Meta Stat Membru jiddeżinja awtorità kompetenti waħda biss, dik l-awtorità kompetenti għandha tkun ukoll il-punt uniku ta’ kuntatt.

4.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deżinjazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti jew ta’ aktar minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda, u l-punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali, inkluż il-kompiti u r-responsabbiltajiet preċiżi tagħhom skont dan ir-Regolament, l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom u kwalunkwe bidla sussegwenti fiha.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż il-punt uniku ta’ kuntatt maħtur, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u f’waqtu u li jiġu pprovduti bis-setgħat u bir-riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kull meta jkun xieraq, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jikkonsultaw u jikkooperaw ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra, kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

KAPITOLU VI

Kunfidenzjalità u penali

Artikolu 32

Trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali

1.   L-informazzjoni miksuba matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandha tkun protetta mil-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.

2.   L-informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 15, 20 u 25 u l-Artikolu 26(3) għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali rilevanti, inkluż l-iskattar tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dawk ir-regoli.

3.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, l-uffiċjali u l-impjegati tagħhom u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u d-data miksuba fit-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet tagħhom b’tali mod li jipproteġu b’mod partikolari d-drittijiet tal-PI u informazzjoni kummerċjali sensittiva jew sigrieti kummerċjali. Dan l-obbligu għandu japplika għar-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri, l-osservaturi, l-esperti u l-parteċipanti l-oħrajn kollha li jattendu l-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi skont l-Artikolu 28 u għall-membri tal-Kumitat tas-Semikondutturi skont l-Artikolu 38(1).

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi mezzi standardizzati u siguri għall-ġbir, l-ipproċessar u l-ħażna tal-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw, fejn meħtieġ, informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 20 u 25 biss f’forma aggregata li tipprevjeni l-iżvelar ta’ kwalunkwe konklużjoni dwar is-sitwazzjoni speċifika ta’ kumpanija fi Stat Membru mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li magħhom ikunu qablu dwar arranġamenti ta’ kunfidenzjalità bilaterali jew multilaterali biex jipprovdu livell adegwat ta’ kunfidenzjalità. Qabel ma l-Kummissjoni jew l-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni, huma għandhom jinnotifikaw lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi bl-informazzjoni li għandha tiġi kondiviża u bl-arranġament ta’ kunfidenzjalità rilevanti.

Meta tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tiddeżinja u tuża punt uniku ta’ kuntatt fl-Unjoni biex tiffaċilita t-trasferiment ta’ tali informazzjoni jew data b’mod kunfidenzjali skont il-proċeduri rilevanti tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, abbażi tal-esperjenza miksuba fil-ġbir tal-informazzjoni, biex tispeċifika l-arranġamenti prattiċi għat-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

Artikolu 33

Penali

1.   Il-Kummissjoni tista’, fejn tqis meħtieġ u proporzjonat, tadotta deċiżjoni sabiex:

(a)

timponi multi, meta impriża, intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza serja, tipprovdi informazzjoni skorretta, inkompleta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 25, jew ma tipprovdix l-informazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt;

(b)

timponi multi, meta impriża, intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza serja, ma tikkonformax mal-obbligu li tinforma lill-Kummissjoni dwar obbligu relatat ma’ pajjiż terz skont l-Artikolu 25(7) u l-Artikolu 26(3);

(c)

timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali, meta impriża, intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza serja, ma tikkonformax ma’ obbligu li tagħti prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet skont l-Artikolu 26.

2.   Qabel ma tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opportunità għall-impriżi biex jinstemgħu f’konformità mal-Artikolu 36. Għandha tqis kwalunkwe ġustifikazzjoni debitament ġustifikata ppreżentata minn tali impriżi sabiex tiddetermina jekk il-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jitqisux neċessarji u proporzjonati.

3.   Il-multi imposti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ma għandhomx jaqbżu l-EUR 300 000.

Il-multi imposti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b) ma għandhomx jaqbżu l-EUR 150 000.

Fejn l-impriża kkonċernata hija SME, il-multi imposti ma għandhomx jaqbżu l-EUR 50 000.

4.   Il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c), ma għandhomx jaqbżu 1,5 % tal-fatturat attwali ta’ kuljum għal kull jum tax-xogħol li fih ikun hemm nuqqas ta’ konformità mal-obbligu skont l-Artikolu 26 ikkalkolat mid-data stabbilita fid-deċiżjoni li fiha nħarġet l-ordni kklassifikata bħala prijorità.

Fejn l-impriża kkonċernata hija SME, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti ma għandhomx jaqbżu 0,5 % tal-fatturat attwali ta’ kuljum.

5.   Fl-iffissar tal-ammont tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali, il-Kummissjoni għandham tqis in-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur, inkluż f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiġi aċċettata u pprijoritizzata ordni kklassifikata bħala prijorità stabbilita fl-Artikolu 26, u jekk l-impriża tkunx ikkonformat parzjalment mal-ordni kklassifikata bħala prijorità, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-adegwatezza.

6.   Meta l-impriża tkun issodisfat ir-rekwiżiti intiżi li jiġu infurzati mill-pagament perjodiku ta’ penali, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta bid-deċiżjoni oriġinali.

7.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni bla limitu biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun stabbiliet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penali impost.

Artikolu 34

Perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni tal-penali

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 33 għandhom ikunu soġġetti għall-perjodi ta’ limitazzjoni li ġejjin:

(a)

sentejn fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 25;

(b)

sentejn fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 25(7) u l-Artikolu 26(3);

(c)

tliet snin fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet skont l-Artikolu 26.

2.   Il-perjodi ta’ limitazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibdew jiddekorru mill-jum li fih jitwettaq il-ksur. Fejn ikun hemm ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodi ta’ limitazzjoni għandhom jibdew jiddekorru mill-jum li fih twettaq l-aħħar ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni.

4.   L-interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni għandha tapplika għall-partijiet kollha li jinżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ksur.

5.   Kull interruzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Madankollu, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu twil id-doppju tal-perjodu ta’ limitazzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jiġi sospiż minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 35

Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 33 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi interrott:

(a)

permezz ta’ notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għal varjazzjoni;

(b)

bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, imfassla biex tinforza l-ħlas tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Kull interruzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid.

5.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

huwa permess iż-żmien għall-pagament;

(b)

l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 36

Id-dritt li wieħed jinstema’ għall-impożizzjoni tal-penali

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 33, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-opportunità li tinstema’ dwar:

(a)

sejbiet preliminari li tkun għamlet il-Kummissjoni, inkluż xi kwistjoni li għaliha l-Kummissjoni tkun għamlet oġġezzjonijiet;

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jista’ jkollha l-ħsieb li tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).

2.   L-impriżi kkonċernati jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha u li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-impriżi kkonċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.

4.   Id-drittijiet ta’ difiża tal-impriża kkonċernata għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ fi kwalunkwe proċediment. L-impriża kkonċernata għandha tkun intitolata għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ divulgazzjoni nnegozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u għal dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddivulga u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tagħti prova li jkun sar ksur.

KAPITOLU VII

Id-delega tas-setgħa u l-proċedura ta’ kumitat

Artikolu 37

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(2) u (3) u l-Artikolu 17(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-19 ta’ Settembru 2023.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12(2) u (3) u l-Artikolu 17(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) jew (3), jew l-Artikolu 17(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 38

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (“il-Kumitat tas-Semikondutturi”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 39

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/694

Ir-Regolament (UE) 2021/694 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Il-Programm għandu jkollu sitt objettivi speċifiċi interrelatati:”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi;”;

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

Il-kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-Unjoni taħt l-Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi għandha ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (ĠU L 229, 18.9.2023, p. 1.)”;"

(3)

fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun EUR 8 168 000 000 fi prezzijiet attwali.

2.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)

EUR 2 019 914 000 għall-Objettiv Speċifiku 1 — Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

(b)

EUR 1 663 956 000 għall-Objettiv Speċifiku 2 — Intelliġenza Artifiċjali;

(c)

EUR 1 399 566 000 għall-Objettiv Speċifiku 3 — Ċibersigurtà u Fiduċja;

(d)

EUR 507 347 000 għall-Objettiv Speċifiku 4 — Ħiliet Diġitali Avvanzati;

(e)

EUR 1 002 217 000 għall-Objettiv Speċifiku 5 — Tħejjija għall-Użu u l-Aqwa Użu tal-Kapaċitajiet u l-Interoperabbiltà Diġitali;

(f)

EUR 1 575 000 000 għall-Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi.”

;

(4)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-Objettivi Speċifiċi 1, 2, 3 u 6 għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 12.”

;

(5)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u entitajiet legali li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew f’xi wħud minnhom taħt l-Objettivi Speċifiċi 1, 2 u 6 biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet legali biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni f’dokumenti kklassifikati. Dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma.”

;

(6)

fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Is-sinerġiji tal-Objettiv Speċifiku 6 ma’ Programmi oħra tal-Unjoni, huma deskritti fl-Artikolu 6 ta’ u fl-Anness III għar-Regolament(UE) 2023/1781”;

(7)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej

“1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, jew b’ġestjoni indiretta billi ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni jiġu fdati lill-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju, f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8a ta’ dan ir-Regolament. Il-korpi fdati bl-implimentazzjoni tal-Programm jistgħu jitbiegħdu mir-regoli dwar il-parteċipazzjoni u t-tixrid stabbiliti f’dan ir-Regolament biss meta tali tluq ikun previst mill-att legali li jistabbilixxi dawk il-korpi jew li jafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lilhom jew, għall-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subaparagrafu, il-punt (c)(ii), (c)(iii) jew (c)(v), tar-Regolament Finanzjarju, fejn tali tbegħid ikun previst fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni u l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta’ tali korpi jew in-natura tal-azzjoni jkunu jeħtieġu hekk.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE)2023/1781 għandu japplika dak l-Artikolu.”

;

(8)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament biss l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 8a.”

;

(9)

fl-Anness I, jiżdied il-punt li ġej:

“Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

L-azzjonijiet tal-Objettiv Speċifiku 6 huma pprovduti fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/1781”;

(10)

fl-Anness II, jiżdied il-punt li ġej:

“Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

Indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress tal-Objettiv Speċifiku 6 huma previsti fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2023/1781”;

(11)

fl-Anness III, jiżdied il-punt li ġej:

“Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

Sinerġiji mal-Programmi tal-Unjoni għall-Objettiv Speċifiku 6 huma pprovduti fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2023/1781.”.

Artikolu 40

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sal-20 ta’ Settembru 2026 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati.

2.   Għall-finijiet tal-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni fuq talba tagħha.

3.   Fit-twettiq tal-evalwazzjoni u r-rieżami, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta’ korpi jew sorsi rilevanti oħra.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Settembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. M. ALBARES BUENO


(1)   ĠU C 365, 23.9.2022, p. 34.

(2)   ĠU C 498, 30.12.2022, p. 94.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 2023.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013. (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240. (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Union (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(16)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148, (Direttiva NIS 2) ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(20)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar Ċibersigurtà ta’ netwerks 5G (ĠU L 88, 29.3.2019, p. 42).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164).

(24)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).

(25)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/210 tat-8 ta’ Frar 2022 dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-iskarsezzi ta’ semikondutturi u mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ tal-ekosistema tas-semikondutturi (ĠU L 35, 17.2.2022, p. 17).

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(27)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(28)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(29)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(31)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(32)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(33)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS I

AZZJONIJIET

Deskrizzjoni teknika tal-Inizjattiva: ambitu tal-azzjonijiet

L-azzjonijiet inizjali, u meta xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti appoġġati mill-Inizjattiva għandhom jiġu implimentati f’konformità mad-deskrizzjoni teknika li ġejja:

Parti I

Kapaċitajiet tad-disinn għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi

L-Inizjattiva għandha tibni kapaċitajiet tad-disinn innovattivi fuq skala kbira għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi permezz ta’ pjattaforma virtwali tad-disinn disponibbli madwar l-Unjoni. Il-pjattaforma virtwali tad-disinn ser tkun tikkonsisti f’faċilitajiet tad-disinn innovattivi ġodda b’libreriji u b’għodod estiżi, li jintegraw għadd kbir ta’ teknoloġiji eżistenti u ġodda (inkluż teknoloġiji emerġenti, bħall-fotonika integrata, il-kwantistika u l-IA/in-newromorfika). Flimkien ma’ għodod eżistenti tal-EDA, din ser tippermetti li jiġu disinjati komponenti innovattivi u kunċetti ġodda tas-sistema, u jfeġġu funzjonalitajiet ewlenin bħal approċċi ġodda għal prestazzjoni għolja, enerġija baxxa, sigurtà, arkitetturi ġodda ta’ sistemi tat-3D u eteroġenji, eċċ.

Filwaqt li taħdem mill-qrib mal-industriji tal-utenti minn varjetà ta’ setturi ekonomiċi, il-pjattaforma virtwali tad-disinn ser tgħaqqad il-komunitajiet tad-djar tad-disinn, u l-fornituri tal-IPs u tal-għodod mal-organizzazzjoni tar-riċerka u tat-teknoloġija (RTOs) biex jipprovdu soluzzjonijiet prototip virtwali abbażi ta’ kożvilupp tat-teknoloġija. Ir-riskji u l-kostijiet tal-iżvilupp ser jinqasmu, u ser jiġu promossi metodi ġodda bbażati fuq l-Internet li jagħtu aċċess għall-għodod tad-disinn, b’mudelli tal-kostijiet flessibbli, speċjalment għall-prototipar, u standards komuni tal-interfaċċa.

Il-pjattaforma virtwali tad-disinn għandha tiġi modernizzata kontinwament b’kapaċitajiet potenzjali ġodda tad-disinn biex tkun tintegra kontinwament aktar u aktar teknoloġiji u disinji għal proċessuri b’potenza baxxa (inkluż ta’ sors miftuħ, bħall-RISC-V). Barra minn hekk, il-pjattaforma virtwali tad-disinn tista’ tippermetti d-disinn ta’ teknoloġiji oħra, bħal ċipep programmabbli bbażati fuq matriċi ta’ gates programmabbli mill-utent (field programmable gate arrays), arkitetturi ġodda 3D u sistemi eteroġenji, eċċ. Din ser toffri s-servizzi tagħha permezz tal-cloud, filwaqt li timmassimizza l-aċċess u l-ftuħ għall-komunità kollha permezz ta’ networking ta’ ċentri ta’ disinn eżistenti u ġodda madwar l-Istati Membri.

Parti II

Linji pilota għat-tħejjija ta’ produzzjoni, ittestjar u validazzjoni innovattivi

L-Inizjattiva għandha tappoġġa linji pilota għall-produzzjoni, l-ittestjar u l-validazzjoni li jnaqqsu d-distakk bejn il-laboratorju u l-manifattura tat-teknoloġiji avvanzati tas-semikondutturi, bħall-arkitetturi u l-materjali għall-elettronika tal-enerġija li jrawmu l-enerġija sostenibbli u rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija, il-manifattura intelliġenti skont l-ogħla standards ambjentali, l-awtomatizzazzjoni u l-mobbiltà elettrika, il-konsum aktar baxx tal-enerġija, iċ-ċibersigurtà, is-sikurezza funzjonali, livelli ogħla ta’ prestazzjoni tal-computing jew l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji bħal ċipep newromorfiċi u b’IA inkorporata, il-fotonika integrata, il-grafen u teknoloġiji oħra bbażati fuq materjal 2D, l-integrazzjoni tal-elettronika u l-mikrofluwidità f’sistemi eteroġeni, soluzzjonijiet teknoloġiċi għal aktar sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi. L-oqsma ta’ prijorità jinkludu dan li ġej:

(a)

Il-linji pilota li jesperimentaw, jittestjaw, u jivvalidaw, inkluż b’kits tal-proċess tad-disinn, il-prestazzjoni ta’ blokok tal-IP, prototipi virtwali, disinji ġodda u sistemi eteroġenji integrati ġodda b’mod miftuħ u aċċessibbli.

Il-pjattaforma virtwali tad-disinn ser tippermetti li l-esplorazzjoni tad-disinn tal-blokok tal-IP ġodda u l-kunċetti ġodda tas-sistema jkunu jistgħu jiġu ttestjati u vvalidati fuq il-linji pilota permezz ta’ kits tal-proċess tad-disinn bikrin, biex jinkiseb rispons immedjat li jippermetti irfinar u titjib tal-mudelli qabel jiġu trasferiti għall-manifattura. Mill-bidu nett, l-Inizjattiva ser twessa’ bosta linji pilota eżistenti, f’sinerġija mal-infrastruttura tad-disinn, biex ikun jista’ jinkiseb aċċess għal proġetti tad-disinn u tal-prototipar (virtwali).

(b)

Linji pilota ġodda fuq teknoloġiji tas-semikondutturi bħal siliċju kompletament użat fuq iżolatur sa 10-7 nm, nodi gate-all-around avvanzati u tal-ogħla livell (eż. inqas minn 2 nm), ikkumplementati b’linji pilota għall-integrazzjoni ta’ sistemi eteroġenji tat-3D u għall-inkapsulament avvanzat. Il-linji pilota ser jintegraw l-aħħar attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni u r-riżultati tagħhom.

Il-linji pilota ser jinkludu infrastruttura dedikata għad-disinn li tkun tikkonsisti pereżempju minn mudelli tad-disinn li jissimulaw il-proċess tal-manifattura tal-għodod tad-disinn użati għad-disinn taċ-ċirkwiti u s-sistemi fuq iċ-ċipep. Din l-infrastruttura tad-disinn u virtwalizzazzjoni faċli għall-utenti tal-linji pilota ser jiġu stabbiliti li ser ikunu aċċessibbli direttament fl-Unjoni kollha permezz tal-pjattaforma virtwali tad-disinn. Bis-saħħa ta’ din il-konnessjoni, il-komunità tad-disinn ser tkun tista’ tittestja u tivvalida l-alternattivi teknoloġiċi qabel ma jsiru disponibbli kummerċjalment. Ser tiżgura li d-disinn taċ-ċipep u tas-sistemi l-ġodda jkun jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda u jipprovdi innovazzjoni mill-aktar avvanzata.

Flimkien, dawn il-linji pilota ser javvanzaw l-PIs, il-ħiliet u l-innovazzjoni tal-Unjoni fit-teknoloġija tal-manifattura tas-semikondutturi u ser isaħħu u jwessgħu l-pożizzjoni tal-Unjoni fit-tagħmir u fil-materjali l-ġodda tal-manifattura għal moduli avvanzati tat-teknoloġija tas-semikondutturi, bħal pereżempju l-litografija u t-teknoloġiji tal-wafers.

Għandhom jiġu organizzati konċertazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija biex dan it-twessigħ tal-kapaċità u l-inklużjoni kritika jiġu ggwidati mill-bidu ta’ linji pilota kwalifikati magħżula, li pereżempju jkunu jinvolvu l-inkapsulament avvanzat, it-teknoloġija tal-integrazzjoni eteroġenja tat-3D u funzjonalitajiet addizzjonali importanti bħall-fotonika tas-siliċju, l-elettronika tal-potenza, it-teknoloġiji tas-sensuri, il-grafen tas-siliċju u t-teknoloġiji kwantistiċi. Din l-infrastruttura madwar l-Unjoni b’saħħitha u estiża tal-linji pilota, marbuta mill-qrib mal-infrastruttura tal-iffaċilitar tad-disinn, hija fundamentali biex jitwessgħu l-għarfien, il-kapaċità reali u l-kapaċitajiet potenzjali tal-Unjoni biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-riċerka ffinanzjata pubblikament u l-manifattura ffinanzjata kummerċjalment, u biex fl-Unjoni sa tmiem id-deċennju jiżdiedu kemm id-domanda kif ukoll il-manifattura.

Parti III

Kapaċitajiet tat-teknoloġija u tal-inġinerija avvanzati għal ċipep kwantistiċi

L-Inizjattiva għandha tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenerazzjoni futura tal-komponenti tal-ipproċessar tal-informazzjoni li jisfruttaw il-prinċipji mhux klassiċi, b’mod partikolari ċ-ċipep li jisfruttaw l-effetti kwantistiċi (jiġifieri ċ-ċipep kwantistiċi) abbażi ta’ attivitajiet tar-riċerka. L-oqsma ta’ prijorità jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

Libreriji innovattivi tad-disinn għaċ-ċipep kwantistiċi msejsa fuq il-proċessi tad-disinn u tal-manifattura tal-proċessi stabbiliti sew tal-industrija tas-semikondutturi klassika għall-pjattaformi tal-kubit ibbażati fuq is-semikondutturi u l-fotonika; ikkumplimentati bl-iżvilupp ta’ libreriji tad-disinn u proċessi tal-manifattura innovattivi u avvanzati għall-pjattaformi tal-kubit alternattivi li mhumiex kompatibbli mas-semikondutturi.

(b)

Linji pilota għall-integrazzjoni taċ-ċirkwiti kwantistiċi u tal-elettronika tal-kontroll biex jinbnew ċipep kwantistiċi msejsa fuq ir-riċerka li qed issir u li jikkapitalizzaw fuqha; u, biex jingħata aċċess għal kmamar nodfa u fonderiji dedikati għall-prototipar u għall-produzzjoni, biex jonqos ix-xkiel għad-dħul ħalli jkunu jistgħu jiġu żviluppati u prodotti volumi żgħar ta’ komponenti kwantistiċi u jitħaffu ċ-ċikli tal-innovazzjoni.

(c)

Faċilitajiet biex jiġu ttestjati u vvalidati l-komponenti kwantistiċi avvanzati, inkluż dawk prodotti mil-linji pilota, biex b’hekk jingħalaq iċ-ċirku tar-rispons dwar l-innovazzjoni bejn id-disinjaturi, il-produtturi u l-utenti tal-komponenti kwantistiċi.

Parti IV

Network ta’ ċentri ta’ kompetenza u l-iżvilupp tal-ħiliet

L-Inizjattiva għandha tappoġġa dan li ġej:

(a)

Il-ħolqien ta’ network ta’ ċentri ta’ kompetenza f’kull Stat Membru biex jippromwovu l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji, u biex jaġixxu bħala interfaċċi għall-pjattaforma virtwali tad-disinn u l-linji pilota msemmija hawn fuq, jiffaċilitaw l-użu effettiv tagħhom, u jipprovdu għarfien espert u ħiliet lill-partijiet ikkonċernati, inkluż lill-SMEs li jkunu utenti finali. Iċ-ċentri ta’ kompetenza ser jipprovdu servizzi innovattivi lill-industrija, b’attenzjoni partikolari lill-SMEs, lill-akkademiċi u lill-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu soluzzjonijiet imfassla apposta għal varjetà wiesgħa ta’ utenti li jrawmu adozzjoni usa’ tad-disinn u tat-teknoloġija avvanzata fl-Unjoni. Jgħinu wkoll fit-tkabbir tal-forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli fl-Unjoni.

(b)

Dwar il-ħiliet, ser jiġu organizzati azzjonijiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar l-għodod tad-disinn u t-teknoloġiji tas-semikondutturi fil-livell lokali, reġjonali jew madwar l-Unjoni. Ser jiġu appoġġati għadd ta’ boroż ta’ studju għall-ewwel lawrja. Dawn l-azzjonijiet ser jikkumplimentaw l-impenji industrijali skont il-Patt għall-Ħiliet, u ser iżidu l-għadd ta’ internships u ta’ apprendistati, b’kollaborazzjoni mal-akkademiċi. Ser tingħata attenzjoni wkoll lill-programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib fil-ħiliet għall-ħaddiema li jiġu minn setturi oħra.

Parti V

Attivitajiet tal-Fond taċ-Ċipep biex jipprovdu aċċess għall-kapital lin-negozji ġodda, lin-negozji li qed jespandu, lill-SMEs u lil kumpaniji oħra fil-katina tal-valur tas-semikondutturi

L-Inizjattiva għandha tappoġġa l-ħolqien ta’ ekosistema vibranti ta’ innovazzjoni kwantistika u tas-semikondutturi li tkun tappoġġa aċċess wiesa’ għal kapital tar-riskju lin-negozji ġodda, lin-negozji li qed jespandu u lill-SMEs biex ikabbru n-negozju tagħhom u jwessgħu l-preżenza tagħhom fis-suq b’mod sostenibbli.


ANNESS II

INDIKATURI LI JITKEJLU GĦALL-MONITORAĠĠ TAL-IMPLIMENTAZZJONI U GĦAR-RAPPURTAR DWAR IL-PROGRESS TAL-INIZJATTIVA LEJN IL-KISBA TAL-OBJETTIVI TAGĦHA

1.   

L-għadd ta’ entitajiet ġuridiċi involuti (subdiviż skont id-daqs, it-tip u l-pajjiż tal-istabbiliment) fl-azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva.

B’rabta mal-objettiv operazzjonali 1 tal-Inizjattiva:

2.   

L-għadd ta’ għodod tad-disinn żviluppati jew integrati permezz tal-Inizjattiva.

B’rabta mal-objettiv operazzjonali 2 tal-Inizjattiva:

3.   

L-għadd totali koinvestit mis-settur privat fil-kapaċitajiet tad-disinn u fil-linji pilota permezz tal-Inizjattiva.

B’rabta mal-objettiv operazzjonali 3 tal-Inizjattiva:

4.   

L-għadd ta’ utenti ta’ semikondutturi jew komunitajiet tal-utenti li qed ifittxu, u l-għadd ta’ utenti ta’ semikondutturi jew komunitajiet tal-utenti li qed jiksbu, aċċess għal kapaċitajiet tad-disinn u linji pilota permezz tal-Inizjattiva.

B’rabta mal-objettiv operazzjonali 4 tal-Inizjattiva:

5.   

L-għadd ta’ negozji li użaw is-servizzi taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza appoġġati mill-Inizjattiva.

6.   

L-għadd ta’ persuni li kkonkludew b’suċċess programmi ta’ taħriġ appoġġati mill-Inizjattiva biex jiksbu ħiliet u taħriġ avvanzati dwar it-teknoloġiji tas-semikondutturi u t-teknoloġiji kwantistiċi.

7.   

L-għadd ta’ ċentri ta’ kompetenza attivi fl-Unjoni fil-kuntest tal-Inizjattiva.

B’rabta mal-objettiv operazzjonali 5 tal-Inizjattiva:

8.   

L-għadd ta’ negozji ġodda, negozji li qed jespandu u SMEs li rċevew kapital tar-riskju mill-attivitajiet tal-“Fond taċ-Ċipep” u l-ammont totali ta’ investimenti kapitali li saru.

9.   

L-ammont ta’ investiment mill-kumpaniji li joperaw fl-Unjoni, inkluż skont is-segment tal-katina tal-valur li joperaw fih.


ANNESS III

SINERĠIJI MAL-PROGRAMMI TAL-UNJONI

1.   

Is-sinerġiji tal-Inizjattiva mal-Objettivi Speċifiċi 1 sa 5 tal-Programm Ewropa Diġitali għandhom jiżguraw li:

(a)

il-fokus tematiku mmirat tal-Inizjattiva fuq it-teknoloġiji tas-semikondutturi u kwantistiċi huwa kumplimentari;

(b)

l-Objettivi Speċifiċi 1 sa 5 tal-Programm Ewropa Diġitali jappoġġaw it-tiswir tal-kapaċitajiet diġitali fit-teknoloġiji diġitali avvanzati inkluż il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, l-IA, u ċ-ċibersigurtà, u l-ħiliet diġitali avvanzati;

(c)

l-Inizjattiva ser tinvesti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex issaħħaħ il-kapaċitajiet potenzjali avvanzati għal disinn, produzzjoni u integrazzjoni tas-sistemi f’teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati, teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u teknoloġiji kwantistiċi avvanzati għal żvilupp innovattiv tan-negozji, filwaqt li jissaħħu l-ktajjen tal-provvista u tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni, jinqdew is-setturi industrijali ewlenin, u jinħolqu swieq ġodda.

2.   

Is-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a)

għalkemm hemm konverġenza bejn oqsma tematiċi indirizzati mill-Inizjattiva u bosta oqsma ta’ Orizzont Ewropa, it-tip ta’ azzjonijiet li jridu jiġu appoġġati, l-eżiti mistennija tagħhom u l-loġika ta’ intervent tagħhom ikunu differenti u kumplimentari;

(b)

Orizzont Ewropa jipprovdi appoġġ estensiv għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku, għad-dimostrazzjoni, għall-pilotaġġ, għall-prova tal-kunċett, għall-ittestjar u għall-prototipar, inkluż l-użu prekummerċjali ta’ teknoloġiji diġitali innovattivi, b’mod partikolari permezz ta’:

(i)

baġit dedikat fil-pilastru “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” għar-raggruppament “Diġitali, Industrija u Spazju” biex jiżviluppa t-teknoloġiji abilitanti (l-IA u r-robotika, l-Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss, il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-Big Data, it-teknoloġiji diġitali ewlenin (inkluż il-mikroelettronika), li jikkombinaw it-teknoloġiji diġitali ma’ teknoloġiji oħra);

(ii)

appoġġ għall-infrastrutturi tar-riċerka permezz tal-pilastru “Xjenza Eċċellenti”;

(iii)

l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fl-Isfidi Globali kollha (is-saħħa, is-sigurtà, l-enerġija u l-mobbiltà, il-klima, eċċ.); u

(iv)

appoġġ għat-tkattir tal-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji permezz tal-pilastru “Ewropa Innovattiva” (li ħafna minnhom ser jikkombinaw it-teknoloġiji diġitali u teknoloġiji oħrajn).

(c)

l-Inizjattiva tkun qed tiffoka esklużivament fuq it-tiswir tal-kapaċitajiet fuq skala kbira fit-teknoloġiji kwantistiċi u tas-semikondutturi madwar l-Unjoni. Ser tinvesti:

(i)

fit-trawwim tal-innovazzjoni billi tappoġġa żewġ kapaċitajiet teknoloġiċi interkonnessi mill-qrib li jabilitaw id-disinjar ta’ kunċetti ġodda tas-sistemi, u l-ittestjar u l-validazzjoni tagħhom fil-linji pilota;

(ii)

fl-għoti ta’ appoġġ immirat biex jissawru l-kapaċitajiet tat-taħriġ u jissaħħu l-kompetenzi u l-ħiliet diġitali avvanzati applikati biex jiġu appoġġati l-iżvilupp u l-użu tas-semikondutturi mill-industriji tal-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-utenti finali; u

(iii)

f’network ta’ ċentri nazzjonali ta’ kompetenza li jiffaċilitaw l-aċċess u jipprovdu għarfien espert u servizzi ta’ innovazzjoni lill-komunitajiet u lill-industriji tal-utenti finali, biex jiżviluppaw prodotti u applikazzjonijiet ġodda u jindirizzaw il-fallimenti tas-suq.

(d)

il-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-Inizjattiva jkunu disponibbli għall-komunità tar-riċerka u tal-innovazzjoni, inkluż għall-azzjonijiet appoġġati permezz ta’ Orizzont Ewropa;

(e)

meta l-iżvilupp’ta’ teknoloġiji diġitali ġodda fil-qasam tas-semikondutturi jimmatura permezz ta’ Orizzont Ewropa, dawk it-teknoloġiji, meta jkun possibbli, jinkisbu u jintuża’ b’mod progressiv mill-Inizjattiva;

(f)

il-programmi ta’ Orizzont Ewropa tar-Regolament (UE) 2021/695 għall-iżvilupp tal-kurrikuli tal-ħiliet u tal-kompetenzi, inkluż dawk offruti fiċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tal-Komunitajiet tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, jiġu kkumplimentati b’tiswir ta’ kapaċitajiet f’ħiliet u f’kompetenzi diġitali applikati avvanzati fit-teknoloġiji kwantistiċi u tas-semikondutturi appoġġati mill-Inizjattiva;

(g)

jiġu stabbiliti mekkaniżmi sodi ta’ koordinazzjoni għall-programmazzjoni u għall-implimentazzjoni, filwaqt li l-proċeduri kollha għall-programm Orizzont Ewropa u għall-Inizjattiva jiġu allinjati sa fejn ikun possibbli. L-istrutturi ta’ governanza tagħhom ser ikunu jinvolvu s-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati kollha.

3.   

Is-sinerġiji mal-programmi tal-Unjoni b’ġestjoni kondiviża, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, għandhom jiżguraw l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u lokali, it-trasformazzjoni industrijali, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Dan jinkludi l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u għall-adozzjoni tar-riżultati, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi. L-Inizjattiva ser tikkumplimenta u tappoġġa n-networking tranżnazzjonali u l-immappjar tal-kapaċitajiet li ser tappoġġa u tagħmilhom aċċessibbli għall-SMEs u għall-industriji tal-utenti finali fir-reġjuni kollha tal-Unjoni.

4.   

Is-sinerġiji mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a)

l-Inizjattiva tiffoka fuq it-tiswir tal-kapaċitajiet u l-bini tal-infrastruttura diġitali fuq skala kbira fl-oqsma tas-semikondutturi bil-mira madwar l-Unjoni li jiġu adottati u li jintużaw soluzzjonijiet diġitali innovattivi kritiċi eżistenti jew ittestjati fi ħdan qafas tal-Unjoni f’oqsma ta’ interess pubbliku jew ta’ falliment tas-suq. L-Inizjattiva għandha tiġi implimentata prinċipalment b’investimenti kkoordinati u strateġiċi mal-Istati Membri, fit-tiswir tal-kapaċitajiet diġitali fit-teknoloġiji tas-semikondutturi li għandhom jiġu kondiviżi madwar l-Unjoni u f’azzjonijiet tal-Unjoni kollha. Dan hu partikolarment rilevanti fl-elettrifikazzjoni u fis-sewqan awtonomu, u hija intiża li tibbenefika u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ industriji tal-utenti finali aktar kompetittivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-mobbiltà u tat-trasport;

(b)

il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Inizjattiva għandhom ikunu disponibbli għall-ittestjar ta’ teknoloġiji u ta’ soluzzjonijiet innovattivi ġodda li jistgħu jiġu adottati fl-industriji tal-mobbiltà u tat-trasport. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha tappoġġa l-introduzzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji u ta’ soluzzjonijiet innovattivi ġodda fl-oqsma tal-mobbiltà u tat-trasport kif ukoll f’dominji oħra;

(c)

iridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, b’mod partikolari bi strutturi xierqa ta’ governanza.

5.   

Is-sinerġiji mal-programm InvestEU għandhom jiżguraw li:

(a)

l-appoġġ b’finanzjament ibbażat fuq is-suq, inkluż favur objettivi ta’ politika permezz tal-Inizjattiva jingħata mir-Regolament (UE) 2021/523; dan il-finanzjament ibbażat fuq is-suq jista’ jiġi kkombinat ma’ għotja ta’ sostenn;

(b)

faċilità ta’ taħlit permezz tal-Fond InvestEU jkollha l-appoġġ ta’ finanzjament ipprovdut minn Orizzont Ewropa jew mill-programm Ewropa Diġitali fl-għamla ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan l-operazzjonijiet ta’ taħlit.

6.   

Is-sinerġiji mal-Erasmus+ għandhom jiżguraw li:

(a)

l-Inizjattiva tappoġġa l-iżvilupp u l-kisba tal-ħiliet diġitali avvanzati meħtieġa għall-iżvilupp u għall-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati b’kooperazzjoni mal-industriji rilevanti;

(b)

il-parti tal-ħiliet avvanzati tal-programm Erasmus+ tikkumplimenta l-interventi tal-Inizjattiva, li jindirizzaw il-kisba tal-ħiliet fid-dominji kollha u fil-livelli kollha permezz tal-esperjenzi tal-mobbiltà.

7.   

Is-sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi oħra tal-Unjoni dwar il-kompetenzi u l-ħiliet għandhom ikunu żgurati.


ANNESS IV

SETTURI KRITIĊI

1.

Enerġija

2.

Trasport

3.

Settur bankarju

4.

Infrastruttura tas-suq finanzjarju

5.

Saħħa

6.

Ilma tax-xorb

7.

Ilma mormi

8.

Infrastruttura diġitali

9.

Amministrazzjoni pubblika

10.

Spazju

11.

Produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni tal-ikel

12.

Difiża

13.

Sigurtà


Top