EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2192

Regolament (UE) 2022/2192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmi ta’ kooperazzjoni 2014-2020 appoġġati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u fl-ambitu tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, wara tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm

PE/52/2022/REV/1

ĠU L 292, 11.11.2022, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2192/oj

11.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/1


REGOLAMENT (UE) 2022/2192 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Novembru 2022

li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmi ta’ kooperazzjoni 2014-2020 appoġġati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u fl-ambitu tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, wara tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 178, l-Artikolu 209(1) u l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f’dik l-aggressjoni. Bħala riżultat tal-aggressjoni, il-Kummissjoni ssospendiet il-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Russja jew il-Belarussja rispettivament, u, fejn rilevanti, l-Istat Membru li jospita l-awtorità maniġerjali tal-programm ikkonċernat. Mill-bidu tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni imponiet serje ta’ sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja u l-Belarussja.

(2)

L-aggressjoni militari Russa fixklet l-implimentazzjoni ta’ tlettax-il programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera appoġġati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bejn disa’ Stati Membri li jospitaw awtorità maniġerjali tal-programm u l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Russja u l-Belarussja.

(3)

In-natura frodulenti tal-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Awwissu 2020 fil-Belarussja u r-repressjoni vjolenti fuq il-protesti paċifiċi diġà wasslu għar-rikalibrar tal-assistenza tal-Unjoni lill-Belarussja wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2020.

(4)

B’riżultat tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, l-Unjoni u r-reġjuni tal-Lvant tagħha, b’mod partikolari, kif ukoll il-partijiet tal-Punent tal-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova qegħdin jiffaċċjaw influss sostanzjali ta’ persuni spostati. Dak l-influss jippreżenta sfida addizzjonali għall-Istati Membri u għal pajjiżi oħrajn li jmissu mal-Ukrajna, li tista’ tinfirex aktar lejn Stati Membri oħrajn, speċjalment fi żmien meta l-ekonomiji tagħhom għadhom qegħdin jirkupraw mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

(5)

Barra minn hekk, żewġ programmi ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali appoġġati mill-ENI u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill (3), jiġifieri l-Programm Interreg tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku bil-parteċipazzjoni tar-Russja, u l-Programm Transnazzjonali tad-Danubju bil-parteċipazzjoni tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova, ġew imfixkla b’mod konsiderevoli mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna jew, fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova, mill-flussi ta’ persuni spostati mill-Ukrajna li jirriżultaw direttament minn dik l-aggressjoni.

(6)

Min-notifikazzjonijiet tas-sospensjoni tal-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi ta’ kooperazzjoni mar-Russja u l-Belarussja, kwalunkwe implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti ma’ dawk il-pajjiżi huma sospiżi. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni appoġġati mill-ENI u mill-FEŻR, anke fil-każ ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta’ finanzjament rispettiv.

(7)

L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni appoġġati mill-ENI hija regolata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 (4). Madankollu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 ma jistax jiġi emendat kif neċessarju, minħabba li l-bażi ġuridika tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 ma baqax fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2020. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tat-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni kkonċernati fi strument legali separat.

(8)

Il-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi ta’ kooperazzjoni mal-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova ma humiex sospiżi. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi hija affettwata b’mod konsiderevoli mill-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u minn fluss sostanzjali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn ir-Repubblika tal-Moldova. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi għas-sħab tal-programm, għall-awtoritajiet tal-programm u għas-sħab tal-proġetti, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni kkonċernati.

(9)

Bil-ħsieb li jittaffa l-piż fuq il-baġits pubbliċi li jirriżulta mill-ħtieġa li jkun hemm rispons għall-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal fluss sostanzjali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna, ir-regola ta’ kofinanzjament stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 jenħtieġ li ma tapplikax għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

(10)

Il-modifika tar-rata ta’ kofinanzjament jenħtieġ li tirrikjedi biss notifika ta’ tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni u arranġamenti proċedurali oħrajn. Huwa neċessarju li r-regoli dwar l-aġġustamenti u r-reviżjonijiet tal-programmi jiġu ssimplifikati għall-programmi affettwati direttament mill-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna jew minn fluss sostanzjali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna. Kwalunkwe aġġustamenti konsegwenzjali potenzjali, inkluż għall-valuri fil-mira tal-indikaturi, jenħtieġ li jitħallew bħala parti minn aġġustament sussegwenti tal-programm wara t-tmiem tas-sena kontabilistika.

(11)

In-nefqa għal proġetti li jindirizzaw l-isfidi migratorji bħala riżultat tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna jenħtieġ li tkun eliġibbli mid-data tal-bidu ta’ dik l-aggressjoni fl-24 ta’ Frar 2022.

(12)

Għalkemm il-ġestjoni tal-proġetti diġà magħżula mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ hija r-responsabbiltà tal-awtorità maniġerjali, taħt xi programmi ċerti emendi tal-proġetti jridu jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ. Sabiex jitħaffef it-tibdil neċessarju, huwa għalhekk neċessarju li jiġi stabbilit li r-responsabbiltà għall-emendar tad-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ fir-rigward tal-proġetti affettwati minn tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-awtorità maniġerjali hija biss tal-awtorità maniġerjali rispettiva, mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali emendi jkopru wkoll, fost l-oħrajn, is-sostituzzjoni tal-benefiċjarju ewlieni jew kwalunkwe bidla għall-pjan ta’ finanzjament jew tal-iskadenzi għall-eżekuzzjoni. Fir-rigward ta’ proġetti ġodda, l-awtorità maniġerjali jenħtieġ li titħalla b’mod espliċitu tiffirma kuntratti għajr kuntratti għal proġetti infrastrutturali kbar wara l-31 ta’ Diċembru 2022. Madankollu, l-attivitajiet kollha tal-proġetti ffinanzjati mill-programm jenħtieġ li jintemmu sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(13)

L-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna kkawżat inflazzjoni ogħla minn dak li kien mistenni u żieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-provvista u tal-kostruzzjoni, li flimkien jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali kbar fil-programmi kkonċernati. Sabiex tiġi rrimedjata dik is-sitwazzjoni, is-sehem tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata għal tali proġetti jenħtieġ li jitħalla jaqbeż il-limitu massimu stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014, jiġifieri 30 % fl-għeluq tal-programm, sakemm l-eċċess ikun dovut biss għal żieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-provvista u tal-kostruzzjoni.

(14)

Il-verifiki mwettqa mill-awtorità maniġerjali jikkonsistu f’verifiki amministrattivi u fuq il-post tal-proġett. Minħabba tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, ma setax jibqa’ jkun possibbli li jitwettqu verifiki fuq il-post tal-proġetti fl-Ukrajna. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi prevista l-possibbiltà li jitwettqu biss verifiki amministrattivi. Barra minn hekk, fejn komponent tal-infrastruttura ta’ proġett ikun inqered qabel ma jkunu jistgħu jitwettqu l-verifiki, jenħtieġ li jkun possibbli għal benefiċjarjus li tiġi ddikjarata n-nefqa relatata għall-approvazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ dikjarazzjoni fuq l-unur mill-benefiċjarju li tiddikjara li l-proġett qabel il-qerda tiegħu kien jikkorrispondi mal-kontenut stabbilit f’fatturi jew f’dokumenti ta’ valur probatorju ekwivalenti.

(15)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014, il-proġetti jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja jekk jissodisfaw sett ta’ kriterji dettaljati. Minħabba t-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, wieħed jew aktar minn dawk il-kriterji, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-proġett ikollu impatt ċar ta’ kooperazzjoni transfruntiera jew tranżnazzjonali, jista’ ma jiġix issodisfat fil-bidu tat-tfixkil jew fl-għeluq ta’ proġett partikolari. Barra minn hekk, il-kundizzjoni bażika li jiġu involuti benefiċjarji minn tal-anqas wieħed mill-Istati Membri parteċipanti u mill-anqas wieħed mill-pajjiżi sħab parteċipanti tista’ ma tibqax tiġi rrispettata. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk in-nefqa tistax madankollu titqies bħala eliġibbli minkejja l-fatt li xi kundizzjonijiet għall-finanzjament jistgħu ma jibqgħux jiġu ssodisfati minħabba tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm.

(16)

Bħala riżultat tat-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, ħafna proġetti de facto mhux ser ikollhom sieħeb minn pajjiż sieħeb. Sabiex il-benefiċjarji fl-Istati Membri jkunu jistgħu jiffinalizzaw l-attivitajiet tagħhom, huwa xieraq li ssir deroga eċċezzjonali mill-obbligu li l-proġetti kollha jkollhom mill-anqas benefiċjarju wieħed minn pajjiż sieħeb u li l-attivitajiet kollha jkollhom impatt u benefiċċji transfruntiera jew tranżnazzjonali ġenwini.

(17)

L-obbligi ta’ benefiċjarju ewlieni jkopru l-attivitajiet kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett. Bħala riżultat tat-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-proġett, il-benefiċjarji ewlenin jistgħu jitwaqqfu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ pajjiż sieħeb. Għalhekk, l-obbligi tal-benefiċjarju ewlieni jenħtieġ li jiġu adattati u, fejn neċessarju, limitati għall-implimentazzjoni tal-proġett fir-rigward tal-Istati Membri. Il-benefiċjarji ewlenin jenħtieġ li jitħallew ukoll jemendaw il-ftehim bil-miktub mas-sħab l-oħrajn tal-proġett u jissospendu ċerti attivitajiet jew il-parteċipazzjoni ta’ ċerti sħab. Fl-aħħar nett, l-obbligu tal-benefiċjarji ewlenin li jittrasferixxu l-pagamenti riċevuti mill-awtorità maniġerjali lil sħab oħrajn jenħtieġ li jitneħħa jew tal-anqas jiġi adattat.

(18)

Sabiex il-programmi affettwati jindirizzaw iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa neċessarju li jiġi permess li l-proġetti li jindirizzaw l-isfidi migratorji jkunu jintgħażlu mingħajr sejħa minn qabel għal proposti f’każijiet eċċezzjonali u debitament sostanzjati.

(19)

Wara s-sospensjoni tal-ftehimiet ta’ finanzjament ma’ pajjiżi sħab, il-pagamenti relatati mal-parteċipazzjoni Russa jew tal-Belarussja ġew sospiżi. Barra minn hekk, fl-Ukrajna l-miżuri straordinarji meħuda mill-Bank Nazzjonali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà li tirriżulta mill-aggressjoni militari Russa kontriha jimpedixxu t-trasferiment ta’ flus barra mill-pajjiż. Għalhekk huwa xieraq li jkun permess il-ħlas dirett tal-għotjiet mill-awtorità maniġerjali lill-benefiċjarji tal-proġett fl-Istati Membri u fil-pajjiżi sħab li l-ftehimiet ta’ finanzjament tagħhom ma humiex sospiżi.

(20)

Programmi ta’ kooperazzjoni appoġġati mill-ENI huma meħtieġa jistabbilixxu l-metodu tal-konverżjoni tan-nefqa mġarrba f’munita għajr l-euro. Dak il-metodu japplika matul id-durata kollha tal-programm. Minħabba l-konsegwenzi finanzjarji u ekonomiċi tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, hemm fluttwazzjonijiet mhux mistennija tar-rati tal-kambju. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi prevista l-possibbiltà li dak il-metodu jinbidel.

(21)

Minħabba tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, l-awtoritajiet maniġerjali jaf ma jkunux jistgħu jirċievu trasferimenti bankarji minn ċerti pajjiżi sħab, li jirriżulta fl-impossibbiltà li jirkupraw djun minn benefiċjarji tal-proġetti li jinsabu f’tali pajjiżi. Fil-każ ta’ pajjiż sieħeb li jkun ittrasferixxa parti mill-kontribuzzjoni nazzjonali tiegħu lill-awtorità maniġerjali, dawk l-ammonti jenħtieġ li jintużaw sabiex jiġu paċuti dawn id-djun. Fil-każ ta’ pajjiżi sħab oħrajn, l-ordnijiet ta’ rkupru rigward djun irrekuperabbli jenħtieġ li jiġu rrinunzjati jew indirizzati mill-Kummissjoni.

(22)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, il-kundizzjonijiet applikabbli ta’ implimentazzjoni tal-programm li jirregolaw il-ġestjoni finanzjarja kif ukoll l-aspetti ta’ programmazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u kontroll tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi, permezz ta’ kontribuzzjoni tar-riżorsi tal-ENI għall-programmi ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali, iridu jiġu stabbiliti fil-programm ta’ kooperazzjoni rilevanti u anke, fejn neċessarju, fil-ftehim ta’ finanzjament bejn il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati u l-Istat Membru li jkun qiegħed jospita l-awtorità maniġerjali tal-programm ta’ kooperazzjoni rilevanti. Għalkemm il-kundizzjonijiet applikabbli tal-implimentazzjoni tal-programm li jirregolaw aspetti bħal dawn jistgħu jiġu adattati permezz ta’ aġġustament tal-programm ta’ kooperazzjoni, huwa neċessarju li jiġu previsti xi derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-programmi ta’ kooperazzjoni appoġġati mill-ENI wkoll għall-Programm Interreg tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Programm Transnazzjonali tad-Danubju.

(23)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni affettwati mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(24)

Il-finanzjament ipprovdut fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament irid jikkonforma mal-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mill-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(25)

Minħabba l-urġenza sabiex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mir-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tas-saħħa pubblika li għadha għaddejja li ġejja mill-pandemija tal-COVID-19, ġie meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(26)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw il-programmi tagħhom fil-ħin sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-għażla ta’ ebda kofinanzjament għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għas-sena kontabilistika 2021/2022, jenħtieġ li r-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għal tlettax-il programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera regolati mir-Regolament (UE) Nru 232/2014 u żewġ programmi ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali regolati mir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament fir-rigward ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-involviment tal-Belarussja f’dik l-aggressjoni.

2.   L-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-Regolament japplikaw għall-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera regolati mir-Regolament (UE) Nru 232/2014, li huma elenkati fil-parti 1 tal-Anness għal dan ir-Regolament.

3.   L-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament japplika għall-programmi ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali regolati mir-Regolament (UE) Nru 1299/2013, li huma elenkati fil-parti 2 tal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pajjiż sieħeb” tfisser kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi programm ta’ kooperazzjoni elenkat fl-Anness;

(2)

“tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm” tfisser problemi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi bħala riżultat ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin jew taħlita tat-tnejn:

(a)

is-sospensjoni parzjali jew sħiħa jew it-terminazzjoni ta’ ftehim ta’ finanzjament konkluż ma’ pajjiż sieħeb bħala konsegwenza tal-miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE;

(b)

aggressjoni militari kontra pajjiż sieħeb jew flussi sostanzjali ta’ persuni spostati f’tali pajjiż.

2.   Għall-finijiet tal-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014.

Artikolu 3

Kofinanzjament

Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(b), l-ebda kofinanzjament tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi sħab ma għandu jkun meħtieġ għan-nefqa mġarrba u mħallsa u inkluża fil-kontijiet annwali għas-snin kontabilistiċi li jibdew mill-1 ta’ Lulju 2021, l-1 ta’ Lulju 2022 u l-1 ta’ Lulju 2023 rispettivament.

Artikolu 4

Programmazzjoni

1.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 3 ma għandhiex teħtieġ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova aġġustament tal-programm. L-awtorità maniġerjali għandha tinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni qabel is-sottomissjoni tal-kontijiet annwali għas-sena kontabilistika 2021/2022 wara l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ.

2.   Aġġustamenti lill-programm li jikkonsistu f’bidliet kumulattivi li ma jaqbżux it-30 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata oriġinarjament għal kull objettiv tematiku jew għal assistenza teknika li tinvolvi t-trasferiment bejn objettivi tematiċi jew minn assistenza teknika għal objettivi tematiċi jew li tinvolvi t-trasferiment minn objettivi tematiċi għal assistenza teknika għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjali u għalhekk jistgħu jsiru direttament mill-awtorità maniġerjali, bl-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ. Tali aġġustamenti ma għandhomx jeħtieġu deċiżjoni tal-Kummissjoni.

3.   Il-bidliet kumulattivi msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhom jirrikjedu l-ebda ġustifikazzjoni ulterjuri lil hinn milli jiġi invokat it-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm u għandhom, fejn ikun possibbli, jirriflettu l-impatt mistenni tal-aġġustamenti fil-programm.

Artikolu 5

L-eliġibbiltà tan-nefqa għal proġetti li jindirizzaw l-isfidi migratorji

In-nefqa għal proġetti li jindirizzaw l-isfidi migratorji bħala riżultat tat-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm għandha tkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022.

Artikolu 6

Proġetti

1.   Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, l-awtorità maniġerjali tista’ temenda d-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ għal proġetti affettwati minn dak it-tfixkil f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-awtorità maniġerjali u mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ.

Dawk l-emendi jistgħu jkopru wkoll is-sostituzzjoni tal-benefiċjarju ewlieni jew l-bidliet fil-pjan ta’ finanzjament jew l-iskadenzi għall-eżekuzzjoni.

2.   L-awtorità maniġerjali tista’ tiffirma kuntratti, minbarra kuntratti għal proġetti infrastrutturali kbar, wara l-31 ta’ Diċembru 2022, dment li l-attivitajiet kollha tal-proġetti ffinanzjati mill-programm jintemmu sal-31 ta’ Diċembru 2023.

3.   Is-sehem tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokat għal proġetti infrastrutturali kbar jista’ jaqbeż it-30 % fl-għeluq tal-programm, sakemm dak l-eċċess ikun dovut biss għal żieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-provvista u tal-kostruzzjoni wara inflazzjoni ogħla minn dik mistennija.

Artikolu 7

Funzjonijiet tal-awtorità maniġerjali

1.   Il-verifiki mwettqa mill-awtorità maniġerjali jistgħu jkunu limitati għal verifiki amministrattivi, fejn ma jkunx possibbli li jsiru verifiki tal-proġett fuq il-post. Fejn ma jkunx possibbli li titwettaq xi verifika, in-nefqa relatata ma għandhiex tiġi ddikjarata għall-approvazzjoni tal-kontijiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn komponent tal-infrastruttura ta’ proġett ikun inqered qabel ma jkunu jistgħu jitwettqu l-verifiki, in-nefqa relatata tista’ tiġi ddikjarata għall-approvazzjoni tal-kontijiet fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni fuq l-unur mill-benefiċjarju li tiddikjara li qabel il-qerda tiegħu l-proġett kien jikkorrispondi għall-kontenut stabbilit f’fatturi jew dokumenti ta’ valur probatorju ekwivalenti.

Artikolu 8

L-impatt tal-proġetti fuq il-kooperazzjoni transfruntiera

1.   Fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ proġetti affettwati minn tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, l-impatt u l-benefiċċji tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-proġetti għandhom jiġu vvalutati fi tliet fażijiet:

(a)

l-ewwel fażi sad-data li fiha beda t-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm;

(b)

it-tieni fażi mid-data msemmija fil-punt (a);

(c)

it-tielet fażi wara li jkun intemm it-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm.

Fir-rigward tal-ewwel u t-tielet fażi, l-indikaturi u l-valuri fil-mira relatati użati għal dik il-valutazzjoni għandhom ikunu dawk miksuba mill-benefiċjarji fl-Istati Membri u fil-pajjiżi sħab, dment li l-benefiċjarji fil-pajjiżi sħab ikunu setgħu jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-awtorità maniġerjali.

Fir-rigward tat-tieni fażi, l-indikaturi u l-valuri fil-mira relatati użati għal dik il-valutazzjoni għandhom ikunu dawk miksuba mill-benefiċjarji fl-Istati Membri u f’dawk il-pajjiżi sħab li l-ftehimiet ta’ finanzjament tagħhom ma humiex sospiżi u li ma humiex f’sitwazzjoni skont l-Artikolu 2(1), il-punt (2)(b).

2.   L-eliġibbiltà tan-nefqa fil-proġetti għandha tiġi vvalutata f’konformità mal-paragrafu 1, fir-rigward tal-impatt u l-benefiċċji tal-kooperazzjoni transfruntiera tagħha.

3.   Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(b), il-proġetti inkluż komponent ta’ infrastruttura li jinsabu f’pajjiż sieħeb ma għandhomx ikunu meħtieġa jħallsu lura l-kontribuzzjoni tal-Unjoni meta ma jkunx possibbli li jiġi ssodisfat l-obbligu li ma jkunux soġġetti għal bidliet sostanzjali fi żmien ħames snin mill-għeluq tal-proġett jew fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fil-proġetti

1.   Mid-data li fiha beda t-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, il-proġetti li għaddejjin bħalissa jistgħu jkomplu anke meta l-ebda wieħed mill-benefiċjarji ta’ pajjiż sieħeb li jkun qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a) jew (b), ma jkun jista’ jipparteċipa.

2.   Mid-data li fiha t-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm beda, il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jista’ jagħżel proġetti ġodda anke meta l-ebda benefiċjarju ta’ pajjiż sieħeb li jiffaċċja sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a) jew (b), ma jkun jista’ jipparteċipa fil-mument tal-għażla.

3.   Mid-data li fiha jintemm it-tfixkil fl-implimentazzjoni ta’ programm, l-awtorità maniġerjali tista’ temenda d-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ għall-proġetti sabiex tkopri l-benefiċjarji ta’ pajjiż sieħeb inkluż fl-applikazzjoni tal-proġett mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ.

Artikolu 10

L-obbligi tal-benefiċjarji ewlenin

1.   Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm u sakemm dan it-tfixkil jippersisti, il-benefiċjarju ewlieni fi Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ li:

(a)

jassumi r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-parti tal-proġett affettwata mit-tfixkil;

(b)

jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji affettwati mit-tfixkil tkun ġiet sostnuta sabiex jiġi implimentat il-proġett u tkun tikkorrispondi għall-attivitajiet stabbiliti fil-kuntratt u miftiehma bejn il-benefiċjarji kollha;

(c)

jivverifika li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji affettwati mit-tfixkil tkun ġiet eżaminata minn awditur jew minn uffiċjal pubbliku kompetenti.

2.   Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, il-benefiċjarju ewlieni fi Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jemenda u jadatta unilateralment il-ftehim ta’ sħubija mal-benefiċjarji l-oħrajn.

Dak id-dritt għandu jinkludi l-possibbiltà li jiġu sospiżi l-attivitajiet ta’ benefiċjarju minn pajjiż sieħeb kompletament jew parzjalment, sakemm jippersisti t-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm.

3.   Il-benefiċjarju ewlieni fi Stat Membru jista’ jipproponi lill-awtorità maniġerjali l-bidliet neċessarji li jridu isiru fil-proġett inkluża r-ridistribuzzjoni tal-attivitajiet tal-proġett fost il-benefiċjarji li jifdal.

4.   Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, il-benefiċjarju ewlieni fi Stat Membru jista’ jitlob lill-awtorità maniġerjali sabiex ma tirċevix il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett kompletament jew parzjalment.

Il-benefiċjarju ewlieni fi Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ jiżgura li l-benefiċjarji fil-pajjiżi sħab jirċievu l-ammont totali tal-għotja malajr kemm jista’ jkun u bis-sħiħ.

5.   Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(b), il-benefiċjarju ewlieni fi Stat Membru u l-awtorità maniġerjali, bi qbil mal-awtorità tal-awditjar, jistgħu jivverifikaw u jaċċettaw talba għall-ħlas mingħajr verifika minn qabel minn awditur jew minn uffiċjal pubbliku kompetenti tan-nefqa ddikjarata minn benefiċjarju li jinsab f’pajjiż sieħeb.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-benefiċjarji ewlenin f’pajjiż sieħeb li ma jkunx fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a).

Barra minn hekk, u għad-durata tat-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, tali benefiċjarju ewlieni jista’ jitlob ukoll lill-awtorità maniġerjali sabiex tidentifika benefiċjarju ieħor bħala benefiċjarju ewlieni u sabiex tagħmel pagamenti diretti lil benefiċjarji oħrajn tal-proġett ikkonċernat.

Artikolu 11

Għoti dirett

Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, u għad-durata tat-tfixkil, il-proġetti li jindirizzaw l-isfidi migratorji bħala riżultat ta’ aggressjoni militari kontra pajjiż parteċipanti jistgħu jintgħażlu mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ mingħajr sejħa minn qabel għal proposti f’każijiet eċċezzjonali u debitament sostanzjati.

Artikolu 12

Pagamenti

Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(1), l-awtorità maniġerjali tista’ tittrasferixxi kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett direttament lill-benefiċjarji tal-proġett minbarra l-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 13

L-użu tal-euro

Il-metodu magħżul sabiex in-nefqa mġarrba f’munita għajr l-euro tiġi kkonvertita f’euro kif stabbilit fil-programm, jista’ jinbidel b’mod retroattiv mid-data tal-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, permezz tar-rata tal-kambju tal-kontabilità ta’ kull xahar tal-Kummissjoni ta’ wieħed mix-xhur li ġejjin:

(a)

ix-xahar li matulu ġiet sostnuta n-nefqa;

(b)

ix-xahar li matulu n-nefqa ġiet sottomessa għal eżami minn awditur jew minn uffiċjal pubbliku kompetenti;

(c)

ix-xahar li matulu n-nefqa ġiet irrapportata lill-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 14

Ir-responsabbiltajiet finanzjarji, l-irkupri u r-ripagament lill-awtorità maniġerjali

1.   Wara l-bidu ta’ tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm u għad-durata tat-tfixkil, l-awtorità maniġerjali għandha tkun meħtieġa li ssegwi l-passi kollha neċessarji sabiex twettaq l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament mill-benefiċjarji fil-pajjiżi sħab jew mill-benefiċjarji ewlenin fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi sħab f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   L-awtorità maniġerjali tista’ tiddeċiedi li tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament direttament minn benefiċjarju fi Stat Membru mingħajr irkupru minn qabel permezz tal-benefiċjarju ewlieni f’pajjiż sieħeb.

3.   L-awtorità maniġerjali għandha tħejji u tibgħat ittri ta’ rkupru sabiex tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament.

Madankollu, fil-każ ta’ rispons negattiv jew fin-nuqqas ta’ reazzjoni mill-benefiċjarji f’pajjiżi sħab jew mill-pajjiż sieħeb li fih ikun stabbilit il-benefiċjarju, l-awtorità maniġerjali ma għandhiex tkun meħtieġa ssegwi proċedura amministrattiva jew tagħmel tentattiv ta’ rkupru minn pajjiż sieħeb rispettiv jew li tniedi proċedura ta’ rimedju legali fil-pajjiż sieħeb ikkonċernat.

L-awtorità maniġerjali għandha tiddokumenta d-deċiżjoni tagħha li ma twettaqx l-ewwel tentattiv ta’ rkupru. Dak id-dokument għandu jitqies bħala prova suffiċjenti tad-diliġenza dovuta eżerċitata mill-awtorità maniġerjali.

4.   Meta l-irkupru jkun relatat ma’ talba kontra benefiċjarju stabbilit f’pajjiż sieħeb fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a), u li l-kofinanzjament tagħha jiġi ttrasferit lill-awtorità maniġerjali, l-awtorità maniġerjali tista’ tpaċi t-talba li għandha tiġi rkuprata bil-fondi mhux użati li qabel kienu ttrasferiti mill-pajjiż sieħeb lill-awtorità maniġerjali.

5.   Meta l-irkupru jkun relatat ma’ talba kontra benefiċjarju stabbilit f’pajjiż sieħeb fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a), u meta l-awtorità maniġerjali ma tkunx tista’ tpaċi dik it-talba f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità maniġerjali tista’ titlob li l-Kummissjoni tieħu f’idejha l-kompitu li tirkupra l-ammonti.

Meta l-benefiċjarju kkonċernat ikun soġġett għal iffriżar tal-assi jew għal projbizzjoni li jitqiegħdu fondi jew riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu, jew għall-benefiċċju tiegħu, direttament jew indirettament, skont il-miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE, l-awtorità maniġerjali għandha tkun obbligata titlob li l-Kummissjoni tieħu f’idejha l-kompitu li tirkupra l-ammonti. L-awtorità maniġerjali għandha ċċedi d-drittijiet tagħha fir-rigward tal-benefiċjarju lill-Kummissjoni għal dak il-għan.

L-awtorità maniġerjali għandha tinforma lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ dwar kwalunkwe proċedura ta’ rkupru meħuda mill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Derogi mir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 applikabbli għal programmi tranżnazzjonali

1.   B’deroga mill-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, il-kumitat ta’ monitoraġġ jew kumitat ta’ tmexxija stabbilit mill-kumitat ta’ monitoraġġ u li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tiegħu jista’ jagħżel operazzjonijiet ġodda anke mingħajr ma jkun hemm benefiċjarju minn pajjiż sieħeb li jkun qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a) jew (b), ta’ dan ir-Regolament, dment li jiġu identifikati l-impatti u l-benefiċċji tranżnazzjonali.

Il-kumitat ta’ monitoraġġ jew ta’ tmexxija jista’ jagħżel ukoll proġetti ġodda anke meta l-ebda benefiċjarju ta’ pajjiż sieħeb li jkun qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a) jew (b), ma jkun jista’ jipparteċipa fil-mument tal-għażla.

2.   B’deroga mill-Artikolu 12(2) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-operazzjonijiet li għaddejjin bħalissa jistgħu jkomplu anke meta l-ebda wieħed mill-benefiċjarji minn pajjiż sieħeb li jkun qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a) jew (b), ta’ dan ir-Regolament, ma jkun jista’ jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-proġett.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet affettwati minn tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, l-impatt tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali u l-benefiċċji tagħha għandhom jiġu vvalutati f’konformità mal-Artikolu 8(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament.

3.   B’deroga mill-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-awtorità maniġerjali tista’ temenda d-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ tal-operazzjonijiet affettwati minn tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

Dawk l-emendi jistgħu jkopru wkoll is-sostituzzjoni tal-benefiċjarju ewlieni jew il-bidliet fil-pjan ta’ finanzjament jew l-iskadenzi għall-eżekuzzjoni.

Mid-data meta jintemm it-tfixkil fl-implimentazzjoni ta’ programm, l-awtorità maniġerjali tista’ temenda d-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ tal-operazzjonijiet sabiex tkopri l-benefiċjarji ta’ pajjiż sieħeb li jkun qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (2)(a) jew (b), inklużi fid-dokument ta’ applikazzjoni.

4.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għad-drittijiet u l-obbligi tal-benefiċjarji ewlenin.

5.   B’deroga mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tista’ tagħmel pagamenti direttament lil benefiċjarji għajr il-benefiċjarju ewlieni.

6.   B’deroga mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għall-verifiki ta’ ġestjoni mwettqa mill-awtorità maniġerjali u mill-kontrolluri.

7.   B’deroga mill-Artikolu 27(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament u ripagamenti lill-awtorità maniġerjali.

8.   B’deroga mill-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tal-metodu magħżul għall-konverżjoni tan-nefqa mġarrba f’munita għajr l-euro fl-euro.

9.   Id-derogi previsti fil-paragrafi 1 sa 8 għandhom japplikaw mid-data meta l-programmi tranżnazzjonali kkonċernati jiffaċċjaw tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm u sakemm jippersisti dak it-tfixkil.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2022.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 tat-18 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 244, 19.8.2014, p. 12).


ANNESS

LISTA TAL-PROGRAMMI TA’ KOOPERAZZJONI 2014-2020 IKKONĊERNATI

PARTI 1

LISTA TA’ PROGRAMMI TA’ KOOPERAZZJONI TRANSFRUNTIERA SKONT IR-REGOLAMENT (UE) NRU 232/2014

1.

2014TC16M5CB001 – ENI-CBC Kolarctic

2.

2014TC16M5CB002 – ENI-CBC Karelia-Russja

3.

2014TC16M5CB003 – ENI-CBC Xlokk tal-Finlandja-Russja

4.

2014TC16M5CB004 – ENI-CBC Estonja-Russja

5.

2014TC16M5CB005 – ENI-CBC Latvja-Russja

6.

2014TC16M5CB006 – ENI-CBC Litwanja-Russja

7.

2014TC16M5CB007 – ENI-CBC Polonja-Russja

8.

2014TC16M5CB008 – ENI-CBC Latvja-Litwanja-Belarus

9.

2014TC16M5CB009 – ENI-CBC Polonja-Belarus-Ukrajna

10.

2014TC16M5CB010 – ENI-CBC Ungerija-Slovakkja-Rumanija-Ukrajna

11.

2014TC16M5CB011 – ENI-CBC Rumanija-Moldova

12.

2014TC16M5CB012 – ENI-CBC Rumanija-Ukrajna

13.

2014TC16M6CB001 – ENI-CBC Baċir tal-Baħar l-Iswed

PARTI 2

LISTA TA’ PROGRAMMI TA’ KOOPERAZZJONI TRANŻNAZZJONALI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) NRU 1299/2013

1.

2014TC16M5TN001 – il-Programm Interreg tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

2.

2014TC16M6TN001 – il-Programm Tranżnazzjonali tad-Danubju

Top