EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0090

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021

ĠU L 31, 29.1.2021, p. 1–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 29/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/90/oj

29.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/1


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/90

tat-28 ta’ Jannar 2021

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, irid jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jesiġi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni filwaqt li jitqies il-parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku disponibbli, inkluż, fejn rilevanti, ir-rapporti mfasslin mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

(3)

Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, fosthom, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom mil-lat funzjonali. F’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistipula li l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri b’tali mod li jiżguraw stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew għal kull tip ta’ sajd.

(4)

L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistipula li, għall-istokkijiet soġġetti għal pjanijiet pluriennali speċifiċi, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti skont ir-regoli stipulati f’dawk il-pjanijiet.

(5)

Il-pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 2019. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament jiġu ffissati b’mod li jiksbu mortalità mis-sajd fil-livell tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 fejn possibbli, u sal-1 ta’ Jannar 2025. Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jingħataw f’termini tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli u li dawn jiġu ffissati skont ir-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament.

(6)

STECF ikkonkluda li sabiex jintlaħqu l-miri tal-MSY għall-istokkijiet tal-ħut tal-punent tal-Mediterran, huma meħtieġa azzjoni rapida u tnaqqis reali fil-mortalità mis-sajd. Għaldaqstant, għall-2021, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jenħtieġ li jitnaqqas b’7,5 % meta mqabbel mal-linja bażi, li għandu jitnaqqas mill-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit għall-2020 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 (3).

(7)

Fit-42 laqgħa annwali tagħha li saret fl-2018, il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/42/2018/1 dwar pjan ta’ Ġestjoni pluriennali għas-sallura Ewropea fil-Mediterran, li stabbilixxiet miżuri ta’ ġestjoni għas-sallura Ewropea (Anguilla anguilla) fil-Mediterran (fis-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM). Dawk il-miżuri jinkludu limiti ta’ qbid jew ta’ sforz u perijodu annwali ta’ għeluq tas-sajd ta’ tliet xhur konsekuttivi li kull Stat Membru jrid jiddefinixxi skont l-objettivi ta’ konservazzjoni mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 (4), skont il-pjan jew il-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni tiegħu għas-sallura u skont ix-xejriet temporali tal-migrazzjoni tas-sallura f’dak l-Istat Membru. Fejn il-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni li jwasslu għal tnaqqis ta’ sforz jew ta’ qbid ta’ mill-inqas 30 % kienu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni, il-limiti ta’ qbid jew ta’ sforz tas-sajd diġà stabbiliti u implimentati ma għandhomx jinqabżu. F’konformità ma’ dik ir-Rakkomandazzjoni, l-għeluq tas-sajd jenħtieġ li japplika għall-ilma baħar kollu tal-Mediterran u għall-ilmijiet salmastri bħall-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(8)

Fit-42 laqgħa annwali tagħha li saret fl-2018, il-GFCM adottat ukoll ir-Rakkomandazzjoni GFCM/42/2018/8 dwar miżuri ulterjuri ta’ emerġenza fl-2019-2021 għal stokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku (is-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM). Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni. Il-limiti massimi tal-qbid huma ffissati biss għal sena u huma mingħajr preġudizzju għal kull miżura oħra li tista’ tiġi adottata fil-ġejjieni u għal kull skema ta’ allokazzjoni li jista’ jkun hemm bejn l-Istati Membri.

(9)

Fit-42 laqgħa annwali tagħha fl-2018, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/42/2018/3 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd sostenibbli tat-tkarkir tal-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u tal-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fil-Baħar Levantin (is-subżoni ġeografiċi 24, 25, 26 u 27 tal-GFCM), li introduċiet numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(10)

Fit-42 laqgħa annwali tagħha fl-2018, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/42/2018/4 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd sostenibbli tat-tkarkir tal-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u tal-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fil-Baħar Jonju (is-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21 tal-GFCM), li introduċiet numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(11)

Fit-43 laqgħa annwali tagħha fl-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/6 dwar miżuri ta’ ġestjoni għas-sajd sostenibbli tat-tkarkir tal-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u tal-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fl-Istrett ta’ Sqallija (is-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16 tal-GFCM), li introduċiet numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(12)

Fit-43 laqgħa annwali tagħha li saret fl-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/5 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd sostenibbli għall-ħut tal-qiegħ fil-Baħar Adrijatiku (is-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM), li introduċiet reġim ta’ sforz tas-sajd u limitu massimu għall-kapaċità tal-flotta għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-qiegħ. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(13)

Filwaqt li jitqiesu l-partikularitajiet tal-flotta Slovena u l-impatt marġinali tagħhom fuq l-istokkijiet tal-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar u fuq l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ, huwa xieraq li jiġu ppreżervati x-xejriet tas-sajd eżistenti u li jiġi żgurat l-aċċess mill-flotta Slovena għal kwantità minima ta’ speċijiet pelaġiċi żgħar u għal kwota minima tal-isforz tas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ.

(14)

Fit-43 laqgħa annwali tagħha li saret fl-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/4 dwar pjan ta’ ġestjoni għall-użu sostenibbli tal-qroll aħmar (Corallium rubrum) fil-Mediterran (is-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM), li introduċiet numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u limiti tal-ħsad għall-qroll aħmar. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(15)

Fit-43 laqgħa annwali tagħha li saret fl-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/2 dwar pjan ta’ ġestjoni għall-użu sostenibbli tal-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fil-Baħar Alboran (is-subżoni ġeografiċi 1 sa 3 tal-GFCM), li introduċiet limitu ta’ qabdiet u ta’ sforz fuq il-bażi tal-livell medju awtorizzat u eżerċitat matul il-perijodu 2010–2015. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(16)

Fit-43 laqgħa annwali tagħha fl-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/1 dwar sett ta’ miżuri ta’ ġestjoni għall-użu ta’ rkaptu ankrat biex jinġema’ l-ħut fis-sajd għal-lampuki (Coryphaena hippurus) fil-Baħar Mediterran (is-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM), li introduċew numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-lampuki. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(17)

Fit-43 laqgħa annwali tagħha li saret fl-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/3 li temenda r-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/4 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (is-subżona ġeografika 29 tal-GFCM). Dik ir-Rakkomandazzjoni introduċiet qabda totali permissibbli (TAC) reġjonali aġġornata u skema ta’ allokazzjoni tal-kwoti għall-barbun imperjali, kif ukoll miżuri ta’ konservazzjoni oħrajn għal dak l-istokk, b’mod partikolari perijodu ta’ għeluq tas-sajd ta’ xahrejn u restrizzjoni fuq il-jiem tas-sajd ta’ 180 jum fis-sena. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(18)

Skont il-parir xjentifiku tal-GFCM, jeħtieġ jinżamm il-livell attwali ta’ mortalità mis-sajd biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-istokk tal-laċċa kaħla fil-Baħar l-Iswed. Għalhekk huwa xieraq li tkompli tiġi ffissata kwota awtonoma għal dak l-istokk.

(19)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, u filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet li jkunu ngħadu waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(20)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (5) introduċa kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni tat-TACs minn sena għall-oħra li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi skont l-Artikolu 3 u 4 tiegħu. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari abbażi tal-istat bijoloġiku tal-istokkijiet. Iktar reċentement, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 daħħal il-mekkaniżmu tal-flessibbiltà minn sena għall-oħra għall-istokkijiet kollha li għalihom japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju ta’ sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-PKS u li twassal biex tmur għall-agħar il-qagħda bijoloġika tal-istokkijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw għat-TACs analitiċi biss meta ma tintużax il-flessibbiltà minn sena għall-oħra prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(21)

Għall-użu tal-opportunitajiet tas-sajd li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom li huma stipulati f’dan ir-Regolament japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 34 tiegħu, li jittrattaw ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u n-notifika tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ jiġu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri jridu jużaw meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament.

(22)

Biex jiġi evitat li jiġu interrotti l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Minħabba l-urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat.

(23)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jintużaw b’mod li jkun għalkollox konformi mad-dritt tal-Unjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għall-istokkijiet tal-ħut li ġejjin:

(a)

Is-sallura (Anguilla anguilla), il-qroll aħmar (Corallium rubrum) u l-lampuki (Coryphaena hippurus) fil-Mediterran, kif iddefinit fil-punt (b) tal-Artikolu 4;

(b)

il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), il-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea), il-merluzz (Merluccius merluccius), l-iskampu (Nephrops norvegicus) u t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Punent tal-Baħar Mediterran, kif iddefinit fil-punt (c) tal-Artikolu 4;

(c)

l-inċova (Engraulis encrasicolus) u s-sardina (Sardina pilchardus) fil-Baħar Adrijatiku, kif iddefinit fil-punt (d) tal-Artikolu 4;

(d)

il-merluzz (Merluccius merluccius), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-lingwata komuni (Solea solea), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), u t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Baħar Adrijatiku, kif iddefinit fil-punt (d) tal-Artikolu 4;

(e)

il-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u l-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fl-Istrett ta’ Sqallija kif iddefinit fil-punt (e) tal-Artikolu 4, fil-Baħar Jonju kif iddefinit fil-punt (f) tal-Artikolu 4 u fil-Baħar Levantin kif iddefinit fil-punt (g) tal-Artikolu 4(;

(f)

il-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fil-Baħar Alboran, kif iddefinit fil-punt (h) tal-Artikolu 4;

(g)

il-laċċa kaħla (Sprattus sprattus) u l-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) fil-Baħar l-Iswed, kif iddefinit fil-punt (i) tal-Artikolu 4;

2.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għas-sajd rikreattiv meta dan jissemma b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ilmijiet internazzjonali” tfisser ilmijiet li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-ebda Stat;

(b)

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi akkwatiċi ħajjin tal-baħar għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;

(c)

“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:

(i)

fil-każ tal-attivitajiet tas-sajd li għalihom tapplika l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;

(ii)

fil-każ tal-attivitajiet l-oħrajn kollha tas-sajd, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk fuq perijodu ta’ sena;

(d)

“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni jew lil Stat Membru;

(e)

“kwota awtonoma tal-Unjoni” tfisser limitu tal-qbid allokat b’mod awtonomu lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni meta ma jkunx hemm qbil dwar TAC;

(f)

“kwota analitika” tfisser kwota awtonoma tal-Unjoni li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;

(g)

“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, imsejsa fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed biex abbażi tagħha jingħataw pariri xjentifiċi dwar l-għażliet għall-qbid fil-ġejjieni.

(h)

“irkaptu biex jinġema’ l-ħut” tfisser kull tagħmir ankrat li jżomm fil-wiċċ tal-baħar bl-iskop li jattira l-ħut.

Artikolu 4

Żoni tas-sajd

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet taż-żoni li ġejjin:

(a)

“is-subżoni ġeografiċi tal-GFCM” tfisser iż-żoni ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(b)

“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(c)

“il-Punent tal-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(d)

“il-Baħar Adrijatiku” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(e)

“l-Istrett ta’ Sqallija” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16, tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(f)

“il-Baħar Jonju” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(g)

“il-Baħar Levant” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 24, 25, 26 u 27 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(h)

“il-Baħar Alboran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 1 sa 3 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(i)

“il-Baħar l-Iswed” tfisser l-ilmijiet tas-subżona ġeografika 29 tal-GFCM, kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

TITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

KAPITOLU I

Il-Baħar Mediterran

Artikolu 5

Sallura

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu s-sallura (Anguilla anguilla), jiġifieri sajd immirat, inċidentali u rikreattiv, fl-ilmijiet kollha tal-Mediterran, inklużi l-ilmijiet ħelwin u salmastri ta’ tranżizzjoni, bħal laguni u estwarji.

2.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu għas-sallura fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali tal-Mediterran għal perijodu ta’ tliet xhur konsekuttivi li kull Stat Membru jrid jistabbilixxi. Il-perijodu tal-għeluq tas-sajd għandu jkun konsistenti mal-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1100/2007, mal-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni u max-xejriet temporali tal-migrazzjoni tas-sallura Ewropea fl-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-perijodu stabbilit sa mhux aktar tard minn xahar qabel ma jidħol fis-seħħ l-għeluq tas-sajd u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2021.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jaqbżu l-livell massimu ta’ qabdiet jew ta’ sforz tas-sajd tas-sallura Ewropea stabbilit u implimentat permezz tal-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali tagħhom, adottati f’konformità mal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament 1100/2007.

Artikolu 6

Qroll aħmar

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni għall-ħsad tal-qroll aħmar (Corallium rubrum), jiġifieri sajd immirat u rikreattiv fil-Mediterran.

2.   Għas-sajd immirat, in-numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-kwantitajiet massimi ta’ stokkijiet tal-qroll aħmar maħsuda mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u l-attivitajiet ta’ ħsad tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu l-livelli stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma soġġetti għall-paragrafu 2 għandhom ikunu pprojbiti milli jittrasbordaw qroll aħmar fuq il-baħar.

4.   Għas-sajd rikreattiv, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-qabda u ż-żamma abbord, it-trasbord jew il-ħatt l-art tal-qroll aħmar.

Artikolu 7

Lampuki

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kummerċjali kollha minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jużaw irkaptu sabiex jinġema’ l-ħut għall-qbid tal-lampuki (Coryphaena hippurus), fl-ilmijiet internazzjonali tal-Mediterran.

2.   In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati jistadu għal-lampuki huwa stipulat fl-Anness II

KAPITOLU II

Il-Punent tal-Baħar Mediterran

Artikolu 8

Stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1022, fil-Punent tal-Baħar Mediterran.

2.   L-isforz tas-sajd massimu permissibbli huwa stipulat fl-Anness III għal dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/1022.

Artikolu 9

Trażmissjoni tad- data

L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-data dwar l-isforz tas-sajd u jibagħtuha lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1022.

Huma u jibagħtu d-data dwar l-isforz tas-sajd lill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-gruppi tal-isforz tas-sajd stabbiliti fl-Anness III.

KAPITOLU III

Il-Baħar Adrijatiku

Artikolu 10

Stokkijiet pelaġiċi żgħar

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni għall-qbid tas-sardina (Sardina pilchardus) u tal-inċova (Engraulis encrasicolus) fil-Baħar Adrijatiku.

2.   Il-livell massimu ta’ qabdiet ma għandux jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness IV.

3.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu qed jistadu għas-sardin u għall-inċova fil-Baħar Adrijatiku ma għandhomx jaqbżu l-180 jum ta’ sajd fis-sena. Minn dawk il-180 jum tas-sajd, japplika għadd massimu ta’ 144 jum tas-sajd għas-sajd għas-sardina u japplika għadd massimu ta’ 144 jum tas-sajd għas-sajd għall-inċova.

4.   In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati jistadu għall-pelaġiċi żgħar huwa stabbilit fl-Anness IV.

Artikolu 11

Stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-merluzz (Merluccius merluccius), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-lingwata komuni (Solea solea), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) u t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Baħar Adrijatiku.

2.   L-isforz tas-sajd massimu permissibbli u l-kapaċità massima tal-flotta għall-istokkijiet ta’ ħut tal-qiegħ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma stabbiliti fl-Anness IV.

3.   L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz massimu permissibbli f’konformità mal-Artikoli 26 sa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 12

Trażmissjoni tad- data

Meta l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data marbuta mal-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-istokkijiet li jkunu qabdu skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness IV.

KAPITOLU IV

Il-Baħar Jonju, il-Baħar Levantin u l-Istrett ta’ Sqallija

Artikolu 13

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u l-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus), fil-Baħar Jonju, fil-Baħar Levantin u fl-Istrett ta’ Sqallija.

2.   In-numru massimu ta’ bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati jistadu għall-istokkijiet ta’ ħut tal-qiegħ huwa stipulat fl-Anness V.

KAPITOLU V

Il-Baħar Alboran

Artikolu 14

1.   Dan l-Artikolu japplika għas-sajd kummerċjali bil-konz u bix-xlief minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fil-Baħar Alboran.

2.   Il-livell massimu ta’ qabdiet ma għandux jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness VI.

KAPITOLU VI

Il-Baħar l-Iswed

Artikolu 15

Allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal-laċċa kaħla

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-laċċa kaħla (Sprattus sprattus) fil-Baħar l-Iswed.

2.   Il-kwota awtonoma tal-Unjoni għal-laċċa kaħla, l-allokazzjoni tat-tali kwota fost l-Istati Membri u l-kundizzjonijiet marbutin magħhom mil-lat funzjonali, meta dan ikun xieraq, huma stabbiliti fl-Anness VII.

Artikolu 16

Allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-barbun imperjali

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) fil-Baħar l-Iswed.

2.   It-TAC għall-barbun imperjali applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed u l-allokazzjoni tat-tali TAC fost l-Istati Membri, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbutin magħhom mil-lat funzjonali, meta dan ikun xieraq, huma stabbiliti fl-Anness VII.

Artikolu 17

Ġestjoni tal-isforz tas-sajd għall-barbun imperjali

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għall-barbun imperjali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 ma għandhomx jaqbżu l-180 jum ta’ sajd fis-sena, irrispettivament mit-tul totali tagħhom.

Artikolu 18

Perijodu ta’ għeluq tas-sajd għall-barbun imperjali

Mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jwettqu kull attività tas-sajd, inkluż it-trażbord, iż-żamma abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ tal-barbun imperjali, fl-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed

1.   L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-affarijiet li ġejjin:

(a)

għall-iskambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

għat-tnaqqis u għar-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; u

(c)

għat-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 20

Trażmissjoni tad- data

Meta l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data marbuta mal-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-istokkijiet tal-laċċa kaħla u tal-barbun imperjali li jkunu qabdu fl-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness VII.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed (ĠU L 336, 30.12.2019, p. 14).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p.44).


ANNESS I

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-KUNTEST TAL-PJAN TA’ ĠESTJONI PLURIENNALI TAL-GFCM GĦALL-QROLL AĦMAR FIL-BAĦAR MEDITERRAN

It-tabelli f’dan l-Anness jistabbilixxu n-numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u ta’ qabdiet tal-qroll aħmar fil-Baħar Mediterran.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għas-subżoni ġeografiċi tal-GFCM (“GSAs”).

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni tal-istokkijiet tal-ħut:

Isem xjentifiku

Kodiċi alfa-3

Isem komuni

Corallium rubrum

COL

Qroll aħmar


Tabella 1

Numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd  (1)

Stat Membru

Qroll aħmar

COL

Il-Greċja

12

Spanja

0  (*1)

Franza

32

Il-Kroazja

28

L-Italja

40


Tabella 2

Il-livell massimu ta’ kwantitajiet maqbuda espress f’tunnellati ta’ piż ħaj

Speċi:

Qroll aħmar

Corallium rubrum

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar Mediterran - is-subżoni ġeografiċi 1-27

COL/GF1-27

Il-Greċja

 

1,844

 

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Spanja

 

0

 (*2)

Franza

 

1,400

 

Il-Kroazja

 

1,226

 

L-Italja

 

1,378

 

L-Unjoni

 

5,848

 

TAC

Mhux rilevanti /Ma hemmx qbil dwarha

 


(1)  Li jirrappreżenta l-għadd ta’ bastimenti u/jew bugħaddasa, jew l-abbinament ta’ għaddas wieħed ma’ bastiment wieħed, awtorizzati biex jiġbru l-qroll aħmar.

(*1)  Skont il-projbizzjoni temporanja għas-sajd tal-qroll aħmar stabbilit fl-ilmijiet Spanjoli.

(*2)  Skont il-projbizzjoni temporanja għas-sajd tal-qroll aħmar stabbilit fl-ilmijiet Spanjoli.


ANNESS II

L-ISFORZ TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-KUNTEST TAL-ĠESTJONI TAL-LAMPUKA FIL-BAĦAR MEDITERRAN

It-tabella f’dan l-Anness tistabbilixxi n-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati li jistadu għal-lampuki fl-ilmijiet internazzjonali tal-Baħar Mediterran.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għall-ilmijiet internazzjonali tal-Baħar Mediterran.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni tal-istokkijiet tal-ħut:

Isem xjentifiku

Kodiċi alfa-3

Isem komuni

Coryphaena hippurus

DOL

Lampuka

Numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti li joperaw f’ilmijiet internazzjonali

Stat Membru

Lampuka

DOL

L-Italja

797

Malta

130


ANNESS III

L-ISFORZ TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-KUNTEST TAL-ĠESTJONI TAL-ISTOKKIJIET TAL-ĦUT TAL-QIEGĦ FIL-PUNENT TAL-BAĦAR MEDITERRAN

It-tabelli mogħtija f’dan l-Anness jistabbilixxu l-isforz tas-sajd massimu permissibbli (f’jiem tas-sajd) skont il-gruppi tal-istokkijiet, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/1022, u skont it-tul totali tal-bastimenti għat-tipi ta’ bastimenti tat-tkarkir (*1) kollha li jistadu għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran.

Għall-isforzi tas-sajd massimi permissibbli kollha stabbiliti f’dan l-Anness għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1022 u fl-Artikoli 26 sa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għas-subżoni ġeografiċi tal-GFCM (GSAs).

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni tal-istokkijiet tal-ħut:

Isem xjentifiku

Kodiċi alfa-3

Isem komuni

Aristaeomorpha foliacea

ARS

Gamblu aħmar kbir

Aristeus antennatus

ARA

Gamblu blu u aħmar

Merluccius merluccius

HKE

Merluzz

Mullus barbatus

MUT

Trilja tal-ħama

Nephrops norvegicus

NEP

Skampu

Parapenaeus longirostris

DPS

Gamblu abjad

L-isforz tas-sajd massimu permissibbli, f’jiem tas-sajd

(a)

Fil-Baħar Alboran, fil-Gżejjer Baleariċi, fit-Tramuntana ta’ Spanja u fil-Golf tal-Iljuni (is-subżoni ġeografiċi 1-2-5-6-7)

Grupp ta’ stokkijiet

Tul totali tal-bastimenti

Spanja

Franza

L-Italja

Kodiċi tal-grupp ta’ sforz tas-sajd

It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; Il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; Il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 1, 5 u 6; L-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 5 u 6.

< 12-il metru

2 072

0

0

EFF1/MED1_TR1

≥ 12-il metru u < 18-il metru

22 260

0

0

EFF1/MED1_TR2

≥ 18-il metru u < 24 metru

41 766

4 715

0

EFF1/MED1_TR3

≥ 24 metru

14 710

5 737

0

EFF1/MED1_TR4

Grupp ta’ stokkijiet

Tul totali tal-bastimenti

Spanja

Franza

L-Italja

Kodiċi tal-grupp ta’ sforz tas-sajd

Il-gamblu blu u aħmar fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7.

< 12-il metru

0

0

0

EFF2/MED1_TR1

≥ 12-il metru u < 18-il metru

1 044

0

0

EFF2/MED1_TR2

≥ 18-il metru u < 24-il metru

10 574

0

0

EFF2/MED1_TR3

≥ 24 metru

8 488

0

0

EFF2/MED1_TR4

(b)

Fil-Gżira ta’ Korsika, fil-Baħar Ligurjan, fil-Baħar Tirren u f’Sardinja (is-subżoni ġeografiċi 8-9-10-11)

Grupp ta’ stokkijiet

Tul totali tal-bastimenti

Spanja

Franza

L-Italja

Kodiċi tal-grupp ta’ sforz tas-sajd

It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11; Il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11; Il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11; L-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 9 u 10.

< 12-il metru

0

191

2 824

EFF1/MED2_TR1

≥ 12-il metru u < 18-il metru

0

764

42 487

EFF1/MED2_TR2

≥ 18-il metru u < 24 metru

0

191

28 572

EFF1/MED2_TR3

≥ 24 metru

0

191

3 813

EFF1/MED2_TR4

Grupp ta’ stokkijiet

Tul totali tal-bastimenti

Spanja

Franza

L-Italja

Kodiċi tal-grupp ta’ sforz tas-sajd

Il-gamblu aħmar kbir fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11..

< 12-il metru

0

0

467

EFF2/MED2_TR1

≥ 12-il metru u < 18-il metru

0

0

3 447

EFF2/MED2_TR2

≥ 18-il metru u < 24-il metru

0

0

2 776

EFF2/MED2_TR3

≥ 24 metru

0

0

371

EFF2/MED2_TR4


(*1)  TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP, TSP.


ANNESS IV

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-BAĦAR ADRIJATIKU

It-tabelli mogħtija f’dan l-Anness jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd skont il-gruppi tal-istokkijiet jew il-gruppi ta’ sforz tal-bastimenti u l-kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom mil-lat funzjonali, fejn ikun xieraq, kif ukoll in-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati jistadu speċi pelaġiċi żgħar.

Għall-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti f’dan l-Anness għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għas-subżoni ġeografiċi tal-GFCM.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni:

Isem xjentifiku

Kodiċi alfa-3

Isem komuni

Engraulis encrasicolus

ANE

Inċova

Merluccius merluccius

HKE

Merluzz

Mullus barbatus

MUT

Trilja tal-ħama

Nephrops norvegicus

NEP

Skampu

Parapenaeus longirostris

DPS

Gamblu abjad

Sardina pilchardus

PIL

Sardina

Solea solea

SOL

Lingwata komuni

1.

L-istokkijiet pelaġiċi żgħar — is-subżoni ġeografiċi 17 u 18

Il-livell massimu ta’ qabdiet espress f’tunnellati ta’ piż ħaj

Speċi:

L-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar (l-inċova u s-sardina)

Engraulis encrasicolus u Sardina pilchardus

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali tas-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM

(SP1/GF1718)

L-Unjoni

96 625

 (1)  (2)

Il-livell massimu tal-qabdiet

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

TAC

Mhix rilevanti

Il-kapaċità massima tal-flotta ta’ bastimenti tat-tkarkir u bastimenti tas-sajd bit-tartarun li jistadu b’mod attiv għal speċijiet pelaġiċi żgħar

Stat Membru

Irkaptu

Numru ta’ bastimenti

kW

GT

Il-Kroazja

PS

249

77 145,52

18 537,72

L-Italja

PTM-OTS-PS

685

134 556,7

25 852

Is-Slovenja (*1)

PS

4

433,7

38,5

2.

L-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ — is-subżoni ġeografiċi 17 u 18

L-isforz massimu permissibbli tas-sajd (f’jiem tas-sajd) skont it-tipi ta’ xbieki tat-tkarkir li jistadu għal stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fis-subżoni ġeografiċi 17 u 18 (il-Baħar Adrijatiku)

Tip ta’ rkaptu

Stokkijiet

Stat Membru

Sforz tas-sajd (jiem tas-sajd)

Sena 2021

Kodiċi tal-grupp ta’ sforz tas-sajd

Ix-xbieki tat-tkarkir (OTB)

Il-merluzz, il-gamblu abjad, l-iskampu u t-trilja tal-ħama

Il-Kroazja,

is-subżoni ġeografiċi 17-18

38 148

EFF/MED3_OTB

L-Italja,

is-subżoni ġeografiċi 17-18

98 898

EFF/MED3_OTB

Is-Slovenja,

Is-subżona ġeografika 17

 (*2)

EFF/MED3_OTB

Ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB)

Lingwata komuni

L-Italja,

Is-subżona ġeografika 17

7 910

EFF/MED3_TBB

Il-kapaċità massima tal-flotta tal-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ u tal-bastimenti bi xbieki tat-tkarkir bi travu awtorizzati għas-sajd tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ

Stat Membru

Irkaptu

Numru ta’ bastimenti

kW

GT

Il-Kroazja

OTB

495

79 867,99

13 267,99

L-Italja

OTB-TBB

1 363

260 618,37

47 148

Is-Slovenja (*3)

OTB

11

1 813,00

168,67


(1)  Għas-Slovenja, il-kwantitajiet jissejsu fuq il-livell tal-qabdiet li kien hemm fl-2014 u ma għandhomx jaqbżu t-300 tunnellata.

(2)  Din il-kwota hija limitata għall-Kroazja, għall-Italja u għas-Slovenja.

(*1)  Id-dispożizzjoni taħt il-paragrafu 15 ta’ GFCM/42/2018/8 ma għandhiex tapplika għall-flotot nazzjonali ta’ inqas minn għaxar bastimenti tas-sajd bit-tartarun u/jew bastimenti tat-tkarkir pelaġiku li jistadu b’mod attiv għal stokkijiet pelaġiċi żgħar. F’dak il-każ, il-kapaċità tal-flotta attiva tista’ tiżdied b’mhux aktar minn 50 % tan-numru ta’ bastimenti u f’termini ta’ tunnellaġġ gross (GT) u/jew tunnellaġġ reġistrat gross (GRT) u kW.

(*2)  Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Slovenja u li joperaw bi rkaptu tal-OTB fis-subżona ġeografika 17 ma għandhomx jaqbżu l-limitu tal-isforz ta’ 3 000 jum tas-sajd fis-sena.

(*3)  Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 9(c) u 28 ta’ GFCM/43/2019/5 ma għandhomx japplikaw għall-flotot nazzjonali li joperaw bl-OTB u li jistadu għal inqas minn 1 000 jum matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 9(c). Il-kapaċità tas-sajd tal-flotta attiva li topera bl-OTB ma għandhiex tiżdied b’aktar minn 50 % fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza.


ANNESS V

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-BAĦAR JONJU, FIL-BAĦAR LEVANTIN U FL-ISTRETT TA’ SQALLIJA

It-tabelli f’dan l-Anness jistabbilixxu n-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati jistadu għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Baħar Jonju, fil-Baħar Levantin u fl-Istrett ta’ Sqallija.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għas-subżoni ġeografiċi tal-GFCM (“GSAs”).

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni tal-istokkijiet tal-ħut:

Isem xjentifiku

Kodiċi alfa-3

Isem komuni

Aristaeomorpha foliacea

ARS

Gamblu aħmar kbir

Aristeus antennatus

ARA

Gamblu blu u aħmar

(a)

Numru massimu ta’ bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati jistadu fil-Baħar Jonju (is-subżoni ġeografiċi 19-20-21)

Stat Membru

Gamblu aħmar kbir fl-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21

Gamblu blu u aħmar fl-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21

Il-Greċja

263

263

L-Italja

410

410

Malta

15

15

(b)

Numru massimu ta’ bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati jistadu fil-Baħar Levantin (is-subżoni ġeografiċi 24-25-26-27)

Stat Membru

Gamblu aħmar kbir fl-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni ġeografiċi 24-25-26-27

Gamblu blu u aħmar fl-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni ġeografiċi 24-25-26-27

L-Italja

80

80

Ċipru

6

6

(c)

Numru massimu ta’ bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati fl-Istrett ta’ Sqallija (is-subżoni ġeografiċi 12-13-14-15-16)

Stat Membru

Gamblu aħmar kbir fl-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni ġeografiċi 12-13-14-15-16

Gamblu blu u aħmar fl-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni ġeografiċi 12-13-14-15-16

Spanja

2

2

L-Italja

320

320

Ċipru

1

1

Malta

15

15


ANNESS VI

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-BAĦAR ALBORAN

Il-livell massimu ta’ qabdiet li jsiru bil-konzijiet u bil-lettijiet espressi f’tunnellati ta’ piż ħaj

Speċi:

Paġella ħamra

Pagellus bogaraveo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar Alboran - is-subżoni ġeografiċi 1-3

SBR/GF1-3

Spanja

 

225

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Unjoni

 

225

TAC

Mhux rilevanti /Ma hemmx qbil dwarha


ANNESS VII

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-BAĦAR L-ISWED

It-tabelli mogħtija f’dan l-Anness jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti, mogħtija f’tunnellati ta’ piż ħaj, skont l-istokk u, fejn ikun xieraq, il-kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom mil-lat funzjonali.

Għall-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti f’dan l-Anness għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għas-subżoni ġeografiċi tal-GFCM (“GSAs”).

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni:

Isem xjentifiku

Kodiċi alfa-3

Isem komuni

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla

Scophthalmus maximus

TUR

Barbun imperjali


Speċi:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed — is-subżona ġeografika 29

(SPR/F3742C)

Il-Bulgarija

 

 

8 032,50

Kwota analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Ir-Rumanija

 

 

3 442,50

L-Unjoni

 

 

11 475

TAC

Mhux rilevanti / Ma hemmx qbil dwarha


Speċi:

Barbun imperjali

Scophthalmus maximus

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed — is-subżona ġeografika 29

(TUR/F3742C)

Il-Bulgarija

75

 

TAC analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Ir-Rumanija

75

 

L-Unjoni

150

 (*1)

TAC

857

 


(*1)  Mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju 2021 ma għandha tkun permessa l-ebda attività tas-sajd, li tinkludi t-trasbord, iż-żamma abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ.


Top