EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011G0628(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Ġunju 2011 dwar Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari fi proċedimenti kriminali

ĠU C 187, 28.6.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 187/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Ġunju 2011

dwar Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari fi proċedimenti kriminali

2011/C 187/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Billi

(1)

Il-protezzjoni attiva tal-vittmi tal-kriminalità hija prijorità għolja għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Fl-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-drittijiet fundamentali (il-“Karta”) u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-“Konvenzjoni”), li għalihom huma parti l-Istati Membri kollha, tappella lill-Istati biex jipproteġu b'mod attiv lill-vittmi tal-kriminalità.

(2)

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet b'suċċess spazju ta' libertà tal-moviment u r-residenza, li ċ-ċittadini jibbenefikaw minnu billi jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu dejjem aktar f'pajjiżi oħra minbarra dak tar-residenza tagħhom. Madankollu, it-tneħħija ta' fruntieri interni u l-eżerċizzju dejjem jiżdied tad-drittijiet għal-libertà tal-moviment u r-residenza wasslu, b’konsegwenza inevitabbli, għal żieda fin-numru ta' persuni li sfaw vittmi ta' reat u ġew involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru barra dak tar-residenza tagħhom.

(3)

Dan jirrikjedi azzjoni speċifika sabiex jiġi stabbilit standard minimu komuni ta' protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u d-drittijiet tagħhom fi proċedimenti kriminali fl-Unjoni kollha. Tali azzjoni, li tista' tinkludi l-leġislazzjoni kif ukoll miżura oħra Such action, ser issaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini li l-Unjoni Ewropea u l-Istati membri tagħha ser jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom.

(4)

Fil-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura li sservi ċ-ċittadin (1), il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza li jingħata appoġġ speċjali u protezzjoni legali lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli jew li jsibu lilhom infushom f'sitwazzjonijiet partikolarment esposti, bħal persuni soġġetti għal vjolenza ripetuta f'relazzjonijiet mill-qrib, vittmi ta' vjolenza tal-ġeneru, jew persuni li jisfaw vittmi ta' tipi oħra ta' reati fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini jew residenti. F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija li tiżgura l-issodisfar tad-drittijiet tal-persuni li jisfaw vittmi tal-kriminalità (2), u t-titjib tal-appoġġ għalihom, il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ li jittieħed approċċ integrat u koordinat lejn il-vittmi. Bħala pass ta' rispons għall-Programm ta' Stokkolma, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett ta' miżuri dwar il-vittmi tal-kriminalità inkluża Direttiva dwar id-Drittijiet, l-Appoġġ u l-Protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (3) kif ukoll Regolament dwar ir-Rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili (4).

(5)

Fid-dawl tal-progress konsiderevoli mwettaq skont il-Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (5), il-Kunsill iqis li approċċ simili għandu jiġi adottat fil-qasam tal-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità.

(6)

L-azzjoni f'dan il-qasam hija kkontemplata speċifikament bħala parti mill-proċess għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku bħala prinċipju bażi tal-ħolqien ta' spazju reali ta' libertà, sigurtà u ġustizzja: tabilħaqq, l-Artikolu 82(2)(c) tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista', permezz ta' Direttivi, tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità meta meħtieġ biex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali.

(7)

Il-kwistjoni tar-rwol tal-vittmi fi proċedimenti kriminali diġà kienet indirizzata fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali. Madankollu, għaddew aktar minn għaxar snin mill-approvazzjoni ta' dak l-istrument, u l-progress imwettaq fil-ħolqien tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizza, kif ukoll il-kwistjonijiet pendenti tal-implimentazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi, jeħtieġu li l-Unjoni tirrevedi u ttejjeb il-kontenut tad-Deċiżjoni Kwadru, ukoll fid-dawl tas-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-istrument (6).

(8)

Il-mekkaniżmi eżistenti biex jiġi żgurat li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw kumpens ġust u adatt għall-ħsarat imġarrba, bħal dawk previsti bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 relatati mal-vittmi tal-kriminalità, għandhom ukoll jiġu riveduti u jekk meħtieġ mtejba, sabiex titjieb l-operabbiltà tagħhom u jiġu komplimentati l-istrumenti għall-protezzjoni tal-vittmi.

(9)

Barra minn hekk, għandu jinħoloq mekkaniżmu biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku fost l-Istati Membri tad-deċiżjonijiet rigward il-miżuri ta' protezzjoni, skont il-linji mfassla mill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili. Dan il-mekkaniżmu għandu jikkompleta dak previst bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ordni ta' protezzjoni Ewropew, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni adottati f'materji kriminali, li qed jiġi diskuss bħalissa. Id-dispożizzjonijiet mniżżla fiż-żewġ proposti m'għandhomx jistabbilixxu obbligi li s-sistemi nazzjonali jiġu mmodifikati għall-miżuri ta' protezzjoni, iżda titħalla għall-Istati Membri biex jiddeċiedu f'liema sistema jistgħu joħorġu jew jeżerċitaw il-miżuri ta' protezzjoni.

(10)

B'kont meħud tal-importanza u l-kumplessità ta' dawn il-kwistjonijiet, jidher adatt li dawn jiġu indirizzati b'approċċ gradwali, filwaqt li jkun żgurat bilanċ ta' konsistenza ġenerali. Permezz tal-indirizzar tal-azzjonijiet futuri, qasam wieħed wara l-ieħor, tista' tingħata attenzjoni ffokata għal kull miżura individwali, sabiex il-problemi jkunu jistgħu jiġu identifikati u indirizzati b'mod li jingħata valur miżjud lil kull miżura.

(11)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-proċess ta' implimentazzjoni tal-istrumenti leġislattivi f'dan il-qasam. I-miżuri prattiċi u l-aħjar prattiki għandhom jinġabru fi strument legali mhux vinkolanti, bħal Rakkomandazzjoni, sabiex fil-proċess ta' implimentazzjoni l-Istati Membri jingħataw għajnuna u ispirazzjoni.

(12)

Meta jiġu indirizzati l-miżuri meħtieġa għat-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi, għandu jittieħed kont debitu tal-prinċipji bħal dawk li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni Rec(2006)8 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar assistenza lill-vittmi tal-kriminalità ukoll. L-Unjoni għandha speċjalment ukoll tieħu kont tal-istandards imniżżla fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' April 2011.

(13)

Il-lista ta' miżuri fl-Anness għal dan id-dokument għandha titqies indikattiva, bl-indirizzar biss tal-ewwel grupp ta' miżuri li għandhom jiġu trattati bħala kwistjoni ta' prijorità. Aktar miżuri, kemm leġislattivi kif ukoll mhux leġislattivi, kif ukoll miżuri prattiċi jistgħu jiġu proposti fil-futur jekk ikun meqjus adatt, ukoll fid-dawl tal-proċess kurrenti tal-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-atti legali kontemplati f'dan il-Pjan direzzjonali,

B'DAN JADOTTA R-RIŻOLUZZJONI LI ĠEJJA:

1.

Għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, b'mod partikolari matul il-proċedimenti kriminali. Tali azzjoni tista' tinkludi l-leġislazzjoni kif ukoll miżuri oħra.

2.

Il-Kunsill jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal pakkett ta' miżuri dwar il-vittmi tal-kriminalità, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti rigward il-miżuri mniżżla fil-Pjan direzzjonali.

3.

Il-Kunsill japprova l-“Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali” (minn issa msejjaħ “il-Pjan direzzjonali”), imniżżel fl-Anness għal din ir-Riżoluzzjoni, bħala l-bażi għal azzjoni futura. Il-miżuri inklużi fil-Pjan direzzjonali, li għandhom jiġu komplimentati b'miżuri oħra, għandhom jingħataw prijorità.

4.

Il-Kunsill ser jeżamina l-proposti kollha ppreżentati fil-kuntest tal-Pjan direzzjonali u għandu l-intenzjoni li jittrattahom bħala kwistjonijiet ta' prijorità.

5.

Il-Kunsill ser jaġixxi b'kooperazzjoni sħiħa mal-Parlament Ewropew, f'konformità mar-regoli applikabbli.


(1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1; ara l-punt 2.3.4.

(2)  Adottata fl-2969 laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fil-Lussemburgu, 23 ta' Ottubru 2009.

(3)  10610/11 DROIPEN 45 JUSTCIV 141 ENFOPOL 165 DATAPROTECT 58 SOC 434 FREMP 59 CODEC 887 (COM(2011) 275 finali tat-18 ta' Mejju 2011).

(4)  10613/11 JUSTCIV 143 COPEN 123 CODEC 889 (COM(2011) 276 finali tat-18 ta' Mejju 2011).

(5)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 (2009/C 295/01) (ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1).

(6)  Ara r-Rapport mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu18 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali (COM(2004) 54 finali/2 tas-16 ta’ Frar 2004); Rapport mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Kwardru tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali (2001/220/ĠAI) (COM(2009); 166 finali tal-20 ta’ April 2009); Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità' (SEC(2011) 780 finali tat-18 ta’ Mejju 2011).


ANNESS

PJAN DIREZZJONALI GĦAT-TISĦIĦ TAD-DRITTIJIET U L-PROTEZZJONI TAL-VITTMI, B'MOD PARTIKOLARI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI

L-ordni tal-miżuri indikat hawn taħt hu indikattiv. L-ispjegazzjonijiet provduti fir-rigward ta' kull miżura iservu sempliċiment bħala indikazzjoni tal-azzjoni proposta, u m'għandhomx l-għan li jirregolaw l-ambitu u l-kontenut preċiżi tal-miżura konċernata. Dan il-Pjan direzzjonali jappoġġa u jibni fuq il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal pakkett ta' miżuri dwar il-vittmi tal-kriminalità.

Prinċipji ġenerali

L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni diretta għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzzjoni tal-vittmi għandha jkollha l-għan biex jiġu introdotti standards minimi komuni u biex jintlaħqu, fost oħrajn, l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(1)

Jiġu stabbiliti proċeduri u strutturi adegwati biex jiġu rispettati d-dinjità, l-integrità personali u psikoloġika kif ukoll il-privatezza tal-vittma fi proċedimenti kriminali.

(2)

Jitjieb l-aċċess tal-vittmi tal-kriminalità għall-ġustizzja, ukoll billi jitrawwem ir-rwol tas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi.

(3)

Jitfasslu proċeduri u strutturi adegwati mmirati għall-prevenzjoni tal-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta.

(4)

Tiġi inkoraġġuta l-proviżjoni tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għall-vittma fi ħdan il-proċedimenti kriminali.

(5)

Fejn adatt, il-vittmi jiġu inkoraġġuti jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċedimenti kriminali.

(6)

Jissaħħaħ id-dritt tal-vittmi u tal-avukat tagħhom li jirċievu informazzjoni f'waqtha dwar il-proċedimenti u l-eżitu tagħhom.

(7)

Jiġi inkoraġġut ir-rikors għall-metodi ta' ġustizzja restorattiva u ta' riżoluzzjoni alternattiva ta' tilwim b'kont meħud tal-interess tal-vittma.

(8)

Tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal, bħala parti mill-aktar grupp vulnerabbli ta' vittmi, u dejjem b'kont meħud tal-aħjar interess tat-tfal.

(9)

Jiġi żgurat li l-Istati Membri jipprovdu t-taħriġ, jew jinkoraġġixxu l-proviżjoni ta' taħriġ, għall-professjonisti rilevanti kollha.

(10)

Jiġi żgurat li l-vittmi jista' jingħata kumpens kif adatt.

Fit-trawwim tad-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali l-Unjoni għandha tikkunsidra l-elementi fundamentali tas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali u tieħu kont debitu tad-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha involuti, kif ukoll l-għan ġenerali tal-proċedimenti kriminali.

L-insegwiment ta' dawn l-objettivi għandu jkun fih il-miżuri mniżżla hawn taħt, kif ukoll kwalunkwe miżura oħra li tista' tkun adatta matul l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti.

Miżura A:   Direttiva li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali kienet pass importanti fl-istabbiliment ta' approċċ komprensiv għall-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fl-UE. Madankollu, għaxar snin wara l-approvazzjoni tagħha, jenħtieġ li jiġu riveduti u supplimentati l-prinċipji mniżżla fid-Deċiżjoni Kwadru u li jittieħdu passi 'l quddiem sinifikanti fil-livell tal-protezzjoni tal-vittmi fl-UE kollha, b'mod partikolari fil-qafas tal-proċedimenti kriminali. Għal dan il-għan, fit-18 ta' Mejju 2011 l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. Il-Kunsill jieħu l-impenn biex jeżamina din il-proposta bħala kwistjoni ta' prijorità, ukoll fid-dawl tal-prinċipji ġenerali mniżżla hawn fuq.

Miżura B:   Rakkomandazzjoni jew Rakkomandazzjonijiet dwar miżuri prattiċi u l-aħjar prattiki fir-rigward tad-Direttiva mniżżla f'Miżura A

Ladarba l-istrument legali vinkolanti u komprensiv imsemmi taħt il-Miżura A jkun approvat, il-Kummissjoni hi mistiedna, malajr kemm hu prattikabbli, tikkumplimenta dan bi proposta (jew proposti) għal Rakkomandazzjoni li għandha taġixxi bħala gwida u mudell għall-Istati Membri biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tagħhom tad-Direttiva, billi tibni fuq il-prinċipji previst bid-Direttiva. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tanalizza l-aħjar prattiki eżistenti fost l-Istati Membri fil-qasam tal-asistenza u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, billi tibni fuqhom fi ħdan il-qafas tal-istrumenti leġislattivi applikabbli.

Ir-Rakkomandazzjoni għandha tieħu kont tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-vittmi, inklużi dawk stabbiliti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi kif ukoll dawk minn istituzzjonijiet minbarra l-Unjoni Ewropea, bħar-Rakkomandazzjoni Rec(2006)8 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assistenza lill-vittmi tal-kriminalità, u tindirizza oqsma bħal dawk koperti mill-Miżura A.

Miżura C:   Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni għall-vittmi meħuda f'materji ċivili

Il-Kummissjoni ppreżentat, fit-18 ta' Mejju 2011, proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili biex jitlesta l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku previst fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, li qed tiġi diskussa attwalment. Din id-Direttiva għandha l-għan li tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet meħuda f'materji kriminali minn awtorità ġudizzjarja jew dik ekwivalenti biex il-vittmi tal-kriminalità jiġu protetti minn aktar periklu li jista' jiġi kkawżat mill-awtur allegat ta' ksur. Mekkaniżmu simili hu previst għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni meħuda f'materji ċivili. Il-Kunsill jieħu l-impenn biex jeżamina din il-proposta bħala kwistjoni ta' prijorità, ukoll fid-dawl tal-prinċipji ġenerali mniżżla hawn fuq.

Miżura D:   Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 fir-rigward ta' kumpens għall-vittmi tal-kriminalità

Fid-dawl tal-konklużjonijiet meħuda mir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE u kwalunkwe analiżi ulterjuri, il-Kummissjoni hi mistiedna tirrevedi d-Direttiva dwar il-Kumpens, b'mod partikolari jekk il-proċeduri eżistenti biex il-vittma jitlob kumpens għandhiex tiġi riveduta jew simplifikata, u biex tippreżenta kwalunkwe proposta leġislattiva jew mhux leġislattiva fil-qasam ta' kumpens għall-vittmi tal-kriminalità.

Miżura E:   Ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi

Fl-att legali ġenerali previst taħt il-Miżura A ser ikun hemm regoli ġenerali, li japplikaw għall-vittmi kollha tal-kriminalità li jeħtieġu assistenza, appoġġ u protezzjoni fir-rigward ta' proċediementi kriminali relatati mal-kriminalità li għaliha sfaw vittmi. Dan l-att legali ser ikun fih ukoll regoli ġenerali għal kull tip ta' vittma vulnerabbli.

Xi vittmi għandhom ħtiġijiet speċifiċi bbażati fuq it-tip jew fuq iċ-ċirkostanzi ta' kriminalità li huma vittma tagħha, minħabba r-reperkussjonijiet fiżiċi u psikoloġiċi ta' dawn ir-reati, bħall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, it-tfal vittmi tal-esplojtazzjon sesswali, il-vittmi tat-terroriżmu u l-vittmi tal-kriminalità organizzata. Il-ħtiġijiet speċjali tagħhom jistgħu jiġu indirizzati fil-leġislazzjoni speċifika li tittratta l-ġlieda kontra dawn it-tipi ta' reati.

Min-naħa l-oħra, xi vittmi tal-kriminalità jeħtieġu appoġġ u assistenza speċjali minħabba l-karatteristiċi personali tagħhom, li għandhom jiġu evalwati skont il-każ. F'dan ir-rigward, it-tfal dejjem għandhom jiġu kkunsidrati partikolarment vulnerabbli.

Il-Kummissjoni hi mistiedna, fil-kuntest tal-kontroll tagħha tal-implimentazzjoni tal-istrumenti leġislattivi msemmija hawn fuq u kwalunkwe ieħr li jindirizza oqsma speċifiċi tal-kriminalità, u wara li tkun evalwat l-operazzjoni prattika tagħhom ladarba l-perijodu għall-implimentazzjoni jkun skada, tipproponi permezz tar-Rakkomandazzjonijiet miżuri prattiċi u tissuġġerixxi l-aħjar prattiki biex tingħata gwida lill-Istati Membri li jkunu fil-proċess biex jittrattaw l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi.


Top