EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0005

Direttiva tal-kunsill 93/5/KEE tal-25 ta’ Frar, 1993, dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta’ kwistjonijiet dwar l-ikel

ĠU L 52, 4.3.1993, p. 18–21 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/03/2015; Imħassar b' 32015L0254

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/5/oj

31993L0005



Official Journal L 052 , 04/03/1993 P. 0018 - 0021
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0087
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0087


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE

tal-25 ta’ Frar, 1993,

dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta’ kwistjonijiet dwar l-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Economiku u Soċjali [3],

Billi biex jitlesta u jitmexxa sewwa s-suq intern ta’ oġġetti ta’ l-ikel jeħtieġ li jkunu eżaminati u meqjusa kwistjonijiet xjentifiċi dwar l-ikel, l-aktar meta dawn il-kwistjonijiet jolqtu s-saħħa tal-bniedem;

Billi l-konsumaturi għandhom dritt għal politika Komunitarja dwar l-ikel li ġġib ’il quddiem is-sigurtà ta’ l-ikel partikolarment l-aspetti nutrittivi, mikrobijoliġiċi u tossikoloġiċi;

Billi biex il-Kummissjoni tkun assistita f’dan ix-xogħol, twaqqaf Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel bid-Deċiżjoni 74/234/KEE [4];

Billi bħalissa jeħtieġ li jkun hemm konsultazzjoni ma’ dan il-Kumitat dwar kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika, għal numru ta’ Direttivi bħal dawk fuq oġġetti ta’ l-ikel ta’ dieta, materjali u oġġetti li jmissu ma’ l-ikel, adittivi, togħmiet u solventi estrattivi;

Billi l-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel għandu jkollu sehem aktar fil-politika Komunitarja dwar ikel, dieta u saħħa pubblika;

Billi l-proċess biex tinkiseb bażi xjentifika tajba fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel għandu jkun indipendenti, trasparenti u effettiv fl-interessi tal-konsumaturi u ta’ l-industrija, u għandu jirrifletti s-sitwazzjoni li jkun hemm fl-Istati Membri kollha;

Billi biex ikun żgurat li dan il-Kumitat jitmexxa sewwa, jeħtieġ li l-Komunità tingħata assistenza xjentifika mill-Istati Membri;

Billi l-Komunità jeħtiġilha wkoll assistenza xjentifika għal kwistjonijiet oħra ta’ interess pubbliku, essenzjali għat-tmexxija tas-suq intern, bħal meta jkollha tieħu ħsieb hi meta jinqalgħu każijiet ta’ kontaminazzjoni ta’ ikel u, fuq kollox, meta jkun meħtieġ li jsiru liġijiet ġodda dwar oġġetti ta’ l-ikel li jistgħu jolqtu s-saħħa tal-bniedem;

Billi biex ikun żgurat li dan ix-xogħol isir, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tikseb it-tagħrif u l-assistenza disponibbli fl-Istati Membri, li għandhom jiffaċilitaw dan ix-xogħol;

Billi fl-Istati Membri hemm ħafna korpi li xogħolhom hu li jagħtu lill-gvernijiet tagħhom assistenza xjentifika fuq kwistjonijiet dwar oġġetti ta’ l-ikel; billi jeħtieġ li din l-għajnuna tintuża sewwa biex issostni dak li tagħmel il-Komunità permezz ta’ koperazzjoni;

Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, magħduda miżuri finanzjarji, skond kemm ir-riżorsi tagħhom jippermettulhom, biex l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jikkoperaw mal-Kummissjoni u jagħtuha l-assistenza meħtieġa fl-eżami xjentifiku ta’ kwistjonijiet ta’ interess pubbliku dwar l-ikel;

Billi għalhekk għandu jkun hemm approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw dawn il-korpi sabiex ikunu jistgħu jikkoperaw mal-Kummissjoni bl-iskop l-iktar li għal quddiem isiru liġijiet li jassiguraw il-moviment ħieles ta’ oġġetti ta’ l-ikel, skond it-tagħrif kollu disponibbli;

Billi jeħtieġ li jittejbu u jissaħħu s-setgħat u l-kompetenzi tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, partikolarment bl-iskop li l-Komunità jkollha aktar effett fi kwistjonijiet ta’ l-ikel;

Billi jeħtieġ li jsiru disposizzjonijiet biex pajjiżi terzi jkollhom sehem f’din il-koperazzjoni;

Billi l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tara li jkun hemm din il-koperazzjoni, u li l-Istati Membri, min-naħa tagħhom, għandhom jgħinu f’dan ix-xogħol, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ikel;

Billi t-tlestija tas-suq intern għandha twassal għal aktar sehem mill-Komunità f’laqgħat u f’xogħol dwar oġġetti ta’ l-l-ikel ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll f’relazzjonijiet bilaterali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jikkoperaw mal-Kummissjoni u jagħtuha l-assistenza li jeħtiġilha fl-eżami xjentifiku ta’ kwistjonijiet ta’ interess pubbliku dwar ikel, partikolment fis-settur tas-saħħa pubblika, permezz ta’ dixxiplini bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-mediċina, nutrizzjoni, tossikoloġija, bijoloġija, iġjene, teknoloġija ta’ l-ikel, bijoteknoloġija, oġġetti ta’ l-ikel u proċessi ġodda, teknika għal valutazzjoni ta’ riskji, fiżika u kimika.

2. (a) Il-proċedura ta’ koperazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tapplika meta att tal-Kunsill ikun jeħtieġlu l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel.

(b) Fejn jixraq, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ koperazzjoni ta’ din id-Direttiva għal kwistjonijiet oħra dwar il-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ persuni f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum ta’ l-ikel għandha tkun stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5.

Artikolu 2

Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew il-korp li jkunu responsabbli għall-koperazzjoni mal-Kummissjoni u għat-tqassim ta’ xogħol lil istituti rilevanti fl-Istat Membri dwar ix-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 3, u għandu jgħarraf b’dan lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u żżomm aġġornata l-lista ta’ l-awtoritajiet maħtura msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan.

Kull awtorità maħtura għandha tibgħat lill-Kummissjoni lista ta’ l-istituti li jkunu qed jieħdu sehem fil-proċedura ta’ koperazzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħha, u kull bdil f’dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ċirkulari b’din l-informazzjoni lill-awtoritajiet imsemmija hawn fuq u lil partijiet oħra interessati.

Artikolu 3

1. Ix-xogħlijiet ewlenin li l-istituti li jkunu qed jieħdu sehem fil-koperazzjoni jkollhom jagħmlu għandhom jinkludu dawk li jidhru fil-lista fl-Anness.

2. Il-miżuri li ġejjin għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5:

- li jsiru regoli għat-tmexxija amministrattiva tal-koperazzjoni, inklużi:

- miżuri biex tkun żgurata t-trasparenza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel,

- proċeduri għall-preżentazzjoni u eżami ta’ inkartamenti;

- inventarju ta’ xogħlijiet u l-prijoritajiet marbuta magħhom, stabbilit u aġġornat mill-inqas kull sitt xhur.

3. Ix-xogħlijiet li jkollhom isiru skond l-inventarju magħmul skond il-paragrafu 2, it-tieni inċiż, għandhom jitqassmu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 skond tagħrif xjentifiku u skond il-limiti mposti mir-riżorsi disponibblili fl-Istati Membri.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u l-korpi msemmija fl-Artikolu 2, tista’ tistieden istituti f’pajjiżi terzi biex jieħdu sehem volontarjament, biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva u, partikolarment, ix-xogħlijiet elenkati fl-inventorju msemmi fl-Artikolu 3(2), it-tieni inċiż.

Fejn istitut f’pajjiż terz ikun aċċetta li jieħu sehem biex isiru xogħlijiet, il-Kummissjoni għandha tqis dak is-sehem fit-tqassim tax-xogħlijiet skond l-Artikolu 3(3).

Fl-ebda każ m’għandu s-sehem imsemmi fl-ewwel paragrafu jkun ta’ piż fuq il-fondi tal-Komunità.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar l-Ikel imwaqqaf bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [5], minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "Kumitat’."

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jkunu ser jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’terminu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza msemmija fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun jeħtieġlu jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jingħataw piż skond kif stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux vot.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tkunx ingħatat opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħar dewmien, tibgħat lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, wara li jiskadu tliet xhur minn meta ssir referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkun għamel xejn, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra dawk il-miżuri b’maġġoranza sempliċi.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istrutturi, ix-xogħlijiet u l-effiċjenza tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fi żmien tliet snin mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem.

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Ġunju, 1993. Huma għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

Meta dawn id-disposizzjonijiet ikunu adottati mill-Istati Membri, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-mod kif issir din ir-referenza għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li jadottaw f’dak li huwa regolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 25 ta’ Frar, 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU C 108, tat-23.4.1991, pġ. 7 u ĠU C 107, tat-28.4.1992, pġ. 13.

[2] ĠU C 94, tat-13.2.1992, pġ. 286 u d-Deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Jannar, 1993 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 14, ta’ l-20.1.1992, pġ. 6.

[4] ĠU L 136, ta’ l-20.5.1974, pġ. 1.

[5] ĠU L 291, tad-19.11.1969, pġ. 9.

--------------------------------------------------

ANNESS

Ix-xogħol ewlieni li għandu jsir mill-istituti li jkunu qed jieħdu sehem fil-koperazzjoni għandu jinkludi:

- it-tħejjija ta' protokolli biex ikunu magħrufin ir-riskji ta' komponenti ta' l-ikel u biex ifissru aħjar metodi ta' valutazzjoni nutrizzjonali;

- il-valutazzjoni dwar jekk id-dieta hijiex nutrittiva biżżejjed;

- l-eżami ta' tagħrif sperimentali skond in-normattiva komunitarja u l-produzzjoni ta' monografija biex tkun eżaminata mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel;

- stħarriġ li għandu jsir ta' konsum ta' ikel, b'mod partikolari dawk meħtieġa biex ikunu stabbiliti u valutati l-kondizzjonijiet ta' l-użu ta' adittivi ta' l-ikel jew biex ikunu ffissati l-limiti tal-valuri għal sustanzi oħra fl-ikel;

- investigazzjonijiet li għandhom isiru dwar komponenti ta' dieti tad-diversi Stati Membri jew dwar kontaminanti bioloġiċi jew kimiċi ta' l-ikel;

- għajnuna lill-Kummissjoni permess ta' l-għoti ta' konsulenza esperta dwar kwistjonijiet ta' sigurta ta' l-ikel biex din tħares l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħha.

--------------------------------------------------

Top